|
2.8.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 231/3 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 840/2014
tal-1 ta' Awwissu 2014
li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 743/2013 li jintroduċi miżuri ta' protezzjoni dwar l-importazzjonijiet tal-molluski bivalvi mit-Turkija intenzjonati għall-konsum mill-bniedem, fir-rigward tal-perjodu ta' applikazzjoni tiegħu
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (1), u b mod partikolari l-Artikolu 22(6) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 743/2013 (2) ġie adottat minħabba li l-awditi tas-servizz tal-awditjar tal-Kummissjoni, l-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (“FVO”), identifikaw defiċjenzi fit-Turkija fl-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali tal-produzzjoni ta' molluski bivalvi maħsuba għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, u minħabba li l-Istati Membri rrappurtaw kunsinni mhux konformi ta' molluski bivalvi li oriġinaw mit-Turkija li ma kinux qed jissodisfaw l-istandards mikrobijoloġiċi tal-Unjoni. |
|
(2) |
L-awtoritajiet kompetenti Torok ippreżentaw l-informazzjoni rigward il-miżuri korrettivi li ġew mibdija biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati fis-sistema ta' kontroll għall-molluski bivalvi maħsuba għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Madankollu, minħabba s-serjetà tan-nuqqasijiet identifikati fl-awditi tal-FVO, qabel ma tiġi kkunsidrata tneħħija ta' miżuri, hija meħtieġa verifika ta' segwitu mill-FVO. Barra minn hekk, l-Istati Membri rrappurtaw ċerti każijiet ta' nuqqas ta' konformità mikrobijoloġika ta' molluski bivalvi ppreżentati f'post ta' spezzjoni fil-fruntiera tad-dħul tal-Unjoni. |
|
(3) |
Għalhekk, il-limitu tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 743/2013 għandu jiġi emendat skont dan. |
|
(4) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 743/2013, id-data “l-4 ta' Awwissu 2014” għandha tinbidel bl-“4 ta' Awwissu 2015”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Awwissu 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 743/2013 tal-31 ta' Lulju 2013 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri ta' protezzjoni dwar l-importazzjonijiet tal-molluski bivalvi mit-Turkija intenzjonati għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 205, 1.8.2013, p. 1).