26.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1003/2014

tat-18 ta' Settembru 2014

li jemenda l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kosmetiċi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kosmetiċi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Attwalment, it-taħlita ta' Methylchloroisothiazolinone (u) Methylisothiazolinone bil-klorur tal-manjeżju u n-nitrat tal-manjeżju qed tiġi permessa bħala preservattiv fil-prodotti kosmetiċi kollha b'konċentrazzjoni massima ta' 0,0015 % ta' taħlita bil-proporzjon ta' 3:1 ta' Methylchloroisothiazolinone (u) Methylisothiazolinone rispettivament.

(2)

Fit-8 ta' Diċembru 2009, il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (“SCCS”) adotta opinjoni dwar is-sikurezza tat-taħlita ta' Methylchloroisothiazolinone (u) Methylisothiazolinone (2).

(3)

Il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur ikkonkluda li t-taħlita ta' Methylchloroisothiazolinone (u) Methylisothiazolinone bi proporzjon ta' 3:1 mhijiex ta' riskju għas-saħħa tal-konsumatur meta tintuża bħala preservattiv sal-konċentrazzjoni massima awtorizzata ta' 0,0015 % fi prodotti kosmetiċi li jitlaħalħu, minbarra l-potenzjal tagħha ta' sensitizzazzjoni tal-ġilda. Il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur indika li l-induzzjoni u l-eliċitazzjoni se jkunu inqas probabbli fi prodott li jitlaħlaħ milli meta l-istess konċentrazzjoni tkun preżenti fi prodott li ma jitlaħlaħx.

(4)

Il-kwistjoni tal-istabilizzanti għal dik it-taħlita kienet inidrizzata mill-Kumitat Xjentifiku dwar il-Prodotti Kosmetiċi u l-Prodotti li mhumiex għall-Ikel maħsuba għal Konsumaturi (“SCCNPF”), li sussegwentement ġie sostitwit bil-Kumitat Xjentifiku dwar Prodotti tal-Konsumatur (“SCCP”), skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/210/KE (3), u sussegwentement ġie sostitwit bil-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/721/KE (4), f'opinjoni tal-24-25 ta' Ġunju 2003 (5). Il-Kumitat iddikjara li, filwaqt li jitqies li s-sustanzi attivi u l-proporzjon tagħhom jibqgħu l-istess fil-prodotti kosmetiċi attwalment ikkumerċjalizzati u li l-konċentrazzjoni tas-sistema ta' stabilizzazzjoni fil-prodotti kosmetiċi finali hija negliġibbli, is-sostituzzjoni tal-klorur tal-manjeżju u n-nitrat tal-manjeżju bis-sulfat tar-ram jew bi kwalunkwe ingredjent kosmetiku ieħor awtorizzat bħala sistema ta' stabilizzazzjoni fit-taħlita ta' Methylchloroisothiazolinone (u) Methylisothiazolinone ma tbiddilx il-profil tossikoloġiku ta' dik it-taħlita. Meta ntalab mill-Kummissjoni biex jikkjarifika l-interpretazzjoni tal-kelma “awtorizzat”, il-Kumitat wieġeb f'opinjoni tas-7 ta' Diċembru 2004 (6), li l-espressjoni “ingredjent kosmetiku awtorizzat” għandha tiġi interpretata bħala “kwalunkwe ingredjent li, fid-dawl tad-Direttiva dwar il-Kosmetiċi (7), huwa permess jew mhuwiex ipprojbit u jista' jintuża fil-prodotti kosmetiċi, sakemm kwalunkwe sustanza li tifforma parti mill-klassijiet ta' ingredjenti elenkati fl-Annessi II-VII (8) tad-Direttiva tista' tintuża biss jekk din tkun inkluża fl-Anness rispettiv.” Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-opinjoni tat-8 ta' Diċembru 2009 tal-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur tinkludi valutazzjoni tas-sikurezza tat-taħlita nnifisha u ma tagħmel l-ebda referenza għall-istabilizzanti meqjusa.

(5)

Fid-dawl tal-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li, sabiex jiġi evitat riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, l-użu tat-taħlita ta' Methylchloroisothiazolinone (u) Methylisothiazolinone għandu jkun limitat kif inhu rrakkomandat mill-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur, filwaqt li r-referenza għall-istabbilizzanti tal-klorur tal-manjeżju u n-nitrat tal-manjeżju għandhom jitħassru mill-isem kimiku tiegħu.

(6)

Ta' min jikkjarifika li l-użu tat-taħlita ta' Methylchloroisothiazolinone (u) Methylisothiazolinone mhuwiex kompatibbli mal-użu ta' Methylisothiazolinone waħdu fl-istess prodott, billi dan jibdel il-proporzjon ta' 3:1 li huwa permess għat-taħlita (9).

(7)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

L-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet imsemmija hawn fuq għandha tiġi ddifferita biex l-industrija tkun tista' tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa fil-formulazzjonijiet tal-prodott. B'mod partikolari, l-impriżi għandhom jingħataw disa' xhur biex iqiegħdu fis-suq prodotti li jkunu konformi, u 18-il xahar biex ineħħu mis-suq dawk il-prodotti li mhumiex konformi wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(9)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Kosmetiċi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Mis-16 ta' Lulju 2015 għandhom jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni, dawk il-prodotti kosmetiċi biss li jikkonformaw mar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 kif emendat b'dan ir-Regolament.

Mis-16 ta' April 2016 għandhom jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni, prodotti kosmetiċi biss li jikkonformaw mar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 kif emendat b'dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-16 ta' Lulju 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Settembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59.

(2)  SCCS/1238/09.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/210/KE tat-3 ta' Marzu 2004 li twaqqaf Kumitati Xjentifiċi fil-qasam tas-saħħa tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent (ĠU L 66, 4.3.2004, p. 45).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/721/KE tal-5 ta' Settembru 2008 li twaqqaf Struttura Konsultattiva ta' Kumitati Xjentifiċi u esperti fil-qasam tas-sigurtà tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2004/210/KE (ĠU L 241, 10.9.2008, p. 21).

(5)  SCCNFP/0670/03, finali.

(6)  SCCP/0849/04.

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE tas-27 ta' Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi (ĠU L 262, 27.9.1976, p. 169).

(8)  Il-Kummissjoni tassumi li l-Kumitat Xjentifiku dwar Prodotti tal-Konsumatur ried jirreferi għas-sustanzi li jaħdmu bħala koloranti, preservattivi jew Filtru UV li jridu jiġu awtorizzati b'mod espliċitu billi jiġu elenkati fl-Annessi IV, VI u VII tad-Direttiva 76/768/KEE. Għalhekk, dawk it-tliet Annessi għandhom jissemmew kollha u mhux jinkiteb ‘Annessi III-VI’.

(9)  Dan huwa f'konformità mal-opinjoni tat-12 ta' Diċembru 2013 tal-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (SCCS/1521/13) li tiddikjara b'mod ċar li l-Methylisothiazolinone ma għandux jintuża bħala żieda għal prodott kosmetiku li diġà jinkludi t-taħlita ta' Methylchloroisothiazolinone (u) Methylisothiazolinone.


ANNESS

L-annotazzjonijiet 39 u 57 tal-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 dwar prodotti kosmetiċi jinbidlu b'dan li ġej:

 

Identifikazzjoni tas-Sustanza

Kundizzjonjiet

 

Numru ta' referenza

Isem kimiku/INN

Isem tal-Glossarju tal-Ingredjenti Komuni

Numru CAS

Numru EC

Tip ta' prodott, Partijiet tal-ġisem

Konċentrazzjoni massima fi preparazzjoni lesta għall-użu

Oħrajn

Liema kliem għandu jintuża fil-kundizzjonijiet tal-użu u t-twissijiet

a

b

c

d

e

f

g

h

i

“39

Taħlita ta' 5-Kloro-2-metil-isotijażol-3(2H)-on u 2-metilisotijażol-3(2H)-on

Methylchloroisothiazolinone (u) Methylisothiazolinone (1)

26172-55-4, 2682-20-4, 55965-84-9

247-500-7, 220-239-6

Prodotti li jitlaħalħu

0,0015 % (ta' taħlita bil-proporzjon 3:1 ta' 5-kloro-2-metil-isotijażol 3(2H)-on u 2-metilisotijażol-3 (2H)-on

 

 

57

2-metil-2H-isotijażol-3-on

Methylisothiazolinone (2)

2682-20-4

220-239-6

 

0,01 %”

 

 


(1)  Methylisothiazolinone huwa rregolat ukoll fl-annotazzjoni 57. Iż-żewġ annotazzjonijiet jeskludu lil xulxin: l-użu tat-taħlita ta' Methylchloroisothiazolinone (u) Methylisothiazolinone huwa inkompatibbli mal-użu ta' Methylisothiazolinone waħdu fl-istess prodott.

(2)  Methylisothiazolinone huwa rregolat ukoll fl-annotazzjoni 39 f'taħlita ma' Methylchloroisothiazolinone. Iż-żewġ annotazzjonijiet jeskludu lil xulxin: l-użu tat-taħlita ta' Methylchloroisothiazolinone (u) Methylisothiazolinone huwa inkompatibbli mal-użu ta' Methylisothiazolinone waħdu fl-istess prodott.