13.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 272/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 969/2014

tat-12 ta' Settembru 2014

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-Askorbat tal-kalċju (E 302) u l-Alġinat tas-sodju (E 401) f'ċerti frott u ħxejjex mhux proċessati

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Il-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara applikazzjoni.

(3)

Fit-12 ta' Novembru 2012 ġiet sottomessa applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-użu tal-askorbat tal-Kalċju (E 302) u l-alġinat tas-Sodju (E 401) bħala agenti tal-glazing f'ċerti frott u ħxejjex mhux proċessati li huma ppakkjati minn qabel u poġġuti fil-friġġ, lesti għall-konsum, u saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(4)

Hemm domanda dejjem tikber għall-frott u l-ħxejjex maqtugħin friski, l-iktar minħabba l-konvenjenza tagħhom bħala prodotti lesti għall-konsum kif ukoll għall-benefiċċji tas-saħħa assoċjati mal-konsum tagħhom.

(5)

Frott u ħxejjex mhux proċessati li huma ppakkjati minn qabel u poġġuti fil-friġġ, lesti għall-konsum, huma frott u ħxejjex li jinħaslu qabel jitqaxxru u/jew jitqattgħu u/jew jitneħħilhom iz-zokk, jiġu ppakkjati u jinżammu kesħin fil-friġġ. Xi kostitwenti tal-frott u l-ħxejjex huma suxxettibbli għad-degredazzjoni meta esposti għall-ossiġnu jew id-dawl, li għalihom ikun espost l-interjur tal-frott u l-ħxejjex meta jitqaxxru u/jew jitqattgħu u/jew jitneħħilhom iz-zokk. Id-daqqiet fuq il-wiċċ tal-frott u l-ħxejjex joħolqu għadd ta' tħassir fiżjoloġiku bħall-ossidazzjoni, l-iskurar, eċċ. li jnaqqsu l-kwalità nutrittiva ta' dawk il-prodotti tal-ikel u jeħtieġ li jiġu minimizzati.

(6)

Hemm ħtieġa teknoloġika għall-użu tal-askorbat tal-Kalċju (E 302) u l-alġinat tas-Sodju (E 401) f'ċerti frott u ħxejjex mhux proċessati li huma ppakkjati minn qabel u poġġuti fil-friġġ, lesti għall-konsum. Dawk l-addittivi jintużaw flimkien biex jiffurmaw ġell li jittiekel li jiġi applikat fuq il-wiċċ tal-frott u l-ħxejjex u b'hekk joħloq passata rqieqa protettiva, li taġixxi ta' ostaklu fiżiku kontra l-ossiġnu l-indewwa, tnaqqas t-tnixxija u n-nixfa tal-wiċċ ta' dawk il-frott u l-ħxejjex. B'riżultat, jonqsu r-reazzjonijiet ta' degredazzjoni fiżjoloġika u b'hekk jgħinu l-preservazzjoni tal-kwalità nutrittiva tal-frott u l-ħxejjex. Għalhekk, il-ġell jippermetti preservazzjoni aħjar u iktar fit-tul ta' dawk il-frott u l-ħxejjex.

(7)

L-użu tal-askorbat tal-Kalċju (E 302) u l-alġinat tas-Sodju (E 401) bħala aġenti tal-glazing ikun qed jgħin iż-żamma tal-kwalità tal-frott u l-ħxejjex mhux proċessati li huma ppakkjati minn qabel u poġġuti fil-friġġ, lesti għall-konsum, meta jkunu għall-bejgħ u b'hekk jiffaċilita d-disponibblita u jżid l-aċċess għas-suq tal-frott u ħxejjex lesti għall-ikel, maqtugħin friski.

(8)

L-askorbat tal-Kalċju (E 302) u l-alġinat tas-Sodju (E 401) jiffurmaw parti mill-grupp ta' addittivi li għalihom ma ġiex speċifikat livell aċċettabbli tal-konsum ta' kuljum (3). Dan jimplika li ma jirrappreżentawx riskju għas-saħħa fil-livelli meħtieġa għall-kisba tal-effett teknoloġiku mixtieq.

(9)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel mogħtija fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ħlief meta l-aġġornament ikkonċernat ma jkunx mistenni jħalli effett fuq is-saħħet umana. Minħabba l-fatt li l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-askorbat tal-Kalċju (E 302) u l-alġinat tas-Sodju (E 401) bħala aġenti tal-glazing fi frott u ħxejjex mhux proċessati li huma ppakkjati minn qabel u poġġuti fil-friġġ, lesti għall-konsum, tikkostitwixxi aġġornament tal-lista msemmija qabel, li ma għandhiex il-probabbiltà li jkollha effett fuq is-saħħa umana, ma hemmx ħtieġa tal-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.

(10)

Skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-użu tal-askorbat tal-Kalċju (E 302) huwa diġà awtorizzat għal “frott u ħxejjex mhux proċessati li huma ppakkjati minn qabel u poġġuti fil-friġġ, lesti għall-konsum u patata mhux proċessata u mqaxxra ppakkjata minn qabel, biss” skont il-kategorija tal-ikel 04.1.2 “Frott u ħxejjex imqaxxra, imqatta u f'biċċiet”.

(11)

Għalhekk, jixraq li jiġi awtorizzat l-alġinat tas-Sodju (E 401) bħala aġent tal-glazing fil-kategorija tal-ikel 04.1.2 “Frott u ħxejjex imqaxxra, imqatta u f'biċċiet” fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, fil-livell massimu ta' 2 400 mg/kg, u biss flimkien mal-askorbat tal-Kalċju (E 302) fil-livell massimu ta' 800 mg/kg sabiex jifforma l-ġell li jittiekel.

(12)

Għaldaqstant, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(13)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Settembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  Report from the Commission on Dietary Food Additive Intake in the European Union, COM(2001) 542 final.


ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 l-entrata li ġejja għandha tiġi tiddaħħal fil-kategorija tal-ikel 04.1.2 “Frott u ħxejjex imqaxxra, imqattgħin u mqattgħin bċejjeċ bċejjeċ” wara l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 333:

 

“E 401

Alġinat tas-sodju

2 400

(82)

frott u ħaxix ippakkjati minn qabel imkessħin mhux ipproċessati lesti għall-konsum biss, li jridu jinbiegħu lill-konsumatur finali

(82):

Jista' jintuża biss f'kombinazzjoni ma' E 302 bħala aġenti għall-igglejżjar u b'livell massimu ta' 800 mg/kg ta' E 302 fl-ikel finali.”