13.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 272/1 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 966/2014
tat-12 ta' Settembru 2014
li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet għall-propjonat tal-kalċju
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (3) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. |
(2) |
Dawn l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jiġu aġġornati skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, b'inizjattiva tal-Kummissjoni jew b'applikazzjoni. |
(3) |
Fl-10 ta' Settembru 2013, tressqet applikazzjoni għall-emenda ta' speċifikazzjonijiet li jikkonċernaw il-propjonat tal-kalċju (E282) bħala addittiv tal-ikel. L-applikazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008. |
(4) |
L-ispeċifikazzjonijiet attwali għall-propjonat tal-kalċju (E282) jistabbilixxu livell massimu ta' fluworur ta' 10 mg/kg u dan joħloq diffikultajiet għall-provvista tal-materja prima u għall-produzzjoni ta' dak l-addittiv. Il-propjonat tal-kalċju (E282) jinkiseb mill-ossidu tal-kalċju (E529) li għalih ġie stabbilit livell massimu ta' fluworur ta' 50 mg/kg. Sabiex il-produzzjoni tal-propjonat tal-kalċju tikkonforma mal-livell massimu ta' fluworur stabbilit bħalissa, il-manifatturi jeħtiġilhom jużaw ossidu tal-kalċju b'livelli massimi ta' fluworur ta' 33 mg/kg, jiġifieri inqas mill-livell massimu awtorizzat bħalissa. Għaldaqstant, fis-suq Ewropew ftit li xejn hemm ossidu tal-kalċju disponibbli għall-produzzjoni tal-propjonat tal-kalċju. Sabiex tinstab provvista biżżejjed tal-ossidu tal-kalċju għall-produzzjoni tal-propjonat tal-kalċju, il-livell massimu ta' fluworur għall-propjonat tal-kalċju għandu jiżdied minn 10 mg/kg għal 20 mg/kg. |
(5) |
Il-livell massimu l-ġdid ta' 20 mg/kg jibqa' ferm inqas mil-livelli massimi ta' fluworur fis-seħħ bħalissa għal addittivi oħra tal-ikel. L-esponiment addizzjonali għall-fluworur bbażat fuq il-livell massimu l-ġdid għandu jibqa' limitat u m'għandux iwassal biex jiżdied il-konsum ġenerali. Għalhekk, jixraq li tiġi permessal-emenda tal-ispeċifikazzjonijiet dwar il-propjonat tal-kalċju (E282) bħala addittiv tal-ikel. |
(6) |
Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni trid titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel, ħlief meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx mistenni jolqot is-saħħa tal-bniedem. Billi l-aġġornament ikkonċernat mhux mistenni jolqot is-saħħa tal-bniedem, m'hemmx bżonn tintalab l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel. |
(7) |
Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 231/2012 għandu jiġi emendat skont dan. |
(8) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Settembru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.
(2) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).
ANNESS
Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 l-annotazzjoni għall-propjonat tal-kalċju E282, l-ispeċifikazzjoni dwar il-purità tal-fluworur tinbidel b'li ġej:
“Il-fluworur |
Mhux aktar minn 20 mg/kg” |