12.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 271/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 959/2014

tat-8 ta' Settembru 2014

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (2) jagħti effett lil ċerti miżuri stipulati fid-Deċiżjoni 2014/145/PESK u jipprevedi l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi ta' persuni fiżiċi responsabbli għal, li jappoġġaw b'mod attiv jew li jimplimentaw, azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, jew l-istabilità jew is-sigurtà fl-Ukraina jew li jostakolaw il-ħidma ta' organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Ukraina, u ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom; ta' persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jappoġġjaw, materjalment jew finanzjarjament, azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina; ta' persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi fil-Krimea jew Sevastopol li s-sjieda tagħhom tkun ġiet trasferita b'mod li jmur kontra l-liġi tal-Ukraina, jew ta' persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jkunu bbenefikaw minn tali trasferiment; jew ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li b'mod attiv jappoġġaw materjalment jew finanzjarjament lil, jew jibbenefikaw minn, persuni Russi li jieħdu d-deċiżjoni responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazjoni tal-Lvant tal-Ukraina.

(2)

Fit-8 ta' Settembru 2014, il-Kunsill qabel li jestendi l-miżuri restrittivi bil-ħsieb li jolqot individwi jew entitajiet li jagħmlu tranżazzjonijiet mal-gruppi separatisti fir-reġjun ta' Donbass fl-Ukraina. Il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/658/PESK (3) li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK u tistipula kriterji tal-elenkar emendati għal dak il-għan.

(3)

Dik il-miżura taqa' fi ħdan l-ambitu tat-Trattat u, għalhekk, partikolarment bl-intenzjoni li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha fl-Istati Membri kollha, hija neċessarja azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi implimentata.

(4)

Ir-Regolament(EU) Nru 269/2014 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament ikunu effettivi,għandu jidħol fis-seħħ b'effett immedjat.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-punt li ġej huwa miżjud mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 269/2014:

“(e)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jagħmlu tranżazzjonijiet mal-gruppi separatisti fir-reġjun ta' Donbass fl-Ukraina.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Settembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/658/PESK tat-8 ta' Settembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ara l-paġna 47 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).