13.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 240/12


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 876/2014

tat-8 ta' Awwissu 2014

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' din it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi pprovdut li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista', għal ċertu perjodu, tibqa' tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dan il-perjodu għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness huma kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata f'konformità mal-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Awwissu 2014.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Martine REICHERTS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Apparat li jaħdem bil-batteriji portabbli għall-ġbid u l-irreġistrar ta' stampi statiċi u vidjo (l-hekk imsejħa “kamera tal-azzjoni”) b'dimensjonijiet ta' madwar 6 × 4 × 2 cm u piż ta' madwar 74 g, li tikkonsisti:

f'lenti tal-kamera ta' angolu wiesa' ħafna,

tagħmir tal-kristall likwidu (LCD) indikatur tal-istatus,

interfaċċji tal-USB mikro u l-HDMI mikro,

slott għall-kard tal-SD mikro,

WiFi inkorporat,

port għal aċċessorji żejda.

L-apparat ma għandux zoom, viewfinder jew skrin biex juri l-istampi rreġistrati. L-apparat mhuwiex magħmul biex jinżamm fl-idejn iżda biex jiġi mmuntat fuq, pereżempju, elmu. Huwa ppreżentat biex jintuża biex jinġibdu impressjonijiet dinamiċi tal-ambjent kif esperjenzati waqt attivitajiet ta' barra bħas-sewqan tar-rota, is-surfing u l-iskijar. Il-kwalità tal-vidjo tista' tiġi aġġustata b'varjetà minn 848 × 480 għal 1 920 × 1 080 pixels.

L-istampi statiċi jistgħu jiġu rreġistrati biss bi kwalità ta' 5.0 megapixel. Il-kwalità għall-istampi statiċi (bħall-akutezza tal-istampa, il-kulur, il-kompożizzjoni tal-oġġett) ma tistax tiġi aġġustata fuq l-apparat.

L-apparat huwa kapaċi jiġbed u jirreġistra fajls tal-vidjo f'format MPEG4. L-ogħla reġistrazzjoni tal-vidjo hija f'riżoluzzjoni ta' 1 920  × 1 080  pixels fi 30 immaġni kull sekonda għal perjodu kontinwu massimu ta' tliet sigħat b'batterija ċċarġjata kollha. Il-ġbid jista' jitwaqqaf biss mill-utent. L-istampi miġbuda huma rreġistrati f'fajls separati li jdumu madwar 15-il minuta kull wieħed.

Il-fajls li jintwerew jistgħu jiġu ttrasferiti għall-apparat minn magna għall-ipproċessar awtomatiku tad-dejta permezz tal-interfaċċja USB.

8525 80 99

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-nota 3 tat-taqsima XVI u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 8525 , 8525 80 u 8525 80 99 .

Minħabba l-karatteristiċi objettivi tal-apparat, bħad-daqs u l-piż żgħar tiegħu, il-fatt li huwa mmuntat fuq, pereżempju, elmu, il-kapaċità tiegħu li jirreġistra vidjo għal perjodu kontinwu ta' massimu ta' tliet sigħat, il-funzjoni prinċipali tal-kamera hija li tiġbed l-istampi vidjo.

Għalkemm l-apparat għandu d-disinn ta' kamera diġitali, huwa kapaċi jirreġistra vidjo fi kwalità ta' minn tal-inqas 800 × 600 pixels fi 30 immaġni kull sekonda għal perjodu kontinwu ta' massimu ta' tliet sigħat. Il-ġbid mhuwiex awtomatikament imwaqqaf wara 30 minuta (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda għas-subintestaturi 8525 80 30 , 8525 80 91 u 8525 80 99 ) Il-fatt li l-istampi miġbuda huma rreġistrati f'fajls separati li jdumu madwar 15-il minuta kull wieħed ma jinfluwenzax il-kapaċità tad-dewmien tar-reġistrar tal-vidjo kontinwu tal-kamera. Il-klassifikazzjoni taħt is-subintestatura 8525 80 30 bħala kameras diġitali hija għalhekk eskluża.

Minħabba li l-apparat huwa kapaċi jirreġistra fajls tal-vidjo minn sorsi oħra apparti mil-lenti inkorporata tal-kamera, il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 8525 80 91 bħala vidjokameras li kapaċi jirreġistraw biss ħsejjes u stampi meħuda mill-kamera tat-televixin hija eskluża.

Għaldaqstant, l-apparat għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8525 80 99 bħala reġistraturi vidjokameras oħrajn.