|
29.7.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 223/7 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 821/2014
tat-28 ta' Lulju 2014
li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-arranġamenti dettaljati għat-trasferiment u l-immaniġġar ta' kontribuzzjonijiet tal-Programm, ir-rappurtar dwar strumenti finanzjarji, il-karatteristiċi tekniċi tal-miżuri ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni għal operazzjonijiet u s-sistema biex tiġi rreġistrata u tinħażen id-dejta
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 38(10), 46(3), 115(4) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 125(8) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 215/2014 (2) jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għat-tħejjija tal-programmi. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' programmi ffinanzjati mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (il-“Fondi ESI”), jeħtieġ li jiġu stabbiliti aktar dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Sabiex jiġu ffaċilitati perspettiva komprensiva u aċċess għal dawk id-dispożizzjonijiet, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti f'att ta' implimentazzjoni wieħed. |
|
(2) |
Biex tiżdied il-flessibilità għall-mobilizzazzjoni tal-appoġġ għal strumenti finanzjarji minn sorsi differenti mmaniġġjati mill-awtorità maniġerjali f'wieħed mill-modi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 38(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jeħtieġ li jiġi ċċarat kif il-kontribuzzjonijiet tal-programm jiġu trasferiti u mmaniġġjati. B'mod partikolari jeħtieġ li jiġu ċċarati ċ-ċirkustanzi li taħthom strument finanzjarju jkun jista' jirċievi kontribuzzjonijiet minn aktar minn programm wieħed jew minn aktar minn assi prijoritarju wieħed jew miżura tal-istess programm, u l-kundizzjonijiet li taħthom il-kontribuzzjonijiet pubbliċi jew privati nazzjonali għall-istrumenti finanzjarji li jsiru fil-livell tar-riċevituri finali jistgħu jitqiesu bħala riżorsi ta' kofinanzjament nazzjonali. |
|
(3) |
Jeħtieġ li jiġi stabbilit mudell għar-rappurtar dwar l-istrumenti finanzjarji lill-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet maniġerjali jipprovdu l-informazzjoni mitluba mill-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 b'mod konsistenti u komparabbli. Il-mudell għar-rappurtar dwar strumenti finanzjarji huwa meħtieġ ukoll sabiex jippermetti li l-Kummissjoni tipprovdi sommarji tad-dejta dwar il-progress li jkun sar fl-iffinanzjar u fl-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji. |
|
(4) |
Sabiex tiġi żgurata identità viżwali armonizzata għal miżuri ta' informazzjoni u komunikazzjoni għal operazzjonijiet fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni, għandhom jiġu stabbiliti l-istruzzjonijiet għall-ħolqien ta' emblema tal-Unjoni u definizzjoni tal-kuluri standard, kif ukoll karatteristiċi tekniċi għall-wiri tal-emblema tal-Unjoni u r-referenza għall-Fond jew Fondi li jappoġġjaw l-operazzjoni. |
|
(5) |
Sabiex tiġi żgurata identità viżwali armonizzata għal miżuri ta' informazzjoni u komunikazzjoni għal operazzjonijiet ta' infrastruttura u ta' kostruzzjoni fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni, jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-karatteristiċi tekniċi ta' kartelluni u plakka permanenti għall-operazzjonijiet ta' infrastruttura u ta' kostruzzjoni fejn l-appoġġ pubbliku totali jaqbeż il-EUR 500 000 għal kull operazzjoni. |
|
(6) |
Għall-finijiet tal-Artikolu 125(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jeħtieġ li jiġu stipulati speċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema sabiex tirreġistra u taħżen f'forma kompjuterizzata dejta dwar kull operazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, l-immaniġġjar finanzjarju, il-verifika u l-awditjar. |
|
(7) |
Għall-finijiet ta' implimentazzjoni effettiva tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 122(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema li tirreġistra u taħżen id-dejta jiggarantixxu l-interoperabilità sħiħa mas-sistema msemmija fl-Artikolu 122(3) ta' dak ir-Regolament, fil-livell arkitettoniku, tekniku u semantiku. |
|
(8) |
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati tas-sistema li tirreġistra u taħżen id-dejta għandhom ikunu dokumentati biżżejjed sabiex jiżguraw rendikont tal-entrati tal-konformità mar-rekwiżiti ġuridiċi. |
|
(9) |
Is-sistema li tirreġistra u taħżen id-dejta għandha tinkludi wkoll għodod ta' tiftix u funzjonijiet ta' rappurtar xierqa sabiex tkun tista' tirkupra u taggrega faċilment informazzjoni maħżuna fiha għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, l-immaniġġjar finanzjarja, il-verifika u għanijiet ta' awditjar. |
|
(10) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta' Koordinament għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
L-ARRANĠAMENTI DETTALJATI GĦAT-TRASFERIMENT U L-IMMANIĠĠJAR TA' KONTRIBUZZJONIJIET TAL-PROGRAMM U RAPPURTAR DWAR STRUMENTI FINANZJARJI
Artikolu 1
Trasferiment u mmaniġġjar ta' kontribuzzjonijiet tal-programm
(L-Artikolu 38(10) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013)
1. Meta l-kontribuzzjonijiet minn aktar minn programm wieħed jew minn aktar minn assi prijoritarju wieħed jew miżura tal-istess programm isiru għal strument finanzjarju, il-korp li jimplimenta dak l-istrument finanzjarju jżomm kont separat jew iżomm kodiċi ta' kontabbiltà adegwat għall-kontribuzzjoni minn kull programm, minn kull assi prijoritarju jew miżura għall-finijiet ta' rappurtar u ta' awditjar.
2. Meta jsiru kontribuzzjonijiet nazzjonali pubbliċi u privati għall-istrumenti finanzjarji fil-livell tar-riċevituri finali, kont ir-regoli speċifiċi għall-Fond, il-korpi li jimplimentaw dawk l-istrumenti finanzjarji jimmaniġġjaw kontribuzzjonijiet pubbliċi jew privati nazzjonali li jikkostitwixxu kofinanzjament nazzjonali u jsiru fil-livell ta' riċevituri finali skont il-paragrafi 3 sa 6.
3. Il-korpi li jimplimentaw l-istrumenti finanzjarji jżommu evidenza dokumentata ta':
|
(a) |
ftehimiet ġuridiċi konklużi mal-entitajiet privati jew pubbliċi li jikkonċernaw kontribuzzjonijiet pubbliċi jew privati nazzjonali li jikkostitwixxu kofinanzjament nazzjonali li għandu jiġi pprovdut minn dawn l-entitajiet fil-livell ta' riċevituri finali; |
|
(b) |
trasferiment effettiv ta' riżorsi li jikkostitwixxu kofinanzjament nazzjonali minn entitajiet privati jew pubbliċi lir-riċevituri finali; |
|
(c) |
kontribuzzjonijiet pubbliċi jew privati nazzjonali li jikkostitwixxu kofinanzjament nazzjonali u li jsiru minn entitajiet privati jew pubbliċi, irrapportat lill-korp li jimplimenta l-istrument finanzjarju. |
4. Il-korpi li jimplimentaw l-istrumenti finanzjarji jżommu r-responsabbiltà globali għall-investiment fir-riċevituri finali inkluż il-monitoraġġ sussegwenti tal-kontribuzzjonijiet minn programmi skont ftehimiet ta' finanzjament.
5. Il-korpi li jimplimentaw l-istrumenti finanzjarji jiżguraw li n-nefqa koperta mill-kontribuzzjonijiet pubbliċi jew privati nazzjonali li jikkostitwixxu kofinanzjament nazzjonali jkunu eliġibbli qabel ma jiddikjarawhom lill-awtorità maniġerjali.
6. Il-korpi li jimplimentaw l-istrumenti finanzjarji jżommu r-rendikont tal-entrati għall-kontribuzzjonijiet pubbliċi jew privati nazzjonali li jikkostitwixxu kofinanzjament nazzjonali sal-livell tar-riċevitur finali.
Artikolu 2
Mudell għar-rappurtar dwar strumenti finanzjarji
(L-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013)
Għar-rapport speċifiku msemmi fl-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-awtoritajiet maniġerjali jużaw il-mudell stabbilit fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.
KAPITOLU II
IL-KARATTERISTIĊI TEKNIĊI TA' MIŻURI TA' INFORMAZZJONI U KOMUNIKAZZJONI GĦALL-OPERAZZJONIJIET U STRUZZJONIJIET GĦALL-ĦOLQIEN TAL-EMBLEMA TAL-UNJONI U DEFINIZZJONI TAL-KULURI STANDARD
(L-Artikolu 115(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013)
Artikolu 3
Struzzjonijiet għall-ħolqien tal-emblema u definizzjoni tal-kuluri standard
L-emblema tal-Unjoni tinħoloq skont l-istandards grafiċi stabbiliti fl-Anness II.
Artikolu 4
Karatteristiċi tekniċi għall-wiri tal-emblema tal-Unjoni u r-referenza għall-Fond jew Fondi li jappoġġjaw l-operazzjoni
1. L-emblema tal-Unjoni msemmija fil-punt 1(a) tat-Taqsima 2.2 tal-Anness XII għar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tintwera bil-kulur fuq il-websajts. Fil-midja l-oħra kollha, il-kulur jintuża kull meta jkun possibbli u verżjoni monokromatika tista' tintuża biss f'każijiet ġustifikati.
2. L-emblema tal-Unjoni dejjem tkun tidher ċar u titpoġġa f'pożizzjoni prominenti. Il-pożizzjoni u d-daqs tagħha jkunu xierqa għall-iskala tal-materjal jew tad-dokument li jkun qed jiġi użat. Għal oġġetti promozzjonali żgħar ma japplikax l-obbligu li ssir referenza għall-Fond.
3. Meta l-emblema tal-Unjoni, ir-referenza għall-Unjoni u l-Fond rilevanti jintwerew fuq websajt:
|
(a) |
l-emblema tal-Unjoni u r-referenza għall-Unjoni jkunu jidhru, meta tasal fuq il-websajt, fil-parti viżwali tal-apparat diġitali, mingħajr ma l-utent ikollu jiskrollja 'l isfel fil-paġna; |
|
(b) |
ir-referenza għall-Fond rilevanti tkun tidher fuq l-istess websajt. |
4. L-isem tal-“Unjoni Ewropea” dejjem jiġi miktub b'mod sħiħ. L-isem ta' strument finanzjarju jinkludi referenza għall-fatt li huwa appoġġjat mill-Fondi ESI. It-tipografija li tintuża flimkien mal-emblema tal-Unjoni tista' tkun kwalunkwe waħda minn dawn il-fonts: Arial, Auto, Calibri, Garamond, Trebuchet, Tahoma, Verdana, Ubuntu. Varjazzjonijiet bis-sottolinja jew bit-tipa korsiva, jew effetti tal-fonts ma jintużawx. Il-pożizzjoni tat-test fir-rigward tal-emblema tal-Unjoni ma tfixkel l-emblema tal-Unjoni bl-ebda mod. Id-daqs tat-tipa użata jkun proporzjonat għad-daqs tal-emblema. Il-kulur tat-tipa jkun blu reflex, iswed jew abjad skont l-isfond.
5. Jekk jintwerew logos oħrajn apparti l-emblema tal-Unjoni, l-emblema tal-Unjoni jkollha mill-inqas l-istess daqs, imkejjel f'għoli u wisgħa, daqs l-akbar wieħed mill-logos l-oħrajn.
Artikolu 5
Karatteristiċi tekniċi tal-plakek permanenti u l-kartelluni temporanji jew permanenti
1. L-isem tal-operazzjoni, l-objettiv ewlieni tal-operazzjoni, l-emblema tal-Unjoni flimkien mar-referenza għall-Unjoni u r-referenza għall-Fond jew il-Fondi li għandhom jintwerew fuq il-kartellun temporanju msemmi fil-punt 4 tat-Taqsima 2.2 tal-Anness XII tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jieħdu mill-inqas 25 % ta' dak il-kartellun.
2. L-isem tal-operazzjoni u l-objettiv ewlieni tal-attività appoġġjata mill-operazzjoni, l-emblema tal-Unjoni flimkien mar-referenza għall-Unjoni u r-referenza għall-Fond jew il-Fondi li għandhom jintwerew fuq il-plakka permanenti jew il-kartellun permanenti msemmi fil-punt 5 tat-Taqsima 2.2 tal-Anness XII tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jieħdu mill-inqas 25 % ta' dik il-plakka jew kartellun.
KAPITOLU III
IS-SISTEMA LI TIRREĠISTRA U TAĦŻEN ID-DEJTA
(L-Artikolu 125(8) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013)
Artikolu 6
Dispożizzjonijiet ġenerali
Is-sistema li tirreġistra u taħżen id-dejta dwar l-operazzjonijiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 125(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Artikoli 7 sa 11.
Artikolu 7
Protezzjoni u preżervazzjoni tad-dejta u tad-dokumenti u l-integrità tagħhom
1. L-aċċess għas-sistema jkun ibbażat fuq id-drittijiet predefiniti għat-tipi differenti ta' utenti u jitrażżan fejn ma jkunx għadu meħtieġ.
2. Is-sistema żżomm rekord ta' kull reġistrazzjoni, modifika u tħassir ta' dokumenti u dejta.
3. Is-sistema ma tippermettix modifikar tal-kontenut ta' dokumenti li jkollhom firma elettronika. Timbru tal-ħin li jiċċertifika d-depożitu tad-dokument mehmuż b'firma elettronika jiġi ġġenerat u assoċjat mad-dokument u ma jkunx jista' jinbidel. It-tħassir ta' dawn id-dokumenti jiġi rreġistrat skont il-paragrafu 2.
4. Id-dejta għandha tkun soġġetta għal backups regolari. Il-backup b'replika tal-kontenut kollu tar-repożitorju tal-fajl elettroniku jkun lest għall-użu f'każ ta' emerġenza.
5. Il-faċilità ta' ħżin elettroniku tkun protetta kontra kull periklu ta' telf jew modifikazzjoni tal-integrità tagħha. Din il-protezzjoni tinkludi protezzjoni fiżika kontra t-temperatura u l-livelli ta' umdità mhux xierqa, u sistemi ta' detezzjoni tan-nar u s-serq, sistemi ta' protezzjoni xierqa kontra attakki tal-vajrusijiet, hackers u kull aċċess ieħor mhux awtorizzat.
6. Is-sistema tipprovdi għall-migrazzjoni tad-dejta, il-format u l-ambjent tal-kompjuter f'intervalli suffiċjenti sabiex tiġi garantita l-leġibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-dokumenti u d-dejta sa tmiem il-perjodu rilevanti msemmi fl-Artikolu 140(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
Artikolu 8
Interoperabbiltà
1. Is-sistema tkun interoperabbli mas-sistemi għall-iskambju tad-dejta elettronika mal-benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 122(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
Fejn xieraq, is-sistema tiffaċilita l-verifika tal-veraċità u l-kompletezza tad-dejta pprovduta mill-benefiċjarji qabel ma tinħażen b'mod sikur.
2. Is-sistema tkun interoperabbli ma' sistemi kompjuterizzati rilevanti oħrajn skont il-Qafas Nazzjonali għall-Interoperabbiltà u tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (QEI) stabbilit skont id-Deċiżjoni Nru 922/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).
3. Is-sistema tkun interoperabbli fil-livell tekniku u semantiku. L-ispeċifikazzjonijiet jappoġġjaw formati standard għall-iskambju tad-dejta u jiżguraw li dawn il-formati jistgħu jiġu rikonoxxuti u skambjati bejn sistemi eteroġenji.
Artikolu 9
Funzjonijiet ta' tiftix u rappurtar
Is-sistema tinkludi:
|
(a) |
għodod ta' tiftix xierqa li jippermettu l-irkupru faċli tad-dokumenti, id-dejta u l-metadejta tagħhom; |
|
(b) |
funzjoni ta' rappurtar li tippermetti l-ġenerazzjoni ta' rapporti fuq il-bażi ta' kriterji predefiniti, b'mod partikolari għad-dejta stipulata fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014 (4); |
|
(c) |
possibbiltà ta' rapporti ta' ssejvjar, esportazzjoni jew stampar imsemmija fil-punt (b), jew link għal ta' applikazzjoni esterna li tipprovdi din il-possibbiltà. |
Artikolu 10
Dokumentazzjoni tas-sistema
L-awtorità maniġerjali tipprovdi dokumentazzjoni teknika dettaljata u funzjonali aġġornata dwar l-operazzjoni u l-karatteristiċi tas-sistema, aċċessibbli fuq talba minn entitajiet rilevanti responsabbli għall-immaniġġjar tal-programm, mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Id-dokumentazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tagħti evidenza tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fl-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 11
Sigurtà tal-iskambju ta' informazzjoni
Is-sistema użata tkun protetta b'miżuri ta' sigurtà xierqa rigward il-klassifikazzjoni ta' dokumenti, il-protezzjoni tas-sistemi ta' informazzjoni u l-protezzjoni tad-dejta personali. Dawn il-miżuri jkunu konformi mal-istandards internazzjonali u r-rekwiżiti ġuridiċi nazzjonali.
Il-miżuri ta' sigurtà msemmija fl-ewwel paragrafu jipproteġu n-netwerks u l-faċilitajiet ta' trażmissjoni meta s-sistema tinteraġixxi ma' moduli u sistemi oħrajn.
Artikolu 12
Dћul fis-seћћ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegћu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Lulju 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 215/2014 tas-7 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd fir-rigward ta' metodoloġiji tal-appoġġ għat-tibdil fil-klima, id-determinazzjoni tal-istadji importanti u l-miri fil-qafas tal-prestazzjoni u n-nomenklatura ta' kategoriji ta' intervent għall-Fondi ta' Investiment Strutturali Ewropej (ĠU L 69, 8.3.2014, p. 65).
(3) Id-Deċiżjoni Nru 922/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (ISA) (ĠU L 260, 3.10.2009, p. 20).
(4) Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014 tat- 3 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (ĠU L 138, 13.5.2014, p. 5).
ANNESS I
Mudell għar-rappurtar dwar strumenti finanzjarji
|
Nru |
Informazzjoni meħtieġa għal kull strument finanzjarju |
|
I. Identifikazzjoni tal-programm u l-prijorità jew il-miżura li minnhom jiġi pprovdut l-appoġġ mill-fondi ESI (l-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013) |
|
|
1 |
Assi prijoritarji jew miżuri li jappoġġjaw l-istrument finanzjarju, inkluż fond ta' fondi, skont il-programm ta' Fond ESI |
|
1.1 |
Referenza (numru u titolu) ta' kull ass prijoritarju jew miżura li jappoġġjaw l-istrument finanzjarju skont il-programm ta' Fondi ESI |
|
2 |
Isem il-Fond(i) ESI li jappoġġja(w) l-istrument finanzjarju skont l-ass prijoritarju jew il-miżura |
|
3 |
Objettiv(i) tematiku/tematiċi msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 appoġġjat(i) mill-istrument finanzjarju |
|
4 |
Programmi oħrajn tal-Fond ESI li jipprovdu kontribuzzjonijiet għall-istrument finanzjarju |
|
4.1 |
Numru CCI ta' kull Fond ESI ieħor li jipprovdi kontribuzzjonijiet għall-istrument finanzjarju |
|
II. Deskrizzjoni tal-istrument finanzjarju u l-arranġamenti ta' implimentazzjoni (l-Artikolu 46(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013) |
|
|
5 |
Isem l-istrument finanzjarju |
|
6 |
Indirizz uffiċjali/post tan-negozju tal-istrument finanzjarju (isem tal-pajjiż u l-belt) |
|
7 |
Arranġamenti ta' implimentazzjoni |
|
7.1 |
Strument finanzjarju stabbilit fil-livell tal-Unjoni, immaniġġjat direttament jew indirettament mill-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 38(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, appoġġjat minn kontribuzzjonijiet tal-programm tal-Fond ESI |
|
7.1.1 |
Isem l-istrument finanzjarju fil-livell tal-Unjoni |
|
7.2 |
Strument finanzjarju stabbilit fil-livell nazzjonali, reġjonali, tranżnazzjonali jew transfruntier, immaniġġjat mill-awtorità maniġerjali, jew taħt ir-responsabbiltà tagħha, imsemmi fl-Artikolu 38(1)(b), appoġġjat mill-kontribuzzjonijiet tal-programm tal-Fond ESI taħt il-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 38(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 |
|
8 |
Tip tal-istrument finanzjarju |
|
8.1 |
Strumenti mfassla apposta jew finanzjarji li jikkonformaw mat-termini u kundizzjonijiet standard |
|
8.2 |
Strument finanzjarju organizzat permezz ta' fond ta' fondi jew mingħajr fond ta' fondi |
|
8.2.1 |
Isem il-fond ta' fondi mwaqqaf biex jimplimenta strumenti finanzjarji |
|
9 |
Tip ta' prodotti pprovduti mill-istrument finanzjarju: krediti, mikrokrediti, garanziji, investimenti ta' ekwità jew kważi ekwità, prodotti finanzjarji oħrajn jew appoġġ ieħor magħqud mal-istrument finanzjarju skont l-Artikolu 37(7) ta-Regolament (UE) Nru 1303/2013 |
|
9.1 |
Deskrizzjoni ta' prodotti finanzjarji oħrajn |
|
9.2 |
Appoġġ ieħor magħqud mal-istrument finanzjarju: għotja, sussidju tar-rata tal-imgħax, sussidju ta' tariffa għal garanzija skont l-Artikolu 37(7) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 |
|
10 |
Status ġuridiku tal-istrument finanzjarju, skont l-Artikolu 38(6) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (għal strumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 38(1)(b) biss): kont fiduċjarju miftuħ f'isem l-organu eżekuttiv u f'isem l-awtorità maniġerjali jew blokk separat ta' finanzi fl-istituzzjoni finanzjarja |
|
III. Identifikazzjoni tal-entità li teżegwixxi l-istrument finanzjarju kif imsemmi fl-Artikoli 38 (1)(a), 38(4)(a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, u l-intermedjarji finanzjarji msemmija fl-Artikolu 38(5) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (l-Artikolu 46(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013) |
|
|
11 |
Entità li teżegwixxi l-istrument finanzjarju |
|
11.1 |
Tip ta' organu eżekuttiv skont l-Artikolu 38(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013: entità ġuridika eżistenti jew ġdida ddedikata għall-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji; il-Bank Ewropew tal-Investiment; il-Fond Ewropew tal-Investiment; istituzzjoni finanzjarja internazzjonali li Stat Membru jkun azzjonist fiha; istituzzjoni finanzjarja stabbilita fi Stat Membru bl-għan li jitħares l-interess pubbliku taħt il-kontroll ta' awtorità pubblika; korp regolat mil-liġi pubblika jew privata; awtorità maniġerjali li twettaq kompiti ta' implimentazzjoni direttament (għal self jew garanziji biss) |
|
11.1.1 |
Isem l-entita li teżegwixxi l-istrument finanzjarju |
|
11.1.2 |
Indirizz uffiċjali/post tan-negozju (isem il-pajjiż u l-belt) tal-entità li teżegwixxi l-istrument finanzjarju |
|
12 |
Proċedura li tintgħażel l-entità li teżegwixxi l-istrument finanzjarju: għoti ta' kuntratt pubbliku proċedura oħra |
|
12.1 |
Deskrizzjoni ta' proċedura oħra biex tintgħażel l-entità li teżegwixxi l-istrument finanzjarju |
|
13 |
Data tal-firma tal-ftehim ta' finanzjament mal-entità li teżegwixxi l-istrument finanzjarju |
|
IV. L-ammont totali ta' kontribuzzjonijiet tal-Programm, bi prijorità jew miżura, imħallas lill-istrument finanzjarju u l-ispejjeż tal-immaniġġjar imġarrba jew il-ħlasijiet tal-immaniġġjar imħallsa (l-Artikolu 46(2)(d) u (e) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013) |
|
|
14 |
Ammont totali ta' kontribuzzjonijiet tal-Programm impenjati fil-ftehim ta' finanzjament (f'EUR) |
|
14.1 |
li minnhom kontribuzzjonijiet għall-Fondi ESI (f'EUR) |
|
15 |
Ammont totali ta' kontribuzzjonijiet tal-Programm imħallsa fl-istrument finanzjarju (f'EUR) |
|
15.1 |
li minnhom ammonti ta' kontribuzzjonijiet għall-Fondi ESI (f'EUR) |
|
15.1.1 |
li minnhom il-FEŻR (f'EUR) |
|
15.1.2 |
li minnhom il-Fond ta' Koeżjoni (f'EUR) |
|
15.1.3 |
li minnhom il-FSE (f'EUR) |
|
15.1.4 |
li minnhom il-FAEŻR (f'EUR) |
|
15.1.5 |
li minnhom il-FEMS (f'EUR) |
|
15.2 |
li minnhom l-ammont totali ta' kofinanzjament nazzjonali (f'EUR) |
|
15.2.1 |
li minnhom l-ammont totali ta' finanzjament pubbliku nazzjonali (f'EUR) |
|
15.2.2 |
li minnhom l-ammont totali ta' finanzjament privat nazzjonali (f'EUR) |
|
16 |
Ammont totali ta' kontribuzzjonijiet tal-Programm imħallsa fl-istrument finanzjarju skont l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) (1) (f'EUR) |
|
17 |
L-ammont totali ta' spejjeż u tariffi ta' mmaniġġjar imħallsa minn kontribuzzjonijiet tal-Programm (f'EUR) |
|
17.1 |
li minnhom ir-remunerazzjoni bażi (f'EUR) |
|
17.2 |
li minnhom ir-remunerazzjoni abbażi tal-prestazzjoni (f'EUR) |
|
18 |
Kostijiet tal-immaniġġjar kapitalizzati jew ħlasijiet skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (relevanti biss għal rapport finali) (f'EUR) |
|
19 |
Sussidju tar-rata tal-imgħax jew sussidji ta' tariffa għal garanzija kapitalizzati skont l-Artikolu 42(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (relevanti għar-rapport finali biss) (f'EUR) |
|
20 |
Ammont ta' kontribuzzjonijiet tal-Programm għal investimenti ta' segwitu f'riċevituri finali skont l-Artikolu 42(3)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (relevanti għar-rapport finali biss) (f'EUR) |
|
21 |
Kontribuzzjonijiet ta' art u/jew proprjetà immobbli fl-istrument finanzjarju skont l-Artikolu 37(10) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (relevanti għar-rapport finali biss) (f'EUR) |
|
V. Ammont totali ta' appoġġ imħallas lir-riċevituri finali, jew għall-benefiċċju ta' riċevituri finali, jew impenjat f'kuntratti ta' garanzija mill-istrument finanzjarju għall-investimenti f'riċevituri finali, mill-Programm ta' Fondi ESI u l-prijorità jew il-miżura (l-Artikolu 46(2)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013) |
|
|
22 |
Isem kull prodott finanzjarju offrut mill-istrument finanzjarju |
|
23 |
Data tal-firma tal-ftehim ta' finanzjament għall-istrument finanzjarju |
|
24 |
Ammont totali ta' kontribuzzjonijiet tal-Programm impenjati f'self, garanzija, kuntratti ta' ekwità, kważi ekwità jew kuntratti oħrajn ta' prodotti finanzjarji mar-riċevituri finali (f'EUR) |
|
24.1 |
li minnhom l-ammont totali ta' Fondi ESI għall-kontribuzzjonijiet tal-Fondi ESI (f'EUR) |
|
25 |
Ammont totali ta' kontribuzzjonijiet tal-Programm imħallas lir-riċevituri finali permezz ta' self, mikrokrediti, ekwità jew prodotti oħrajn, jew, fil-każ ta' garanziji, impenjati għal self imħallas lir-riċevituri finali, skont il-prodott (f'EUR) |
|
25.1 |
li minnhom l-ammont totali ta' Fondi ESI għall-kontribuzzjonijiet tal-Fondi ESI (f'EUR) |
|
25.1.1 |
li minnhom il-FEŻR (f'EUR) |
|
25.1.2 |
li minnhom il-Fond ta' Koeżjoni (f'EUR) |
|
25.1.3 |
li minnhom il-FSE (f'EUR) |
|
25.1.4 |
li minnhom il-FAEŻR (f'EUR) |
|
25.1.5 |
li minnhom il-FEMS (f'EUR) |
|
25.2 |
li minnhom l-ammont totali ta' kofinanzjament pubbliku nazzjonali (f'EUR) |
|
25.3 |
li minnhom l-ammont totali ta' kofinanzjament privat nazzjonali (f'EUR) |
|
26 |
Il-valur totali ta' self li fil-fatt tħallas lir-riċevituri finali fir-rigward tal-kuntratti ta' garanzija ffirmati (f'EUR) |
|
27 |
Numru ta' self/garanzija/kuntratti ta' ekwità jew ta' kważi ekwità/prodotti finanzjarji oħrajn iffirmati ma' riċevituri finali, skont il-prodott |
|
28 |
Numru ta' self/garanziji/investimenti ta' ekwità jew ta' kważi ekwità/prodotti finanzjarji oħrajn magħmula fir-riċevituri finali, skont il-prodott |
|
29 |
Numru ta' riċevituri finali appoġġjati mill-prodott finanzjarju |
|
29.1 |
li minnhom impriżi kbar |
|
29.2 |
li minnhom SMEs |
|
29.2.1 |
li minnhom mikrointrapriżi |
|
29.3 |
li minnhom individwi |
|
29.4 |
li minnhom tip ieħor ta' riċevituri finali appoġġjati |
|
29.4.1 |
deskrizzjoni ta' tip ieħor ta' riċevituri finali appoġġjati |
|
VI. Prestazzjoni tal-istrument finanzjarju inkluż il-progress fit-twaqqif tiegħu u fl-għażla tal-entitajiet li jeżegwixxu l-istrument finanzjarju (inkluża l-entità li teżegwixxi fond ta' fondi (l-Artikolu 46(2)(f) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013) |
|
|
30 |
Data ta' tlestija tal-valutazzjoni ex-ante |
|
31 |
Għażla ta' organi li jeżegwixxu l-istrument finanzjarju |
|
31.1 |
numru ta' ta' proċeduri ta' għażla diġà mnedija |
|
31.2 |
numru ta' ftehimiet ta' finanzjament diġà ffirmati |
|
32 |
Informazzjoni dwar jekk l-istrument finanzjarju kienx għadu jopera fi tmiem is-sena ta' rappurtar |
|
32.1 |
Jekk l-istrument finanzjarju ma kienx jopera fi tmiem is-sena ta' rappurtar, id-data ta' stralċ |
|
33 |
Numru totali ta' self żburżat inadempjenti jew numru totali ta' garanziji pprovduti u msejħa minħabba l-inadempjenza tas-self |
|
34 |
Ammont totali ta' self żburżat inadempjenti (f'EUR) jew ammont totali impenjat għall-garanziji pprovduti u msejħa minħabba l-inadempjenza ta' self (f'EUR) |
|
VII. Imgħax u dħul ieħor iġġenerat b'appoġġ mill-Fondi ESI għall-istrument finanzjarju, riżorsi tal-Programm imħallsa lura lill-istrument finanzjarju minn investimenti kif imsemmi fl-Artikoli 43 u 44, u l-valur tal-investimenti ta' ekwità fir-rigward tas-snin preċedenti (l-Artikolu 46(2)(g) u (i) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013) |
|
|
35 |
Imgħax u dħul ieħor iġġenerat minn pagamenti minn programm ta' Fondi ESI lill-istrument finanzjarju (f'EUR) |
|
36 |
Ammonti mħallsa mill-ġdid lill-istrument finanzjarju attribwibbli għall-appoġġ mill-Fondi ESI sat-tmiem tas-sena tar-rapportar (f'EUR) |
|
36.1 |
li minnhom ħlasijiet lura kapitali (f'EUR) |
|
36.2 |
li minnhom qligħ, qligħ ieħor u renditi (f'EUR) |
|
37 |
Ammonti ta' riżorsi użati mill-ġdid, li tħallsu lura lill-istrument finanzjarju u huma attribwibbli għall-Fondi ESI. |
|
37.1 |
li minnhom ammonti mħallsa għar-rimunerazzjoni preferenzjali ta' investituri privati jew investituri pubbliċi li joperaw skont il-prinċipju tal-ekonomija tas-suq, li jipprovdu riżorsi tal-kontraparti għall-appoġġ mill-Fondi ESI lill-istrument finanzjarju jew li jikkoinvestu fil-livell ta' riċevitur finali (f'EUR) |
|
37.2 |
li minnhom ammonti mħallsa għar-rimborż tal-kostijiet ta' maniġment imġarrba u l-ħlas ta' tariffi ta' maniġment tal-istrument finanzjarju (f'EUR) |
|
VIII. Progress fil-kisba tal-effett ta' lieva mistenni ta' investimenti magħmula mill-istrument finanzjarju u l-valur tal-investimenti u l-parteċipazzjonijiet (l-Artikolu 46(2)(h) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013) |
|
|
38 |
Ammont totali ta' kontribuzzjonijiet oħrajn, barra fondi ESI, li nġabru mill-istrument finanzjarju (EUR) |
|
38.1 |
Ammont totali ta' kontribuzzjonijiet oħrajn, barra mill-Fondi ESI, impenjati fil-ftehim ta' finanzjament mal-organu li jeżegwixxi l-istrument finanzjarju (f'EUR) |
|
38.2 |
Ammont totali ta' kontribuzzjonijiet oħrajn, barra mill-Fondi ESI, imħallsa lill-istrument finanzjarju (f'EUR) |
|
38.2.1 |
li minnhom kontribuzzjonijiet pubbliċi (EUR) |
|
38.2.2 |
li minnhom kontribuzzjonijiet privati (EUR) |
|
38.3 |
Ammont totali ta' kontribuzzjonijiet oħrajn, barra mill-Fondi ESI mobilizzati fil-livell tar-riċevituri finali (f'EUR) |
|
38.3.1 |
li minnhom kontribuzzjonijiet pubbliċi (EUR) |
|
38.3.2 |
li minnhom kontribuzzjonijiet privati (EUR) |
|
39 |
Effett ta' lieva mistenni u miksub, b'referenza għall-ftehim ta' finanzjament |
|
39.1 |
Effett ta' lieva mistenni għal self/garanzija/investiment ta' ekwità jew kważi ekwità/prodotti finanzjarji oħrajn, b'referenza għall-ftehim ta' finanzjament, skont il-prodott |
|
39.2 |
Effett ta' lieva miksub fit-tmiem tas-sena tar-rapportar għal self/garanziji/investimenti ta' ekwità jew kważi ekwità/prodotti finanzjarji oħrajn, skont il-prodott |
|
40 |
Valur tal-investimenti u l-parteċipazzjonijiet, fir-rigward tas-snin preċedenti (f'EUR) |
|
IX. Kontribuzzjoni tal-istrument finanzjarju għall-kisba tal-indikaturi tal-prijorità jew miżura kkonċernata (l-Artikolu 46(2)(j) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013) |
|
|
41 |
Indikatur tal-produzzjoni (numru tal-kodiċi u isem) li l-istrument finanzjarju jikkontribwixxi għalih |
|
41.1 |
Valur fil-mira tal-indikatur tal-prestazzjoni |
|
41.2 |
Valur miksub mill-istrument finanzjarju fir-rigward tal-valur fil-mira tal-indikatur tal-prestazzjoni |
(1) Dan jinkludi l-allokazzjoni speċifika tal-YEI u l-appoġġ korrispondenti tal-FSE.
ANNESS II
Standards grafiċi għall-ħolqien tal-emblema tal-Unjoni u d-definizzjoni tal-kuluri standard
DESKRIZZJONI SIMBOLIKA
Fuq sfond ta' sema ikħal, tnax-il stilla tad-deheb jiffurmaw ċirku li jirrappreżenta l-unjoni tal-popli tal-Ewropa. In-numru ta' stilel huwa fiss, u tnax huwa s-simbolu tal-perfezzjoni u l-unità.
DESKRIZZJONI ERALDIKA
Fuq sfond ta' ikħal ċar, ċirku ta' tnax-il ħuta tas-sura tal-buras, tad-deheb, u l-ponot tagħhom ma jmissux.
DESKRIZZJONI ĠEOMETRIKA
L-emblema hi forma ta' bandiera rettangolari kaħla bl-ibgħad parti mill-arblu tkun darba u nofs it-tul tal-eqreb pati lejn l-arblu. Tnax-il stilla tad-deheb li jinsabu f'intervalli ndaqs jiffurmaw ċirku inviżibbli li ċ-ċentru tiegħu huwa l-punt ta' intersezzjoni tad-djagonali tar-rettangolu. Ir-raġġ taċ-ċirklu hu daqs terz tat-tul tal-eqreb parti tal-bandiera lejn l-arblu. Kull waħda mill-istilel għandha ħames ponot li jinsabu fiċ-ċirkumferenza ta' ċirku inviżibbli b' raġġ daqs wieħed minn tmintax tat-tul tal-eqreb parti tal-bandiera lejn l-arblu. L-istilel kollha huma rashom 'il fuq, jiġifieri b'ponta vertikali u żewġ ponot f'linja dritta f'angoli retti mal-arblu. Iċ-ċirku hu rranġat sabiex l-istilel ikunu fil-pożizzjoni tas-sigħat fuq il-wiċċ ta' arloġġ. L-għadd tagħhom ma jinbidilx.
IL-KULURI REGOLAMENTARI
L-emblema għandha dawn il-kuluri:
|
— |
Il-BLU REFLEX PANTONE għall-wiċċ tar-rettangolu: |
|
— |
PANTONE YELLOW għall-istillel. |
IL-PROĊESS TA' ERBA' KULURI
Jekk jintuża l-proċess ta' erba' kuluri, erġa' oħloq iż-żewġ kuluri standard billi tuża l-erba' kuluri tal-proċess ta' erba' kuluri.
L-ISFAR PANTONE jinkiseb bl-użu ta' 100 % “Process Yellow”.
IL-BLU REFLEX PANTONE jinkiseb bit-taħlita ta' 100 % “Process Cyan” u 80 % “Process Magenta”.
INTERNET
IL-BLU REFLEX PANTONE jikkorrispondi fil-kulur tal-paletta tal-web RGB:0/51/153 (eżadeċimali: 003399) u L-ISFAR PANTONE jikkorrispondi fil-kulur tal-paletta tal-web RGB: 255/204/0 (eżadeċimali: FFCC00).
IL-PROĊESS TAR-RIPRODUZZJONI MONOKROMJU
Bl-użu tal-iswed, pinġi r-rettangolu bl-iswed u stampa l-istilel bl-iswed fuq l-abjad.
Meta tuża l-blu (Blu Reflex), uża 100 % bl-istilel riprodotti f'abjad negattiv.
RIPRODUZZJONI FUQ SFOND KULURIT
Jekk ma hemmx alternattiva għal sfond ikkulurit, poġġi bordura bajda mar-rettangolu, b'wisa' li hu daqs 1/25 tal-għoli tar-rettangolu.