|
11.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 270/1 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 957/2014
tal-10 ta' Settembru 2014
li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 rigward it-tneħħija ta' esteri tal-aċidu montaniku (E 912)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) u 14 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom. |
|
(2) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (2) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. |
|
(3) |
L-esteri tal-aċidu montaniku (E 912) huma xemgħat awtorizzati bħala aġenti tal-kisi biex jiġi ttrattat il-wiċċ tal-frott taċ-ċitru, il-bettieħ, il-papaja, il-mango, l-avokado u l-ananas skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. |
|
(4) |
L-Artikolu 32(1) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistipula li l-addittivi tal-ikel kollha li kienu diġà permessi fl-Unjoni qabel l-20 ta' Jannar 2009 huma soġġetti għal valutazzjoni tar-riskju ġdida mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”). |
|
(5) |
Għal dak il-għan, programm għall-valutazzjoni mill-ġdid tal-addittivi tal-ikel huwa stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 (3). Skont ir-Regolament (UE) Nru 257/2010, il-valutazzjoni mill-ġdid tal-addittivi tal-ikel għajr il-kuluri u sustanzi li jagħtu l-ħlewwa għandha ssir sal-31 ta' Diċembru 2018. Madankollu, ċerti addittivi tal-ikel, inklużi l-esteri tal-aċidu montaniku (E 912), għandhom prijorità ogħla u għandhom jiġu evalwati qabel. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 257/2010, l-operatur(i) kummerċjali interessati u kwalunkwe parti interessata oħra għandhom iressqu d-dejta relatata mal-valutazzjoni mill-ġdid ta' addittiv tal-ikel fil-perjodu stabbilit mill-awtorità fis-sejħa tagħha għad-dejta. |
|
(7) |
Fil-15 ta' Frar 2012, l-Awtorità nediet sejħa pubblika għal dejta xjentifika dwar l-esteri tal-aċidu montaniku (E 912) (4) billi stiednet lill-partijiet interessati biex sal-1 ta' Ġunju 2012 iressqu d-dejta mitluba jew jagħtu informazzjoni. |
|
(8) |
Fis-7 ta' Ġunju 2013 l-Awtorità tat Opinjoni Xjentifika dwar il-valutazzjoni mill-ġdid tal-esteri tal-aċidu montaniku (E 912) bħala addittivi tal-ikel (5). L-opinjoni ddikjarat li ma kienet disponibbli l-ebda dejta dwar it-tossikokinetika u t-tossiċità riproduttiva u tal-iżvilupp tal-esteri tal-aċidu montaniku. Id-dejta disponibbli fuq żmien qasir u t-tossiċità subkronika, il-ġenotossiċità u t-tossiċità kronika u l-karċinoġeniċità tal-esteri tal-aċidu montaniku kienu limitati. Ma tressqet l-ebda dejta dwar l-użu. Abbażi ta' dawk il-limitazzjonijiet, l-Awtorità kkonkludiet li l-esteri tal-aċidu montaniku bħala addittiv tal-ikel ma setgħux jiġu evalwati. |
|
(9) |
L-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) Nru 257/2010 jistipula li fejn it-tagħrif meħtieġ għat-tlestija tal-valutazzjoni mill-ġdid ta' addittiv tal-ikel partikolari ma jingħatax mill-operatur(i) kummerċjali interessati jew kwalunkwe parti interessata oħra lill-Awtorità fi żmien l-iskadenzi stipulati, l-addittiv tal-ikel jista' jitneħħa mil-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Għaldaqstant, l-ispeċifikazzjonijiet ta' dan l-addittiv tal-ikel għandhom jitneħħew ukoll mir-Regolament (UE) Nru 231/2012. |
|
(10) |
Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, il-lista tal-Unjoni ta' adittivi tal-ikel approvati għandha tiġi emendata skont il-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). |
|
(11) |
Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel tista' tiġi aġġornata kemm fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni kif ukoll wara applikazzjoni. |
|
(12) |
Għaldaqstant, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 u l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 għandhom jiġu emendati bit-tneħħija tal-esteri tal-aċidu montaniku (E 912) mil-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel awtorizzati peress li minħabba n-nuqqas ta' evidenza xjentifika riċenti l-inklużjoni tagħhom fil-lista ma għadhiex ġustifikata. |
|
(13) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Ikel li fih esteri tal-aċidu montaniku (E 912) li tqiegħdu fis-suq legalment qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati sakemm il-ħażniet jiġu eżawriti.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Settembru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 tal-25 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi programm għar-rivalutazzjoni tal-addittivi tal-ikel approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 80, 26.3.2010, p. 19).
(4) http://www.efsa.europa.eu/en/dataclosed/call/120215a.htm
(5) EFSA Journal 2013; 11(6):3236.
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).
ANNESS I
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
Fil-Parti B, it-Taqsima 3 “Addittivi għajr il-kuluri u sustanzi li jagħtu l-ħlewwa”, l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 912 hija mħassra; |
|
(2) |
Fil-Parti E, fil-kategorija tal-ikel 4.1.1 “Frott u ħxejjex friski, sħaħ”, l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 912 hija mħassra. |
ANNESS II
Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012, l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 912 hija mħassra.