|
16.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 274/13 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 976/2014
tal-15 ta' Settembru 2014
li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet kemxejn modifikati b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, li wkoll joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURI
1.1. Miżuri eżistenti
|
(1) |
F'Awwissu 2011, il-Kunsill, billi implimenta r-Regolament (UE) Nru 791/2011 (2), impona dazju antidumping definittiv li jvarja bejn 48,4 % u 62,9 % fuq importazzjonijiet ta' drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, b'daqs taċ-ċellula ta' aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul u kif ukoll fil-wisa' u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, esklużi d-diski tal-fibra tal-ħġieġ, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00 (il-prodott ikkonċernat) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Dawn il-miżuri minn issa 'l quddiem se jissejħu “il-miżuri fis-seħħ” u l-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ minn issa 'l quddiem se tissejjaħ “l-investigazzjoni oriġinali”. |
|
(2) |
F'Lulju 2012, wara investigazzjoni kontra l-evażjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 672/2012 (3) il-Kunsill estenda, mill-miżuri fis-seħħ, id-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha għal importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikkonsenjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw fil-Malasja kif ukoll jekk le. |
|
(3) |
F'Jannar 2013, wara investigazzjoni kontra l-evażjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 21/2013 (4) il-Kunsill estenda, mill-miżuri fis-seħħ, id-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha għal importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikkonsenjati mit-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw fit-Tajwan u t-Tajlandja kif ukoll jekk le. |
|
(4) |
F'Diċembru 2013, wara investigazzjoni kontra l-evażjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1371/2013 (5) il-Kunsill estenda, mill-miżuri fis-seħħ, id-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha għal importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikkonsenjati mill-Indja u l-Indoneżja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw fl-Indja u l-Indoneżja kif ukoll jekk le. |
1.2. Talba
|
(5) |
F'Novembru 2013, il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta' evażjoni tal-miżuri tal-antidumping imposti fuq ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz ta' importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ b'modifika żgħira li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u biex tissoġġetta dawn l-importazzjonijiet għal reġistrazzjoni. |
|
(6) |
Din it-talba ġiet ippreżentata minn Saint-Gobain Adfors CZ s.r.o., Tolnatext Fonalfeldolgozo, Valmieras “Stikla Skiedra” AS u Vitrulan Technical Textiles GmbH, erba' produtturi fl-Unjoni ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ. |
|
(7) |
It-talba kien fiha biżżejjed evidenza prima facie li l-miżuri antidumping fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina qegħdin jiġu evaduti permezz ta' importazzjonijiet ta' ċertu prodott kemxejn modifikat li joriġinaw mir-RPĊ, li fihom bil-piż iktar “ftietel” milli “ħjut” u għalhekk huma ddikjarati taħt il-kodiċi NM ex 7019 40 00 , u mhumiex suġġetti għal dazji. |
1.3. Bidu
|
(8) |
Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza prima facie biex tinbeda investigazzjoni skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni nediet investigazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1356/2013 (6) (ir-Regolament tal-ftuħ) dwar il-possibbiltà ta' evażjoni ta' miżuri antidumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u ordnat ukoll lill-awtoritajiet tad-dwana biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, b'daqs taċ-ċellula ta' aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa' u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, esklużi d-diski tal-fibra tal-ħġieġ, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7019 40 00 (il-kodiċi TARIC 7019 40 00 11, 7019 40 00 21 u 7019 40 00 50), mid-19 ta' Diċembru 2013. |
1.4. Il-prodott ikkonċernat u l-prodott f'investigazzjoni
|
(9) |
Il-prodott ikkonċernat huwa l-istess kif definit fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, b'daqs ta' ċellula ta' aktar minn 1,8 mm, kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa' u li jiżnu iżjed minn 35 g/m2, minbarra diski tal-fibra tal-ħġieġ, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00 li fihom bil-piż aktar “ħjut” milli “ftietel”. |
|
(10) |
Il-prodott f'investigazzjoni, jiġifieri l-prodott li allegatament intuża biex ikunu evitati l-miżuri oriġinali, huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa 8, iżda fih bil-piż iktar “ftietel” milli “ħjut”. |
1.5. Investigazzjoni u partijiet ikkonċernati bl-investigazzjoni
|
(11) |
Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat lill-awtoritajiet tar-RPĊ wara l-bidu tal-investigazzjoni u bagħtet kwestjonarji lill-produtturi esportaturi fir-RPĊ u lill-importaturi fl-Unjoni magħrufa li huma kkonċernati. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fir-Regolament tal-ftuħ. Il-partijiet kollha kienu infurmati li nuqqas ta' kooperazzjoni jista' jwassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u għal sejbiet li jkunu bbażati fuq il-fatti disponibbli. |
|
(12) |
L-ebda produttur Ċiniż ma ppreżenta ruħu u talab eżenzjoni minn xi estensjoni possibbli tad-dazji attwali jew għamel xi sottomissjoni relattiva għall-investigazzjoni. |
|
(13) |
L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Konvertituri tal-Plastik sostniet li kienet baqgħet newtrali dwar ir-riżultat tal-investigazzjoni. Partijiet interessati oħra, bħalma huma l-importaturi mhux relatati u l-utenti, ma għamlu l-ebda sottomissjoni relattiva għall-investigazzjoni. |
|
(14) |
Il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet fuq il-post fil-bini tal-produttur tal-Unjoni lmentatur li kien qed jikkoopera Saint-Gobain Adfors CZ s.r.o., ir-Repubblika Ċeka. |
1.6. Il-perjodi tal-investigazzjoni u r-rappurtar
|
(15) |
Il-perjodu tal-investigazzjoni kien stabbilit mill-1 ta' April 2010 sat-30 ta' Settembru 2013 (“PI”) sabiex jiġi investigat il-bdil allegat fix-xejra tal-kummerċ. Il-perjodu ta' rappurtar (“PR”) kopra l-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2012 sat-30 ta' Settembru 2013, biex jiġi investigat jekk l-importazzjonijiet sarux bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezz mhux dannuż stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti. |
2. RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI
2.1. Kunsiderazzjonijiet ġenerali
|
(16) |
Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tal-eżistenza tal-prattiki ta' evażjoni possibbli saret billi ġie analizzat suċċessivament: (1) jekk kienx hemm tibdil fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-RPĊ u l-Unjoni; (2) jekk din il-bidla nibtitx minn xi prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma kienx hemm raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju; (3) jekk kienx hemm evidenza ta' ħsara jew li l-effetti rimedjali tad-dazju kienu qed jiġu kompromessi f'termini tal-prezzijiet u/jew tal-kwantitajiet tal-prodott f'investigazzjoni; u (4) jekk kienx hemm evidenza ta' dumping b'rabta mal-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodott simili, jekk neċessarju skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku. |
2.2. Modifika żgħira u karatteristiċi essenzjali
|
(17) |
L-investigazzjoni wriet li l-prodott f'investigazzjoni huwa drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, bid-daqs taċ-ċellula ta' aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul u kif ukoll fil-wisa' u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, esklużi d-diski tal-fibra tal-ħġieġ, li joriġinaw mir-RPĊ, li fihom bil-piż aktar “ftietel” milli “ħjut”. “Ftietel” u “ħjut” jikkonsistu minn ġemgħa ta' ħajta waħda jew aktar ta' filament ta' fibri tal-ħġieġ twal (kontinwi). Skont in-noti tas-Sistema Armonizzata, id-differenza ewlenija bejn “ftietel” u “ħjut” hija li l-assemblaġġ ta' dik tal-ewwel huwa maħlul b'liwja żgħira jew bl-ebda liwja (inqas minn ħames dawriet kull metru) filwaqt li l-assemblaġġ ta' “ħjut” huwa aktar milwi b'aktar minn ħames dawriet kull metru. Il-prodott li allegatament qed jevadi l-miżuri huwa bażikament l-istess bħall-prodott ikkonċernat ħlief li fih bil-piż iktar “ftietel” milli “ħjut” u għalhekk attwalment jista' jiġi ddikjarat taħt il-kodiċi NM ex 7019 40 00 , mhux suġġetta għal dazji, filwaqt li l-prodott ikkonċernat fih bil-piż aktar “ħjut” minn “ftietel” u attwalment jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00 . F'ħafna każijiet id-differenza bejn iż-żewġ prodotti mhijiex viżibbli u l-kodiċi korretta tista' tiġi stabbilita biss permezz ta' eżamijiet fil-laboratorju. |
|
(18) |
L-investigazzjoni ma sabet l-ebda differenza fil-proċess ta' produzzjoni tal-prodott f'investigazzjoni u l-prodott ikkonċernat, minbarra l-proporzjon tal-piż bejn “ftietel” u “ħjut” li jintuża f'kull prodott. Barra minn hekk, il-produttur ilmentatur li kkoopera kkonferma li l-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott f'investigazzjoni f'termini ta' materja prima hija simili għall-ispiża tal-prodott ikkonċernat, iżda l-prodott f'investigazzjoni jeħtieġ aktar żmien ta' produzzjoni minħabba li l-makkinarju tal-produzzjoni jrid ikun operat f'veloċità aktar baxxa. Dan jimplika li ma hemm l-ebda benefiċċju ekonomiku għall-produtturi esportaturi biex jipproduċu l-prodott f'investigazzjoni għajr l-evitar tal-miżuri fis-seħħ. Barra minn hekk, instab li xi utenti tal-prodott ikkonċernat qalbu għall-prodott f'investigazzjoni wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji imposti fis-17 ta' Frar 2011 mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 138/2011 (7), li jimplika li ma hemmx differenza materjali bejn il-prodott ikkonċernat u l-prodott f'investigazzjoni għall-utenti. |
|
(19) |
Kif imsemmi fil-premessa 15 tar-Regolament tal-antidumping proviżorju, iż-żewġ prodotti jistgħu jinstabu f'qisien ta' ċelloli u piżijiet differenti għal kull metru kwadru u l-aktar li jintużaw hu bħala materjal tat-tisħiħ fis-settur tal-bini (insulazzjoni termali esterna, tisħiħ tal-irħam/tal-art, tiswija tal-ħitan). |
|
(20) |
L-ebda esportatur Ċiniż jew parti interessati oħra ma għamlu xi sottomissjoni li tmur kontra dawn il-konklużjonijiet. |
|
(21) |
Għalhekk, huwa konkluż li l-prodott f'investigazzjoni għandu biss modifika żgħira meta mqabbel mal-prodott ikkonċernat u ma huwa importat għall-ebda ġustifikazzjoni ekonomika oħra għajr li jevadi d-dazji antidumping fis-seħħ. |
2.3. Bidla fix-xejra tal-kummerċ
|
(22) |
Minħabba li ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni mill-esportaturi Ċiniżi, is-sejbiet tal-investigazzjoni kienu stabbiliti fuq il-bażi tat-tagħrif li kien jinsab fl-ilment u ġew kkontrollati kontra l-informazzjoni misjuba fil-bażi tad-dejta tal-kummerċ Eurostat COMEXT, u kkompletati minnha. |
|
(23) |
Il-prodott ikkonċernat huwa ddikjarat taħt il-kodiċi NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00 u l-prodott f'investigazzjoni taħt il-kodiċi NM ex 7019 40 00 . Dawn il-kodiċi NM kollha huma wiesgħa u jkopru bosta prodotti oħra li huma differenti mill-prodott konċernat u l-prodott f'investigazzjoni. |
|
(24) |
Għandu jiġi nnutat li l-prodott f'investigazzjoni huwa ddikjarat taħt il-kodiċi NM ex 7019 40 00 li tkopri wkoll prodotti oħra msejħa “drapp minsuġ ta' ftietel” użati b'mod partikolari mill-industrija tal-konvertituri tal-plastik biex jiġu magħmula materjali komposti użati fl-industrija tal-karozzi, it-trasport marittimu, l-inġenji tal-ajru u tax-xfafar tar-riħ. Għalhekk ma kien hemm l-ebda mod dirett biex tkun investigata xi bidla possibbli fix-xejra tal-kummerċ tal-prodott f'investigazzjoni fis-suq tal-Unjoni. Minflok, jeħtieġ li jsir użu mill-fatti disponibbli. |
|
(25) |
Fil-perjodu 2010-2013, l-industrija tal-konvertituri tal-plastik tal-Unjoni sofriet minn għeluq tal-impjanti u tnaqqis sinifikanti fid-daqs tal-kapaċità ta' produzzjoni, bħala riżultat ta' xejriet tas-suq negattivi fit-tul. Bħala konsegwenza, kellu jiġi osservat tnaqqis ta' importazzjonijiet taħt il-kodiċi NM ex 7019 40 00 , imma nstab li seħħ bil-kontra, kif jidher fit-Tabella 1. Fl-2011 biss, dawn l-importazzjonijiet naqsu, u dan kien segwit minn żidiet fl-importazzjoni fis-snin 2012 u l-PR. Din l-osservazzjoni anomala indikat li raġuni oħra kkawżat iż-żieda fl-importazzjonijiet taħt dik il-kodiċi. Tabella 1 L-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet tal-prodott f'investigazzjoni u l-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ
|
|
(26) |
Meta ġew eżaminati ulterjorment ix-xejriet fis-suq tal-Unjoni, intwera li f'erba' Stati Membri (il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovakkja u s-Slovenja) kien hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet fil-kodiċi NM 7019 40 00 , li ma setgħetx tiġi spjegata mill-ħtiġijiet ta' dawn il-pajjiżi stess billi ma għandhomx industrija sinifikanti tal-konvertituri. Għall-PR, l-importazzjonijiet tal-kodiċi NM ex 7019 40 00 fl-erba' pajjiżi rrappreżentaw 32 % tal-importazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni f'dik il-kodiċi. |
|
(27) |
Kif muri fit-Tabella 2, kien hemm biss ftit importazzjonijiet fil-kodiċi NM ex 7019 40 00 f'dawk l-erba' pajjiżi qabel l-impożizzjoni tad-dazji inizjali fl-2011 u kien hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet fl-2012 u l-PR, ftit wara li l-miżuri antidumping ġew imposti. |
|
(28) |
Iż-żieda fl-importazzjonijiet murija fit-tabella tindika bidla fix-xejra tal-kummerċ li seħħet wara l-impożizzjoni ta' miżuri. Tabella 2 L-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet fil-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Latvja tal-prodott f'investigazzjoni li joriġina mir-RPĊ
|
Konklużjoni dwar il-bidla fix-xejra tal-kummerċ
|
(29) |
Fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, huwa kkunsidrat li ż-żieda globali fl-importazzjonijiet tal-prodott f'investigazzjoni wara l-impożizzjoni tal-miżuri tal-antidumping u t-tnaqqis parallel fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jikkostitwixxu bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ. |
2.4. In-natura tal-prassi ta' evażjoni u n-nuqqas ta' raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti
|
(30) |
L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jitlob li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ tinbet minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr għall-impożizzjoni tad-dazju. |
|
(31) |
Kemm il-prodott ikkonċernat kif ukoll il-prodott f'investigazzjoni jintużaw l-aktar fil-materjali tat-tisħiħ fis-settur tal-bini (insulazzjoni termali esterna, tisħiħ tal-irħam/tal-art, tiswija tal-ħitan) u l-utenti finali taż-żewġ prodotti huma l-istess. Il-modifika żgħira tal-prodott f'investigazzjoni ma tagħti ebda karatteristika sostanzjali differenti fir-rigward tal-prodott ikkonċernat. Ukoll, ma hemm l-ebda differenza fil-prezz bejn dawn il-prodotti fis-suq tal-Unjoni. |
|
(32) |
L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda kawża adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra għall-importazzjonijiet tal-prodott f'investigazzjoni minbarra l-evitar tal-ħlas tad-dazju fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. |
|
(33) |
Huwa għalhekk konkluż li, fin-nuqqas ta' kwalunkwe raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti fit-tifsira tat-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-RPĊ u l-Unjoni kienet minħabba l-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ. |
2.5. L-imminar tal-effetti remedjali tad-dazju f'termini ta' prezzijiet u/jew il-kwantitajiet tal-prodott simili
|
(34) |
Biex tivvaluta jekk l-importazzjonijiet tal-prodott f'investigazzjoni, f'termini ta' kwantitajiet u prezzijiet, xekklux l-effetti remedjali tal-miżuri fis-seħħ, intużat dejta pprovduta mill-ilmentaturi, u din ġiet ikkontrollata mal-informazzjoni fil-bażi tad-dejta tal-kummerċ Eurostat COMEXT u kkompletata minnha. |
|
(35) |
Iż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott f'investigazzjoni mir-RPĊ f'dak li għandu x'jaqsam mal-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji kienet sinifikanti f'termini ta' kwantitajiet. |
|
(36) |
It-tqabbil tal-livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara kif stabbilit fir-Regolament oriġinali u l-prezz medju peżat ta' esportazzjoni wera twaqqigħ sinifikanti tal-prezz. Għaldaqstant ġie konkluż li l-effetti rimedjali tal-miżuri fis-seħħ qed jiġu mdgħajfa f'termini kemm ta' kwantità kif ukoll ta' prezz. |
2.6. L-evidenza ta' dumping fir-rigward tal-valur normali li kien stabbilit preċedentement għall-prodott simili
|
(37) |
Finalment, b'konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk kienx hemm evidenza ta' dumping b'rabta mal-valur normali stabbilit preċedentement fl-investigazzjoni oriġinali. |
|
(38) |
Fl-investigazzjoni oriġinali, il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet fil-Kanada, li f'dik l-investigazzjoni nstab li kien pajjiż b'ekonomija tas-suq adegwata li hija analoga għar-RPĊ. Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, ġie kkunsidrat xieraq li jintuża l-valur normali kif stabbilit qabel fl-investigazzjoni oriġinali. |
|
(39) |
Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni minn xi produttur Ċiniż tal-prodott f'investigazzjoni, il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-prodott f'investigazzjoni kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli, jiġifieri fuq il-prezz medju ta' esportazzjoni tal-prodott f'investigazzjoni matul il-PR kif irrappurtat fil-COMEXT, u riprodott fit-Tabella 3. |
|
(40) |
Fl-istħarriġ oriġinali, il-Kanada ntużat bħala pajjiż analogu. Il-valur normali li ntuża għall-kalkoli ta' dumping tal-prodott ikkonċernat ivarja bejn 0,168 EUR/m2 u 0,257 EUR/m2. Il-medja tal-valur normali fl-investigazzjoni oriġinali kienet ta' 0,193 EUR/m2. |
|
(41) |
Skont l-Artikoli 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku, id-dumping ġie stabbilit billi tqabblu l-valuri normali medji rispettivi għal kull tip ta' prodott kif stabbilit fir-Regolament oriġinali u l-prezzijiet medji tal-esportazzjoni korrispondenti tal-prodott f'investigazzjoni matul il-PR, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni bid-dazju mhux imħallas. Dan it-tqabbil wera l-eżistenza ta' dumping. Tabella 3 Prezzijiet medji tal-importazzjoni EUR/m2 għall-prodott f'investigazzjoni ddikjarat taħt il-kodiċi NM ex 7019 40 00 li joriġina fiċ-Ċina
|
3. TALBIET GĦAL EŻENZJONI
|
(42) |
Peress li l-ebda waħda mill-partijiet interessati ma ppreżentat ruħha wara l-bidu tal-investigazzjoni, ma saru l-ebda talbiet għal eżenzjoni mill-estensjoni possibbli tal-miżuri skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku. |
|
(43) |
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi Ċiniżi li ma ppreżentawx ruħhom f'dan il-proċediment u li ma esportawx il-prodott f'investigazzjoni lejn l-Unjoni fil-PR u li jikkunsidraw li jagħmlu talba għall-eżenzjoni mid-dazju antidumping estiż, skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku, se jkollhom jimlew kwestjonarju sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi jekk eżenzjoni tistax tkun ġustifikata. Din l-eżenzjoni tista' tingħata wara l-valutazzjoni tal-qagħda tas-suq, il-kapaċità ta' produzzjoni u l-użu tal-kapaċità, l-akkwist u l-bejgħ u l-probabbiltà tat-tkomplija tal-prattiċi li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti u l-evidenza ta' dumping. Il-Kummissjoni normalment twettaq ukoll żjara ta' verifika fil-post. It-talba għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni, bl-informazzjoni rilevanti kollha, partikolarment kull modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija li għandhom x'jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ. |
|
(44) |
Meta eżenzjoni tkun mistħoqqa, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, tipproponi l-emenda tal-miżuri estiżi fis-seħħ skont dan. Sussegwentement, kull eżenzjoni mogħtija tkun immonitorjata biex tkun żgurata l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fiha. |
4. MIŻURI
|
(45) |
Minħabba s-sejbiet ta' hawn fuq, ġie konkluż li d-dazju antidumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta' drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, b'daqs taċ-ċellula ta' aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul u kif ukoll fil-wisa' u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, esklużi d-diski tal-fibra tal-ħġieġ, li bħalissa jaqgħu fil-kodiċijiet tan-NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00 u li joriġinaw mir-RPĊ ġie evadut permezz ta' importazzjonijiet ta' ċertu prodott kemxejn modifikat li bħalissa jaqa' fil-kodiċi NM ex 7019 40 00 , li joriġina mir-RPĊ. |
|
(46) |
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri antidumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ għandhom jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-prodott f'investigazzjoni. |
|
(47) |
Skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, li jipprevedu li kull miżura estiża għandha tkun applikata kontra l-importazzjoni rreġistrata mid-data tar-reġistrazzjoni, id-dazju antidumping għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet kollha fl-Unjoni ta' drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ta' daqs taċ-ċelluli ta' mhux aktar minn 1,8 mm kem fit-tul kif ukoll fil-wisgħa u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, esklużi d-diski tal-fibra tal-ħġieġ, li joriġinaw mir-RPĊ u li bħalissa jinsabu fil-kodiċi tan-NM ex 7019 40 00 (il-kodiċijiet TARIC 7019 40 00 11, 7019 40 00 21 u 7019 40 00 50) li daħlu fl-Unjoni skont ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tal-ftuħ. |
5. DIVULGAZZJONI
|
(48) |
Il-partijiet kollha interessati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija u ġew mistiedna biex jikkummentaw. L-ebda argument ma ġie ppreżentat li ta lok għal modifika tas-sejbiet definittivi. |
|
(49) |
Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huwa skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Id-dazju definittiv antidumping impost mir-Regolament (UE) Nru 791/2011 fuq importazzjonijiet ta' drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, b'daqs taċ-ċellula ta' aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul u kif ukoll fil-wisa' u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, esklużi d-diski tal-fibra tal-ħġieġ, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00 u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huwa b'dan estiż għal importazzjonijiet fl-Unjoni ta' drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, b'daqs taċ-ċellula ta' aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul u kif ukoll fil-wisa' u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, esklużi d-diski tal-fibra tal-ħġieġ, li bħalissa jaqgħu fil-kodiċi NM ex 7019 40 00 (il-kodiċi TARIC 7019 40 00 11, 7019 40 00 21 u 7019 40 00 50) u li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.
2. Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u prodott mill-kumpaniji ta' hawn taħt tkun kif ġej:
|
Kumpanija |
Dazju (%) |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
|
Yuyao Mingda Fiberglass Co., Ltd |
62,9 |
B006 |
|
Grand Composite Co., Ltd u l-kumpanija relatata tagħha Ningbo Grand Fiberglass Co., Ltd |
48,4 |
B007 |
|
Yuyao Feitian Fiberglass Co., Ltd |
60,7 |
B122 |
|
Kumpaniji elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 |
57,7 |
B008 |
|
Il-kumpaniji l-oħra kollha |
62,9 |
B999 |
3. L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun soġġetta għall-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta' fattura kummerċjali valida, li tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011. Jekk ma tiġi ppreżentata ebda fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.
4. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.
Artikolu 2
Id-dazju jinġabar fuq importazzjonijiet irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1356/2013 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 fl-Unjoni ta' drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, b'daqs taċ-ċellula ta' aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul u kif ukoll fil-wisa' u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, esklużi d-diski tal-fibra tal-ħġieġ, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7019 40 00 (il-kodiċijiet TARIC 7019 40 00 11, 7019 40 00 21 u 7019 40 00 50), li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.
Artikolu 3
L-awtoritajiet doganali huma b'dan mitluba jwaqqfu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbiliti b'konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1356/2013.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Settembru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011 tat-3 ta' Awwissu 2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 204, 9.8.2011, p. 1).
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 672/2012 tas-16 ta' Lulju 2012 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 dwar l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU L 196, 24.7.2012, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 21/2013 tal-10 ta' Jannar 2013 li jestendi d-dazju definittiv anti-dumping impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 dwar ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ kkunsinjati mit-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan u t-Tajlandja kif ukoll jekk le (ĠU L 11, 16.1.2013, p. 1).
(5) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1371/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jestendi d-dazju definittiv antidumping impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ kunsinjati mill-Indja u mill-Indoneżja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja kif ukoll jekk le (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 20).
(6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1356/2013 tas-17 ta' Diċembru 2013 li jniedi investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta' ċirkomvenzjoni ta' miżuri tal-antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011 fuq importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz ta' importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ b'modifika żgħira li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u li jissoġġetta dawn l-importazzjonijiet għal reġistrazzjoni (ĠU L 341, 18.12.2013, p. 43).
(7) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 138/2011 tas-16 ta' Frar 2011 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjoni ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 43, 17.2.2011, p. 9).
(*1) fl-2011 ġew imposti miżuri provviżorji fit-18 ta' Frar u miżuri definittivi fid-9 ta' Awwissu.
(*2) fl-2011 ġew imposti miżuri provviżorji fit-18 ta' Frar u miżuri definittivi fid-9 ta' Awwissu.
(*3) Sors COMEXT.
Il-volum f'COMEXT huwa muri f'tunnellati metriċi u maqlub għal metri kwadri skont ir-rata ta' konverżjoni: 1 m2 = 0,14 kg.