|
30.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 284/5 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1027/2014
tal-25 ta' Lulju 2014
li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti Stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) previsti fi ftehim li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 527/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 fir-rigward tal-esklużjoni ta' għadd ta' pajjiżi mil-lista ta' reġjuni jew Stati li kkonkludew in-negozjati
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal-20 ta' Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti Stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) previsti fi ftehim li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 527/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 fir-rigward tal-esklużjoni ta' għadd ta' pajjiżi mil-lista ta' reġjuni jew Stati li kkonkludew in-negozjati (2), u b'mod partikolari l-Artikoli 2a u 2b tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-lista tal-pajjiżi benefiċjarji tar-reġim ta' importazzjoni bla dazju u bla kwoti tal-UE hija stabbilita mill-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 (Ir-Regolament għall-Aċċess għas-Suq). |
|
(2) |
In-negozjati dwar il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (il-Ftehim) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Parti tal-Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra, ġew konklużi fis-17 ta' Diċembru 2007. |
|
(3) |
Il-Botswana, il-Kamerun, il-Côte d'Ivoire, il-Fiġi, il-Gana, il-Kenja, in-Namibja u s-Sważiland ma kinux ħadu l-passi neċessarji għar-ratifika tal-ftehimiet rispettivi tagħhom. Konsegwentement, f'konformitá mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, u partikolarment il-punt (b) tiegħu, l-Anness I ta' dak ir-Regolament ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 527/2013. Dawk il-pajjiżi ma baqgħux koperti minn arranġament ta' aċċess għas-suq kif permess skont ir-Regolament (KE) Nru 1528/2007, mill-1 ta' Ottubru 2014. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikoli 2a u 2b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 sabiex temenda l-Anness I ta' dak ir-Regolament billi terġa' ddaħħal dawk il-pajjiżi li tneħħew skont ir-Regolament (UE) Nru 527/2013, hekk kif dawk il-pajjiżi jkunu ħadu l-passi meħtieġa biex jirratifikaw il-Ftehimiet rispettivi tagħhom. |
|
(5) |
Il-Kamerun ħa l-passi neċessarji biex jirratifika l-Ftehim tiegħu u informa d-depożitorju tal-Ftehim b'dan il-fatt fit-22 ta' Lulju 2014, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-reintegrazzjoni ta' pajjiżi fl-Anness I
Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, jiddaħħal il-pajjiż li ġej:
|
|
Ir-Repubblika tal-Kamerun. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa japplika mill-1 ta' Ottubru 2014.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Lulju 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO