23.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 251/16


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 916/2014

tat-22 ta' Awwissu 2014

li japprova s-sustanza bażika sukrożju, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(5) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fl-24 ta' April 2013 il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni mingħand ITAB għall-approvazzjoni tas-sukrożju bħala sustanza bażika. Dik l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mill-informazzjoni meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3).

(2)

Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn' il quddiem “l-Awtorità”) għal assistenza xjentifika. Fit-12 ta' Ġunju 2014, l-Awtorità ppreżentat Rapport Tekniku dwar is-sustanza inkwistjoni lill-Kummissjoni (2). Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta' analiżi (3) u l-abbozz ta' dan ir-Regolament dwar l-approvazzjoni tas-sukrożju lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fil-11 ta' Lulju 2014.

(3)

Id-dokumentazzjoni mogħtija mill-applikant turi li s-sukrożju jissodisfa l-kriterji ta' oġġett tal-ikel kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Barra minn hekk, is-sustanza mhix użata b'mod predominanti għall-finijiet ta' protezzjoni tal-pjanti iżda madankollu għandha użu fil-protezzjoni tal-pjanti fi prodott li jikkonsisti mis-sustanza u l-ilma. Konsegwentement, għandha titqies bħala sustanza bażika.

(4)

Mill-eżamijiet imwettqa deher li s-sukrożju jista' jkun mistenni li jissodisfa, b'mod ġenerali, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, b'mod partikolari fir-rigward tal-użi li kienu eżaminati u ddettaljati fir-rapport ta' analiżi tal-Kummissjoni. Għaldaqstant huwa f'loku li s-sukrożju jkun approvat bħala sustanza bażika.

(5)

F'konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu kif ukoll fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jiġu inklużi ċerti kundizzjonijiet għall-approvazzjoni li huma spjegati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

(6)

F'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (5) għandu jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Approvazzjoni ta' sustanza bażika

Is-sustanza sukrożju, kif speċifikat fl-Anness I, hija approvata bħala sustanza bażika skont il-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Emendi fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Il-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ u d-data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Awwissu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-riżultat tal-konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-EFSA dwar l-applikazzjoni tas-sustanza bażika sukrożju u l-konklużjonijiet meħuda mill-EFSA dwar il-punti speċifiċi mqajma. 2014:EN-616.27 pp.

(3)  http://ec.europa.eu/sanco_pesticides/public/?event=homepage

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


ANNESS I

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Sukrożju

Nru CAS: 57-50-1

α-D-glukopiranosil-(1→2)-β-D-fruktofuranosur jew β-D-fruktofuranosil-(2→1)-α-D-glukopiranosur

Grad tal-ikel

L-1 ta' Jannar 2015

L-użi bħala sustanza bażika li tkun stimulant tal-mekkaniżmi ta' difiża naturali tal-għelejjel biss huma approvati.

Is-sukrożju jista' jintuża f'konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' analiżi dwar is-sukrożju (SANCO/11406/2014) u b'mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif ġew iffinalizzati mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fil-11 ta' Lulju 2014.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni u l-mod tal-użu tas-sustanza attiva huma mogħtija fir-rapport ta' analiżi.


ANNESS II

Fil-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiżdied l-entrata li ġejja:

Numru

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“3

Sukrożju

Nru CAS: 57-50-1

α-D-glukopiranosil-(1→2)-β-D-fruktofuranosur jew β-D-fruktofuranosil-(2→1)-α-D-glukopiranosur

Grad tal-ikel

L-1 ta' Jannar 2015

L-użi bħala sustanza bażika li tkun stimulant tal-mekkaniżmi ta' difiża naturali tal-għelejjel biss huma approvati.

Is-sukrożju jista' jintuża f'konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' analiżi dwar is-sukrożju (SANCO/11406/2014) u b'mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif ġew iffinalizzati mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fil-11 ta' Lulju 2014.”


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni u l-mod tal-użu tas-sustanza attiva huma mogħtija fir-rapport ta' analiżi.