7.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 291/6


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1048/2014

tat-30 ta' Lulju 2014

li jistabbilixxi miżuri ta' informazzjoni u pubbliċità għall-pubbliku u miżuri ta' informazzjoni għall-benefiċjarji skont ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (1), b'mod partikolari l-Artikolu 53(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal sostenn finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet.

(2)

L-esperjenza wriet li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea mhumiex biżżejjed konxji mir-rwol li għandha l-Unjoni fi programmi ta' finanzjament. Għalhekk huwa xieraq li l-miżuri ta' informazzjoni u ta' pubbliċità meħtieġa biex jitranġa dan in-nuqqas fil-komunikazzjoni u l-informazzjoni jiġu definiti bir-reqqa.

(3)

Il-miżuri minimi meħtieġa biex jinfurmaw lill-benefiċjarji potenzjali dwar l-opportunitajiet finanzjarji offruti konġuntament mill-Unjoni u mill-Istati Membri permezz tal-programm nazzjonali għandhom jiġu stabbiliti. Dan jiżgura li informazzjoni dwar opportunitajiet ta' finanzjament possibbli tinfirex b'mod estensiv lill-partijiet kollha interessati u ssostni t-trasparenza. Sabiex tiġi msaħħa aktar it-trasparenza dwar l-użu tal-fondi, il-lista ta' benefiċjarji, l-ismijiet tal-proġetti u l-ammont ta' finanzjament pubbliku allokat għal proġetti għandu jiġi ppubblikat.

(4)

Sabiex tkun tista' ssir applikazzjoni fil-pront tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament u ma jkunx hemm dewmien fl-approvazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali, ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbuta bir-Regolament (UE) Nru 514/2014 u konsegwentement huma marbuta b'dan ir-Regolament.

(6)

Id-Danimarka la hija marbuta bir-Regolament (UE) Nru 514/2014 u lanqas b'dan ir-Regolament.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-responsabbiltajiet ta' Stat Membru dwar informazzjoni u pubbliċità għall-pubbliku

1.   L-Istat Membru jiżgura li miżuri ta' informazzjoni u pubbliċità previsti fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 huma mxerrxa b'mod estensiv bl-użu ta' diversi forom u metodi ta' komunikazzjoni.

L-Istat Membru jiżgura li l-elementi ewlenin dwar il-programm nazzjonali huma mferrxa b'mod estensiv, bid-dettalji tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kkonċernati, u li jkunu disponibbli għall-partijiet kollha interessati.

Madankollu, l-Istat Membru jista' jiddeċiedi li jżomm bħala kunfidenzjali l-arranġamenti dettaljati ta' ġestjoni stabbiliti fil-programm nazzjonali u kull informazzjoni oħra dwar l-implimentazzjoni tagħha għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 53(3) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

2.   L-Istat Membru jorganizza attivitajiet ta' informazzjoni, biex jippreżenta t-tnedija tal-progrmm nazzjonali jew il-kisbiet tiegħu kif ukoll il-kisbiet tar-Regolamenti Speċifiċi msemmija fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

Il-lista ta' azzjonijiet msemmija fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 tiġi aġġornata mill-inqas kull sena.

Kull Stat Membru jikkomunika l-indirizz tal-websajt imsemmija fl-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 lill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Ir-responsabbiltajiet tal-benefiċjarji dwar informazzjoni u pubbliċità għall-pubbliku

1.   L-Istati Membri jiżguraw li l-benefiċjarji jkunu responsabbli wkoll biex jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-assistenza finanzjarja miksuba skont programm nazzjonali, skont dan l-artikolu.

2.   L-Istati Membri jiżguraw li l-benefiċjarju jwaħħal plakka prominenti u permanenti li tkun ta' daqs sinifikanti mhux aktar tard minn tliet xhur wara t-tlestija ta' kull proġett li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni għall-proġett teċċedi l-EUR 100 000 u

(b)

l-proġett jikkonsisti mix-xiri ta' oġġett fiżiku jew mill-finanzjament ta' proġetti ta' infrastruttura jew ta' kostruzzjoni.

Fuq il-plakka jkun hemm it-tip u l-isem tal-proġett. L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1049/2014 (2) tieħu mill-inqas 25 % tal-plakka.

3.   Meta proġett jirċievi finanzjament skont programm nazzjonali, l-Istati Membri jiżguraw li l-benefiċjarju jkun ċert li l-persuni li jieħdu sehem fil-proġett jiġu infurmati dwar dan il-finanzjament.

4.   Kull dokument ta' proġett jew programm nazzjonali, inklużi ċertifikati ta' attendenza, jinkludu stqarrija li tindika li l-proġett huwa kofinanzjat skont il-programm nazzjonali.

Artikolu 3

Ir-responsabbiltà tal-Istat Membru biex jinforma lil benefiċjarji potenzjali

1.   L-Istat Membru jiżgura li benefiċjarji potenzjali jkollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti aġġornata, billi jikkunsidra l-aċċessibbiltà ta' mezzi elettroniċi jew kull teknoloġija oħra, għall-inqas dwar dan li ġej:

(a)

l-opportunitajiet ta' finanzjament u t-tnedija ta' sejħiet għall-proposti;

(b)

il-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà għal finanzjament skont programm nazzjonali;

(c)

deskrizzjoni tal-proċeduri għall-eżaminazzjoni ta' applikazzjonijiet għal finanzjament u l-perjodi ta' żmien involuti;

(d)

il-kriterji għas-selezzjoni u l-għoti ta' proġetti li għandhom jiġu finanzjati;

(e)

il-kuntatti li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar il-programmi nazzjonali.

2.   L-Istat Membru jinforma lill-benefiċjarji potenzjali dwar il-pubblikazzjonijiet disponibbli skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

Artikolu 4

Ir-responsabbiltà tal-Istat Membru biex jinforma lill-benefiċjarji

L-Istat Membru jinforma lill-benefiċjarji li l-aċċettazzjoni tal-finanzjament jimplika wkoll aċċettazzjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-lista ta' azzjonijiet ippubblikata skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1049/2014 tat-30 ta' Lulju 2014 dwar karatteristiċi tekniċi ta' miżuri ta' informazzjoni u pubbliċità skont ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal sostenn finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (Ara l-paġna 9 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).