31.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 227/69


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 809/2014

tas-17 ta’ Lulju 2014

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikulari l-Artikoli 58(4), 62(2)(a) sa (f) u (h), 63(5), 77(8), 78, 96(4) u 101(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jistabbilixxi r-regoli bażiċi li jikkonċernaw, fost l-oħrajn, l-obbligi tal-Istati Membri li jħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-qafas legali l-ġdid stabbilit minn dak ir-Regolament jaħdem mingħajr problemi u jkun japplika b’mod uniformi, il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa tadotta ċerti regoli fir-rigward tal-verifiki amministrattivi u fuq il-post, tal-kejl taż-żoni, tal-każijiet li fihom jistgħu jiġu kkoreġuti l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-ħlas, tal-applikazzjoni u l-kalkolu tal-irtirar parzjali jew totali u l-irkupru ta’ pagamenti mhux dovuti u pieni, tal-applikazzjoni u l-kalkolu tal-pieni amministrattivi, tar-rekwiżiti għall-bażi tad-dejta kompjuterizzata, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u t-talbiet għall-ħlas u l-applikazzjonijiet għad-drittijiet għall-pagamenti, inkluża d-data finali għat-tressiq, tat-twettiq ta’ verifiki, tat-trasferimenti tal-azjendi agrikoli, tal-pagament tal-avvanzi, tat-twettiq ta’ verifiki relatati mal-obbligi tal-kundizzjonalità, tal-kalkolu u l-applikazzjoni ta’ pieni amministrattivi marbutin mal-kundizzjonalità u tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa għall-fini tal-applikazzjoni uniformi tar-regoli bażiċi dwar is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (“is-sistema integrata”) fir-rigward tal-kundizzjonalità.

(2)

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw it-tħaddim xieraq tas-sistema ta’ amministrazzjoni u kontroll meta jkun hemm iktar minn aġenzija waħda tal-pagamenti li tkun responsabbli għall-istess benefiċjarju.

(3)

Meta l-awtorità kompetenti tkun għadha ma għarrfitx lill-benefiċjarju b’xi żball li jkun hemm fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew fit-talba għall-ħlas u lanqas ma tkun ħabbret li se ssir verifika fuq il-post, il-benefiċjarji għandhom ikunu intitolati jirtiraw l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-ħlas tagħhom, jew partijiet minnhom, fi kwalunkwe waqt. Il-benefiċjarji għandhom jitħallew ukoll jikkoreġu jew jaġġustaw l-iżbalji ovvji li jkun hemm fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew fit-talbiet għall-ħlas u fi kwalunkwe dokument ta’ sostenn - żbalji li f’ċerti każijiet iridu jiġu rrikonoxxuti mill-awtoritajiet nazzjonali.

(4)

Iridu jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet speċifiċi u ddettaljati sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ġusta tat-tnaqqis differenti li jrid jiġi applikat meta l-istess benefiċjarju jagħmel applikazzjoni waħda għall-għajnuna jew talba waħda għall-ħlas jew iktar. Għalhekk, għandha tiġi stabbilita s-sekwenza għall-kalkolu tat-tnaqqis potenzjali differenti għal kull skema ta’ pagament dirett jew miżura ta’ żvilupp rurali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-prinċipju ta’ bona fide fl-Unjoni kollha, meta jiġu rkuprati l-ammonti li jkunu tħallsu b’mod mhux dovut, il-kundizzjonijiet li bihom dak il-prinċipju jista’ jiġi invokat għandhom jiġu stabbiliti mingħajr ħsara għat-trattament tan-nefqa kkonċernata fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-kontijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(6)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar il-konsegwenzi tat-trasferiment ta’ azjendi agrikoli sħaħ li huma suġġetti għal ċerti obbligi skont l-iskemi ta’ pagament dirett jew skont il-miżuri tal-iżvilupp rurali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata.

(7)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja s-sistema integrata b’mod effettiv, l-Istati Membri għandhom jgħarrfuha bi kwalunkwe dejta u statistika annwali ta’ kontroll. B’mod simili, darba fis-sena l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-istatistika tal-verifiki fuq il-miżuri tal-iżvilupp rurali li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata, inklużi r-riżultati tat-tali verifiki. Barra minn hekk, fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa bi kwalunkwe miżura li l-Istati Membri jkunu ħadu fir-rigward tal-kundizzjonalità.

(8)

Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-Istati Membri jistgħu jħallsu avvanzi fir-rigward tal-pagamenti diretti b’ċerti kundizzjonijiet, inkluża l-finalizzazzjoni tal-verifiki amministrattivi u fuq il-post fir-rigward tas-sena tat-talba kkonċernata. L-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistipula li r-rata ta’ aġġustament stabbilita skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tapplika għall-pagamenti diretti li jaqbżu limitu fiss. Madankollu, skont l-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, abbażi ta’ informazzjoni ġdida li jkollha fil-pussess tagħha, il-Kummissjoni tista’ tadatta r-rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti sal-1 ta’ Diċembru. Għaldaqstant, sas-16 ta’ Ottubru jaf tkun għadha mhix magħrufa r-rata ta’ aġġustament tad-dixxiplina finanzjarja li tista’ tiġi applikata. Il-pagament tal-bilanċ mill-1 ta’ Diċembru ‘l quddiem għandu jqis ir-rata ta’ aġġustament tad-dixxiplina finanzjarja applikabbli f’dak iż-żmien.

(9)

Għandu jiġi stabbilit il-qafas ġenerali għall-introduzzjoni ta’ proċeduri ssimplifikati fil-kuntest ta’ komunikazzjonijiet bejn il-benefiċjarju u l-awtoritajiet nazzjonali. B’mod partikulari, dan il-qafas għandu jipprevedi l-possibbiltà li jintużaw mezzi elettroniċi. Madankollu, irid jiġi żgurat b’mod partikulari li d-dejta trażmessa b’dan il-mod tkun kompletament affidabbli u li l-proċeduri rilevanti jitħaddmu mingħajr ebda diskriminazzjoni bejn il-benefiċjarji. Sabiex titħaffef l-amministrazzjoni kemm għall-benefiċjarji u kemm għall-awtoritajiet nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jużaw ukoll, b’mod dirett, l-informazzjoni li tkun għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali minflok ma jeħtieġu lill-benefiċjarju jipprovdi t-tali informazzjoni biex jivverifikaw l-eliġibbiltà ta’ ċerti pagamenti.

(10)

Biex ikunu jistgħu jsiru verifiki effettivi fl-Istati Membri li jiddeċiedu li l-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna għall-pagamenti diretti u t-talbiet kollha għall-ħlas għall-miżuri tal-iżvilupp rurali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata għandhom ikunu koperti mill-applikazzjoni unika skont l-Artikolu 72(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, irid jiġi stipulat li kwalunkwe applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-ħlas li b’xi mod tkun marbuta maż-żona trid titressaq darba fis-sena biss f’applikazzjoni unika waħda.

(11)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-dati finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika u/jew tat-talbiet għall-ħlas li, sabiex ikunu jistgħu jiġu pproċessati u vverifikati fil-ħin l-applikazzjoni għall-għajnuna u t-talbiet għall-ħlas, ma għandhomx ikunu iktar tard mill-15 ta’ Mejju. Minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi partikulari fl-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Finlandja u l-Isvezja, dawk l-Istati Membri għandhom jitħallew jistabbilixxu data iktar tard li ma għandhiex tkun iktar tard mill-15 ta’ Ġunju. Barra minn hekk, fil-ġejjieni jridu jkunu jistgħu jingħataw derogi abbażi ta’ każ b’każ jekk il-kundizzjonijiet klimatiċi f’sena partikulari jkunu jeħtieġu hekk.

(12)

Fl-applikazzjoni unika, il-benefiċjarji għandhom jiddikjaraw mhux biss iż-żona użata għal finijiet agrikoli, iżda wkoll id-drittijiet għall-pagamenti tagħhom u kwalunkwe informazzjoni meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà għall-għajnuna u/jew għall-appoġġ. Madankollu, huwa xieraq li l-Istati Membri jitħallew jagħtu deroga minn ċerti obbligi meta d-drittijiet għall-pagamenti li jridu jiġu allokati f’sena partikulari jkun għadhom ma ġewx stabbiliti b’mod definittiv.

(13)

Biex tingħata l-iktar flessibbiltà possibbli fir-rigward tal-pjanijiet tal-benefiċjarji rigward l-użu taż-żona, dawn għandhom jitħallew jemendaw l-applikazzjoni unika jew it-talba għall-ħlas tagħhom saż-żmien li normalment fih isir iż-żrigħ, dejjem jekk jitħarsu r-rekwiżiti partikulari kollha tal-iskemi tal-għajnuna jew tal-miżuri ta’ appoġġ differenti u jekk l-awtorità kompetenti jkun għadha ma għarrfitx lill-benefiċjarju dwar xi żbalji fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas tiegħu, u lanqas ma tkun innotifikat il-verifika fuq il-post li tkun identifikat żbalji fir-rigward tal-parti affettwata mill-emenda. Wara li jkunu saru t-tali emendi, għandha tingħata l-possibbiltà li jiġu aġġustati d-dokumenti ta’ sostenn jew il-kuntratti korrispondenti li jridu jiġu sottomessi.

(14)

Peress li r-responsabbiltà għat-tressiq ta’ applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-ħlas korretta tibqa’ f’idejn il-benefiċjarji, fejn ikun xieraq dawn għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet u l-bidliet meħtieġa fil-formola prestabbilita.

(15)

Fil-każ ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna għal skemi ta’ għajnuna relatati maż-żona u/jew ta’ talbiet għall-ħlas għal miżuri ta’ appoġġ relatati maż-żona, il-benefiċjarju għandu jingħata formola prestabbilita f’format elettroniku u għandu jingħata l-materjal grafiku korrispondenti permezz ta’ applikazzjoni tas-softwer ibbażata fuq is-sistema ta’ informazzjoni ġeografika (GIS) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna bbażata fuq strumenti ġeospazjali”). Il-formoli ta’ applikazzjoni għall-għajnuna bbażati fuq strumenti ġeospazjali ser jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-iżbalji mill-benefiċjarji meta dawn jiddikjaraw iż-żoni agrikoli tagħhom u se jagħmlu l-kontroverifiki amministrattivi iktar effiċjenti. Barra minn hekk, l-informazzjoni spazjali iktar preċiża pprovduta permezz tal-formoli ta’ applikazzjoni għall-għajnuna bbażati fuq strumenti ġeospazjali se tipprovdi dejta iktar affidabbli għall-għanijiet tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni. Għalhekk, huwa xieraq li jinħtieġ li, minn data partikulari, l-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna u/jew it-talbiet kollha għall-ħlas ta’ dan it-tip jitressqu abbażi tal-formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna bbażata fuq strumenti ġeospazjali elettronika. Madankollu, meta l-benefiċjarji ma jkunux jistgħu jużaw dik il-formola, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdilhom alternattiva biex dawn ikunu jistgħu jressqu applikazzjoni għall-għajnuna u/jew talba għall-ħlas. Fi kwalunkwe każ, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li ż-żoni ddikjarati jkunu diġitizzati.

(16)

Kwalunkwe informazzjoni speċifika relatata mal-produzzjoni tal-qanneb jew mal-appoġġ akkoppjat volontarju jew mal-pagament speċifiku għall-uċuħ tar-raba’ għall-qoton għandha tingħata flimkien mal-applikazzjoni unika jew, fejn ikun xieraq minħabba l-għamla tal-informazzjoni, iktar tard. Barra minn hekk, għandu jiġi stabbilit li fil-formola tal-applikazzjoni unika jiġu ddikjarati wkoll iż-żoni li għalihom ma tintalab l-ebda għajnuna. Peress li huwa importanti li tingħata informazzjoni ddettaljata għal ċerti tipi ta’ użu ta’ żona, l-informazzjoni dwar dawk it-tipi ta’ użu għandha tiġi ddikjarata b’mod separat filwaqt li l-oħrajn jistgħu jiġu ddikjarati taħt intestatura waħda.

(17)

F’ċirkustanzi li fihom il-benefiċjarji jintalbu jkollhom żona ta’ interess ekoloġiku fiż-żona agrikola sabiex ikunu eliġibbli għall-pagament għal prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent imsemmijin fl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 (“il-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni”), huma għandhom jiddikjaraw iż-żona ta’ interess ekoloġiku fl-applikazzjonijiet tagħhom għall-għajnuna għall-iskemi ta’ għajnuna relatati maż-żona. Meta parti mill-obbligi taż-żona ta’ interess ekoloġiku tiġi implimentata f’livell reġjonali jew b’mod kollettiv, mad-dikjarazzjoni taż-żoni ta’ interess ekoloġiku għandu jkun hemm dikjarazzjoni separata taż-żoni ta’ interess ekoloġiku implimentati fil-livell reġjonali jew b’mod kollettiv.

(18)

Sabiex ikunu jistgħu jsiru monitoraġġ u kontroll effettivi, l-applikazzjoni għall-parteċipazzjoni fl-iskema għall-bdiewa ż-żgħar għandu jkun fiha referenza għall-applikazzjoni unika mressqa mill-istess benefiċjarju. Biex ikunu jistgħu jsiru verifiki effettivi fir-rigward tal-kundizzjonijiet speċjali għall-iskema għall-bdiewa ż-żgħar, l-informazzjoni kollha meħtieġa għandha tingħata billi tintuża l-proċedura ta’ applikazzjoni ssimplifikata prevista fl-Artikolu 72(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Barra minn hekk, għandu jiġi ċċarat li l-benefiċjarji li jiddeċiedu li jirtiraw mill-iskema għall-bdiewa ż-żgħar għandhom ikunu meħtieġa jgħarrfu lill-awtorità kompetenti fil-ħin sabiex tkun tista’ ssir tranżizzjoni mingħajr problemi għall-pagamenti skont it-Titoli III u IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

(19)

Il-benefiċjarji li għandhom żona agrikola għad-dispożizzjoni tagħhom, iżda li ma japplikaw għall-ebda għajnuna u/jew appoġġ li jkun suġġett għall-applikazzjoni unika għandhom jibagħtu wkoll formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna sabiex ikunu jistgħu jsiru l-verifiki marbutin mal-obbligi tal-kundizzjonalità. Madankollu, huwa xieraq li l-Istati Membri jitħallew jeżentaw lill-benefiċjarji minn dan l-obbligu, meta l-awtoritajiet diġà jkollhom din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom.

(20)

Bil-għan li jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta’ applikazzjoni u skont l-Artikolu 72(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-benefiċjarju, kemm jista’ jkun, b’formoli prestabbiliti li jkun fihom l-informazzjoni meħtieġa biex il-benefiċjarju jkun jista’ jressaq applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-ħlas korretta. Il-formola prestabbilita għandha tkun tista’ titfassal b’tali mod li kulma jkollu bżonn jagħmel il-benefiċjarju huwa li jikkonferma n-nuqqas ta’ bidliet fir-rigward tal-applikazzjoni għall-għajnuna u/jew tat-talba għall-ħlas imressqa fis-sena ta’ qabel.

(21)

Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet komuni dwar id-dettalji li jridu jiddaħħlu fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-ħlas relatati mal-bhejjem meta Stat Membru jagħżel li japplika appoġġ akkoppjat volontarju jew miżuri tal-iżvilupp rurali relatati mal-annimali.

(22)

Skont l-Artikolu 53(4) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 (3), il-pagamenti skont l-appoġġ akkoppjat volontarju jew il-miżuri tal-iżvilupp rurali relatati mal-annimali jistgħu jsiru biss għal annimali li huma identifikati u rreġistrati kif xieraq skont ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jew ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 (5). Għalhekk, il-benefiċjarji li jressqu applikazzjonijiet għall-għajnuna jew talbiet għall-ħlas skont l-iskemi ta’ għajnuna jew il-miżuri ta’ appoġġ ikkonċernati għandhom jingħataw aċċess għall-informazzjoni rilevanti fiż-żmien dovut.

(23)

Il-fatt li l-benefiċjarji jressqu fil-ħin l-applikazzjonijiet għad-drittijiet għall-pagamenti huwa essenzjali sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu d-drittijiet għall-pagamenti. Għalhekk, għandha tiġi stabbilita data finali għat-tressiq.

(24)

Iridu jiġu stabbiliti regoli biex ikopru s-sitwazzjonijiet li fihom ikunu ġew allokati drittijiet għall-pagamenti eċċessivi, b’mod partikulari minħabba dikjarazzjoni eċċessiva, jew li fihom il-valur tad-drittijiet għall-pagamenti jkun ġie stabbilit f’livell ħażin, pereżempju, minħabba li ġie kkalkulat abbażi ta’ ammont ta’ referenza żbaljat. Wieħed għandu jagħmilha ċara li kwalunkwe aġġustament fl-għadd u/jew fil-valur tad-drittijiet għall-pagamenti ma għandux iwassal għal kalkolu sistematiku mill-ġdid tad-drittijiet għall-pagamenti li jkun għad fadal. F’ċerti każijiet, id-drittijiet għall-pagamenti allokati bi żball jikkorrispondu għal ammonti żgħar ħafna, iżda jwasslu għal spejjeż sostanzjali u għal piż amministrattiv biex jiġu rkuprati. Għall-għanijiet tas-simplifikazzjoni u biex jinstab bilanċ bejn l-ispejjeż u l-piż amministrattiv, minn naħa, u l-ammont li jrid jiġi rkuprat, min-naħa l-oħra, għandu jiġi stabbilit ammont minimu li f’livell inqas minnu ma jkun hemm bżonn isir l-ebda rkupru.

(25)

Għandha tiġi mmonitorjata b’mod effettiv il-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-iskemi ta’ għajnuna u l-miżuri ta’ appoġġ fis-sistema integrata. Għal dan il-għan, u biex jiġi żgurat livell armonizzat ta’ monitoraġġ fl-Istati Membri kollha, hemm bżonn li jiġu stabbiliti fid-dettall il-kriterji u l-proċeduri tekniċi għat-twettiq tal-verifiki amministrattivi u fuq il-post fir-rigward tal-kriterji tal-eliġibbiltà, l-impenji u l-obbligi l-oħrajn stabbiliti għall-iskemi ta’ pagament dirett, il-miżuri tal-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità.

(26)

Ta’ min jiċċara li kull meta ssir fotointerpretazzjoni, pereżempju matul il-verifiki fuq il-post jew fil-kuntest ta’ aġġornament tas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula tar-raba’, u kull meta din il-fotointerpretazzjoni ma twassalx għal riżultati konklużivi, għandhom isiru verifiki fuq il-post.

(27)

It-tħabbira tal-verifiki fuq il-post għall-eliġibbiltà u l-kundizzjonalità għandha tkun permessa biss meta t-tali tħabbira ma tkunx ta’ xkiel għall-verifiki, u fi kwalunkwe każ għandhom japplikaw il-limiti taż-żmien ix-xierqa. Barra minn hekk, meta regoli settorjali speċifiċi għal atti jew standards rilevanti għall-kundizzjonalità jipprevedu verifiki fuq il-post mhux imħabbrin, dawk ir-regoli għandhom jitħarsu.

(28)

Irid jiġi stabbilit li l-Istati Membri jridu jħalltu d-diversi verifiki, fejn ikun xieraq. Madankollu, fir-rigward ta’ ċerti miżuri ta’ appoġġ, il-verifiki fuq il-post għandhom jitqassmu tul is-sena sabiex ikun jista’ jiġi vverifikat il-ħarsien tal-impenji. It-tul ta’ verifika fuq il-post għandu jkun limitat għall-minimu meħtieġ. Madankollu, meta ċerti kriterji tal-eliġibbiltà, impenji jew obbligi jkunu marbutin ma’ ċertu perjodu taż-żmien, verifika fuq il-post tista’ tkun teħtieġ żjarat addizzjonali għand il-benefiċjarju f’data iktar tard. Għal dawn il-każijiet, għandu jiġi speċifikat li l-perjodu taż-żmien tal-verifika fuq il-post kif ukoll in-numru ta’ żjarat iridu jkunu limitati għall-minimu meħtieġ.

(29)

Għandu jiġi żgurat li kwalunkwe nuqqas ta’ konformità misjub jiġi segwit kif xieraq u jitqies meta jkunu qed jingħataw il-pagamenti. F’dan il-kuntest, meta jiġi vverifikat il-ħarsien tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà, irid jitqies ukoll kwalunkwe nuqqas ta’ konformità possibbli li jirrappurtaw korpi, servizzi jew organizzazzjonijiet oħrajn, minbarra dawk li huma direttament inkarigati mill-verifiki. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti inkarigati mill-għoti tal-pagamenti jibagħtu kontronotifika lil xulxin dwar kwalunkwe sejba rilevanti li ssir fil-kuntest tal-verifiki tal-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà, mal-impenji u mal-obbligi l-oħrajn. Dan il-prinċipju għandu jiġi applikat ukoll għas-sejbiet kollha li jsiru mill-awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni pubbliċi jew privati fir-rigward tal-benefiċjarji li jagħżlu li jissodisfaw l-obbligi tal-ekoloġizzazzjoni tagħhom permezz ta’ prattiki ta’ ekwivalenza koperti minn skema taċ-ċertifikazzjoni, li għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità inkarigata mill-għoti tal-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni. Fl-aħħar nett, meta l-verifiki fir-rigward tal-miżuri tal-iżvilupp rurali jkopru prattiki ekwivalenti, għandhom isiru kontronotifiki tar-riżultati tat-tali verifiki sabiex dawn jitqiesu fil-valutazzjoni sussegwenti tal-eliġibbiltà biex wieħed jirċievi l-pagamenti tal-ekoloġizzazzjoni.

(30)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli, b’mod partikulari dwar il-kontenut tal-kontroverifiki, sabiex jiġu identifikati b’mod effettiv il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità waqt li jkunu qed isiru l-verifiki amministrattivi. Kwalunkwe nuqqas ta’ konformità għandu jiġi segwit bi kwalunkwe proċedura xierqa.

(31)

Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni, meta ħabel referenzjali jkun suġġett għal applikazzjoni għall-għajnuna jew għal talba għall-ħlas min-naħa ta’ żewġ benefiċjarji jew aktar li japplikaw għall-għajnuna u/jew għall-appoġġ mill-istess skema ta’ għajnuna jew miżura ta’ appoġġ u ż-żona ddikjarata b’mod eċċessiv jew imrikkba fuq xulxin tkun taqa’ fi ħdan it-tolleranza ddefinita għall-kejl tal-ħbula raba’, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jipprevedu tnaqqis proporzjonat taż-żoni kkonċernati. Madankollu, il-benefiċjarji kkonċernati għandhom ikunu intitolati jappellaw kontra t-tali deċiżjonijiet.

(32)

Għandu jiġi stabbilit l-għadd minimu ta’ benefiċjarji li jridu jsirulhom il-verifiki fuq il-post għad-diversi skemi ta’ għajnuna u miżuri ta’ appoġġ.

(33)

Il-kampjun ta’ kontroll għall-verifiki fuq il-post tal-iskemi ta’ għajnuna relatati maż-żona għandu jittieħed abbażi ta’ metodu tal-kampjunar stratifikat sabiex il-piż amministrattiv jibqa’ proporzjonat u l-għadd ta’ benefiċjarji li jridu jsirulhom il-verifiki fuq il-post jibqa’ f’livell raġonevoli. Il-metodu ta’ kampjunar stratifikat għandu jinvolvi parti aleatorja sabiex tinkiseb rata ta’ żball rappreżentattiva. Madankollu, għall-verifiki fuq il-post għall-pagament tal-ekoloġizzazzjoni, għall-iskemi tal-għajnuna relatata mal-annimali jew għall-miżuri tal-iżvilupp rurali, il-kampjun għandu jitfassal parzjalment abbażi ta’ analiżi tar-riskju. L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-fatturi ta’ riskju billi tiffoka fuq iż-żoni fejn hemm l-ikbar riskju ta’ żbalji. Biex tiġi żgurata analiżi tar-riskju rilevanti u effiċjenti, l-effettività tal-kriterji tar-riskju għandha tiġi vvalutata u aġġornata fuq bażi annwali filwaqt li titqies ir-rilevanza ta’ kull kriterju ta’ riskju, billi jitqabblu r-riżultati ta’ kampjuni magħżulin b’mod aleatorju u abbażi tar-riskju, is-sitwazzjoni speċifika fl-Istati Membri u l-għamla tan-nuqqas ta’ konformità.

(34)

F’ċerti każijiet, huwa rilevanti li jitwettqu verifiki fuq il-post qabel ma jaslu l-applikazzjonijiet kollha. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jitħallew jagħmlu għażla parzjali tal-kampjun ta’ kontroll qabel ma jintemm il-perjodu għat-tressiq tal-applikazzjonijiet.

(35)

Sabiex il-verifika fuq il-post tkun waħda effettiva, huwa importanti li l-persunal li jwettaq il-verifiki jkun infurmat għaliex saret l-għażla li ssir verifika fuq il-post. L-Istati Membri għandhom iżommu rekords tat-tali informazzjoni.

(36)

Nuqqas serju ta’ konformità misjub matul il-verifiki fuq il-post għandu jirrikjedi żieda fil-livell tal-verifiki fuq il-post fis-sena ta’ wara sabiex jintlaħaq livell aċċettabbli ta’ garanzija ta’ korrettezza tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u tat-talbiet għall-ħlas ikkonċernati.

(37)

Hemm bżonn li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li bihom tnaqqis fil-livell minimu tal-verifiki fuq il-post għal ċerti skemi tal-għajnuna u miżuri ta’ appoġġ jista’ jitqies li huwa ġġustifikat abbażi ta’ sistema ta’ ġestjoni u kontroll li taħdem sew u ta’ rati ta’ żball li jibqgħu f’livell aċċettabbli.

(38)

Biex jiġu żgurati monitoraġġ xieraq u kontroll effettiv, il-verifiki fuq il-post tal-iskemi tal-għajnuna relatati maż-żona u tal-miżuri tal-iżvilupp rurali għandhom ikopru kull ħabel raba’ ddikjarat. Fir-rigward ta’ ċerti miżuri tal-iżvilupp rurali, il-verifika fuq il-post għandha tkopri wkoll l-art mhux agrikola. Sabiex titħaffef l-implimentazzjoni tas-sistema integrata, għandu jkun permess li l-kejl proprju tal-ħbula raba’ jiġi limitat għal kampjun aleatorju ta’ 50 % tal-ħbula raba’ ddikjarati. Ir-riżultati tal-kejl ibbażat fuq il-kampjuni għandhom jiġu estrapolati għall-bqija tal-popolazzjoni jew il-kejl għandu jiġi estiż għall-ħbula raba’ kollha ddikjarati.

(39)

Għandhom jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-elementi tal-verifiki fuq il-post, il-verifika tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà, il-metodi ta’ kejl taż-żona u l-għodod tal-kejl li l-Istati Membri jridu jużaw għall-finijiet tal-verifiki fuq il-post, sabiex tiġi żgurata kwalità tal-kejl li hija ekwivalenti għal dik meħtieġa mill-istandards tekniċi mfasslin fil-livell tal-Unjoni.

(40)

Għandhom jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-użu tat-telerilevament għall-verifiki fuq il-post u għandu jiġi previst li jitwettqu verifiki fuq il-post fil-każijiet kollha li fihom il-fotointerpretazzjoni ma twassalx għal riżultati ċari. Jista’ jagħti l-każ li minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp, pereżempju, il-ħbula raba’ ma jkunux kollha koperti b’immaġni ta’ kwalità suffiċjenti biex jiġu vverifikati l-kundizzjonijiet kollha tal-eliġibbiltà jew biex titkejjel iż-żona. F’dawn il-każijiet, għandha ssir il-verifika fuq il-post jewinkella din għandha tiġi supplimentata b’mezzi tradizzjonali. Barra minn hekk, huwa xieraq li jintalab li l-verifika ta’ konformità mal-kriterji kollha tal-eliġibbiltà u mal-impenji u l-obbligi l-oħrajn kollha ssir fl-istess livell ta’ preċiżjoni bħall-verifika fuq il-post imwettqa b’mezzi tradizzjonali.

(41)

Biex l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll kwalunkwe awtorità kompetenti tal-Unjoni jkunu jistgħu jagħtu segwitu għall-verifiki fuq il-post imwettqin, id-dettalji tal-verifiki għandhom jiġu rreġistrati f’rapport ta’ kontroll. Il-benefiċjarju jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jingħata l-opportunità jiffirma r-rapport. Madankollu, fir-rigward tal-verifiki fuq il-post imwettqin permezz tat-telerilevament, l-Istati Membri għandhom jitħallew jipprevedu li din l-opportunità tingħata biss meta l-verifiki jiżvelaw nuqqas ta’ konformità. Tkun xi tkun l-għamla tal-verifika fuq il-post imwettqa, il-benefiċjarju għandu jirċievi kopja tar-rapport jekk jinstab xi nuqqas ta’ konformità.

(42)

Ġew stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali ta’ kontroll abbażi tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1082/2003 (6). Meta jitwettqu l-verifiki skont dak ir-Regolament, ir-riżultati għandhom jiġu inklużi fir-rapport ta’ kontroll għall-finijiet tas-sistema integrata.

(43)

Fir-rigward ta’ Stati Membri li jagħżlu li japplikaw skema tal-għajnuna relatata mal-annimali jew miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali, għandhom jiġu speċifikati l-iskeda taż-żmien u l-kontenut minimu tal-verifiki fuq il-post għall-għajnuna jew l-appoġġ li tkun saret applikazzjoni għalihom skont dawk l-iskemi tal-għajnuna jew dawk il-miżuri ta’ appoġġ. Sabiex tiġi vverifikata b’mod effettiv il-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet li jsiru fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew fit-talbiet għall-ħlas u n-notifiki fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata tal-annimali, huwa importanti li jitwettqu t-tali verifiki fuq il-post. Il-verifiki fuq il-post fir-rigward tal-iskemi tal-għajnuna relatata mal-annimali jew tal-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali għandhom ikopru b’mod partikulari l-verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà, il-korrettezza tal-entrati fir-reġistru u, meta jkun applikabbli, il-passaporti.

(44)

Biex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u kwalunkwe awtorità kompetenti tal-Unjoni jkunu jistgħu jagħtu segwitu għall-verifiki fuq il-post imwettqin, id-dettalji tal-verifiki għandhom jitniżżlu f’rapport ta’ kontroll. Il-benefiċjarju jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jingħata l-opportunità jiffirma r-rapport matul il-verifika. Tkun xi tkun l-għamla tal-verifika fuq il-post imwettqa, il-benefiċjarju għandu jirċievi kopja tar-rapport jekk jinstab xi nuqqas ta’ konformità.

(45)

Għall-finijiet tal-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandhom jiġu stabbiliti regoli għall-implimentazzjoni tas-sistema li l-Istati Membri jridu jużaw għall-verifika tal-kontenut tat-tetraidrokannabinol fil-qanneb.

(46)

F’dak il-kuntest, hemm bżonn li jiġi previst perjodu taż-żmien li matulu l-qanneb imkabbar għall-fibra ma jkunx jista’ jinħasad wara li joħroġ il-fjur sabiex ikunu jistgħu jitwettqu b’mod effettiv l-obbligi ta’ kontroll previsti għal dawn l-uċuħ tar-raba’.

(47)

Hemm bżonn ta’ regoli iktar iddettaljati għall-organizzazzjoni tal-verifiki amministrattivi u tal-verifiki fuq il-post u għall-kalkolu tal-pieni amministrattivi fir-rigward tal-miżuri tal-iżvilupp rurali li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata.

(48)

Minħabba l-karatteristiċi partikulari ta’ dawk il-miżuri, il-verifiki amministrattivi għandhom jivverifikaw il-konformità mal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali u mal-programm tal-iżvilupp rurali applikabbli u għandhom ikopru l-kriterji kollha tal-eliġibbiltà u l-impenji u l-obbligi l-oħrajn kollha li jistgħu jiġu vverifikati permezz tat-tali verifiki. Biex jiġi vverifikat it-twettiq tal-operazzjonijiet ta’ investiment, il-verifiki amministrattivi normalment għandhom jinkludu wkoll żjara fil-post tal-operazzjoni appoġġata jew fis-sit tal-investiment.

(49)

Il-verifiki fuq il-post għandhom jiġu organizzati abbażi ta’ kampjuni aleatorji u ta’ kampjuni bbażati fuq ir-riskju. Is-sehem tal-kampjun aleatorju għandu jkun għoli biżżejjed biex tinkiseb rata ta’ żball rappreżentattiva.

(50)

Sabiex jiġu żgurati verifiki suffiċjenti, hemm bżonn li jiġi ddefinit livell minimu ta’ kontroll għall-verifiki fuq il-post. Dan il-livell għandu jiżdied meta l-verifiki jiżvelaw nuqqasijiet serji tal-konformità. B’mod simili, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jnaqqsu l-livell meta r-rati ta’ żball ikunu taħt il-livell limitu ta’ materjalità u s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll jaħdmu kif xieraq.

(51)

Hemm bżonn li jiġi ddefinit il-kontenut tal-verifiki fuq il-post, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta’ dawk il-verifiki.

(52)

Għandhom jitwettqu verifiki ex-post tal-operazzjonijiet ta’ investiment biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżit tad-durabbiltà kif iddefinit fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Għandhom jiġu speċifikati l-bażi u l-kontenut ta’ dawk il-verifiki.

(53)

L-esperjenza wriet li hemm bżonn ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tal-kontroll għal ċerti miżuri speċifiċi tal-iżvilupp rurali u għan-nefqa relatata mal-assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Istati Membri.

(54)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013, ma għandha tiġi imposta l-ebda piena amministrattiva meta n-nuqqas ta’ konformità jkun wieħed minuri, anki meta dan ikun fil-forma ta’ limitu. Għandhom jiġu stabbiliti regoli fir-rigward ta’ ċerti miżuri tal-iżvilupp rurali sabiex nuqqas ta’ konformità jiġi identifikat bħala wieħed minuri, inkluż it-twaqqif ta’ limitu kwantitattiv mogħti bħala perċentwali tal-ammont eliġibbli tal-appoġġ. Għandu jiġi ddefinit dan il-limitu, li warajh għandha tapplika piena amministrattiva proporzjonata.

(55)

Sabiex tiġi mmonitorjata l-aderenza mal-obbligi ta’ kundizzjonalità differenti, jeħtieġ li titwaqqaf sistema ta’ kontroll u li jiġu stabbiliti l-pieni amministrattivi x-xierqa. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet differenti tal-Istati Membri jridu jikkomunikaw l-informazzjoni, b’mod partikulari dwar l-applikazzjonijiet għall-għajnuna, il-kampjuni ta’ kontroll u r-riżultati tal-verifiki fuq il-post. Għandhom jiġu previsti l-elementi bażiċi ta’ sistema bħal din.

(56)

Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jintroduċi l-obbligi tal-kundizzjonalità għall-benefiċjarji li jirċievu pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013, appoġġ fis-settur tal-inbid skont l-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u l-primjums annwali skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 21(1) u l-Artikoli 28 sa 31, 33 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u jipprevedi sistema ta’ tnaqqis u esklużjonijiet meta ma jitħarsux it-tali obbligi. Għandhom jiġu stabbiliti d-dettalji għal dik is-sistema.

(57)

Il-verifiki tal-kundizzjonalità jistgħu jiġu ffinalizzati qabel jew wara li jaslu l-pagamenti u l-primjums annwali msemmija fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. B’mod partikulari, meta t-tali verifiki ma jkunux jistgħu jiġu ffinalizzati qabel ma jaslu dawk il-pagamenti u l-primjums annwali, l-ammont dovut li jrid jitħallas mill-benefiċjarju minħabba kwalunkwe peina amministrattiva għandu jiġi rkuprat skont dan ir-Regolament jew permezz ta’ tpaċija.

(58)

Għandhom jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-awtoritajiet tal-Istati Membri li huma responsabbli għas-sistema ta’ kontroll b’rabta mal-obbligi tal-kundizzjonalità.

(59)

Għandha tiġi stabbilita r-rata minima ta’ kontroll għall-verifika tal-ħarsien tal-obbligi tal-kundizzjonalità. Dik ir-rata ta’ kontroll għandha tiġi stabbilita tal-inqas bħala 1 % tal-għadd totali tal-benefiċjarji msemmijin fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li jaqgħu fil-qasam ta’ kompetenza ta’ kull awtorità ta’ kontroll, li jridu jingħażlu abbażi ta’ analiżi tar-riskju xierqa.

(60)

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-kampjun ta’ kontroll, fil-każ speċifiku ta’ grupp ta’ persuni kif imsemmi fl-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-Istati Membri għandhom jingħataw ċerta flessibbiltà biex jiddeċiedu jekk iqisux il-grupp bħala wieħed sħiħ jew jekk iqisux lil kull wieħed mill-membri tiegħu b’mod individwali.

(61)

L-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jissodisfaw ir-rata minima ta’ kontroll fil-livell ta’ kull awtorità ta’ kontroll kompetenti, fil-livell tal-aġenzija tal-pagamenti jew fil-livell ta’ att jew standard, jew ta’ grupp ta’ atti jew standards.

(62)

Meta l-leġiżlazzjoni speċifika li tkun tapplika għall-att jew għall-istandards tipprevedi rati minimi ta’ kontroll, l-Istati Membri għandhom iħarsu dawk ir-rati. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jitħallew japplikaw rata waħda ta’ kontroll għall-verifiki fuq il-post tal-kundizzjonalità. Jekk l-Istati Membri jagħżlu din l-għażla, kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jinstab waqt li jkunu qed isiru l-verifiki fuq il-post skont il-leġiżlazzjoni settorjali għandu jiġi rrappurtat u jingħata segwitu skont il-kundizzjonalità.

(63)

Għall-għanijiet tas-simplifikazzjoni, fejn jidħlu l-obbligi tal-kundizzjonalità b’rabta mad-Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE (10), il-fatt li jiġi applikat livell speċifiku ta’ kampjunar tal-pjanijiet ta’ monitoraġġ għandu jitqies li jissodisfa r-rekwiżit tar-rata minima stabbilit minn dan ir-Regolament.

(64)

L-Istati Membri għandhom jingħataw il-flessibbiltà meħtieġa biex jilħqu r-rata minima ta’ kontroll billi jużaw ir-riżultati ta’ verifiki oħrajn fuq il-post jew billi jibdlu l-benefiċjarji.

(65)

Sabiex jiġi evitat li tiddgħajjef is-sistema ta’ kontroll, b’mod partikulari fir-rigward tal-kampjunar għall-verifiki fuq il-post tal-kundizzjonalità, il-verifiki ta’ segwitu mwettqin b’referenza għar-regola de minimis, prevista fl-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, ma għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tal-kampjun minimu ta’ kontroll tal-kundizzjonalità.

(66)

Meta jinstab livell sinifikanti ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tal-kundizzjonalità, dan għandu jwassal għal żieda fl-għadd ta’ verifiki fuq il-post matul is-sena ta’ wara sabiex jintlaħaq livell aċċettabbli ta’ garanzija ta’ korrettezza tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna kkonċernati. Il-verifiki addizzjonali għandu jkollhom fil-mira l-atti jew l-istandards ikkonċernati.

(67)

Fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regola de minimis skont l-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, huwa importanti li jiġi stabbilit il-perċentwali ta’ benefiċjarji li jridu jiġu ċċekkjati sabiex jiġi vverifikat li s-sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità jkunu tranġaw.

(68)

Il-kampjun ta’ kontroll għall-kundizzjonalità għandu jitfassal parzjalment abbażi ta’ analiżi tar-riskju u parzjalment b’għażla aleatorja. L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-fatturi ta’ riskju peress li hija tinsab f’pożizzjoni aħjar biex tagħżel il-fatturi ta’ riskju rilevanti. Biex tiġi żgurata analiżi tar-riskju rilevanti u effiċjenti, l-effettività tal-analiżi tar-riskju għandha tiġi vvalutata u aġġornata ta’ kull sena filwaqt li titqies ir-rilevanza ta’ kull fattur ta’ riskju, billi jitqabblu r-riżultati tal-kampjuni magħżulin b’mod aleatorju u abbażi tar-riskju u billi titqies is-sitwazzjoni speċifika tal-Istati Membri.

(69)

Il-kampjunar tal-verifiki fuq il-post għall-kundizzjonalità jista’ jittejjeb billi l-Istati Membri jitħallew iqisu l-analiżi tar-riskju li tikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-benefiċjarju fis-sistema konsultattiva tal-azjendi agrikoli prevista fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-benefiċjarji fis-sistemi ta’ ċertifikazzjoni rilevanti. Madankollu, meta titqies dik il-parteċipazzjoni, irid jintwera li l-benefiċjarji li jieħdu sehem f’dawk is-sistemi jirrappreżentaw inqas riskju mill-benefiċjarji li ma jkunux qed jieħdu sehem f’dawk is-sistemi.

(70)

F’ċerti każijiet, huwa rilevanti li l-verifiki fuq il-post marbutin mal-kundizzjonalità jitwettqu qabel ma jaslu l-applikazzjonijiet kollha. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jitħallew jagħmlu għażla parzjali tal-kampjun ta’ kontroll qabel ma jintemm il-perjodu għat-tressiq tal-applikazzjonijiet.

(71)

Bħala regola ġenerali, il-kampjun ta’ kontroll għall-kundizzjonalità għandu jittieħed mill-popolazzjoni ġenerali tal-benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u li għalihom hija responsabbli l-awtorità ta’ kontroll kompetenti kkonċernata. Bħala deroga minn din ir-regola, il-kampjuni jistgħu jingħażlu b’mod separat minn kull waħda mit-tliet kategoriji ta’ benefiċjarji. L-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jieħdu l-kampjun ta’ kontroll abbażi tal-kampjuni tal-benefiċjarji li jingħażlu għal verifika fuq il-post fir-rigward tal-kriterji tal-eliġibbiltà. Għandha titħalla ssir taħlita tal-proċeduri biss meta din iżżid l-effettività tas-sistema ta’ kontroll.

(72)

Fil-każ li, għall-verifiki fuq il-post, jingħażel grupp ta’ persuni, kif imsemmi fl-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, għandu jiġi żgurat li ssir verifika tal-konformità tal-membri kollha tal-grupp mar-rekwiżiti u l-istandards rilevanti.

(73)

Il-verifiki fuq il-post għall-kundizzjonalità ġeneralment ikunu jeħtieġu diversi żjarat fl-istess azjenda agrikola. Sabiex jitnaqqas il-piż tal-verifiki kemm għall-benefiċjarji u kemm għall-amministrazzjonijiet, għandu jkun possibbli li l-verifiki jiġu limitati għal żjara waħda. Għandu jiġi ċċarat meta se ssir dik iż-żjara. Minkejja dan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ssir verifika rappreżentattiva u effettiva tar-rekwiżiti u tal-istandards matul l-istess sena kalendarja.

(74)

Il-fatt li l-verifiki fuq il-post jiġu limitati għal kampjun ta’ mill-inqas nofs il-ħbula raba’ kkonċernati ma għandux jimplika tnaqqis proporzjonat tal-pieni possibbli rilevanti.

(75)

Biex jiġu ssimplifikati l-verifiki fuq il-post għall-kundizzjonalità u biex il-kapaċitajiet ta’ kontroll eżistenti jintużaw aħjar, meta l-effettività tal-verifiki tkun tal-inqas daqs dik tal-verifiki fuq il-post, il-verifiki fl-azjendi agrikoli għandhom ikunu jistgħu jinbidlu b’verifiki amministrattivi.

(76)

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jużaw indikaturi oġġettivi speċifiċi għal ċerti rekwiżiti jew standards meta jkunu qed iwettqu l-verifiki fuq il-post fil-kuntest tal-kundizzjonalità. Madankollu, dawk l-indikaturi għandhom ikunu marbutin direttament mar-rekwiżiti jew l-istandards li jirrappreżentaw u għandhom ikopru l-elementi kollha li jridu jiġu vverifikati.

(77)

Il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu fis-sena kalendarja li fiha jkunu tressqu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u t-talbiet għall-ħlas rilevanti. Fir-rigward tal-applikanti għall-iskemi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid skont l-Artikolu 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawk il-verifiki għandhom jitwettqu fi kwalunwe żmien matul il-perjodu indikat fit-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(78)

Iridu jiġu stabbiliti regoli għat-tfassil ta’ rapporti ta’ kontroll speċifiċi u ddettaljati għall-kundizzjonalità. L-ispetturi speċjalizzati fil-qasam għandhom jindikaw is-sejbiet tagħhom kif ukoll il-grad ta’ serjetà tat-tali sejbiet sabiex l-aġenzija tal-pagamenti tkun tista’ tistabbilixxi t-tnaqqis relatat jew tiddeċiedi fuq l-esklużjonijiet mill-pagamenti u mill-primjums annwali mniżżlin fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, skont il-każ.

(79)

Sabiex il-verifika fuq il-post tkun waħda effettiva, huwa importanti li l-persunal li jwettaq il-verifiki jkun infurmat għaliex il-benefiċjarju jkun intgħażel għall-verifika fuq il-post. L-Istati Membri għandhom iżommu rekord tat-tali informazzjoni.

(80)

L-informazzjoni dwar ir-riżultati tal-verifiki tal-kundizzjonalità għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-aġenziji kollha tal-pagamenti li huma responsabbli għall-ġestjoni tal-pagamenti differenti li huma suġġetti għar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità sabiex jiġi applikat it-tnaqqis ix-xieraq, meta s-sejbiet ikunu jiġġustifikaw dan.

(81)

Il-benefiċjarji għandhom jiġu mgħarrfin dwar kwalunkwe nuqqas ta’ konformità possibbli misjub wara verifika fuq il-post. Huwa xieraq li jiġi previst ċertu limitu taż-żmien li fih il-benefiċjarji għandhom jirċievu dik l-informazzjoni. Madankollu, il-benefiċjarji kkonċernati ma għandhomx ikunu jistgħu jevitaw il-konsegwenzi ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità misjub minħabba li jkun inqabeż dak il-limitu taż-żmien.

(82)

Fir-rigward tas-sistema ta’ twissija bikrija jew de minimis stipulata fl-Artikolu 97(3) u fl-Artikolu 99(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 rispettivament, għandu jiġi ċċarat li l-obbligu li l-benefiċjarju jiġi mgħarraf dwar l-azzjoni ta’ rimedju ma japplikax jekk il-benefiċjarju jkun diġà ħa azzjoni immedjata.

(83)

Għandhom jiġu stabbiliti r-rekwiżiti dwar ir-rimedju tan-nuqqas ta’ konformità rilevanti għas-sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru jiddeċiedi li ma japplika l-ebda piena amministrattiva għan-nuqqas ta’ konformità kif stipulat fl-Artikoli 97(3) u 99(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(84)

Sabiex titjieb il-komunikazzjoni bejn il-partijiet involuti fil-kontroll, għandu jiġi stipulat li d-dokumenti ta’ sostenn rilevanti jintbagħtu lill-aġenzija tal-pagamenti jew lill-awtorità ta’ koordinazzjoni jew li dawn ikunu aċċessibbli għalihom meta jintalbu.

(85)

Il-pieni amministrattivi għandhom jiġu applikati għall-ammont kollu tal-pagamenti mniżżlin fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, li ngħataw jew li se jingħataw lill-benefiċjarju, għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-ħlas rilevanti mressqin matul is-sena kalendarja tas-sejba. Fir-rigward tal-applikanti għall-iskemi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid skont l-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, b’mod partikulari, il-piena amministrattiva għandha tiġi applikata għall-ammont kollu li jkun wasal għall-applikazzjoni għall-iskemi ta’ appoġġ skont dawk l-Artikoli. Fir-rigward tal-miżura marbuta mar-ristrutturar u l-konverżjoni, l-ammont kollu għandu jinqasam fi tlieta.

(86)

Fil-każ ta’ grupp ta’ persuni kif imsemmi fl-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, it-tnaqqis marbut ma’ nuqqas ta’ konformità minn membru tal-grupp għandu jiġi kkalkulat skont id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-kundizzjonalità. L-applikazzjoni tal-perċentwali tat-tnaqqis li jirriżulta għandu jqis il-fatt li l-obbligi tal-kundizzjonalità huma individwali u għandu jħares il-prinċipju tal-proporzjonalità. Madankollu, għandu jitħalla f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddeċiedu jekk dak it-tnaqqis għandux jiġi applikat għall-grupp jew għall-membri mhux konformi biss.

(87)

Għandhom jiġu stabbiliti r-regoli tekniċi u proċedurali ddettaljati dwar il-kalkolu u l-applikazzjoni tal-pieni amministrattivi marbutin mal-obbligi tal-kundizzjonalità.

(88)

It-tnaqqis u l-esklużjonijiet għandhom jiġu kklassifikati skont is-serjetà tan-nuqqas ta’ konformità mwettaq u għandhom jaslu sal-esklużjoni sħiħa tal-benefiċjarju mill-pagamenti kollha mniżżlin fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għas-sena kalendarja ta’ wara.

(89)

Il-Kumitat għall-Pagamenti Diretti u l-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali ma bagħtux l-opinjoni tagħhom fiż-żmien stipulat mill-President,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 b’rabta ma’ dan li ġej:

(a)

in-notifiki li l-Istati Membri jridu jagħmlu lill-Kummissjoni skont l-obbligi tagħhom li jħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(b)

il-verifiki amministrattivi u fuq il-post li l-Istati Membri jridu jagħmlu fir-rigward tal-ħarsien tal-kriterji tal-eliġibbiltà, tal-impenji u obbligi oħrajn;

(c)

il-livell minimu tal-verifiki fuq il-post u l-obbligu li jiżdied dak il-livell jew il-possibbiltà li jitnaqqas;

(d)

ir-rappurtar tal-kontrolli u tal-verifiki mwettqin u tar-riżultati tagħhom;

(e)

l-awtoritajiet responsabbli għat-twettiq tal-verifiki għall-konformità, kif ukoll il-kontenut tat-tali verifiki;

(f)

il-miżuri u l-metodi speċifiċi ta’ kontroll biex jiġu stabbiliti l-livelli tat-tetraidrokannabinol fil-qanneb;

(g)

l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ sistema għall-verifika tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali approvati għall-finijiet tal-pagament speċifiku għall-uċuħ tar-raba’ għall-qoton;

(h)

il-każijiet li fihom l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u t-talbiet għall-ħlas jew kwalunkwe komunikazzjoni, pretensjoni jew talba oħra jistgħu jiġu kkoreġuti u aġġustati wara li jkunu tressqu;

(i)

l-applikazzjoni u l-kalkolu tal-irtirar parzjali jew totali tal-pagamenti;

(j)

l-irkupru ta’ pagamenti mhux dovuti u pieni, kif ukoll ta’ drittijiet għall-pagamenti allokati bi żball u l-applikazzjoni tal-imgħax;

(k)

l-applikazzjoni u l-kalkolu tal-pieni amministrattivi;

(l)

l-identifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità bħala wieħed minuri;

(m)

l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u t-talbiet għall-ħlas u l-applikazzjonijiet għad-drittijiet għall-pagamenti, inkluża d-data finali għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, ir-rekwiżiti dwar l-ammont minimu ta’ informazzjoni li trid tiddaħħal fl-applikazzjonijiet, id-dispożizzjonijiet għall-emendar tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew għall-irtrar tagħhom, l-eżenzjoni mir-rekwiżit li jitressqu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u d-dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri japplikaw proċeduri ssimplifikati;

(n)

it-twettiq ta’ verifiki sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-obbligi, u l-korrettezza u l-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew fit-talba għall-ħlas, inklużi regoli dwar it-tolleranzi tal-kejl għall-verifiki fuq il-post;

(o)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa għall-għanijiet tal-implimentazzjoni uniformi tal-Kapitolu II tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013;

(p)

it-trasferiment ta’ azjendi agrikoli;

(q)

il-ħlas ta’ avvanzi;

(r)

it-twettiq ta’ verifiki marbutin mal-obbligi tal-kundizzjonalità, inkluża l-kunsiderazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ bidwi fis-sistema konsultattiva tal-azjendi agrikoli u l-parteċipazzjoni tiegħu f’sistema ta’ ċertifikazzjoni;

(s)

il-kalkolu u l-applikazzjoni ta’ pieni amministrattivi fir-rigward tal-obbligi tal-kundizzjonalità, fosthom fir-rigward ta’ benefiċjarji li jikkonsistu fi grupp ta’ persuni.

Artikolu 2

Skambju ta’ informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet għall-għajnuna, l-applikazzjonijiet għall-appoġġ, it-talbiet għall-ħlas u dikjarazzjonijiet oħrajn

1.   Għall-għanijiet tal-amministrazzjoni tajba tal-iskemi ta’ għajnuna u tal-miżuri ta’ appoġġ u meta, fi Stat Membru wieħed, ikun hemm iktar minn aġenzija tal-pagamenti waħda responsabbli għall-ġestjoni tal-pagamenti diretti u tal-miżuri tal-iżvilupp rurali fir-rigward tal-istess benefiċjarju, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri x-xierqa biex, fejn rilevanti, jiżgura li l-informazzjoni mitluba fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna, fl-applikazzjonijiet għall-appoġġ, fit-talbiet għall-ħlas jew f’dikjarazzjonijiet oħrajn titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-aġenziji tal-pagamenti kollha involuti.

2.   Meta l-verifiki ma jsirux mill-aġenzija tal-pagamenti responsabbli, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li dik l-aġenzija tal-pagamenti tirċievi biżżejjed informazzjoni dwar il-verifiki mwettqin u dwar ir-riżultati tagħhom. Huwa f’idejn l-aġenzija tal-pagamenti li tiddefinixxi l-informazzjoni li hija għandha bżonn.

Artikolu 3

Irtirar tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ, tat-talbiet għall-ħlas u ta’ dikjarazzjonijiet oħrajn

1.   Applikazzjoni għall-għajnuna, applikazzjoni għall-appoġġ, talba għall-ħlas jew dikjarazzjoni oħra tista’ tiġi rtirata kollha, jew parti minnha, fi kwalunkwe waqt bil-miktub. L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra dan l-irtirar.

Meta Stat Membru juża l-possibbiltajiet previsti fl-Artikolu 21(3), dak l-Istat Membru jista’ jipprevedi li n-notifiki fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata tal-annimali dwar il-fatt li annimal m’għadux fl-azjenda agrikola jistgħu jieħdu post l-irtirar bil-miktub.

2.   Meta l-awtorità kompetenti tkun diġà għarrfet lill-benefiċjarju dwar xi każ ta’ nuqqas ta’ konformità fid-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1, jew meta l-awtorità kompetenti tkun avżat lill-benefiċjarju li beħsiebha twettaq verifika fuq il-post, jew meta verifika fuq il-post tiżvela xi nuqqas ta’ konformità, l-irtirar ma għandux ikun awtorizzat għall-partijiet ta’ dawk id-dokumenti affettwati min-nuqqas ta’ konformità.

3.   L-irtirar skont il-paragrafu 1 għandu jreġġa’ lill-benefiċjarji lura fil-pożizzjoni li kienu fiha qabel ma ressqu d-dokumenti kkonċernati jew parti minnhom.

Artikolu 4

Korrezzjonijiet u aġġustamenti ta’ żbalji ovvji

L-applikazzjonijiet għall-għajnuna, l-applikazzjonijiet għall-appoġġ jew it-talbiet għall-ħlas u kwalunwke dokument ta’ sostenn ipprovdut mill-benefiċjarju jista’ jiġi kkoreġut u aġġustat fi kwalunkwe ħin wara li jitressaq fil-każ ta’ żbalji ovvji li l-awtorità kompetenti tkun irikonoxxiethom abbażi ta’ valutazzjoni ġenerali tal-każ partikulari u dejjem jekk il-benefiċjarju jkun aġixxa f’bona fide.

L-awtorità kompetenti tista’ tirrikonoxxi l-iżbalji ovvji biss jekk dawn ikunu jistgħu jiġu identifikati faċilment waqt verifika amministrattiva tal-informazzjoni mogħtija fid-dokumenti msemmija fl-ewwel sottoparagrafu.

Artikolu 5

Applikazzjoni ta’ tnaqqis, rifjuti, irtirar u pieni

Meta każ ta’ nuqqas ta’ konformità li huwa suġġett għall-applikazzjoni ta’ pieni skont il-Kapitolu II tat-Titolu IV tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 (11) ikun suġġett ukoll għal irtirar jew pieni skont il-Kapitoli III u IV tat-Titolu II, jew skont it-Titolu III ta’ dak ir-Regolament:

(a)

it-tnaqqis, ir-rifjuti, l-irtirar jew il-pieni previsti fil-Kapitoli III u IV tat-Titolu II jew fit-Titolu III tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 għandhom jiġu applikati għall-iskemi ta’ pagament dirett jew għall-miżuri tal-iżvilupp rurali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata;

(b)

il-pieni stabbiliti fil-Kapitolu II tat-Titolu IV tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 għandhom jiġu applikati għall-ammont kollu ta’ pagamenti li jridu jingħataw lill-benefiċjarju kkonċernat skont l-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li ma jkunux suġġetti għat-tnaqqis, ir-rifjuti, l-irtirar jew il-pieni msemmijin fil-punt (a).

It-tnaqqis, ir-rifjuti, l-irtirar u l-pieni msemmijin fl-ewwel sottoparagrafu għandhom jiġu applikati skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament, mingħajr ħsara għall-pieni addizzjonali skont dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali.

Artikolu 6

Ordni tat-tnaqqis, tar-rifjuti, tal-irtirar u tal-pieni f’kull skema ta’ pagament dirett jew miżura tal-iżvilupp rurali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ammont tal-pagament li jrid jingħata lil benefiċjarju skont skema mniżżla fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 abbażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti skont dak ir-Regolament u skont il-programmi għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u l-gżejjer minuri tal-Eġew stabbiliti mir-Regolamenti (UE) Nru 228/2013 (12) u (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) rispettivament għall-iskemi ta’ appoġġ dirett ikkonċernati.

2.   Għal kull skema mniżżla fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u għal kull miżura tal-iżvilupp rurali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata kif iddefinita fil-punt (6) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014, it-tnaqqis, l-irtirar u l-pieni għandhom jiġu kkalkulati fl-ordni li ġejja, jekk dan ikun rilevanti:

(a)

it-tnaqqis u l-pieni previsti fil-Kapitolu IV tat-Titolu II tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014, ħlief għall-pieni msemmijin fl-Artikolu 16 ta’ dak ir-Regolament, għandhom jiġu applikati għal kwalunkwe każ ta’ nuqqas ta’ konformità;

(b)

l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-punt (a) għandu jservi ta’ bażi għall-kalkolu tar-rifjuti previsti fit-Titolu III tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014;

(c)

l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-punt (b) għandu jservi ta’ bażi għall-kalkolu ta’ kwalunkwe tnaqqis li jrid jiġi applikat fil-każ ta’ tressiq tard skont l-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014;

(d)

l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-punt (c) għandu jservi ta’ bażi għall-kalkolu ta’ kwalunkwe tnaqqis li jrid jiġi applikat fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-ħbula raba’ skont l-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014;

(e)

l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-punt (d) għandu jservi ta’ bażi għall-kalkolu tal-irtirar previst fit-Titolu III tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014;

(f)

l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-punt (e) għandu jservi ta’ bażi għall-applikazzjoni:

(i)

tat-tnaqqis lineari previst fl-Artikolu 51(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(ii)

tat-tnaqqis lineari previst fl-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(iii)

tat-tnaqqis lineari previst fl-Artikolu 65(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(iv)

tat-tnaqqis lineari previst fl-Artikolu 65(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(v)

tat-tnaqqis lineari li jrid jiġi applikat f’każ li l-pagamenti li jridu jsiru skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jaqbżu l-limitu massimu nazzjonali stabbilit skont l-Artikolu 42(2) ta’ dak ir-Regolament.46]

3.   L-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-punt (f) tal-paragrafu 2 għandu jservi ta’ bażi:

(a)

għall-applikazzjoni tat-tnaqqis tal-pagamenti previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(b)

għall-applikazzjoni tal-perċentwali ta’ tnaqqis lineari stabbilit skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(c)

għall-applikazzjoni tar-rata ta’ aġġustament imsemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

4.   L-ammont tal-pagament li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 3 għandu jservi ta’ bażi għall-kalkolu ta’ kwalunkwe tnaqqis li jrid jiġi applikat għan-nuqqas ta’ ħarsien tal-kundizzjonalità skont il-Kapitolu II tat-Titolu IV tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014.

Artikolu 7

L-irkupru ta’ pagamenti mhux dovuti

1.   Jekk isir pagament mhux dovut, il-benefiċjarju għandu jħallas lura l-ammont ikkonċernat, flimkien mal-imgħax ikkalkulat skont il-paragrafu 2, fejn dan ikun applikabbli.

2.   L-imgħaxijiet għandhom jiġu kkalkulati għall-perjodu li jgħaddi bejn id-data ta’ skadenza għall-pagament għall-benefiċjarju indikata fl-ordni ta’ rkupru, li ma għandhiex tkun stabbilita għal iktar minn 60 jum, u d-data tal-ħlas lura jew tat-tnaqqis.

Ir-rata tal-imgħax applikabbli għandha tiġi kkalkulata skont il-liġi nazzjonali, iżda ma għandhiex tkun inqas mir-rata tal-imgħax applikabbli għall-irkupru ta’ ammonti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

3.   L-obbligu ta’ ħlas lura msemmi fil-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk il-pagament ikun sar bi żball tal-awtorità kompetenti jew ta’ awtorità oħra u jekk il-benefiċjarju ma setax jinduna b’mod raġonevoli bl-iżball.

Madankollu, meta l-iżball ikun marbut ma’ elementi fattwali li huma rilevanti għall-kalkolu tal-pagament ikkonċernat, l-ewwel sottoparagrafu għandu japplika biss jekk id-deċiżjoni ta’ rkupru ma tkunx ġiet ikkomunikata fi żmien 12-il xahar mill-pagament.

Artikolu 8

Trasferiment ta’ azjendi agrikoli

1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu:

(a)

“trasferiment ta’ azjenda agrikola” tfisser il-bejgħ jew il-lokazzjoni tal-unitajiet ta’ produzzjoni kkonċernati, jew kwalunkwe tip ta’ tranżazzjoni simili marbuta magħhom;

(b)

“trasferitur” tfisser il-benefiċjarju li l-azjenda agrikola tiegħu tkun qed tiġi ttrasferita lil benefiċjarju ieħor;

(c)

“destinatarju tat-trasferiment” tfisser il-benefiċjarju li lilu tkun qed tiġi ttrasferita l-azjenda agrikola.

2.   Meta azjenda agrikola tiġi ttrasferita kollha kemm hi mingħand benefiċjarju għal ieħor wara li titressaq applikazzjoni għall-għajnuna, applikazzjoni għall-appoġġ jew talba għall-ħlas u qabel ma jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha għall-għoti tal-għajnuna jew tal-appoġġ, ma għandha tingħata l-ebda għajnuna jew ma għandu jingħata l-ebda appoġġ lit-trasferitur fir-rigward tal-azjenda agrikola ttrasferita.

3.   L-għajnuna li t-trasferitur ikun applika għaliha jew il-ħlas li huwa jkun talab għandu jingħata lid-destinatarju tat-trasferiment meta:

(a)

fi żmien perjodu li jrid jiġi stabbilit mill-Istati Membri, id-destinatarju tat-trasferiment jgħarraf lill-awtorità kompetenti bit-trasferiment u jitlob il-ħlas tal-għajnuna u/jew tal-appoġġ;

(b)

id-destinatarju tat-trasferiment jippreżenta l-provi kollha li l-awtorità kompetenti tkun teħtieġ;

(c)

l-azjenda agrikola ttrasferita tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha għall-għoti tal-għajnuna u/jew tal-appoġġ.

4.   Ladarba d-destinatarju tat-trasferiment jgħarraf lill-awtorità kompetenti u jitlob il-ħlas tal-għajnuna u/jew tal-appoġġ skont il-paragrafu 3(a):

(a)

id-drittijiet u l-obbligi kollha tat-trasferitur li jkunu ġejjin mir-relazzjoni legali li tkun inħolqot bejn dak it-trasferitur u l-awtorità kompetenti minħabba l-applikazzjoni għall-għajnuna, l-applikazzjoni għall-appoġġ jew it-talba għall-ħlas għandhom jaqgħu fuq id-destinatarju tat-trasferiment;

(b)

l-azzjonijiet kollha meħtieġa għall-għoti tal-għajnuna u/jew tal-appoġġ u d-dikjarazzjonijiet kollha li jkun għamel it-trasferitur qabel it-trasferiment għandhom jiġu attribwiti lid-destinatarju tat-trasferiment sabiex jiġu applikati r-regoli rilevanti tal-Unjoni;

(c)

fejn ikun xieraq, l-azjenda agrikola ttrasferita għandha titqies bħala azjenda agrikola separata fir-rigward tas-sena tat-talba kkonċernata.

5.   Fejn ikun xieraq, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħtu l-għajnuna u/jew l-appoġġ lit-trasferitur. F’dak il-każ:

(a)

id-destinatarju tat-trasferiment ma għandu jingħata l-ebda għajnuna jew appoġġ;

(b)

l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4 mutatis mutandis.

Artikolu 9

Notifiki

1.   Kull sena, sal-15 ta’ Lulju, għall-iskemi kollha ta’ pagament dirett, il-miżuri kollha tal-iżvilupp rurali u l-iskemi kollha ta’ assistenza teknika u appoġġ fis-settur tal-inbid imsemmijin fl-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-dejta ta’ kontroll u bl-istatistika ta’ kontroll għas-sena kalendarja ta’ qabel u, b’mod partikulari, b’dawn li ġejjin:

(a)

id-dejta marbuta mal-benefiċjarji individwali f’termini tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u tat-talbiet għall-ħlas, iż-żoni u l-annimali ddikjarati u/jew li tkun saret talba għalihom u r-riżultati tal-verifiki amministrattivi, tal-verifiki fuq il-post u tal-verifiki ex-post;

(b)

fejn ikun applikabbli, ir-riżultati tal-verifiki marbutin mal-kundizzjonalità, fosthom it-tnaqqis u l-esklużjonijiet rilevanti.

It-tali notifika għandha ssir b’mezzi elettroniċi, billi jintużaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-trasferiment tad-dejta ta’ kontroll u tal-istatistika ta’ kontroll li l-Kummissjoni qiegħdet għad-dispożizzjoni tagħhom.

2.   Sal-15 ta’ Lulju 2015, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’rapport dwar l-għażliet li għamlu għall-kontroll tar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità u l-korpi ta’ kontroll kompetenti li huma responsabbli għall-verifiki tar-rekwiżiti u l-istandards tal-kundizzjonalità. Il-modifiki sussegwenti tal-informazzjoni mogħtija f’dak ir-rapport għandhom jiġu nnotifikati mingħajr dewmien.

3.   Kull sena, sal-15 ta’ Lulju, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’rapport dwar il-miżuri li jkunu ħadu għall-amministrazzjoni u l-kontroll tal-appoġġ akkoppjat volontarju tul is-sena kalendarja ta’ qabel.

4.   Id-dejta kompjuterizzata stabbilita bħala parti mis-sistema integrata għandha tintuża biex tappoġġa l-informazzjoni li trid tintbagħat lill-Kummissjoni fil-kuntest tar-regoli settorjali.

TITOLU II

SISTEMA INTEGRATA TA’ AMMINISTRAZZJONI U KONTROLL

KAPITOLU I

Regoli ġenerali

Artikolu 10

Avvanzi għall-pagamenti diretti

L-Istati Membri jistgħu jħallsu avvanzi għall-pagamenti diretti lill-benefiċjarji mingħajr ma japplikaw ir-rata ta’ aġġustament għad-dixxiplina finanzjarja msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna għal sena partikulari. Il-pagament tal-bilanċ li jrid jingħata lill-benefiċjarji mill-1 ta’ Diċembru għandu jqis ir-rata ta’ aġġustament għad-dixxiplina finanzjarja applikabbli f’dak iż-żmien għall-ammont totali ta’ pagamenti diretti fis-sena kalendarja korrispondenti.

KAPITOLU II

Applikazzjonijiet għall-għajnuna u talbiet għall-ħlas

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 11

Simplifikazzjoni tal-proċeduri

1.   Ħlief kif stipulat mod ieħor fir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013, fir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 jew f’dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw jew jeħtieġu li kull tip ta’ komunikazzjoni skont dan ir-Regolament, kemm mill-benefiċjarju lill-awtoritajiet, kif ukoll viċeversa, issir b’mezzi elettroniċi, dejjem jekk dan ma jwassalx għal diskriminazzjoni bejn il-benefiċjarji u jekk jittieħdu l-miżuri x-xierqa biex ikun żgurat, b’mod partikulari, li:

(a)

il-benefiċjarju jkun identifikat mingħajr ambigwità;

(b)

il-benefiċjarju jikkonforma mar-rekwiżiti kollha skont l-iskema ta’ pagament dirett jew il-miżura tal-iżvilupp rurali kkonċernata;

(c)

id-dejta trażmessa tkun affidabbli fid-dawl tal-ġestjoni t-tajba tal-iskema ta’ pagament dirett jew tal-miżura tal-iżvilupp rurali kkonċernata; meta tintuża d-dejta tal-bażi tad-dejta kompjuterizzata tal-annimali ddefinita fil-punt (9) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014, dik il-bażi tad-dejta għandha toffri l-livell ta’ garanzija u implimentazzjoni meħtieġ għall-ġestjoni t-tajba tal-iskema ta’ pagament dirett jew tal-miżura tal-iżvilupp rurali kkonċernata;

(d)

meta d-dokumenti ta’ akkumpanjament ma jkunux jistgħu jintbagħtu b’mod elettroniku, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirċievu t-tali dokumenti fl-istess limiti taż-żmien previsti għad-dokumenti mibgħutin b’mezzi mhux elettroniċi.

2.   Fir-rigward tat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas, l-Istati Membri, bil-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1, jistgħu jipprevedu proċeduri ssimplifikati f’każijiet fejn l-awtoritajiet ikollhom diġà d-dejta għad-disponiżizzjoni tagħhom, b’mod partikulari meta s-sitwazzjoni ma tkunx inbidlet minn meta tkun tressqet l-aħħar applikazzjoni għall-għajnuna jew l-aħħar talba għall-ħlas fil-kuntest tal-iskema ta’ pagament dirett jew tal-miżura tal-iżvilupp rurali kkonċernata skont l-Artikolu 72(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jużaw dejta li tkun ġejja mis-sorsi tad-dejta li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom għall-finijiet tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u tat-talbiet għall-ħlas. F’dak il-każ, l-Istat Membru għandu jiżgura li dawk is-sorsi tad-dejta joffru l-livell ta’ garanzija meħtieġ għall-ġestjoni t-tajba tad-dejta sabiex ikunu żgurati l-affidabbiltà, l-integrità u s-sigurtà ta’ dik id-dejta.

3.   Meta jkun possibbli, l-awtorità kompetenti tista’ titlob l-informazzjoni meħtieġa fi kwalunkwe dokument ta’ sostenn li jrid jitressaq flimkien mal-applikazzjoni għall-għajnuna jew mat-talba għall-ħlas direttament mis-sors tal-informazzjoni.

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet ġenerali marbutin mal-applikazzjoni unika u mat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ fil-kuntest tal-miżuri tal-iżvilupp rurali

1.   Jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li, skont l-Artikolu 72(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-pagamenti diretti u t-talbiet għall-ħlas għall-miżuri tal-iżvilupp rurali jridu jkun koperti mill-applikazzjoni unika, l-Artikoli 20, 21 u 22 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mutatis mutandis għar-rekwiżiti partikulari stabbiliti fid-dawl tal-applikazzjoni għall-għajnuna u/jew tat-talba għall-ħlas fil-kuntest ta’ dawk l-iskemi u l-miżuri.

2.   Benefiċjarju li japplika għall-għajnuna u/jew għall-appoġġ fil-kuntest ta’ xi wieħed mill-pagamenti diretti relatati maż-żona jew ta’ xi waħda mill-miżuri tal-iżvilupp rurali jista’ jressaq applikazzjoni unika waħda biss fis-sena.

3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċeduri x-xierqa għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ fil-kuntest tal-miżuri tal-iżvilupp rurali.

Artikolu 13

Data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-dati finali sa meta għandhom jitressqu l-applikazzjoni unika, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-ħlas. Id-dati finali ma għandhomx ikunu iktar tard mill-15 ta’ Mejju ta’ kull sena. Madankollu, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Finlandja u l-Isvezja jistgħu jistabbilixxu data iktar tard minn hekk, li ma għandhiex taqbeż il-15 ta’ Ġunju.

Huma u jistabbilixxu d-dati finali, l-Istati Membri jridu jqisu l-perjodu meħtieġ sabiex id-dejta rilevanti kollha tkun disponibbli għall-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja x-xierqa tal-għajnuna u/jew tal-appoġġ u għandhom jiżguraw li jkunu jistgħu jiġu skedati verifiki effettivi.

2.   Skont il-proċedura msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, id-dati finali msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jkunu stabbiliti f’data iktar tard f’ċerti żoni li huma suġġetti għal kundizzjonijiet klimatiċi eċċezzjonali.

Artikolu 14

Kontenut tal-applikazzjoni unika jew tat-talba għall-ħlas

1.   L-applikazzjoni unika jew it-talba għall-ħlas għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà għall-għajnuna u/jew għall-appoġġ, b’mod partikulari:

(a)

l-identità tal-benefiċjarju;

(b)

id-dettalji tal-iskemi ta’ pagament dirett u/jew tal-miżuri tal-iżvilupp rurali kkonċernati;

(c)

l-identifikazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti skont is-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 għall-finijiet tal-iskema tal-pagament bażiku;

(d)

dettalji li jippermettu li jiġu identifikati mingħajr ambigwità l-ħbula raba’ kollha tal-azjenda agrikola, l-erja tagħhom mogħtija f’ettari sa żewġ ċifri wara l-punt deċimali, il-post fejn jinsabu u, fejn ikun hemm bżonn, dettalji oħra dwar l-użu tal-ħbula raba’;

(e)

fejn ikun applikabbli, dettalji li jippermettu li tiġi identifikata mingħajr ambigwità l-art mhux agrikola li għaliha jkun qed jintalab appoġġ fil-kuntest tal-miżuri tal-iżvilupp rurali;

(f)

fejn ikun xieraq, kwalunkwe dokument ta’ sostenn meħtieġ biex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà għall-iskema u/jew għall-miżura kkonċernata;

(g)

dikjarazzjoni min-naħa tal-benefiċjarju li huwa jaf x’inhuma l-kundizzjonijiet marbutin mal-iskemi ta’ pagament dirett u/jew mal-miżuri tal-iżvilupp rurali kkonċernati;

(h)

fejn ikun applikabbli, indikazzjoni mill-benefiċjarju li huwa kopert mil-lista ta’ negozji jew attivitajiet mhux agrikoli msemmijin fl-ewwel u fit-tieni sottoparagrafi tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

2.   Sabiex jiġu identifikati d-drittijiet għall-pagamenti msemmija fil-paragrafu 1(c), il-formoli prestabbiliti pprovduti lill-benefiċjarju skont l-Artikolu 72(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandhom isemmu l-identifikazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti skont is-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014.

3.   Għall-ewwel sena ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ pagament bażiku, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn dan l-Artikolu u mill-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tad-drittijiet għall-pagamenti.

Artikolu 15

Emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas

1.   Wara d-data finali ta’ tressiq tal-applikazzjoni unika jew tat-talba għall-ħlas, fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas jistgħu jiżdiedu jew jiġu rranġati l-ħbula raba’ individwali jew id-drittijiet individwali għall-pagamenti, dejjem jekk jitħarsu r-rekwiżiti tal-iskemi ta’ pagament dirett jew tal-miżuri tal-iżvilupp rurali kkonċernati.

Bl-istess kundizzjonijiet jistgħu jsiru wkoll bidliet marbutin mal-użu jew mal-iskema ta’ pagament dirett jew mal-miżura tal-iżvilupp rurali għall-ħbula raba’ individwali jew għad-drittijiet għall-pagamenti li jkunu diġà ġew iddikjarati fl-applikazzjoni unika.

Meta l-emendi msemmijin fl-ewwel u fit-tieni sottoparagrafi jkunu jaffettwaw kwalunkwe dokument ta’ sostenn jew kuntratt li jrid jitressaq, it-tali dokumenti jew kuntratti jistgħu jiġu emendati kif xieraq.

2.   L-emendi li jsiru skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub lill-awtorità kompetenti sal-31 ta’ Mejju tas-sena kkonċernata, ħlief fil-każ tal-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Finlandja u l-Isvezja, li għandhom sal-15 ta’ Ġunju tas-sena kkonċernata biex jagħmlu dan.

B’deroga mill-ewwel sottoparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu data finali iktar kmieni għan-notifika tal-emendi. Madankollu, dik id-data għandha tkun tal-inqas 15-il jum kalendarju wara d-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika jew tat-talba għall-ħlas stabbilita skont l-Artikolu 13(1).

3.   Meta l-awtorità kompetenti tkun diġà għarrfet lill-benefiċjarju dwar xi każ ta’ nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas, jew meta hija tkun avżat lill-benefiċjarju li beħsiebha twettaq verifika fuq il-post, jew meta verifika fuq il-post tiżvela xi nuqqas ta’ konformità, l-emendi skont il-paragrafu 1 ma għandhomx ikunu awtorizzati għall-ħbula raba’ affettwati min-nuqqas ta’ konformità.

Artikolu 16

Korrezzjoni tal-formoli prestabbiliti

Meta l-benefiċjarju jressaq il-formola tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjoni għall-għajnuna u/jew tat-talba għall-ħlas, huwa għandu jikkoreġi l-formola prestabbilita msemmija fl-Artikolu 72(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jekk ikunu seħħew xi emendi, b’mod partikulari xi trasferimenti tad-drittijiet għall-pagamenti skont l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, jew jekk xi informazzjoni mogħtija fil-formoli prestabbiliti tkun żbaljata.

Taqsima 2

Applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-iskemi ta’ għajnuna relatati maż-żona u talbiet għall-ħlas għall-miżuri ta’ appoġġ relatati maż-żona

Artikolu 17

Rekwiżiti speċifiċi marbutin mal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-iskemi ta’ għajnuna relatati maż-żona u mat-talbiet għall-ħlas għall-miżuri ta’ appoġġ relatati maż-żona

1.   Għall-għanijiet tal-identifikazzjoni tal-ħbula raba’ kollha fl-azjenda agrikola u/jew tal-art mhux agrikola kif imsemmi fl-Artikolu 14(1)(d) u (e), l-awtorità kompetenti għandha tagħti lill-benefiċjarju l-formola prestabbilita u l-materjal grafiku korrispondenti msemmi fl-Artikolu 72(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 permezz ta’ interfaċċa bbażata fuq il-GIS, li tippermetti li tiġi pproċessata d-dejta spazjali u alfanumerika taż-żoni ddikjarati (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna bbażata fuq strumenti ġeospazjali”).

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika kif ġej:

(a)

mis-sena tat-talba tal-2016, għal għadd ta’ benefiċjarji li jikkorrispondi għal dak meħtieġ biex tkun koperta tal-inqas 25 % taż-żona totali stabbilita għall-iskema ta’ pagament bażiku jew għall-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja fis-sena ta’ qabel;

(b)

mis-sena tat-talba tal-2017, għal għadd ta’ benefiċjarji li jikkorrispondi għal dak meħtieġ biex tkun koperta tal-inqas 75 % taż-żona totali stabbilita għall-iskema ta’ pagament bażiku jew għall-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja fis-sena ta’ qabel;

(c)

mis-sena tat-talba tal-2018, għall-benefiċjarji kollha.

3.   Meta l-benefiċjarju ma jkunx f’pożizzjoni jressaq l-applikazzjoni għall-għajnuna u/jew it-talba għall-ħlas billi juża l-formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna bbażata fuq strumenti ġeospazjali, l-awtorità kompetenti tista’ tagħtih:

(a)

jew l-assistenza teknika meħtieġa; jew

(b)

il-formoli prestabbiliti u l-materjal grafiku korrispondenti stampat fuq il-karti. F’dan il-każ, l-awtorità kompetenti għandha tikkopja l-informazzjoni li tirċievi mingħand il-benefiċjarju fil-formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna bbażata fuq strumenti ġeospazjali.

4.   Il-formoli prestabbiliti li l-benefiċjarju jingħata għandhom jispeċifikaw iż-żona massima eliġibbli għal kull ħabel referenzjali skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 u ż-żona stabbilita fis-sena ta’ qabel għal kull ħabel raba’ għall-għanijiet tal-iskema ta’ pagament bażiku, tal-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja u/jew tal-miżura tal-iżvilupp rurali relatata maż-żona.

Il-materjal grafiku li l-benefiċjarju jingħata skont l-Artikolu 72(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandu jindika l-fruntieri u l-identifikazzjoni unika tal-ħbula referenzjali kif imsemmi fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 u l-fruntieri tal-ħbula raba’ stabbiliti fis-sena ta’ qabel sabiex il-benefiċjarju jkun jista’ jindika sewwa d-daqs u l-post ta’ kull ħabel raba’. Mis-sena tat-talba tal-2016 ‘il quddiem, dan il-materjal għandu jindika wkoll it-tip, id-daqs u l-post taż-żoni ta’ interess ekoloġiku stabbiliti fis-sena ta’ qabel.

5.   Il-benefiċjarju għandu jidentifika mingħajr ambigwità u jiddikjara ż-żona ta’ kull ħabel raba’ u, fejn ikun applikabbli, it-tip, id-daqs u l-post taż-żona ta’ interess ekoloġiku. Fir-rigward tal-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni, il-benefiċjarju għandu jispeċifika wkoll l-użu tal-ħbula raba’ ddikjarati.

Għal dan il-għan, il-benefiċjarju jista’ jikkonferma l-informazzjoni li tkun diġà mogħtija fil-formola prestabbilita. Madankollu, meta l-informazzjoni dwar iż-żona, il-post jew il-fruntiera tal-ħabel raba’ jew, fejn ikun applikabbli, dwar id-daqs u l-post taż-żoni ta’ interess ekoloġiku ma tkunx korretta jew ma tkunx kompluta, il-benefiċjarju għandu jikkoreġi l-formola prestabbilita jew jagħmel il-bidliet meħtieġa fiha.

Abbażi tal-korrezzjonijiet li l-benefiċjarju jagħmel fil-formola prestabbilita jew tal-informazzjoni supplimentari li huwa jagħti fiha, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta jekk hemmx bżonn li jiġi aġġornat il-ħabel referenzjali korrispondenti, filwaqt li tqis l-Artikolu 5(3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014.

6.   Meta l-benefiċjarju jkun qed iwettaq prattiki ekwivalenti skont l-Artikolu 43(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 permezz ta’ impenji meħudin skont l-Artikolu 39(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (14) jew l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-impenn għandu jiġi indikat fl-applikazzjoni għall-għajnuna b’referenza għat-talba għall-ħlas korrispondenti.

Meta l-benefiċjarju jkun qed iwettaq prattiki ekwivalenti permezz ta’ skemi nazzjonali jew reġjonali ta’ ċertifikazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 43(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis fir-rigward tal-formola prestabbilita u tad-dikjarazzjoni min-naħa tal-benefiċjarju.

Għall-għanijiet tal-implimentazzjonijiet reġjonali jew kollettivi skont l-Artikolu 46(5) u 46(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u għall-parti mill-obbligi marbutin maż-żoni ta’ interess ekoloġiku li l-benefiċjarji jridu jissodisfaw b’mod individwali, il-benefiċjarji li jieħdu sehem fit-tali implimentazzjonijiet reġjonali jew kollettivi għandhom jidentifikaw mingħajr ambigwità u jiddikjaraw, għal kull ħabel raba’, it-tip, id-daqs u l-post taż-żona ta’ interess ekoloġiku skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Fl-applikazzjoni tagħhom għall-għajnuna jew fit-talba tagħhom għall-ħlas, il-benefiċjarji għandhom jirreferu għad-dikjarazzjoni ta’ implimentazzjoni reġjonali jew kollettiva kif imsemmi fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament.

7.   Fil-każ taż-żoni użati għall-produzzjoni tal-qanneb skont l-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-applikazzjoni unika għandu jkun fiha:

(a)

l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-ħbula raba’ li fihom ikun inżera’ l-qanneb, u indikazzjoni tal-varjetajiet ta’ żrieragħ użati;

(b)

indikazzjoni tal-kwantitajiet ta’ żrieragħ użati (f’kilogrammi għal kull ettaru);

(c)

it-tikketti uffiċjali użati fuq il-pakketti taż-żrieragħ skont id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE (15), u b’mod partikulari l-Artikolu 12 tagħha, jew kwalunkwe dokument ieħor li l-Istat Membru jirrikonoxxih bħala ekwivalenti.

B’deroga mill-punt (c) tal-ewwel sottoparagrafu, meta ż-żrigħ iseħħ wara d-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, it-tikketti għandhom jitressqu sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju. F’każ li t-tikketti jkunu jridu jitressqu wkoll lil awtoritajiet nazzjonali oħrajn, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li dawk it-tikketti jintbagħtu lura lill-benefiċjarju ladarba jkunu tressqu skont dak il-punt. Fuq it-tikketti mibgħutin lura għandu jiġi mmarkat li dawn intużaw għal applikazzjoni.

8.   Fil-każ tal-pagament speċifiku għall-uċuħ tar-raba’ għall-qoton previst fil-Kapitolu 2 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-applikazzjoni unika għandu jkun fiha:

(a)

isem il-varjetà taż-żerriegħa tal-qoton użata;

(b)

fejn ikun xieraq, isem l-organizzazzjoni interprofessjonali approvata li l-benefiċjarju huwa membru fiha u l-indirizz tagħha.

9.   Iż-żoni li ma jintużawx għall-għanijiet tal-iskemi tal-għajnuna previsti fit-Titoli III, IV u V tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jew għall-iskemi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom jiġu ddikjarati taħt intestatura waħda jew iktar ta’ “użijiet oħrajn”.

Artikolu 18

Dikjarazzjoni ta’ implimentazzjoni reġjonali jew kollettiva

Għal kull każ ta’ implimentazzjoni reġjonali jew kollettiva skont l-Artikolu 46(5) jew (6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandha titressaq dikjarazzjoni ta’ implimentazzjoni reġjonali jew kollettiva li tissupplimenta l-applikazzjoni għall-għajnuna jew it-talba għall-ħlas ta’ kull benefiċjarju li jkun qed jieħu sehem fiha.

Id-dikjarazzjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni kumplimentari neċessarja kollha biex tiġi vverifikata l-konformità mal-obbligi marbutin mal-implimentazzjonijiet reġjonali jew kollettivi skont l-Artikolu 46(5) jew (6) ta’ dak ir-Regolament, b’mod partikulari:

(a)

l-identifikazzjoni unika ta’ kull benefiċjarju li jkun qed jieħu sehem fiha;

(b)

il-perċentwali minimu li kull benefiċjarju li jkun qed jieħu sehem fiha jrid jilħaq b’mod individwali, kif imsemmi fit-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 46(6) ta’ dak ir-Regolament;

(c)

l-erja totali tal-istrutturi li jinsabu biswit xulxin taż-żoni ta’ interess ekoloġiku li jinsabu maġenb xulxin kif imsemmi fl-Artikolu 46(5) ta’ dak ir-Regolament jew taż-żona komuni ta’ interess ekoloġiku kif imsemmi fl-Artikolu 46(6) ta’ dak ir-Regolament, li għaliha l-obbligi jiġu ssodisfati b’mod kollettiv;

(d)

il-materjal grafiku prestabbilit li jindika l-fruntieri u l-identifikazzjoni unika tal-ħbula referenzjali li jrid jintuża biex jiġu identifikati mingħajr ambigwità l-istrutturi li jinsabu biswit xulxin taż-żoni ta’ interess ekoloġiku li jinsabu maġenb xulxin jew iż-żona komuni ta’ interess ekoloġiku u biex jiġu indikati l-fruntieri tagħhom.

Fil-każ tal-implimentazzjoni reġjonali, jekk il-pjan iddettaljat previst fl-Artikolu 46(6) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 ikun fih l-informazzjoni kollha mniżżla fit-tieni sottoparagrafu ta’ dan l-Artikolu, id-dikjarazzjoni msemmija fl-ewwel sottoparagrafu tista’ tinbidel b’referenza għall-pjan.

Fil-każ tal-implimentazzjoni kollettiva, id-dikjarazzjoni msemmija fl-ewwel sottoparagrafu għandha tkun issupplimentata bi ftehim miktub previst fl-Artikolu 47(4) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014.

Artikolu 19

Applikazzjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni fl-iskema għall-bdiewa ż-żgħar u l-irtirar minnha

1.   L-applikazzjonijiet imressqin fl-2015 għall-parteċipazzjoni fl-iskema għall-bdiewa ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 62(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandu jkun fihom referenza għall-applikazzjoni unika li l-istess benefiċjarju jkun ressaq għas-sena tat-talba tal-2015 u, fejn ikun applikabbli, dikjarazzjoni min-naħa tal-benefiċjarju li huwa jaf bil-kundizzjonijiet speċjali marbutin mal-iskema għall-bdiewa ż-żgħar previsti fl-Artikolu 64 ta’ dak ir-Regolament.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-applikazzjoni msemmija fl-ewwel sottoparagrafu trid titressaq flimkien mal-applikazzjoni unika jew bħala parti minnha.

2.   Mis-sena tat-talba tal-2016 ‘il quddiem, l-Istati Membri għandhom jipprevedu l-proċedura ta’ applikazzjoni ssimplifikata msemmija fl-Artikolu 72(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

3.   Il-formoli prestabbiliti li jridu jintużaw fil-proċedura tal-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jitfasslu abbażi tal-informazzjoni mogħtija mal-applikazzjoni unika mressqa għas-sena tat-talba tal-2015 u għandu jkun fihom, b’mod partikulari:

(a)

l-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa biex tiġi stabbilita l-konformità mal-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u, fejn ikun rilevanti, l-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa biex jiġi kkonfermat li l-benefiċjarju għadu konformi mal-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament;

(b)

dikjarazzjoni min-naħa tal-benefiċjarju li huwa jaf bil-kundizzjonijiet speċjali marbutin mal-iskema għall-bdiewa ż-żgħar previsti fl-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Meta l-Istati Membri jagħżlu li jużaw il-metodu tal-ħlas stabbilit fil-punt (a) tal-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 mingħajr ma japplikaw it-tielet sottoparagrafu tiegħu, b’deroga mill-ewwel sottoparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-formoli prestabbiliti għandhom jingħataw skont it-Taqsima 1 ta’ dan il-Kapitolu.

4.   Il-benefiċjarji li jagħżlu li jirtiraw mill-iskema għall-bdiewa ż-żgħar f’sena li tiġi wara l-2015 skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jew l-Artikolu 62(2) ta’ dak ir-Regolament għandhom jgħarrfu lill-awtorità kompetenti bl-irtirar tagħhom skont il-modalitajiet implimentati mill-Istati Membri.

Taqsima 3

Applikazzjonijiet oħrajn

Artikolu 20

Dispożizzjonijiet speċifiċi marbutin mal-applikazzjonijiet għall-għajnuna

Jekk ikollu żona agrikola għad-dispożizzjoni tiegħu, benefiċjarju li ma japplikax għall-għajnuna fil-kuntest ta’ xi waħda mill-iskemi ta’ għajnuna relatati maż-żona iżda japplika għall-għajnuna fil-kuntest ta’ skema oħra mniżżla fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jew għal skemi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid skont l-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jiddikjara dawk iż-żoni fil-formola tiegħu ta’ applikazzjoni għall-għajnuna skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament.

Benefiċjarju li huwa suġġett għall-obbligi tal-kundizzjonalità biss skont l-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jiddikjara, fil-formola tiegħu ta’ applikazzjoni għall-għajnuna, iż-żoni li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu għal kull sena kalendarja li fiha japplikaw dawk l-obbligi.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-benefiċjarji mill-obbligi previsti fl-ewwel u fit-tieni sottoparagrafi meta l-informazzjoni kkonċernata titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest ta’ sistemi oħrajn ta’ amministrazzjoni u kontroll li jiżguraw il-kompatibbiltà mas-sistema integrata skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Artikolu 21

Rekwiżiti marbutin mal-applikazzjoni għall-għajnuna relatata mal-bhejjem u mat-talbiet għall-ħlas fil-kuntest ta’ miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali

1.   Applikazzjoni għall-għajnuna relatata mal-bhejjem kif iddefinita fil-punt (15) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 jew talba għall-ħlas fil-kuntest ta’ miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali kif iddefinita fil-punt (14) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 2(1) ta’ dak ir-Regolament għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà għall-għajnuna u/jew għall-appoġġ, u b’mod partikulari:

(a)

l-identità tal-benefiċjarju;

(b)

referenza għall-applikazzjoni unika jekk din tkun diġà ġiet sottomessa;

(c)

l-għadd ta’ annimali ta’ kull tip li għalihom tkun qed titressaq applikazzjoni għall-għajnuna relatata mal-bhejjem jew talba għall-ħlas u, għall-annimali bovini, il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali;

(d)

fejn ikun applikabbli, impenn min-naħa tal-benefiċjarju li jżomm l-annimali msemmijin fil-punt (c) fl-azjenda agrikola tiegħu għal perjodu taż-żmien stabbilit mill-Istat Membru, u informazzjoni dwar il-post jew il-postijiet fejn ikunu se jinżammu l-annimali, inkluż il-perjodu kkonċernat;

(e)

fejn ikun xieraq, kwalunkwe dokument ta’ sostenn meħtieġ biex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà għall-iskema jew għall-miżura kkonċernata;

(f)

dikjarazzjoni min-naħa tal-benefiċjarju li huwa jaf bil-kundizzjonijiet marbutin mal-għajnuna u/jew mal-appoġġ ikkonċernat.

2.   Kull min irabbi l-annimali għandu jkollu d-dritt jikseb mingħand l-awtorità kompetenti, mingħajr restrizzjonijiet, f’intervalli raġonevoli u mingħajr dewmien żejjed, informazzjoni dwar id-dejta li jkun hemm fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata tal-annimali dwaru u dwar l-annimali tiegħu. Meta jkun qed iressaq l-applikazzjoni tiegħu għall-għajnuna relatata mal-bhejjem jew it-talba għall-ħlas tiegħu, il-benefiċjarju għandu jiddikjara li d-dejta hija korretta u kompluta jewinkella jirranġa d-dejta li tkun żbaljata jew jimla d-dejta li tkun nieqsa.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ċerti partijiet mill-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 m’hemmx bżonn jiddaħħlu fl-applikazzjoni għall-għajnuna relatata mal-bhejjem jew fit-talba għall-ħlas meta dawn ikunu diġà ntbagħtu lill-awtorità kompetenti.

4.   L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu proċeduri li bihom id-dejta li tinsab fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata tal-annimali tista’ tintuża għall-għanijiet tal-applikazzjoni għall-għajnuna relatata mal-bhejjem jew tat-talba għall-ħlas, dejjem jekk il-bażi tad-dejta kompjuterizzata tal-annimali toffri l-livell ta’ garanzija u implimentazzjoni meħtieġ għall-ġestjoni t-tajba tal-iskemi ta’ għajnuna jew tal-miżuri ta’ appoġġ ikkonċernati fil-livell tal-annimali individwali.

Il-proċeduri msemmijin fl-ewwel sottoparagrafu jistgħu jkunu magħmulin minn sistema li biha benefiċjarju jista’ japplika għal għajnuna u/jew għal appoġġ għall-annimali kollha li, f’data stabbilita mill-Istat Membru jew matul perjodu stabbilit minnu, jkunu jikkwalifikaw għall-għajnuna u/jew għall-appoġġ abbażi tad-dejta li jkun hemm fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata tal-annimali.

F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li:

(a)

id-data msemmija fit-tieni sottoparagrafu jew il-perjodu msemmi fih ikunu identifikati biċ-ċar u magħrufin mill-benefiċjarju, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-iskema tal-għajnuna u/jew għall-miżura ta’ appoġġ ikkonċernata;

(b)

il-benefiċjarju jaf li kwalunkwe annimal li huwa potenzjalment eliġibbli li jinstab li ma jkunx identifikat jew irreġistrat kif suppost fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali għandu jgħodd mal-annimali misjubin b’nuqqasijiet ta’ konformità kif imsemmi fl-Artikolu 31 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014.

5.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li ċerti partijiet mill-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jintbagħtu permezz ta’ korp jew korpi approvati minnhom, jew għandhom jintbagħtu permezz tagħhom. Madankollu, il-benefiċjarju għandu jibqa’ responsabbli għad-dejta mibgħuta.

Taqsima 4

Dispożizzjonijiet speċifiċi marbutin mad-drittijiet għall-pagamenti

Artikolu 22

Allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti jew żieda fil-valur tagħhom

1.   L-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti jew għal żieda fil-valur tagħhom fil-kuntest tal-iskema ta’ pagament bażiku skont l-Artikolu 20, l-Artikolu 24, l-Artikolu 30, ħlief għall-paragrafu 7(e), u l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom jitressqu sa data li trid tiġi stabbilita mill-Istati Membri. Id-data stabbilita ma għandhiex tkun iktar tard mill-15 ta’ Mejju tas-sena kalendarja rilevanti.

Madankollu, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Finlandja u l-Isvezja jistgħu jistabbilixxu data iktar tard minn hekk, li ma għandhiex taqbeż il-15 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja rilevanti.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-applikazzjoni għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti għandha titressaq fl-istess żmien bħall-applikazzjoni għall-għajnuna fil-kuntest tal-iskema ta’ pagament bażiku.

Artikolu 23

L-irkupru ta’ drittijiet għall-pagamenti allokati b’mod mhux dovut

1.   Meta jiġi stabbilit, wara li jkunu ġew allokati d-drittijiet għall-pagamenti lill-benefiċjarji skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013, li l-għadd ta’ drittijiet għall-pagamenti allokat kien għoli wisq, l-għadd ta’ drittijiet għall-pagamenti li jkunu ġew allokati żejda għandu jitqiegħed lura fir-riżerva nazzjonali jew fir-riżervi reġjonali msemmijin fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Meta l-awtorità kompetenti jew awtorità oħra tkun għamlet l-iżball imsemmi fl-ewwel sottoparagrafu u jekk il-benefiċjarju ma setax jinduna b’mod raġonevoli bl-iżball, il-valur tad-drittijiet għall-pagamenti allokati għal dak il-benefiċjarju li jkun għad fadal għandu jiġi aġġustat kif xieraq.

Meta, sadanittant, il-benefiċjarju kkonċernat mill-allokazzjoni ta’ għadd kbir wisq ta’ drittijiet għall-pagamenti jkun ittrasferixxa d-drittijiet għall-pagamenti lil benefiċjarji oħrajn, id-destinatarji tat-trasferiment għandhom ikunu marbutin bl-obbligu previst fl-ewwel sottoparagrafu wkoll, b’mod proporzjonat mal-għadd ta’ drittijiet għall-pagamenti li jkunu ġew ittrasferiti lilhom, jekk il-benefiċjarju li lilu jkunu ġew allokati fil-bidu d-drittijiet għall-pagamenti ma jkollux biżżejjed drittijiet għall-pagamenti għad-dispożizzjoni tiegħu biex ikopri l-għadd ta’ drittijiet għall-pagamenti allokati b’mod mhux dovut.

2.   Meta jiġi stabbilit, wara li d-drittijiet għall-pagamenti jkunu ġew allokati lill-benefiċjarji skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013, li kienu għoljin wisq il-pagamenti li benefiċjarju rċieva għall-2014 kif imsemmi fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 26(2) ta’ dak ir-Regolament, il-valur tad-drittijiet għall-pagamenti li benefiċjarju kellu fid-data tat-tressiq tal-applikazzjoni tiegħu għall-2014 kif imsemmi fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 26(3) ta’ dak ir-Regolament, il-valur tal-unità tad-drittijiet għall-pagamenti kif imsemmi fl-Artikolu 26(5) ta’ dak ir-Regolament, iż-żieda fil-valur tal-unità tad-drittijiet għall-pagamenti prevista fl-Artikolu 30(10) ta’ dak ir-Regolament, jew il-valur totali tal-għajnuna li benefiċjarju rċieva għas-sena kalendarja ta’ qabel l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament bażiku kif imsemmi fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 40(3) ta’ dak ir-Regolament, għandu jiġi aġġustat kif xieraq il-valur ta’ dawk id-drittijiet għall-pagamenti bbażati fuq ir-referenza żbaljata għall-benefiċjarju kkonċernat.

Dak l-aġġustament għandu jgħodd ukoll għad-drittijiet għall-pagamenti li, sadanittant, ikunu ġew ittrasferiti lil benefiċjarji oħrajn.

Il-valur tat-tnaqqis għandu jitqiegħed lura fir-riżerva nazzjonali jew fir-riżervi reġjonali msemmijin fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

3.   Meta jiġi stabbilit, wara li d-drittijiet għall-pagamenti jkunu ġew allokati lill-benefiċjarji skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013, li, għall-istess benefiċjarju, seħħew kemm is-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u kemm dik imsemmija fil-paragrafu 2, l-aġġustament tal-valur tad-drittijiet kollha għall-pagamenti kif imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jsir qabel ma d-drittijiet għall-pagamenti allokati b’mod mhux dovut jitqiegħdu lura fir-riżerva nazzjonali jew fir-riżervi reġjonali skont il-paragrafu 1.

4.   L-aġġustamenti tal-għadd u/jew tal-valur tad-drittijiet għall-pagamenti previsti f’dan l-Artikolu ma għandhomx iwasslu għal kalkolu sistematiku mill-ġdid tad-drittijiet għall-pagamenti li jkun għad fadal.

5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jirkuprawx id-drittijiet għall-pagamenti allokati b’mod mhux dovut meta l-valur totali ta’ dawk id-drittijiet għall-pagamenti, kif stipulat fir-reġistru elettroniku għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti fiż-żmien meta jsiru dawk il-verifiki bil-għan li jsiru l-aġġustamenti previsti f’dan l-Artikolu, ikun ta’ EUR 50 jew inqas għal xi waħda mis-snin li fiha tkun implimentata l-iskema ta’ pagament bażiku skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

L-ammonti mħallsin b’mod mhux dovut għas-snin tat-talba li jiġu qabel l-aġġustamenti għandhom jiġu rkuprati skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament. Huma u jiġu stabbiliti t-tali ammonti mħallsin b’mod mhux dovut, għandu jitqies l-impatt tal-aġġustamenti previsti f’dan l-Artikolu fuq l-għadd tad-drittijiet għall-pagamenti għas-snin kollha kkonċernati u, fejn ikun rilevanti, fuq il-valur tagħhom.

TITOLU III

VERIFIKI

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 24

Prinċipji ġenerali

1.   Il-verifiki amministrattivi u l-verifiki fuq il-post previsti f’dan ir-Regolament għandhom isiru b’tali mod li jiżguraw verifika effettiva:

(a)

tal-korrettezza u l-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni għall-għajnuna, fl-applikazzjoni għall-appoġġ, fit-talba għall-ħlas jew f’dikjarazzjoni oħra;

(b)

tal-konformità mal-kriterji kollha tal-eliġibbiltà u mal-impenji u l-obbligi l-oħrajn kollha għall-iskema tal-għajnuna u/jew għall-miżura ta’ appoġġ ikkonċernata u mat-termini li bihom jingħataw l-għajnuna u/jew l-appoġġ jew l-eżenzjoni mill-obbligi;

(c)

tar-rekwiżiti u l-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konformità mal-kundizzjonijiet kollha applikabbli stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni jew stipulati fil-liġi nazzjonali rilevanti u fid-dokumenti li fihom arranġamenti ta’ implimentazzjoni jew mill-programm tal-iżvilupp rurali tkun tista’ tiġi vverifikata skont sett ta’ indikaturi verifikabbli li jridu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3.   Ir-riżultati tal-verifiki amministrattivi u fuq il-post għandhom jiġu vvalutati biex jiġi stabbilit jekk xi waħda mill-problemi misjuba tistax twassal b’mod ġenerali għal xi riskju għal operazzjonijiet simili oħrajn, għall-benefiċjarji jew għal korpi oħrajn. Il-valutazzjoni għandha tidentifika wkoll il-kawżi tat-tali sitwazzjonijiet, kwalunkwe analiżi ulterjuri li tista’ tkun meħtieġa u l-azzjonijiet korrettivi u preventivi meħtieġa.

4.   L-awtorità kompetenti għandha twettaq spezzjonijiet fiżiċi fuq il-post f’każ li l-fotointerpretazzjoni tal-ortoimmaġnijiet (bis-satellita jew mill-ajru) ma tipprovdix riżultati li jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet definittivi li jissodisfaw lill-awtorità kompetenti dwar l-eliġibbiltà taż-żona li hija suġġetta għall-verifiki amministrattivi jew fuq il-post jew dwar id-daqs korrett tagħha.

5.   Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-verifiki kollha mwettqin skont dan ir-Regolament u mingħajr ħsara għar-regoli speċifiċi previsti fit-Titoli IV u V. Madankollu, il-paragrafu 3 ma għandux japplika għat-Titolu V.

Artikolu 25

Tħabbir minn qabel tal-verifiki fuq il-post

Il-verifiki fuq il-post jistgħu jitħabbru minn qabel, dejjem jekk dan ma jxekkilx l-iskop jew l-effettività tagħhom. Kwalunkwe tħabbira minn qabel għandha tkun strettament limitata għall-perjodu minimu taż-żmien meħtieġ u ma għandhiex issir iktar minn 14-il jum qabel.

Madankollu, għall-verifiki fuq il-post marbutin ma’ applikazzjonijiet għall-għajnuna relatata mal-bhejjem jew ma’ talbiet għall-ħlas magħmulin fil-kuntest ta’ miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali, it-tħabbira ma għandhiex issir iktar minn 48 siegħa qabel, ħlief f’każijiet iġġustifikati kif xieraq. Barra minn hekk, meta l-leġiżlazzjoni li tapplika għall-atti u l-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità tkun teżiġi li l-verifika fuq il-post issir mingħajr ma titħabbar minn qabel, dawk ir-regoli għandhom japplikaw ukoll fil-każ ta’ verifiki fuq il-post marbutin mal-kundizzjonalità.

Artikolu 26

L-iskeda taż-żmien tal-verifiki fuq il-post

1.   Fejn ikun xieraq, il-verifiki fuq il-post previsti f’dan ir-Regolament għandhom jitwettqu fl-istess żmien bħal kwalunkwe verifika oħra prevista fil-liġi tal-Unjoni.

2.   Għall-għanijiet tal-miżuri tal-iżvilupp rurali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata, il-verifiki fuq il-post għandhom jitqassmu tul is-sena abbażi ta’ analiżi tar-riskji marbutin mal-impenji differenti meħudin fil-kuntest ta’ kull miżura.

3.   Il-verifiki fuq il-post għandhom jivverifikaw il-konformità mal-kriterji kollha tal-eliġibbiltà u mal-impenji u l-obbligi l-oħrajn kollha ta’ dawk l-iskemi tal-għajnuna jew il-miżuri ta’ appoġġ li għalihom ikun ingħażel benefiċjarju skont l-Artikolu 34.

It-tul tal-verifiki fuq il-post għandu jkun strettament limitat għall-perjodu minimu taż-żmien meħtieġ.

4.   Meta ċerti kriterji tal-eliġibbiltà, impenji u obbligi oħrajn ikunu jistgħu jiġu ċċekkjati biss matul perjodu speċifiku taż-żmien, il-verifiki fuq il-post jistgħu jkunu jeħtieġu żjarat addizzjonali f’data iktar tard. F’każ bħal dan, il-verifiki fuq il-post għandhom ikunu kkoordinati b’tali mod li l-għadd tat-tali żjarat għand benefiċjarju wieħed u t-tul tagħhom ikunu limitati għall-minimu meħtieġ. Fejn ikun xieraq, it-tali żjarat jistgħu jitwettqu wkoll permezz tat-telerilevament skont l-Artikolu 40.

Meta jkun hemm bżonn isiru żjarat addizzjonali relatati mar-raba’ mistrieħ, mal-ġmiem madwar l-għelieqi, mal-meded ta’ lqugħ, mal-meded ta’ ettari eliġibbli li jinsabu ma’ truf il-foresti, mal-uċuħ tar-raba’ li jikbru bejn uċuħ oħra u/jew mal-kopertura veġetali ddikjarati bħala żona ta’ interess ekoloġiku, l-għadd ta’ dawk iż-żjarat addizzjonali għandu jirrigwarda, f’50 % tal-każijiet, lill-istess benefiċjarju, magħżul abbażi tar-riskji, u fil-50 % tal-każijiet li jifdal, dan għandu jirrigwarda benefiċjarji differenti magħżulin b’mod addizzjonali. Il-benefiċjarji addizzjonali differenti għandhom jingħażlu b’mod aleatorju minn fost il-benefiċjarji kollha li għandhom raba’ mistrieħ, ġmiem madwar l-għelieqi, meded ta’ lqugħ, meded ta’ ettari eliġibbli li jinsabu ma’ truf il-foresti, uċuħ tar-raba’ li jikbru bejn uċuħ oħra u/jew kopertura veġetali ddikjarati bħala żona ta’ interess ekoloġiku, u żjarat bħal dawn jistgħu jkunu limitati għaż-żoni ddikjarati bħala raba’ mistrieħ, ġmiem madwar l-għelieqi, meded ta’ lqugħ, meded ta’ ettari eliġibbli li jinsabu ma’ truf il-foresti, uċuħ tar-raba’ li jikbru bejn uċuħ oħra u/jew kopertura veġetali.

Meta jkun hemm bżonn isiru żjarat addizzjonali, l-Artikolu 25 għandu japplika għal kull żjara addizzjonali.

Artikolu 27

Kontronotifika tar-riżultati tal-verifiki

Fejn ikun applikabbli, il-verifiki amministrattivi u fuq il-post dwar l-eliġibbiltà għandhom iqisu l-każijiet issuspettati ta’ nuqqas ta’ konformità rrappurtati minn servizzi, korpi jew organizzazzjonijiet oħrajn.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sejbiet rilevanti kollha li jkunu saru fil-kuntest tal-verifiki dwar il-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà u mal-impenji u l-obbligi l-oħrajn tal-iskemi mniżżlin fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u/jew tal-appoġġ fil-kuntest tal-miżuri tal-iżvilupp rurali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata ssir kontronotifika dwarhom lill-awtorità kompetenti rilevanti li hija inkarigata mill-għoti tal-pagament korrispondenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni pubbliċi jew privati msemmijin fl-Artikolu 38 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti li hija inkarigata mill-għoti tal-pagament għal prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent bi kwalunkwe sejba li hija rilevanti għall-għoti t-tajjeb tat-tali pagament lill-benefiċjarji li għażlu li jissodisfaw l-obbligi tagħhom permezz tal-ekwivalenza permezz taċ-ċertifikazzjoni.

Meta l-verifiki amministrattivi jew fuq il-post marbutin mal-miżuri tal-iżvilupp rurali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata jkopru prattiki ekwivalenti kif imsemmi fl-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandha ssir kontroverifika tar-riżultati tat-tali verifiki biex ikun hemm segwitu għall-għoti tal-pagament għal prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent.

KAPITOLU II

Verifiki amministrattivi fil-kuntest tas-sistema integrata

Artikolu 28

Verifiki amministrattivi

1.   Il-verifiki amministrattivi msemmijin fl-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, inklużi l-kontroverifiki, għandhom jippermettu li jiġu identifikati n-nuqqasijiet ta’ konformità, u b’mod partikulari li dawn jiġu identifikati b’mod awtomatizzat billi jintużaw mezzi kompjuterizzati. Il-verifiki għandhom ikopru l-elementi kollha li wieħed jista’ jiċċekkja permezz tal-verifiki amministrattivi u li huwa xieraq li jiġu ċċekkjati b’dan il-mod. Il-verifiki għandhom jiżguraw:

(a)

li l-kriterji tal-eliġibbiltà, l-impenji u l-obbligi l-oħrajn tal-iskema tal-għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ huma ssodisfati;

(b)

li ma hemm l-ebda finanzjament doppju permezz ta’ skemi oħrajn tal-Unjoni;

(c)

li l-applikazzjoni għall-għajnuna jew it-talba għall-ħlas hija kompluta u li din tressqet fil-limitu taż-żmien rilevanti u, fejn ikun applikabbli, li d-dokumenti ta’ sostenn tressqu u juru l-eliġibbiltà;

(d)

li hemm konformità mal-impenji meħudin fit-tul, fejn dan ikun xieraq.

2.   Fejn ikun xieraq, għall-iskemi ta’ għajnuna relatata mal-annimali u għall-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali, l-Istati Membri jistgħu jużaw il-provi li jirċievu mingħand servizzi, korpi jew organizzazzjonijiet oħrajn biex jivverifikaw il-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà u mal-impenji u l-obbligi l-oħrajn, dejjem jekk is-servizz, il-korp jew l-organizzazzjoni kkonċernata tkun qed topera b’biżżejjed standards biex tiġi ċċekkjata t-tali konformità.

Artikolu 29

Kontroverifiki

1.   Fejn ikun xieraq, il-verifiki amministrattivi għandhom jinkludu kontroverifiki:

(a)

fuq id-drittijiet għall-pagamenti ddikjarati u fuq il-ħbula raba’ ddikjarati rispettivament, sabiex jiġi evitat li l-istess għajnuna jew appoġġ jingħata iktar minn darba għall-istess sena kalendarja jew għall-istess sena tat-talba u sabiex jiġi evitat li tiġi akkumulata b’mod mhux dovut l-għajnuna mogħtija fil-kuntest tal-iskemi tal-għajnuna relatati maż-żona mniżżlin fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u fl-Anness VI tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (16) u fil-kuntest tal-miżuri ta’ appoġġ relatati maż-żona kif iddefinit fil-punt (21) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014;

(b)

fuq id-drittijiet għall-pagamenti biex tiġi vverifikata l-eżistenza tagħhom u l-eliġibbiltà għall-għajnuna;

(c)

bejn il-ħbula raba’ ddikjarati fl-applikazzjoni unika u/jew fit-talba għall-ħlas u l-informazzjoni li tinsab fis-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula tar-raba’ għal kull ħabel referenzjali skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 biex tiġi vverifikata l-eliġibbiltà għall-iskema ta’ pagament dirett u/jew għall-miżura tal-iżvilupp rurali taż-żoni bħala tali;

(d)

bejn id-drittijiet għall-pagamenti u ż-żona stabbilita sabiex jiġi vverifikat li d-drittijiet ikollhom magħhom tal-inqas l-istess numru ta’ ettari eliġibbli kif iddefinit fl-Artikolu 32(2) sa (6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(e)

magħmulin permezz tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali biex tiġi vverifikata l-eliġibbiltà għall-għajnuna u/jew għall-appoġġ u biex jiġi evitat li l-istess għajnuna u/jew appoġġ jingħata iktar minn darba b’mod mhux dovut għall-istess sena kalendarja jew għall-istess sena tat-talba;

(f)

bejn id-dikjarazzjonijiet tal-benefiċjarju fl-applikazzjoni unika biex isir membru ta’ organizzazzjoni interprofessjonali approvata, l-informazzjoni skont l-Artikolu 17(8) ta’ dan ir-Regolament u l-informazzjoni mibgħuta mill-organizzazzjoni interprofessjonali approvata kkonċernata, sabiex tiġi vverifikata l-eliġibbiltà għaż-żieda fl-għajnuna prevista fl-Artikolu 60(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(g)

biex jiġu vverifikati l-konformità mal-kriterji għall-approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali u l-lista tal-membri tagħhom tal-inqas darba kull ħames snin.

Għall-għanijiet tal-punt (c) tal-ewwel sottoparagrafu, meta s-sistema integrata tipprevedi formoli ta’ applikazzjoni għall-għajnuna bbażati fuq strumenti ġeospazjali, il-kontroverifiki għandhom jitwettqu bħala intersezzjoni spazjali taż-żona diġitizzata ddikjarata mas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula tar-raba’. Barra minn hekk, il-kontroverifiki għandhom jitwettqu sabiex tiġi evitata talba doppja għall-istess żona.

2.   Għandu jingħata segwitu għall-indikazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità li joħorġu mill-kontroverifiki permezz ta’ kwalunkwe proċedura amministrattiva xierqa oħra u, fejn ikun hemm bżonn, permezz ta’ verifika fuq il-post.

3.   Meta ssir applikazzjoni għall-għajnuna u/jew talba għall-ħlas minn żewġ benefiċjarji jew iktar għal ħabel referenzjali wieħed fil-kuntest tal-istess skema ta’ għajnuna jew tal-istess miżura ta’ appoġġ u f’każ li l-ħbula raba’ ddikjarati jirkbu fuq xulxin b’mod spazjali jew iż-żona ġenerali ddikjarata tkun taqbeż iż-żona massima eliġibbli stabbilita skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014, u d-differenza tkun taqa’ fi ħdan it-tolleranza tal-kejl iddefinita skont l-Artikolu 38 ta’ dan ir-Regolament għal dak il-ħabel referenzjali, l-Istat Membru jista’ jipprevedi tnaqqis proporzjonat taż-żoni kkonċernati, sakemm benefiċjarju minnhom ma jurix li xi wieħed mill-benefiċjarji kkonċernati l-oħrajn ikun iddikjara b’mod eċċessiv iż-żoni tiegħu għad-detriment tal-benefiċjarji l-oħrajn.

KAPITOLU III

Verifiki fuq il-post fil-kuntest tas-sistema integrata

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 30

Rata ta’ kontroll għall-iskemi tal-għajnuna relatati maż-żona, minbarra l-pagament għal prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent

Għall-iskemi tal-għajnuna relatati maż-żona, minbarra l-pagament għal prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent skont il-Kapitolu 3 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni”), il-kampjun ta’ kontroll għall-verifiki fuq il-post imwettqin ta’ kull sena għandu jkopri tal-inqas:

(a)

5 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-iskema ta’ pagament bażiku jew għall-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja skont il-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kampjun ta’ kontroll ikun fih tal-inqas 5 % tal-benefiċjarji kollha li jiddikjaraw b’mod ewlieni żoni agrikoli li huma żoni miżmumin b’mod naturali fi stat xieraq għar-ragħa skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014;

(b)

5 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament ridistributtiv skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(c)

5 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament għal żoni b’restrizzjonijiet naturali skont il-Kapitolu 4 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(d)

5 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament għall-bdiewa żgħażagħ skont il-Kapitolu 5 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(e)

5 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagamenti relatati maż-żona fil-kuntest tal-appoġġ akkoppjat volontarju skont il-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(f)

5 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament fil-kuntest tal-iskema għall-bdiewa ż-żgħar skont it-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(g)

30 % taż-żoni ddikjarati għall-produzzjoni tal-qanneb skont l-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(h)

5 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament speċifiku għall-uċuħ tar-raba’ għall-qoton skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Artikolu 31

Rata ta’ kontroll għall-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni

1.   Għall-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni, il-kampjun ta’ kontroll għall-verifiki fuq il-post imwettqin ta’ kull sena għandu jkopri tal-inqas:

(a)

5 % tal-benefiċjarji kollha li jeħtieġ li jħarsu l-prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent (minn hawn ‘il quddiem imsejħin “il-prattiki ta’ ekoloġizzazzjoni”), u li ma jiffurmawx parti mill-popolazzjonijiet ta’ kontroll imsemmijin fil-punti (b) u (c) (minn hawn ‘il quddiem imsejħin “il-popolazzjoni ta’ kontroll għall-ekoloġizzazzjoni”); fl-istess ħin, dan il-kampjun għandu jkopri tal-inqas 5 % tal-benefiċjarji kollha li għandhom żoni koperti minn bur permanenti li huma ambjentalment sensittivi f’żoni koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (17) jew mid-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) u żoni sensittivi oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(b)

3 %:

(i)

jew tal-benefiċjarji kollha li jikkwalifikaw għall-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni li huma eżentati kemm mill-obbligu tad-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ u kemm mill-obbligu taż-żona ta’ interess ekoloġiku peress li ma jilħqux il-limiti msemmijin fl-Artikoli 44 u 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li ma jikkonċernawhomx l-obbligi msemmijin fl-Artikolu 45 ta’ dak ir-Regolament;

(ii)

jew, fis-snin li fihom l-Artikolu 44 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 ma japplikax fi Stat Membru, tal-benefiċjarji li jikkwalifikaw għall-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni li huma eżentati kemm mill-obbligu tad-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ u kemm mill-obbligu taż-żona ta’ interess ekoloġiku peress li ma jilħqux il-limiti msemmijin fl-Artikoli 44 u 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li ma jikkonċernawhomx l-obbligi msemmijin fl-Artikolu 45(1) ta’ dak ir-Regolament;

(c)

5 % tal-benefiċjarji kollha li jeħtieġ li jħarsu l-prattiki ta’ ekoloġizzazzjoni u li jużaw l-iskemi nazzjonali jew reġjonali ta’ ċertifikazzjoni ambjentali kif imsemmi fl-Artikolu 43(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(d)

5 % tal-benefiċjarji kollha li jieħdu sehem f’implimentazzjoni reġjonali skont l-Artikolu 46(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(e)

5 % tal-implimentazzjoni kollettiva skont l-Artikolu 46(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(f)

100 % tal-istrutturi li jinsabu biswit xulxin taż-żoni ta’ interess ekoloġiku li jinsabu maġenb xulxin kif imsemmi fl-Artikolu 46(3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014;

(g)

100 % tal-benefiċjarji kollha li għandhom obbligu li jibdlu l-art mill-ġdid f’bur permanenti skont l-Artikolu 42 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014;

(h)

20 % tal-benefiċjarji kollha li għandhom obbligu li jibdlu l-art mill-ġdid f’bur permanenti skont l-Artikolu 44(2) u (3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014.

2.   Il-benefiċjarji li jħarsu l-prattiki ta’ ekoloġizzazzjoni permezz ta’ prattiki ekwivalenti skont l-Artikolu 43(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jew li jieħdu sehem fl-iskema għall-bdiewa ż-żgħar skont l-Artikolu 61 ta’ dak ir-Regolament jew li japplikaw, fl-azjenda agrikola kollha tagħhom, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (19) għall-biedja organika ma għandhomx jiffurmaw parti mill-kampjun ta’ kontroll u ma għandhomx jingħaddu għall-finijiet tar-rati ta’ kontroll stabbiliti f’dan l-Artikolu.

3.   Meta ż-żoni ta’ interess ekoloġiku ma jkunux identifikati fis-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula tar-raba’ kif imsemmi fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, ir-rata ta’ kontroll stabbilita fil-punti (a) u (c) sa (e) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ssupplimentata b’5 % tal-benefiċjarji kollha tal-kampjun ta’ kontroll rispettiv li jeħtieġ li jkollhom żona ta’ interess ekoloġiku fiż-żona agrikola tagħhom skont l-Artikoli 43 u 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Madankollu, l-ewwel sottoparagrafu ma għandux japplika meta s-sistema ta’ amministrazzjoni u kontroll tiżgura li ż-żoni kollha ta’ interess ekoloġiku ddikjarati jiġu identifikati u, fejn ikun applikabbli, irreġistrati fis-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula tar-raba’ skont l-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 qabel il-pagament.

Artikolu 32

Rata ta’ kontroll għall-miżuri tal-iżvilupp rurali

1.   Il-kampjun ta’ kontroll għall-verifiki fuq il-post imwettqin ta’ kull sena għandu jkopri tal-inqas 5 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-miżuri tal-iżvilupp rurali. Għall-miżuri previsti fl-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, ir-rata ta’ kontroll ta’ 5 % għandha tinkiseb fil-livell tal-miżura individwali.

Dak il-kampjun ta’ kontroll għandu jirrappreżenta wkoll tal-inqas 5 % tal-benefiċjarji tal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 li jinkludu prattiki ekwivalenti kif imsemmi fl-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, fil-każ ta’ gruppi ta’ persuni kif imsemmi fl-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, kull membru individwali tat-tali gruppi jista’ jitqies li huwa benefiċjarju għall-għanijiet tal-kalkolu tar-rata ta’ kontroll stabbilita fil-paragrafu 1.

3.   Għall-benefiċjarji ta’ appoġġ pluriennali mogħti skont l-Artikoli 21(1)(a), 28, 29 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jew l-Artikolu 36(a)(iv) u (v) u (b)(i), (iii) u (v) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 li jinvolvi pagamenti fuq perjodu li jaqbeż il-ħames snin, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, wara l-ħames sena tal-pagament, li jivverifikaw tal-inqas 2,5 % ta’ dawk il-benefiċjarji.

L-ewwel sottoparagrafu għandu japplika għall-appoġġ mogħti skont it-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 28(6) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 wara l-ħames sena tal-pagament għall-impenn rilevanti.

4.   Il-benefiċjarji ċċekkjati skont il-paragrafu 3 ma għandhomx jitqiesu għall-għanijiet tal-paragrafu 1.

Artikolu 33

Rata ta’ kontroll għall-iskemi tal-għajnuna relatati mal-annimali

1.   Għall-iskemi tal-għajnuna relatati mal-annimali, il-kampjun ta’ kontroll għall-verifiki fuq il-post imwettqin ta’ kull sena għandu jkopri, għal kull skema tal-għajnuna, tal-inqas 5 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għal dik l-iskema tal-għajnuna rispettiva.

Madankollu, meta l-bażi tad-dejta kompjuterizzata tal-annimali ma toffrix il-livell ta’ garanzija u implimentazzjoni meħtieġ għall-ġestjoni t-tajba tal-iskema tal-għajnuna kkonċernata, il-perċentwali għandu jkun ta’ 10 % għal dik l-iskema tal-għajnuna rispettiva.

Il-kampjun ta’ kontroll magħżul għandu jkopri tal-inqas 5 % tal-annimali kollha li għalihom tkun saret applikazzjoni għall-għajnuna għal kull skema tal-għajnuna.

2.   Fejn ikun applikabbli, il-kampjun ta’ kontroll għall-verifiki fuq il-post imwettqin ta’ kull sena għandu jkopri 10 % tas-servizzi, il-korpi jew l-organizzazzjonijiet l-oħrajn li jipprovdu evidenza biex tiġi vverifikata l-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà u mal-impenji u l-obbligi l-oħrajn kif imsemmi fl-Artikolu 28(2).

Artikolu 34

Għażla tal-kampjun ta’ kontroll

1.   L-applikazzjonijiet jew l-applikanti li jinstabu li mhumiex ammissibbli jew eliġibbli għall-pagament fi żmien it-tressiq jew wara li jsiru l-verifiki amministrattivi ma għandhomx jiffurmaw parti mill-popolazzjoni ta’ kontroll.

2.   Għall-għanijiet tal-Artikoli 30 u 31, il-kampjun għandu jintgħażel kif ġej:

(a)

bejn 1 u 1,25 % tal-benefiċjarji li japplikaw għall-iskema ta’ pagament bażiku jew għall-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja skont il-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom jingħażlu b’mod aleatorju minn fost il-benefiċjarji kollha li japplikaw għal dawk l-iskemi;

(b)

bejn 1 u 1,25 % tal-popolazzjoni ta’ kontroll għall-ekoloġizzazzjoni għandhom jingħażlu b’mod aleatorju minn fost il-benefiċjarji kollha magħżulin skont il-punt (a). Jekk ikun hemm bżonn biex jintlaħaq dak il-perċentwali, għandhom jingħażlu benefiċjarji addizzjonali b’mod aleatorju minn fost il-popolazzjoni ta’ kontroll għall-ekoloġizzazzjoni;

(c)

l-għadd ta’ benefiċjarji li jkun għad fadal fil-kampjun ta’ kontroll imsemmi fl-Artikolu 31(1)(a) għandu jingħażel abbażi ta’ analiżi tar-riskju;

(d)

il-benefiċjarji kollha magħżulin skont il-punti (a) sa (c) ta’ dan is-sottoparagrafu jistgħu jitqiesu bħala parti mill-kampjuni ta’ kontroll previsti fl-Artikolu 30(b) sa (e), (g) u (h). Jekk ikun hemm bżonn biex jitħarsu r-rati minimi ta’ kontroll, għandhom jingħażlu benefiċjarji addizzjonali b’mod aleatorju minn fost il-popolazzjonijiet rispettivi ta’ kontroll tagħhom;

(e)

il-benefiċjarji kollha magħżulin skont il-punti (a) sa (d) ta’ dan is-sottoparagrafu jistgħu jitqiesu bħala parti mill-kampjun ta’ kontroll previst fl-Artikolu 30(a). Jekk ikun hemm bżonn biex titħares ir-rata minima ta’ kontroll, għandhom jingħażlu benefiċjarji addizzjonali b’mod aleatorju minn fost il-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-iskema ta’ pagament bażiku jew għall-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja skont il-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(f)

l-għadd minimu ta’ benefiċjarji msemmi fl-Artikolu 30(f) għandu jingħażel b’mod aleatorju minn fost il-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament fil-kuntest tal-iskema għall-bdiewa ż-żgħar skont it-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(g)

l-għadd minimu ta’ benefiċjarji msemmi fl-Artikolu 31(1)(b) għandu jingħażel abbażi ta’ analiżi tar-riskju minn fost il-benefiċjarji kollha li jikkwalifikaw għall-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni li huma eżentati kemm mill-obbligu tad-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ u kemm mill-obbligu taż-żona ta’ interess ekoloġiku peress li ma jilħqux il-limiti msemmijin fl-Artikoli 44 u 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li ma jikkonċernawhomx l-obbligi msemmijin fl-Artikolu 45 ta’ dak ir-Regolament;

(h)

bejn 20 % u 25 % tal-għadd minimu ta’ benefiċjarji msemmi fl-Artikolu 31(1)(c), (d) u (h) għandhom jingħażlu b’mod aleatorju minn fost il-benefiċjarji kollha magħżulin skont il-punt (b) ta’ dan is-sottoparagrafu. Jekk ikun hemm bżonn biex jintlaħaq dak il-perċentwali, għandhom jingħażlu benefiċjarji addizzjonali b’mod aleatorju minn fost il-benefiċjarji kollha magħżulin skont il-punt (a) ta’ dan is-sottoparagrafu. L-għadd ta’ benefiċjarji li jkun għad fadal, imsemmi fl-Artikolu 31(1)(c), (d) u (h), għandu jingħażel abbażi ta’ analiżi tar-riskju minn fost il-benefiċjarji kollha magħżulin skont il-punt (c) ta’ dan is-sottoparagrafu. Jekk ikun hemm bżonn biex jitħarsu r-rati minimi ta’ kontroll, għandhom jingħażlu benefiċjarji addizzjonali abbażi ta’ analiżi tar-riskju minn fost il-popolazzjonijiet rispettivi ta’ kontroll tagħhom;

(i)

bejn 20 % u 25 % tal-għadd minimu ta’ implimentazzjonijiet kollettivi msemmi fl-Artikolu 31(1)(e) għandhom jingħażlu b’mod aleatorju minn fost l-implimentazzjonijiet kollettivi kollha skont l-Artikolu 46(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. L-għadd ta’ implimentazzjonijiet kollettivi li jkun għad fadal, imsemmi fl-Artikolu 31(1)(e), għandu jingħażel abbażi ta’ analiżi tar-riskju.

Il-verifika fuq il-post tal-benefiċjarji addizzjonali magħżulin skont il-punti (d), (e) u (h) u tal-benefiċjarji magħżulin skont il-punti (f) u (g) tista’ tkun limitata għall-iskema tal-għajnuna li ntgħażlu għaliha jekk ir-rati minimi ta’ kontroll tal-iskemi l-oħra tal-għajnuna li jkunu applikaw għalihom ikunu diġà qed jitħarsu.

Il-verifika fuq il-post tal-benefiċjarji addizzjonali magħżulin skont l-Artikolu 31(3) u skont il-punt (h) tal-ewwel sottoparagrafu ta’ dan il-paragrafu u tal-benefiċjarji magħżulin skont il-punt (i) tal-ewwel sottoparagrafu ta’ dan il-paragrafu tista’ tkun limitata għall-prattiki ta’ ekoloġizzazzjoni li ngħażlu għalihom jekk ir-rati minimi ta’ kontroll tal-iskemi l-oħra tal-għajnuna u tal-prattiki ta’ ekoloġizzazzjoni l-oħra li huma jridu jħarsu jkunu diġà qed jitħarsu.

Għall-għanijiet tal-Artikolu 31, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kampjun ta’ kontroll ikun rappreżentattiv tal-prattiki differenti.

3.   Għall-għanijiet tal-Artikoli 32 u 33, l-ewwel nett għandhom jingħażlu b’mod aleatorju bejn 20 % u 25 % tal-għadd minimu ta’ benefiċjarji li jridu jsirulhom il-verifiki fuq il-post. L-għadd ta’ benefiċjarji li jkun għad fadal li jridu jsirulhom il-verifiki fuq il-post għandhom jingħażlu abbażi ta’ analiżi tar-riskju.

Għall-għanijiet tal-Artikolu 32, bħala riżultat tal-analiżi tar-riskju, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu miżuri speċifiċi tal-iżvilupp rurali li japplikaw għall-benefiċjarji.

4.   Jekk l-għadd ta’ benefiċjarji li jridu jsirulhom il-verifiki fuq il-post jaqbeż l-għadd minimu ta’ benefiċjarji msemmi fl-Artikoli 30 sa 33, il-perċentwali tal-benefiċjarji magħżulin b’mod aleatorju fil-kampjun addizzjonali ma għandux jaqbeż il-25 %.

5.   L-effettività tal-analiżi tar-riskju għandha tiġi vvalutata u aġġornata ta’ kull sena kif ġej:

(a)

billi tiġi stabbilita r-rilevanza ta’ kull fattur ta’ riskju;

(b)

billi jitqabblu r-riżultati fir-rigward tad-differenza bejn iż-żona ddikjarata u ż-żona stabbilita permezz tal-kampjun magħżul b’mod aleatorju u bbażat fuq ir-riskju msemmi fl-ewwel sottoparagrafu tal-paragrafu 2; jew billi jitqabblu r-riżultati fir-rigward tad-differenza bejn l-għadd ta’ annimali ddikjarat u l-għadd ta’ annimali stabbilit permezz tal-kampjun magħżul b’mod aleatorju u bbażat fuq ir-riskju msemmi fl-ewwel sottoparagrafu tal-paragrafu 2;

(c)

billi titqies is-sitwazzjoni speċifika tal-Istat Membru u, fejn ikun xieraq, l-evoluzzjoni tar-rilevanza tal-fatturi ta’ riskju fih;

(d)

billi titqies l-għamla tan-nuqqas ta’ konformità li twassal għal żieda fir-rata ta’ kontroll skont l-Artikolu 35.

6.   L-awtorità kompetenti għandha żżomm rekords tar-raġunijiet għaliex kull benefiċjarju jkun intgħażel għal verifika fuq il-post. L-ispettur li jwettaq il-verifika fuq il-post għandu jiġi mgħarraf kif xieraq dwar dan qabel ma jibda l-verifika fuq il-post.

7.   Fejn ikun xieraq, tista’ ssir għażla parzjali tal-kampjun ta’ kontroll abbażi tal-informazzjoni disponibbli qabel id-data finali msemmija fl-Artikolu 13. Dak il-kampjun provviżorju għandu jitlesta meta jkunu disponibbli l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-ħlas rilevanti kollha.

Artikolu 35

Żieda fir-rata ta’ kontroll

Meta l-verifiki fuq il-post jiżvelaw xi nuqqas ta’ konformità sinifikanti fil-kuntest ta’ skema tal-għajnuna jew miżura ta’ appoġġ partikulari jew f’reġjun jew parti minn reġjun, l-awtorità kompetenti għandha żżid kif xieraq il-perċentwali tal-benefiċjarji li jridu jsirulhom verifiki fuq il-post fis-sena ta’ wara.

Artikolu 36

Tnaqqis tar-rata ta’ kontroll

1.   Ir-rati ta’ kontroll stabbiliti f’dan il-Kapitolu jistgħu jitnaqqsu biss għall-iskemi tal-għajnuna jew il-miżuri ta’ appoġġ stipulati f’dan l-Artikolu.

2.   B’deroga mill-Artikolu 30(a), (b) u (f), għall-iskema ta’ pagament bażiku, għall-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja, għall-pagament ridistributtiv u għall-iskema għall-bdiewa ż-żgħar, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jnaqqsu l-livell minimu tal-verifiki fuq il-post li jitwettqu ta’ kull sena għal kull skema għal 3 %.

L-ewwel sottoparagrafu għandu japplika biss jekk ikun hemm fis-seħħ sistema ta’ intersezzjoni spazjali tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna kollha mas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula tar-raba’ skont l-Artikolu 17(2) u jekk isiru kontroverifiki fuq l-applikazzjonijiet għall-għajnuna kollha sabiex jiġu evitati t-talbiet doppji għall-istess żona matul is-sena ta’ qabel l-applikazzjoni ta’ dak is-sottoparagrafu.

Għas-snin tat-talba tal-2015 u l-2016, ir-rata tal-iżbalji misjuba fil-kampjun aleatorju vverifikat fuq il-post ma għandhiex taqbeż it-2 % fis-sentejn finanzjarji ta’ qabel. L-Istat Membru għandu jiċċertifika dik ir-rata tal-iżbalji skont il-metodoloġija mfassla fil-livell tal-Unjoni.

3.   B’deroga mill-Artikolu 30(a), (b) u (f), għall-iskema ta’ pagament bażiku, għall-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja, għall-pagament ridistributtiv u għall-iskema għall-bdiewa ż-żgħar, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jnaqqsu l-kampjun ta’ kontroll għall-kampjun magħżul skont il-punt (a) tal-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 34(2) jekk jitwettqu verifiki abbażi tal-ortoimmaġnijiet użati għall-aġġornament tas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula tar-raba’ msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

L-ewwel sottoparagrafu għandu japplika biss jekk l-Istati Membri jaġġornaw b’mod sistematiku s-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula tar-raba’ u jiċċekkjaw il-benefiċjarji kollha fiż-żona kollha koperta minnha fi żmien perjodu massimu ta’ tliet snin, billi jkopru tal-inqas 25 % tal-ettari eliġibbli rreġistrati fis-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula tar-raba’ fis-sena. Madankollu, dak il-perċentwali ta’ kopertura minima fis-sena ma għandux japplika għall-Istati Membri li għandhom inqas minn 150 000 ettaru eliġibbli rreġistrati fis-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula tar-raba’.

Qabel ma japplikaw l-ewwel sottoparagrafu, l-Istati Membri għandhom ikunu aġġornaw kompletament is-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula tar-raba’ kkonċernati tul l-aħħar tliet snin.

L-ortoimmaġnijiet użati għall-aġġornament ma għandhomx ikunu ttieħdu iktar minn 15-il xahar qabel id-data tal-użu tagħhom għall-għanijiet tal-aġġoranment tas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula tar-raba’.

Il-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula tar-raba’ kif ivvalutata skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 matul is-sentejn ta’ qabel l-applikazzjoni tal-ewwel sottoparagrafu għandha tkun biżżejjed biex tiżgura l-verifika effettiva tal-kundizzjonijiet li bihom tingħata l-għajnuna.

Id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel sottoparagrafu tista’ tittieħed f’livell nazzjonali jew reġjonali. Għall-għanijiet ta’ dan is-sottoparagrafu, reġjun għandu jkun imsawwar miż-żona kollha koperta minn sistema awtonoma waħda jew iktar ta’ identifikazzjoni tal-ħbula tar-raba’.

It-tielet sottoparagrafu tal-paragrafu 2 għandu japplika mutatis mutandis.

4.   B’deroga mill-Artikolu 32(1), l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jnaqqsu l-livell minimu tal-verifiki fuq il-post li jitwettqu f’kull sena kalendarja għal 3 % tal-benefiċjarji li japplikaw għal miżuri tal-iżvilupp rurali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata.

Madankollu, l-ewwel sottoparagrafu ma għandux japplika għal dawk il-benefiċjarji li jinkludu prattiki ekwivalenti kif imsemmi fl-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

5.   Il-paragrafi 2, 3 u 4 għandhom japplikaw biss jekk ikunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet ġenerali għat-tnaqqis tal-livell minimu tal-verifiki fuq il-post stabbiliti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 62(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Meta ma tibqax tiġi ssodisfata xi waħda minn dawk il-kundizzjonijiet jew mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 jew 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom iħassru minnufih id-deċiżjoni tagħhom li jnaqqsu l-livell minimu ta’ verifiki fuq il-post u għandhom japplikaw il-livell minimu ta’ verifiki fuq il-post previst fl-Artikolu 30(a), (b) u (f) u/jew fl-Artikolu 32 mis-sena tat-talba ta’ wara għall-iskemi tal-għajnuna jew il-miżuri ta’ appoġġ ikkonċernati.

6.   B’deroga mill-Artikolu 30(g), meta Stat Membru jintroduċi sistema ta’ approvazzjoni minn qabel għall-kultivazzjoni tal-qanneb, il-livell minimu ta’ verifiki fuq il-post jista’ jitnaqqas għal 20 % taż-żoni ddikjarati għall-produzzjoni tal-qanneb kif imsemmi fl-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

F’dak il-każ, l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bir-regoli u l-kundizzjonijiet iddettaljati tiegħu marbutin mas-sistema tiegħu ta’ approvazzjoni minn qabel fis-sena ta’ qabel ma tiġi applikata r-rata mnaqqsa ta’ kontroll. Kwalunkwe emenda f’dawk ir-regoli jew il-kundizzjonijiet iddettaljati għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.

Taqsima 2

Verifiki fuq il-post fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna għal skemi tal-għajnuna relatati maż-żona u talbiet għall-ħlas għal miżuri ta’ appoġġ relatati maż-żona

Artikolu 37

Elementi tal-verifiki fuq il-post

1.   Il-verifiki fuq il-post għandhom ikopru l-ħbula raba’ kollha li għalihom tintalab l-għajnuna fil-kuntest tal-iskemi elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u/jew li għalihom jintalab appoġġ fil-kuntest ta’ miżuri tal-iżvilupp rurali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata.

Fir-rigward tal-kontroll tal-miżuri tal-iżvilupp rurali previsti fl-Artikolu 21(1)(a) u fl-Artikoli 30 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, il-verifiki fuq il-post għandhom ikopru wkoll l-art kollha li mhix agrikola li għaliha qed jintalab appoġġ.

Abbażi tar-riżultati tal-kontroll, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta jekk hemmx bżonn jiġu aġġornati l-ħbula referenzjali korrispondenti, filwaqt li tqis l-Artikolu 5(3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014.

2.   Il-verifiki fuq il-post għandhom ikopru l-kejl taż-żona u l-verifika tal-kriterji tal-eliġibbiltà, tal-impenji u tal-obbligi l-oħrajn taż-żona ddikjarata mill-benefiċjarju fil-kuntest tal-iskemi tal-għajnuna u/jew tal-miżuri ta’ appoġġ imsemmijin fil-paragrafu 1.

Għall-benefiċjarji li japplikaw għall-pagamenti diretti skont l-iskemi mniżżlin fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li ż-żoni agrikoli tagħhom huma b’mod ewlieni żoni miżmumim b’mod naturali fi stat xieraq għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni, il-verifika fuq il-post għandha tkopri wkoll il-verifika tal-attività minima mwettqa f’dawk iż-żoni kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

3.   Il-verifiki fuq il-post relatati mal-prattiki ta’ ekoloġizzazzjoni għandhom ikopru l-obbligi kollha li l-benefiċjarju jrid iħares. Fejn ikun rilevanti, il-konformità mal-limiti msemmijin fl-Artikoli 44 u 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għal eżenzjoni mill-prattiki għandha tifforma parti mill-verifiki fuq il-post. Dan is-sottoparagrafu għandu japplika wkoll għall-verifiki fuq il-post imwettqin fir-rigward ta’ skemi nazzjonali jew reġjonali ta’ ċertifikazzjoni ambjentali kif imsemmi fl-Artikolu 43(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Meta l-verifika fuq il-post tkun tikkonċerna implimentazzjoni reġjonali skont l-Artikolu 46(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-verifika fuq il-post għandha tkopri wkoll il-kejl taż-żona u l-verifika tal-obbligi imposti fuq il-benefiċjarji jew il-gruppi ta’ benefiċjarji mill-Istat Membru.

Meta l-verifika fuq il-post tkun tikkonċerna implimentazzjoni kollettiva skont l-Artikolu 46(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-verifika fuq il-post għandha tkopri:

(a)

il-verifika tal-kriterji għall-qrubija stabbiliti skont l-Artikolu 47(1) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014;

(b)

il-kejl taż-żona u l-verifika tal-kriterji għaż-żoni ta’ interess ekoloġiku li jinsabu biswit xulxin;

(c)

l-obbligi addizzjonali imposti fuq il-benefiċjarji jew il-gruppi ta’ benefiċjarji mill-Istat Membru, fejn dan ikun xieraq;

(d)

l-obbligi individwali ta’ ekoloġizzazzjoni li l-benefiċjarju li jieħu sehem fl-implimentazzjoni kollettiva jrid iħares.

Artikolu 38

Kejl taż-żona

1.   Filwaqt li l-ħbula raba’ kollha għandhom isirulhom verifiki tal-eliġibbiltà, il-kejl proprju taż-żona tal-ħabel raba’ bħala parti minn verifika fuq il-post jista’ jkun limitat għal kampjun magħżul b’mod aleatorju ta’ mill-inqas 50 % tal-ħbula raba’ li għalihom tkun tressqet applikazzjoni għall-għajnuna u/jew talba għall-ħlas fil-kuntest tal-iskemi tal-għajnuna relatati maż-żona u/jew tal-miżuri tal-iżvilupp rurali. Meta din il-verifika tal-kampjun tiżvela xi nuqqas ta’ konformità, għandhom jitkejlu l-ħbula raba’ kollha, jewinkella għandhom jiġu estrapolati konklużjonijiet mill-kampjun imkejjel.

L-ewwel sottoparagrafu ma għandux japplika għall-ħbula raba’ li jridu jiġu ċċekkjati għall-għanijiet taż-żona ta’ interess ekoloġiku skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

2.   Il-ħbula raba’ għandhom jitkejlu bi kwalunkwe mezz li ntwera li jiżgura kejl ta’ kwalità li hija tal-inqas daqs dik meħtieġa mill-istandards tekniċi applikabbli, kif imfassla fil-livell tal-Unjoni.

3.   L-awtorità kompetenti tista’ tuża t-tekniki tat-telerilevament skont l-Artikolu 40 u tas-Sistemi Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS), fejn dan ikun possibbli.

4.   Għandha tiġi ddefinita tolleranza ta’ lqugħ b’valur uniku għall-kejl kollu taż-żona mwettaq bl-użu tal-GNSS u/jew tal-ortoimmaġnijiet. Għal dan il-għan, l-għodod użati għall-kejl għandhom jiġu vvalidati tal-inqas għal klassi waħda ta’ validazzjoni tat-tolleranza ta’ lqugħ li tkun inqas mill-valur uniku. Madankollu, il-valur uniku tat-tolleranza ma għandux jaqbeż il-1,25 m.

It-tolleranza massima għal kull ħabel raba’ ma għandhiex taqbeż il-1,0 ettari f’termini assoluti.

Madankollu, għall-kejl imsemmi fl-Artikolu 21(1)(a) u fl-Artikoli 30 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 f’dak li għandu x’jaqsam maż-żona tal-foresta, l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu tolleranzi xierqa, li qatt ma għandhom ikunu iktar mid-doppju tat-tolleranza stabbilita fl-ewwel sottoparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

5.   Iż-żona totali ta’ ħabel raba’ tista’ titqies fil-kejl dejjem jekk din tkun kompletament eliġibbli. F’każijiet oħrajn, għandha titqies iż-żona eliġibbli netta. Għal dak il-għan, fejn ikun xieraq tista’ tiġi applikata s-sistema proporzjonali msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014.

6.   Għall-għanijiet tal-kalkolu tas-sehem tal-uċuħ tar-raba’ differenti fid-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ kif imsemmi fl-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għall-kejl għandha titqies iż-żona li fil-fatt tkun koperta minn wiċċ tar-raba’ wieħed skont l-Artikolu 40(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014. F’żoni fejn issir kultivazzjoni mħallta, għandha titqies iż-żona kollha koperta mill-kultivazzjoni mħallta skont l-ewwel u t-tieni sottoparagrafi tal-Artikolu 40(3) ta’ dak ir-Regolament jew koperta minn wiċċ tar-raba’ mħallat skont it-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 40(3) ta’ dak ir-Regolament.

7.   Meta l-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 ikun jista’ jwassal għal qsim artifiċjali taż-żona ta’ ħbula raba’ li jinsabu maġenb xulxin u li għandhom tip omoġenu ta’ kopertura tal-art fi ħbula raba’ separati, il-kejl ta’ din iż-żona ta’ ħbula raba’ li jinsabu maġenb xulxin u li għandhom tip omoġenu ta’ kopertura tal-art għandu jingħadd f’kejl uniku wieħed tal-ħbula raba’ kkonċernati.

8.   Fejn ikun xieraq, il-kejl għandu jsir darbtejn, b’mod separat, għal ħabel raba’ għall-għanijiet tal-iskema ta’ pagament bażiku jew tal-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja skont il-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u għal ħabel raba’ mrikkeb fuq ieħor li jkun differenti mil-lat spazjali għall-għanijiet tal-iskemi tal-għajnuna relatati maż-żona u/jew tal-miżuri tal-iżvilupp rurali l-oħrajn, fejn dan ikun xieraq.

Artikolu 39

Verifika tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà

1.   L-eliġibbiltà tal-ħbula raba’ għandha tiġi vverifikata bi kwalunkwe mezz li jkun xieraq. Dik il-verifika għandha tinkludi wkoll verifika tal-wiċċ tar-raba’, fejn dan ikun xieraq. Għal dak il-għan, għandhom jintalbu provi addizzjonali fejn ikun hemm bżonn.

2.   Għall-bur permanenti li huwa tajjeb għar-ragħa u li jifforma parti mill-prattiki lokali stabbiliti fejn fiż-żoni tar-ragħa tradizzjonalment mhumiex predominanti l-ħxejjex u l-foraġġ erbaċew l-ieħor, il-koeffiċent ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jista’ jiġi applikat, fejn ikun xieraq, għaż-żona eliġibbli mkejla skont l-Artikolu 38 ta’ dan ir-Regolament. Meta żona tintuża minn individwi differenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jallokawha bejn il-benefiċjarji individwali b’mod proporzjonat mal-użu tagħhom tagħha jew mad-dritt tagħhom li jużawha.

3.   Il-karatteristiċi tal-pajsaġġ li l-benefiċjarji jiddikjaraw li huma żona ta’ interess ekoloġiku li mhumiex inklużi fiż-żona eliġibbli skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 għandhom jiġu vverifikati skont l-istess prinċipji bħal dawk li japplikaw għaż-żona eliġibbli.

4.   Fir-rigward tal-kontroll tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u meta l-Istati Membri jistabbilixxu li ċerti elementi ta’ verifika fuq il-post jistgħu jitwettqu abbażi ta’ kampjun, dak il-kampjun għandu jiżgura livell affidabbli u rappreżentattiv ta’ kontroll. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxi l-kriterji għall-għażla tal-kampjun. Jekk il-verifiki fuq dak il-kampjun jiżvelaw xi nuqqas ta’ konformità, il-firxa tal-kampjun u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għandhom jiġu estiżi kif xieraq.

Artikolu 40

Verifiki mwettqin permezz tat-telerilevament

Meta Stat Membru jwettaq verifiki fuq il-post permezz tat-telerilevament, l-awtorità kompetenti għandha:

(a)

twettaq fotointerpretazzjoni tal-ortoimmaġnijiet (bis-satellita jew mill-ajru) tal-ħbula raba’ kollha għal kull applikazzjoni għall-għajnuna u/jew talba għall-ħlas li trid tiġi ċċekkjata, bil-għan li jiġu rrikonoxxuti t-tipi ta’ kopertura tal-art u, fejn ikun xieraq, it-tip ta’ wiċċ tar-raba’, u li titkejjel iż-żona;

(b)

twettaq spezzjonijiet fiżiċi fuq il-post tal-ħbula raba’ kollha li għalihom ma tistax tiġi vverifikata l-eżattezza tad-dikjarazzjoni taż-żoni permezz tal-fotointerpretazzjoni b’mod li jissodisfa lill-awtorità kompetenti;

(c)

twettaq il-verifiki kollha meħtieġa biex tivverifika l-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà u mal-impenji u l-obbligi l-oħrajn marbutin mal-ħbula raba’;

(d)

tieħu azzjoni alternattiva biex tkopri l-kejl taż-żona skont l-Artikolu 38(1) ta’ kwalunkwe ħabel li mhux kopert mill-immaġnijiet.

Artikolu 41

Rapport ta’ kontroll

1.   Kull verifika fuq il-post imwettqa skont din it-Taqsima għandu jinħareġ rapport ta’ kontroll dwarha li jagħmilha possibbli li wieħed jeżamina d-dettalji tal-verifiki mwettqin u jislet konklużjonijiet dwar il-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà u mal-impenji u l-obbligi l-oħrajn. Ir-rapport għandu jindika b’mod partikulari:

(a)

l-iskemi tal-għajnuna jew il-miżuri ta’ appoġġ, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-ħlas iċċekkjati;

(b)

il-persuni preżenti;

(c)

il-ħbula raba’ ċċekkjati u dawk imkejlin, inkluż, fejn ikun applikabbli, ir-riżultat tal-kejl għal kull ħabel raba’ mkejjel u l-metodi tal-kejl użati;

(d)

fejn ikun applikabbli, ir-riżultati tal-kejl tal-art mhix agrikola li għaliha jkun qed jintalab appoġġ fil-kuntest tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u l-metodi tal-kejl użati;

(e)

jekk il-benefiċjarju kienx avżat minn qabel dwar il-verifika u, jekk iva, il-perjodu tal-avviż minn qabel;

(f)

kwalunkwe miżura speċifika ta’ kontroll li trid titwettaq fil-kuntest ta’ skemi tal-għajnuna jew skemi ta’ appoġġ individwali;

(g)

kwalunkwe miżura oħra ta’ kontroll imwettqa;

(h)

kwalunkwe nuqqas ta’ konformità misjub li jista’ jeżiġi kontronotifika fid-dawl ta’ skemi tal-għajnuna oħrajn, miżuri ta’ appoġġ oħrajn u/jew tal-kundizzjonalità;

(i)

kwalunkwe nuqqas ta’ konformità misjub li jista’ jeżiġi segwitu fis-snin ta’ wara.

2.   Il-benefiċjarju għandu jingħata l-opportunità jiffirma r-rapport matul il-verifika biex jikkonferma l-preżenza tiegħu waqt il-verifika u jżid l-osservazzjonijiet tiegħu. Meta l-Istati Membri jużaw rapport ta’ kontroll stabbilit b’mezzi elettroniċi matul il-verifika, l-awtorità kompetenti għandha tipprevedi l-possibbiltà li l-benefiċjarju jiffirmah b’mod elettroniku, jewinkella r-rapport ta’ kontroll għandu jintbagħat minnufih lill-benefiċjarju sabiex dan jingħata l-opportunità jiffirmah u jżid l-osservazzjonijiet tiegħu. Meta jinstab xi nuqqas ta’ konformità, il-benefiċjarju għandu jirċievi kopja tar-rapport ta’ kontroll.

Meta l-verifika fuq il-post titwettaq permezz tat-telerilevament skont l-Artikolu 40, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux lill-benefiċjarju l-opportunità li jiffirma r-rapport ta’ kontroll jekk il-verifika mwettqa permezz tat-telerilevament ma tiżvela l-ebda nuqqas ta’ konformità. Jekk it-tali verifiki jiżvelaw nuqqas ta’ konformità, il-benefiċjarju għandu jingħata l-opportunità li jiffirma r-rapport qabel ma l-awtorità kompetenti tislet il-konklużjonijiet tagħha mis-sejbiet dwar kwalunkwe tnaqqis, rifjut, irtirar jew pieni li jirriżultaw minn dan.

Taqsima 3

Verifiki fuq il-post tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatata mal-bhejjem u tat-talbiet għall-ħlas fil-kuntest ta’ miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali

Artikolu 42

Verifiki fuq il-post

1.   Il-verifiki fuq il-post għandhom jivverifikaw li l-kriterji kollha tal-eliġibbiltà u l-impenji u l-obbligi l-oħrajn kollha huma ssodisfati u jkopru l-annimali kollha li għalihom tressqu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-ħlas fil-kuntest tal-iskemi tal-għajnuna relatata mal-annimali jew tal-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali li jridu jiġu ċċekkjati.

Meta l-Istat Membru jkun stabbilixxa perjodu skont l-Artikolu 21(1)(d), tal-inqas 50 % tar-rata minima tal-verifiki fuq il-post previsti fl-Artikolu 32 jew fl-Artikolu 33 għandhom jitqassmu matul dak il-perjodu għall-iskema tal-għajnuna relatata mal-annimali jew għall-miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali rispettiva.

Meta l-Istat Membru juża l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 21(3), għandhom jiġu ċċekkjati wkoll l-annimali potenzjalment eliġibbli kif iddefinit fil-punt (17) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014.

Il-verifiki fuq il-post għandhom jinkludu b’mod partikulari verifika li l-għadd ta’ annimali preżenti fl-azjenda agrikola li għalihom tressqu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u/jew it-talbiet għall-ħlas u, fejn ikun applikabbli, l-għadd ta’ annimali potenzjalment eliġibbli jikkorrispondi mal-għadd ta’ annimali mdaħħlin fir-reġistri u mal-għadd ta’ annimali nnotifikati fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata tal-annimali.

2.   Il-verifiki fuq il-post għandhom jinkludu wkoll verifiki:

(a)

tal-korrettezza u l-koerenza tal-entrati fir-reġistru u tan-notifiki fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata tal-annimali, abbażi ta’ kampjun ta’ dokumenti ta’ sostenn bħall-fatturi tax-xiri u l-bejgħ, iċ-ċertifikati tat-tbiċċir, iċ-ċertifikati tal-veterinarji u, fejn ikun applikabbli, il-passaporti tal-annimali jew id-dokumenti tal-moviment, fir-rigward ta’ annimali li għalihom tressqu applikazzjonijiet għall-għajnuna jew talbiet għall-ħlas matul is-sitt xhur ta’ qabel il-verifika fuq il-post; madankollu, jekk jinstabu xi anomaliji, il-verifika għandha tiġi estiża għat-12-il xahar qabel il-verifika fuq il-post;

(b)

tal-fatt li l-annimali bovini jew ovini/kaprini huma identifikati permezz ta’ tikketti mal-widnejn jew b’mezzi oħra ta’ identifikazzjoni, flimkien ma’ passaporti tal-annimali jew dokumenti tal-moviment, fejn dan ikun applikabbli, u li dawn huma rreġistrati fir-reġistru u ġew innotifikati kif xieraq fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata tal-annimali.

Il-verifiki msemmijin fil-punt (b) tal-ewwel sottoparagrafu jistgħu jsiru abbażi ta’ kampjun aleatorju. Meta din il-verifika tal-kampjun tiżvela xi nuqqas ta’ konformità, għandhom jiġu ċċekkjati l-annimali kollha. jewinkella għandhom jiġu estrapolati konklużjonijiet mill-kampjun.

Artikolu 43

Rapport ta’ kontroll għall-iskemi tal-għajnuna relatata mal-annimali u għall-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali

1.   Kull verifika fuq il-post imwettqa skont din it-Taqsima għandu jinħareġ rapport ta’ kontroll dwarha li jagħmilha possibbli li wieħed jeżamina d-dettalji tal-verifiki mwettqin. Ir-rapport għandu jindika b’mod partikulari:

(a)

l-iskemi tal-għajnuna relatata mal-annimali u/jew il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali u l-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-bhejjem u/jew it-talbiet għall-ħlas iċċekkjati;

(b)

il-persuni preżenti;

(c)

l-għadd u t-tip ta’ annimali li jkunu nstabu u, fejn ikun applikabbli, in-numri tat-tikketti mal-widnejn, l-entrati fir-reġistru u fil-bażijiet tad-dejta kompjuterizzati tal-annimali u kwalunkwe dokument ta’ sostenn iċċekkjat, ir-riżultati tal-verifiki u, fejn ikun applikabbli, l-osservazzjonijiet partikulari dwar annimali individwali u/jew dwar il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tagħhom;

(d)

jekk il-benefiċjarju kienx avżat minn qabel dwar iż-żjara u, jekk iva, il-perjodu tal-avviż minn qabel. B’mod partikulari f’każ li jinqabeż il-limitu ta’ 48 siegħa msemmi fl-Artikolu 25, fir-rapport ta’ kontroll għandha tingħata r-raġuni għaliex ikun inqabeż dan il-limitu;

(e)

kwalunkwe miżura speċifika ta’ kontroll li trid titwettaq fil-kuntest tal-iskemi tal-għajnuna relatata mal-annimali u/jew tal-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali;

(f)

kwalunkwe miżura oħra ta’ kontroll li trid titwettaq.

2.   Il-benefiċjarju għandu jingħata l-opportunità jiffirma r-rapport matul il-verifika biex jikkonferma l-preżenza tiegħu waqt il-verifika u jżid l-osservazzjonijiet tiegħu. Meta l-Istati Membri jużaw rapport ta’ kontroll stabbilit b’mezzi elettroniċi matul il-verifika, l-awtorità kompetenti għandha tipprevedi l-possibbiltà li l-benefiċjarju jiffirmah b’mod elettroniku, jewinkella r-rapport ta’ kontroll għandu jintbagħat minnufih lill-benefiċjarju sabiex dan jingħata l-opportunità jiffirmah u jżid l-osservazzjonijiet tiegħu. Meta jinstab xi nuqqas ta’ konformità, il-benefiċjarju għandu jirċievi kopja tar-rapport ta’ kontroll.

3.   Meta l-Istati Membri jwettqu l-verifiki fuq il-post skont dan ir-Regolament flimkien mal-ispezzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 1082/2003, ir-rapport ta’ kontroll għandu jkun issupplimentat minn rapporti skont l-Artikolu 2(5) ta’ dak ir-Regolament.

4.   Meta l-verifiki fuq il-post imwettqa skont dan ir-Regolament jiżvelaw każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mat-Titolu I tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jew mar-Regolament (KE) Nru 21/2004, għandhom jintbagħtu kopji tar-rapport ta’ kontroll previst f’dan l-Artikolu minnufih lill-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti.

KAPITOLU IV

Regoli speċifiċi

Artikolu 44

Regoli dwar ir-riżultati tal-kontroll fir-rigward taż-żoni ta’ interess ekoloġiku reġjonali jew kollettivi

Fil-każ ta’ implimentazzjoni reġjonali jew kollettiva skont l-Artikolu 46(5) jew (6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iż-żona taż-żoni komuni ta’ interess ekoloġiku stabbiliti li jinsabu biswit xulxin għandha tiġi allokata lil kull parteċipant b’mod proporzjonat mas-sehem tiegħu fiż-żoni ekoloġiċi komuni abbażi ta’ dak li jkun iddikjara skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament.

Sabiex jiġi applikat l-Artikolu 26 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 għal kull parteċipant f’implimentazzjoni reġjonali jew kollettiva, iż-żona ta’ interess ekoloġiku stabbilita għandha tkun is-somma tas-sehem taż-żoni komuni ta’ interess ekoloġiku stabbiliti, allokat kif imsemmi fl-ewwel sottoparagrafu ta’ dan l-Artikolu, magħdud maż-żoni ta’ interess ekoloġiku stabbiliti fir-rigward tal-obbligu individwali.

Artikolu 45

Verifika tal-kontenut tat-tetraidrokannabinol fit-tkabbir tal-qanneb

1.   Għall-għanijiet tal-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu s-sistema sabiex jiġi stabbilit il-kontenut tat-tetraidrokannabinol (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “it-THC”) fl-uċuħ tar-raba’ mkabbrin kif stipulat fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha żżomm ir-rekords relatati mas-sejbiet tal-kontenut tat-THC. Għal kull varjetà, it-tali rekords għandu jkun fihom tal-inqas ir-riżultati f’termini tal-kontenut tat-THC minn kull kampjun, mogħtija bħala perċentwali b’żewġ ċifri wara l-punt deċimali, il-proċedura użata, l-għadd ta’ testijiet li jkunu twettqu, indikazzjoni tal-punt li fih ittieħed il-kampjun u l-miżuri meħudin f’livell nazzjonali.

3.   Jekk il-valur medju tal-kampjuni kollha ta’ varjetà partikulari jaqbeż il-kontenut tat-THC stabbilit fl-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri għandhom jużaw il-proċedura B tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament għall-varjetà kkonċernata matul is-sena tat-talba ta’ wara. Din il-proċedura għandha tintuża matul is-snin tat-talba ta’ wara, sakemm ir-riżultati analitiċi kollha għall-varjetà partikulari ma jkunux inqas mill-kontenut tat-THC stabbilit fl-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Jekk għat-tieni sena l-valur medju tal-kampjuni kollha ta’ varjetà partikulari jaqbeż il-kontenut tat-THC stabbilit fl-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-awtorizzazzjoni li tiġi pprojbita l-kummerċjalizzazzjoni tat-tali varjetà skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE (20). Notifika bħal din għandha tintbagħat sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Novembru tas-sena tat-talba kkonċernata. Mis-sena tat-talba ta’ wara, il-varjetà li għaliha tkun saret din it-talba ma tkunx eliġibbli għall-pagamenti diretti fl-Istat Membru kkonċernat.

4.   L-uċuħ tar-raba’ tal-qanneb għandhom jibqgħu jitkabbru b’kundizzjonijiet normali tat-tkabbir skont il-prattika lokali għal mill-inqas għaxart ijiem mid-data ta’ tmiem il-ħruġ tal-fjur sabiex ikunu jistgħu jsiru l-verifiki previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw li l-qanneb jinħasad wara li jibda joħroġ il-fjur iżda qabel ma jintemm il-perjodu ta’ għaxart ijiem wara tmiem il-ħruġ tal-fjur, dejjem jekk l-ispetturi jindikaw liema partijiet rappreżentattivi minn kull ġonta raba’ kkonċernata jridu jibqgħu jiġu kkultivati għal mill-inqas għaxart ijiem minn meta jintemm il-ħruġ tal-fjur għall-għanijiet tal-ispezzjoni, skont il-metodu stabbilit fl-Anness I.

5.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 3 għandha ssir skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (21).

TITOLU IV

MIŻURI TAL-IŻVILUPP RURALI LI MHUMIEX RELATATI MAŻ-ŻONA U LI MHUMIEX RELATATI MAL-ANNIMALI

KAPITOLU I

Dispożizzjoni introduttorja

Artikolu 46

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan it-Titolu għandu japplika għan-nefqa pubblika magħmula fil-kuntest tal-miżuri previsti fl-Artikoli 14 sa 20, fl-Artikolu 21(1) ħlief għall-primjum annwali skont il-punti (a) u (b), fl-Artikolu 27, fl-Artikolu 28(9), fl-Artikoli 35 u 36 u fl-Artikolu 51(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u fl-Artikolu 20, fl-Artikolu 36(a)(vi) u (b)(ii), (vi) u (vii), fl-Artikolu 36(b)(i) u (iii) safejn tidħol l-ispiża tal-istabbiliment, u fl-Artikoli 52 u 63 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

KAPITOLU II

Verifiki

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 47

Applikazzjonijiet għall-appoġġ, talbiet għall-ħlas u dikjarazzjonijiet oħrajn

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-proċeduri x-xierqa għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ, tat-talbiet għall-ħlas u ta’ dikjarazzjonijiet oħrajn relatati ma’ miżuri tal-iżvilupp rurali li mhumiex relatati maż-żona jew mal-annimali.

2.   Għall-miżuri meħudin skont l-Artikoli 15(1)(b), 16(1) u 19(1)(c) u skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, il-benefiċjarju għandu jressaq talba għall-pagament annwali.

Taqsima 2

Dispożizzjonijiet għall-verifiki

Artikolu 48

Verifiki amministrattivi

1.   Il-verifiki amministrattivi għandhom jitwettqu fuq kull applikazzjoni għall-appoġġ, talba għall-ħlas jew dikjarazzjoni oħra li benefiċjarju jew parti terza trid tressaq, u għandhom ikopru l-elementi kollha li jistgħu jiġu ċċekkjati permezz tal-verifiki amministrattivi u li huwa xieraq li jiġu ċċekkjati b’dan il-mod. Il-proċeduri għandhom jeżiġu r-reġistrazzjoni tax-xogħol ta’ kontroll li jkun sar, tar-riżultati tal-verifika u tal-miżuri meħudin f’każ ta’ xi diskrepanza.

2.   Il-verifiki amministrattivi fuq l-applikazzjonijiet għall-appoġġ għandhom jiżguraw il-konformità tal-operazzjoni mal-obbligi applikabbli stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali jew mill-programm tal-iżvilupp rurali, inklużi dawk marbutin mal-akkwist pubbliku, mal-għajnuna mill-Istat u ma’ standards u rekwiżiti obbligatorji oħrajn. Il-verifiki għandhom jinkludu, b’mod partikulari, verifika tal-elementi li ġejjin:

(a)

l-eliġibbiltà tal-benefiċjarju;

(b)

il-kriterji tal-eliġibbiltà, l-impenji u l-obbligi l-oħrajn tal-operazzjoni li għaliha qed jintalab appoġġ;

(c)

il-konformità mal-kriterji tal-għażla;

(d)

l-eliġibbiltà tal-ispejjeż tal-operazzjoni, inkluża l-konformità mal-kategorija tal-ispejjeż jew mal-metodu ta’ kalkolu li għandu jintuża meta l-operazzjoni jew parti minnha tkun taqa’ taħt l-Artikolu 67(1)(b), (c) u (d) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013;

(e)

għall-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 67(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, minbarra l-kontribuzzjonijiet in natura u d-deprezzament, verifika ta’ kemm huma raġonevoli l-ispejjeż imressqin. L-ispejjeż għandhom jiġu evalwati permezz ta’ sistema xierqa ta’ evalwazzjoni, bħall-użu ta’ spejjeż ta’ referenza, it-tqabbil ta’ offerti differenti jew l-evalwazzjoni min-naħa ta’ kumitat tal-evalwazzjoni.

3.   Il-verifiki amministrattivi fuq it-talbiet għall-ħlas għandhom jinkludu, b’mod partikulari u fejn ikun xieraq għat-talba kkonċernata:

(a)

verifika tal-operazzjoni kompluta mqabbla mal-operazzjoni li għaliha tkun tressqet l-applikazzjoni għall-appoġġ u li għaliha jkun ingħata dan l-appoġġ;

(b)

verifika tal-ispejjeż imġarrba u tal-pagamenti li jkunu saru.

4.   Il-verifiki amministrattivi għandhom jinkludu proċeduri sabiex jiġi evitat il-finanzjament doppju irregolari permezz ta’ skemi oħrajn tal-Unjoni jew nazzjonali u tal-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ qabel. Fejn ikun jeżisti finanzjament minn sorsi oħrajn, dawk il-verifiki għandhom jiżguraw li l-appoġġ totali li jingħata ma jkunx jaqbeż l-ammonti jew ir-rati tal-appoġġ massimi permissibbli.

5.   Il-verifiki amministrattivi fuq l-operazzjonijiet ta’ investiment għandhom jinkludu tal-inqas żjara waħda fil-post tal-operazzjoni appoġġata jew fis-sit tal-investiment biex jiġi vverifikat it-twettiq tal-investiment.

Madankollu, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li ma twettaqx żjarat bħal dawn għal raġunijiet iġġustifikati kif xieraq, bħal dawn li ġejjin:

(a)

l-operazzjoni hija inkluża fil-kampjun magħżul għal verifika fuq il-post li għandha titwettaq skont l-Artikolu 49;

(b)

l-awtorità kompetenti tqis li l-operazzjoni kkonċernata hija investiment żgħir;

(c)

l-awtorità kompetenti tqis li r-riskju li ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet biex jingħata l-appoġġ jew li ma twettaqx l-investiment huwa żgħir.

Id-deċiżjoni msemmija fit-tieni sottoparagrafu u l-ġustifikazzjoni tagħha għandhom jiġu rreġistrati.

Artikolu 49

Verifiki fuq il-post

1.   L-Istati Membri għandhom jorganizzaw verifiki fuq il-post għall-operazzjonijiet approvati billi jużaw bażi xierqa ta’ kampjunar. Kemm jista’ jkun, dawn il-verifiki għandhom isiru qabel ma jsir il-ħlas finali għal operazzjoni.

2.   L-ispetturi li jwettqu l-verifika fuq il-post ma għandhomx ikunu ħadu sehem fil-verifiki amministrattivi tal-istess operazzjoni.

Artikolu 50

Rata ta’ kontroll u kampjunar tal-verifiki fuq il-post

1.   In-nefqa koperta mill-verifiki fuq il-post għandha tirrappreżenta tal-inqas 5 % tan-nefqa msemmija fl-Artikolu 46 li hija kkofinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-FAEŻR) u li l-aġenzija tal-pagamenti għandha tħallas kull sena kalendarja.

Meta operazzjoni li ssirilha verifika fuq il-post tkun irċeviet pagamenti bil-quddiem jew provviżorji, dawk il-pagamenti għandhom jingħaddu man-nefqa koperta mill-verifiki fuq il-post kif imsemmi fl-ewwel sottoparagrafu.

2.   Il-verifiki mwettqin sa tmiem is-sena kalendarja kkonċernata biss għandhom jingħaddu għall-kisba tal-livell minimu msemmi fil-paragrafu 1.

It-talbiet għall-ħlas li jinstabu li ma jkunux eliġibbli wara li jsiru l-verifiki amministrattivi fuqhom ma għandhomx jingħaddu għall-kisba tal-livell minimu msemmi fil-paragrafu 1.

3.   Dawk il-verifiki li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-Artikoli 49 u 51 biss jistgħu jingħaddu għall-kisba tal-livell minimu msemmi fil-paragrafu 1.

4.   Il-kampjun tal-operazzjonijiet approvati li għandhom jiġu ċċekkjati skont il-paragrafu 1 għandu jqis b’mod partikulari:

(a)

il-ħtieġa li jiġu ċċekkjati operazzjonijiet ta’ diversi tipi u diversi daqsijiet;

(b)

kwalunkwe fattur ta’ riskju identifikat mill-verifiki nazzjonali jew tal-Unjoni;

(c)

il-kontribut tat-tip ta’ operazzjoni għar-riskju ta’ żball fl-implimentazzjoni tal-programm tal-iżvilupp rurali;

(d)

il-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn il-miżuri u t-tipi ta’ operazzjonijiet;

(e)

il-ħtieġa li jingħażlu, b’mod aleatorju, bejn 30 % u 40 % tan-nefqa.

5.   Fejn il-verifiki fuq il-post jiżvelaw xi nuqqas ta’ konformità sinifikanti fil-kuntest ta’ miżura ta’ appoġġ jew tip ta’ operazzjoni speċifika, l-awtorità kompetenti għandha żżid ir-rata ta’ kontroll għal-livell ix-xieraq għall-miżura jew it-tip ta’ operazzjoni kkonċernata fis-sena kalendarja ta’ wara.

6.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jnaqqsu l-livell minimu ta’ verifiki fuq il-post li jsiru kull sena kalendarja kif imsemmi fil-paragrafu 1 għal 3 % tal-ammont ikkofinanzjat mill-FAEŻR.

L-Istati Membri jistgħu japplikaw l-ewwel sottoparagrafu biss jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet ġenerali għat-tnaqqis tal-livell minimu ta’ verifiki fuq il-post stabbiliti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 62(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Meta ma tibqax tiġi ssodisfata xi waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni sottoparagrafu, l-Istati Membri għandhom iħassru minnufih id-deċiżjoni tagħhom li jnaqqsu l-livell minimu ta’ verifiki fuq il-post. Huma għandhom japplikaw il-livell minimu ta’ verifiki fuq il-post imsemmi fil-paragrafu 1 mis-sena kalendarja ta’ wara.

Artikolu 51

Kontenut tal-verifiki fuq il-post

1.   Il-verifiki fuq il-post għandhom jivverifikaw li l-operazzjoni ġiet implimentata skont ir-regoli applikabbli u għandhom ikopru l-kriterji kollha tal-eliġibbiltà u l-impenji u l-obbligi l-oħrajn kollha relatati mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ li jistgħu jiġu ċċekkjati waqt iż-żjara. Dawn għandhom jiżguraw li l-operazzjoni tkun eliġibbli għall-appoġġ min-naħa tal-FAEŻR.

2.   Il-verifiki fuq il-post għandhom jivverifikaw l-eżattezza tad-dejta ddikjarata mill-benefiċjarju fid-dawl tad-dokumenti sottostanti.

Dan jinkludi verifika li t-talbiet għall-ħlas li l-benefiċjarju jkun ressaq huma appoġġati mill-kontijiet jew minn dokumenti oħrajn, fosthom, fejn meħtieġ, verifika dwar l-eżattezza tad-dejta fit-talba għall-ħlas abbażi ta’ dejta jew dokumenti kummerċjali miżmumin minn partijiet terzi.

3.   Il-verifiki fuq il-post għandhom jivverifikaw li l-użu jew l-użu maħsub tal-operazzjoni huwa konsistenti mal-użu deskritt fl-applikazzjoni għall-appoġġ u li għalih ikun ingħata l-appoġġ.

4.   Ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, irreġistrati u spjegati kif xieraq mill-awtoritajiet kompetenti, il-verifiki fuq il-post għandhom jinkludu żjara fil-post fejn tkun qed tiġi implimentata l-operazzjoni jew, jekk l-operazzjoni mhijiex tanġibbli, żjara għand il-promotur tal-operazzjoni.

Artikolu 52

Verifiki ex-post

1.   Il-verifiki ex-post għandhom jitwettqu fuq l-operazzjonijiet tal-investiment biex jiġi vverifikat li qegħdin jitħarsu l-impenji previsti fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jew spjegati fid-dettall fil-programm tal-iżvilupp rurali.

2.   Il-verifiki ex-post għandhom ikopru, f’kull sena kalendarja, tal-inqas 1 % tan-nefqa tal-FAEŻR għall-operazzjonijiet tal-investiment li jkun għadhom suġġetti għall-impenji kif imsemmi fil-paragrafu 1 u li għalihom ikun sar il-ħlas finali min-naħa tal-FAEŻR. Għandhom jitqiesu biss il-verifiki mwettqin sa tmiem is-sena kalendarja kkonċernata.

3.   Il-kampjun għall-operazzjonijiet li għandhom jiġu ċċekkjati skont il-paragrafu 1 għandu jissejjes fuq analiżi tar-riskji u tal-impatt finanzjarju tad-diversi operazzjonijiet, tipi ta’ operazzjonijiet jew miżuri. Bejn 20 % u 25 % tal-kampjun għandu jingħażel b’mod aleatorju.

Artikolu 53

Rapport ta’ kontroll

1.   Kull verifika fuq il-post imwettqa skont din it-Taqsima għandu jinħareġ rapport ta’ kontroll dwarha li jagħmilha possibbli li wieħed jeżamina d-dettalji tal-verifiki mwettqin. Ir-rapport għandu jindika b’mod partikulari:

(a)

il-miżuri u l-applikazzjonijiet jew it-talbiet għall-ħlas iċċekkjati;

(b)

il-persuni preżenti;

(c)

jekk il-benefiċjarju kienx avżat minn qabel dwar iż-żjara u, jekk iva, il-perjodu tal-avviż minn qabel.

(d)

ir-riżultati tal-verifiki u, fejn ikun applikabbli, kwalunkwe osservazzjoni partikulari;

(e)

kwalunkwe miżura oħra ta’ kontroll li trid titwettaq.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis għall-verifiki ex-post imwettqin skont din it-Taqsima.

3.   Il-benefiċjarju għandu jingħata l-opportunità jiffirma r-rapport matul il-verifika biex jikkonferma l-preżenza tiegħu waqt il-verifika u jżid l-osservazzjonijiet tiegħu. Meta l-Istati Membri jużaw rapport ta’ kontroll stabbilit b’mezzi elettroniċi matul il-verifika, l-awtorità kompetenti għandha tipprevedi l-possibbiltà li l-benefiċjarju jiffirmah b’mod elettroniku, jewinkella r-rapport ta’ kontroll għandu jintbagħat minnufih lill-benefiċjarju sabiex dan jingħata l-opportunità jiffirmah u jżid l-osservazzjonijiet tiegħu. Meta jinstab xi nuqqas ta’ konformità, il-benefiċjarju għandu jirċievi kopja tar-rapport ta’ kontroll.

Taqsima 3

Dispożizzjonijiet dwar il-verifiki għal miżuri speċifiċi

Artikolu 54

Trasferiment tal-għarfien u azzjonijiet ta’ informazzjoni

L-awtorità kompetenti għandha tivverifika l-konformità mar-rekwiżit li l-korpi li jipprovdu s-servizzi ta’ trasferiment tal-għarfien u ta’ informazzjoni jkollhom il-kapaċitajiet ix-xierqa kif meħtieġ mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013. L-awtorità kompetenti għandha tivverifika l-kontenut u t-tul tal-iskemi u ż-żjarat ta’ skambju fil-qasam agrikolu u tal-forestija skont l-Artikolu 14(5) ta’ dak ir-Regolament. Dawk il-verifiki għandhom jitwettqu permezz ta’ verifiki amministrattivi u ta’ verifiki fuq il-post abbażi ta’ kampjun.

Artikolu 55

Servizzi ta’ konsulenza, ġestjoni tal-azjendi agrikoli u servizzi ta’ salvataġġ tal-azjendi agrikoli

Għall-operazzjonijiet previsti fl-Artikolu 15(1)(a) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika l-konformità mar-rekwiżit li l-awtoritajiet jew il-korpi magħżula biex jagħtu pariri jkollhom ir-riżorsi x-xierqa u li l-proċedura tal-għażla tkun saret permezz tal-akkwist pubbliku kif meħtieġ mill-Artikolu 15(3) ta’ dak ir-Regolament. Dik il-verifika għandha titwettaq permezz ta’ verifiki amministrattivi u ta’ verifiki fuq il-post abbażi ta’ kampjun.

Artikolu 56

Skemi ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli u għall-oġġetti tal-ikel

Għall-miżura prevista fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, fejn ikun xieraq, l-awtorità kompetenti tista’ tuża l-evidenza li servizzi, korpi jew organizzazzjonijiet oħrajn ikunu bagħtulha sabiex tivverifika l-konformità mal-obbligi u mal-kriterji tal-eliġibbiltà. Madankollu, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li hija tkun issodisfata li s-servizz, il-korp jew l-organizzazzjoni tkun qed topera bi standard suffiċjenti biex tikkontrolla l-konformità mal-obbligi u mal-kriterji tal-eliġibbiltà. Għal dan il-għan, l-awtorità kompetenti għandha twettaq verifiki amministrattivi u verifiki fuq il-post abbażi ta’ kampjun.

Artikolu 57

Żvilupp tal-azjendi agrikoli u tan-negozji

Għall-operazzjonijiet previsti fl-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, permezz ta’ verifiki amministrattivi u ta’ verifiki fuq il-post abbażi ta’ kampjun, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika l-konformità:

(a)

mal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju skont l-Artikolu 19(4) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u l-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 (22), inkluż, fil-każ tal-bdiewa żgħażagħ, ir-rekwiżit li huma jikkonformaw mad-definizzjoni ta’ bidwi attiv kif imsemmi fl-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013;

(b)

mar-regola għall-perjodu ta’ konċessjoni biex wieħed jissodisfa l-kundizzjonijiet marbutin mal-ħiliet professjonali kif imsemmi fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 (23).

Artikolu 58

Twaqqif ta’ gruppi u organizzazzjonijiet tal-produtturi

Għall-miżura prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-grupp ta’ produtturi wara li jivverifikaw il-konformità tiegħu mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu u mar-regoli nazzjonali. Wara r-rikonoxximent, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika l-konformità kontinwa mal-kriterji ta’ rikonoxximent u mal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju skont l-Artikolu 27(2) ta’ dak ir-Regolament permezz ta’ verifiki amministrattivi u permezz ta’ verifika fuq il-post li ssir tal-inqas darba matul il-perjodu ta’ ħames snin.

Artikolu 59

Ġestjoni tar-riskju

F’dak li għandu x’jaqsam mal-appoġġ speċifiku previst fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, permezz ta’ verifiki amministrattivi u ta’ verifiki fuq il-post abbażi ta’ kampjun, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika b’mod partikulari:

(a)

li l-bdiewa kienu eliġibbli għall-appoġġ skont l-Artikolu 36(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013;

(b)

meta tiċċekkja l-applikazzjonijiet għall-pagamenti permezz ta’ fondi mutwi kif previst fl-Artikolu 36(1)(b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, li l-kumpens tħallas kollu lill-bdiewa affiljati skont l-Artikolu 36(3) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 60

LEADER

1.   L-Istati Membri għandhom jimplimentaw sistema xierqa għas-superviżjoni tal-gruppi ta’ azzjoni lokali.

2.   Għan-nefqa magħmula skont l-Artikolu 35(1)(b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Istati Membri jistgħu jiddelegaw it-twettiq tal-verifiki amministrattivi previsti fl-Artikolu 48 ta’ dan ir-Regolament lil gruppi ta’ azzjoni lokali permezz ta’ att formali. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jibqgħu responsabbli għall-verifika tal-fatt li dawk il-gruppi ta’ azzjoni lokali għandhom il-kapaċità amministrattiva u ta’ kontroll li jagħmlu dak ix-xogħol.

Fil-każ tad-delega msemmija fl-ewwel sottoparagrafu, l-awtorità kompetenti għandha twettaq verifiki regolari tal-gruppi ta’ azzjoni lokali, fosthom verifiki taż-żamma tal-kotba u repetizzjoni l-verifiki amministrattivi abbażi ta’ kampjun.

L-awtorità kompetenti għandha twettaq ukoll verifiki fuq il-post kif imsemmi fl-Artikolu 49 ta’ dan ir-Regolament. F’dak li għandu x’jaqsam mal-kampjun ta’ kontroll għan-nefqa marbuta mal-programm LEADER, għandu japplika tal-inqas l-istess perċentwali bħal dak imsemmi fl-Artikolu 50 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Għan-nefqa magħmula skont l-Artikolu 35(1)(a), (d) u (e) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u l-Artikolu 35(1)(b) u (c) ta’ dak ir-Regolament, fejn il-grupp ta’ azzjoni lokali jkun il-benefiċjarju tal-appoġġ huwa stess, il-verifiki amministrattivi għandhom jitwettqu minn persuni li jkunu indipendenti mill-grupp ta’ azzjoni lokali kkonċernat.

Artikolu 61

Sussidji tar-rata tal-imgħax u tat-tariffi tal-garanzija

1.   Għan-nefqa magħmula skont l-Artikolu 69(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-verifiki amministrattivi u l-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu b’referenza għall-benefiċjarju u skont it-twettiq tal-operazzjoni kkonċernata. L-analiżi tar-riskju skont l-Artikolu 50 ta’ dan ir-Regolament għandha tkopri, tal-inqas darba, l-operazzjoni kkonċernata abbażi tal-valur skontat tas-sussidju.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura, permezz tal-verifiki amministrattivi u, jekk ikun meħtieġ, permezz taż-żjarat fil-post fl-istituzzjonijiet finanzjarji intermedji u għand il-benefiċjarju, li l-pagamenti lill-istituzzjonijiet finanzjarji intermedji huma konformi mal-liġi tal-Unjoni u mal-ftehim konkluż bejn l-aġenzija tal-pagamenti u l-istituzzjoni finanzjarja intermedja.

3.   Jekk is-sussidji tar-rati tal-imgħax jew tat-tariffi tal-garanzija jintużaw flimkien ma’ strumenti finanzjarji f’operazzjoni waħda li jkollha fil-mira l-istess benefiċjarji finali, l-awtorità kompetenti għandha twettaq il-verifiki fil-livell tal-benefiċjarji finali f’dawk il-każijiet stabbiliti fl-Artikolu 40(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 biss.

Artikolu 62

Assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Istati Membri

Għan-nefqa magħmula skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-Artikoli 48 sa 51 u l-Artikolu 53 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Il-verifiki amministrattivi msemmija fl-Artikolu 48 u l-verifiki fuq il-post imsemmija fl-Artikolu 49 għandhom jitwettqu minn entità li tiffunzjona b’mod indipendenti mill-entità li tawtorizza l-ħlas tal-assistenza teknika.

KAPITOLU III

Pagamenti mhux dovuti u pieni amministrattivi

Artikolu 63

Irtirar parzjali jew totali tal-appoġġ u pieni amministrattivi

1.   Il-pagamenti għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-ammonti li jinstabu li huma eliġibbli waqt il-verifiki amministrattivi msemmija fl-Artikolu 48.

L-awtorità kompetenti għandha teżamina t-talba għall-ħlas li tkun irċeviet mingħand il-benefiċjarju, u tistabbilixxi l-ammonti li huma eliġibbli għall-appoġġ. Hija għandha tistabbilixxi:

(a)

l-ammont li għandu jitħallas lill-benefiċjarju abbażi tat-talba għall-ħlas u tad-deċiżjoni dwar l-għotja;

(b)

l-ammont li għandu jitħallas lill-benefiċjarju wara li tiġi eżaminata l-eliġibbiltà tan-nefqa mniżżla fit-talba għall-ħlas.

Jekk l-ammont stabbilit skont il-punt (a) tat-tieni sottoparagrafu jaqbeż l-ammont stabbilit skont il-punt (b) ta’ dak is-sottoparagrafu b’aktar minn 10 %, għandha tiġi applikata piena amministrattiva fuq l-ammont stabbilit skont dak il-punt (b). L-ammont tal-piena għandu jkun id-differenza bejn dawk iż-żewġ ammonti, iżda ma għandux jaqbeż l-irtirar sħiħ tal-appoġġ.

Madankollu, l-ebda piena ma għandha tiġi applikata jekk il-benefiċjarju jkun jista’ juri, b’mod li jissodisfa lill-awtorità kompetenti, li mhux tort tiegħu li ġie inkluż l-ammont li mhuwiex eliġibbli, jew jekk l-awtorità kompetenti tkun issodisfata mod ieħor li l-benefiċjarju kkonċernat ma għandux tort.

2.   Il-piena amministrattiva msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi applikata mutatis mutandis għan-nefqa mhux eliġibbli identifikata waqt il-verifiki fuq il-post imsemmija fl-Artikolu 49. F’dak il-każ in-nefqa eżaminata għandha tkun in-nefqa kumulattiva magħmula għall-operazzjoni kkonċernata. Dan huwa mingħajr ħsara għar-riżultati tal-verifiki fuq il-post tal-operazzjonijiet ikkonċernati li jkunu saru qabel.

TITOLU V

SISTEMA TA’ KONTROLL U PIENI AMMINISTRATTIVI MARBUTIN MAL-KUNDIZZJONALITÀ

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 64

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll u tal-pieni amministrattivi marbutin mal-kundizzjonalità, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“korpi ta’ kontroll speċjalizzati” tfisser l-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll kompetenti, kif imsemmi fl-Artikolu 67 ta’ dan ir-Regolament, li għandhom ir-responsabbiltà jiżguraw il-konformità mar-regoli msemmijin fl-Artikolu 93 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013;

(b)

“att” tfisser kull Direttiva u Regolament individwali mniżżel fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013;

(c)

“sena tas-sejba” tfisser is-sena kalendarja li fiha tkun twettqet il-verifika amministrattiva jew il-verifika fuq il-post;

(d)

“oqsma ta’ kundizzjonalità” tfisser kwalunkwe wieħed mit-tliet oqsma differenti msemmija fl-Artikolu 93(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u ż-żamma ta’ mriegħi permanenti kif imsemmi fl-Artikolu 93(3) ta’ dak ir-Regolament.

KAPITOLU II

Kontroll

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 65

Sistema ta’ kontroll marbuta mal-kundizzjonalità

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema li tiżgura kontroll effettiv tal-ħarsien tal-kundizzjonalità. Dik is-sistema għandha tipprevedi, b’mod partikulari:

(a)

it-trasferiment tal-informazzjoni meħtieġa dwar il-benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 mill-aġenzija tal-pagamenti lill-korpi ta’ kontroll speċjalizzati u/jew, fejn ikun applikabbli, permezz tal-awtorità ta’ koordinazzjoni, f’każ li l-awtorità ta’ kontroll kompetenti ma tkunx l-aġenzija tal-pagamenti;

(b)

il-metodi li għandhom jiġu applikati għall-għażla tal-kampjuni ta’ kontroll;

(c)

indikazzjonijiet dwar in-natura u l-ammont ta’ verifiki li jridu jitwettqu;

(d)

rapporti ta’ kontroll li jkunu jinkludu, b’mod partikulari, kwalunkwe nuqqas ta’ konformità misjub u valutazzjoni tas-severità, il-kobor, il-permanenza u r-rikorrenza tiegħu;

(e)

it-trasferiment tar-rapporti ta’ kontroll mill-korpi ta’ kontroll speċjalizzati jew lill-aġenzija tal-pagamenti jew lill-awtorità ta’ koordinazzjoni jew lit-tnejn li huma, f’każ li l-awtorità ta’ kontroll kompetenti ma tkunx l-aġenzija tal-pagamenti;

(f)

l-applikazzjoni tas-sistema ta’ tnaqqis u ta’ esklużjonijiet min-naħa tal-aġenzija tal-pagamenti.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu proċedura li biha l-benefiċjarju jindika lill-aġenzija tal-pagamenti l-elementi li huma meħtieġa biex jiġu identifikati r-rekwiżiti u l-istandards li japplikaw għalih.

Artikolu 66

Pagament tal-għajnuna b’rabta mal-verifiki tal-kundizzjonalità

Fir-rigward tal-verifiki tal-kundizzjonalità, meta dawn il-verifiki ma jkunux jistgħu jiġu ffinalizzati qabel ma l-benefiċjarju kkonċernat jirċievi l-pagamenti u l-primjums annwali msemmija fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-ammont dovut li l-benefiċjarju jrid iħallas minħabba xi piena amministrattiva għandu jiġi rkuprat skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament jew permezz ta’ tpaċija.

Artikolu 67

Responsabbiltà tal-awtorità ta’ kontroll kompetenti

1.   Ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet ta’ kontroll kompetenti għandhom ikunu kif ġej:

(a)

il-korpi ta’ kontroll speċjalizzati għandu jkollhom ir-responsabbiltà jwettqu l-kontroll u l-verifiki dwar il-ħarsien tar-rekwiżiti u tal-istandards ikkonċernati;

(b)

l-aġenziji tal-pagamenti għandu jkollhom ir-responsabbiltà jistabbilixxu l-pieni amministrattivi f’każijiet individwali skont il-Kapitolu II tat-Titolu IV tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 u l-Kapitolu III ta’ dan it-Titolu.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-aġenzija tal-pagamenti għandha twettaq il-kontroll u l-verifiki b’rabta mar-rekwiżiti, l-istandards, l-atti jew l-oqsma kollha tal-kundizzjonalità jew ma’ xi wħud minnhom, dejjem jekk l-Istat Membru jiżgura li l-effettività tal-kontroll u tal-verifiki tkun tal-inqas daqs dik miksuba meta l-kontroll u l-verifiki jitwettqu minn korp ta’ kontroll speċjalizzat.

Taqsima 2

Verifiki fuq il-post

Artikolu 68

Rata minima ta’ kontroll

1.   Għar-rekwiżiti u l-istandards li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha, l-awtorità ta’ kontroll kompetenti għandha twettaq verifiki fuq il-post fuq tal-inqas 1 % tal-għadd totali ta’ benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha.

B’deroga mill-ewwel sottoparagrafu, fil-każ ta’ gruppi ta’ persuni kif imsemmi fl-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, kull membru individwali ta’ dawn il-gruppi jista’ jitqies bħala benefiċjarju għall-finijiet tal-kalkolu tal-kampjun ta’ kontroll kif speċifikat fl-ewwel sottoparagrafu.

Ir-rata minima ta’ kontroll imsemmija fl-ewwel sottoparagrafu tista’ tintlaħaq fil-livell ta’ kull awtorità ta’ kontroll kompetenti jew fil-livell ta’ kull att jew standard jew grupp ta’ atti jew standards. Madankollu, meta l-verifiki ma jitwettqux mill-aġenzija tal-pagamenti, din ir-rata minima ta’ kontroll tista’ tintlaħaq fil-livell ta’ kull aġenzija tal-pagamenti.

Meta l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-atti u l-istandards tkun diġà tistabbilixxi rata minima ta’ kontroll, għandha tiġi applikata dik ir-rata minflok ir-rata minima msemmija fl-ewwel sottoparagrafu. Inkella, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li kwalunkwe każ ta’ nuqqas ta’ konformità li jinstab matul xi verifika fuq il-post li titwettaq barra mill-kampjun imsemmi fl-ewwel sottoparagrafu skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-atti u l-istandards għandu jiġi rrappurtat lill-awtorità ta’ kontroll kompetenti li tkun responsabbli għall-att jew l-istandard ikkonċernat, u li din għandha ssegwih. Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu u tal-Kapitoli I, II u III tat-Titolu III.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-obbligi tal-kundizzjonalità b’rabta mad-Direttiva 96/22/KE, l-applikazzjoni ta’ livell speċifiku ta’ kampjunar tal-pjanijiet ta’ monitoraġġ għandha titqies li tissodisfa r-rekwiżit tar-rata minima msemmi fl-ewwel sottoparagrafu.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, biex tintlaħaq ir-rata minima ta’ kontroll imsemmija f’dak il-paragrafu fil-livell ta’ kull att jew standard jew grupp ta’ atti jew standards, l-Istat Membru jista’:

(a)

juża r-riżultati tal-verifiki fuq il-post imwettqin skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għal dawk l-atti u l-istandards għall-benefiċjarji magħżulin; jew

(b)

jibdel il-benefiċjarji magħżulin b’benefiċjarji li tkun saritilhom verifika fuq il-post skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għal dawk l-atti u l-istandards, dejjem jekk dawk il-benefiċjarji jkunu benefiċjarji kif imsemmi fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

F’dawn il-każijiet il-verifiki fuq il-post għandhom ikopru l-aspetti kollha tal-atti jew l-istandards rilevanti kif iddefinit fil-kuntest tal-kundizzjonalità. Barra minn hekk, l-Istat Membru għandu jiżgura li l-effettività ta’ dawk il-verifiki fuq il-post tkun tal-inqas daqs dik miksuba meta l-verifiki fuq il-post jitwettqu mill-awtoritajiet ta’ kontroll kompetenti.

3.   Meta tkun qed tiġi stabbilita r-rata minima ta’ kontroll imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ma għandhomx jitqiesu l-azzjonijiet meħtieġa kif imsemmi fl-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

4.   Jekk il-verifiki fuq il-post juru grad sinifikanti ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ att jew standard partikulari, għandu jiżdied l-għadd ta’ verifiki fuq il-post li għandhom jitwettqu għal dak l-att jew l-istandard fil-perjodu ta’ kontroll ta’ wara. Għal atti speċifiċi, l-awtorità ta’ kontroll kompetenti tista’ tiddeċiedi li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk il-verifiki fuq il-post l-oħrajn għar-rekwiżiti li jkunu nkisru l-aktar spiss.

5.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li juża l-għażla prevista fl-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġi vverifikat li l-benefiċjarji jkunu rranġaw is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità kkonċernata għandhom japplikaw għal kampjun ta’ 20 % ta’ dawk il-benefiċjarji.

Artikolu 69

Għażla tal-kampjun ta’ kontroll

1.   L-għażla tal-kampjun tal-azjendi agrikoli li għandhom jiġu ċċekkjati skont l-Artikolu 68 għandha tkun ibbażata, fejn dan ikun applikabbli, fuq analiżi tar-riskju skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, jew fuq analiżi tar-riskju li tkun xierqa għar-rekwiżiti jew l-istandards. Din l-analiżi tar-riskju tista’ tkun ibbażata fuq il-livell ta’ azjenda agrikola individwali jew fuq il-livell ta’ kategoriji ta’ azjendi agrikoli jew ta’ żoni ġeografiċi.

L-analiżi tar-riskju tista’ tqis wieħed mill-elementi li ġejjin jew it-tnejn li huma:

(a)

il-parteċipazzjoni ta’ benefiċjarju fis-sistema konsultattiva tal-azjendi agrikoli stabbilita skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013;

(b)

il-parteċipazzjoni tal-benefiċjarju f’sistema ta’ ċertifikazzjoni jekk l-iskema kkonċernata tkun rilevanti għar-rekwiżiti u l-istandards ikkonċernati.

Abbażi ta’ analiżi tar-riskju, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeskludi mill-kampjun ta’ kontroll ibbażat fuq ir-riskju l-benefiċjarji li jkunu qed jieħdu sehem f’sistema ta’ ċertifikazzjoni kif imsemmi fil-punt (b) tat-tieni sottoparagrafu. Madankollu, meta s-sistema ta’ ċertifikazzjoni tkun tkopri biss parti mir-rekwiżiti u l-istandards li l-benefiċjarju jrid iħares fil-kuntest tal-kundizzjonalità, il-fatturi ta’ riskju x-xierqa għandhom jiġu applikati għar-rekwiżiti u l-istandards li mhumiex koperti mis-sistema ta’ ċertifikazzjoni.

Meta l-analiżi tar-riżultati tal-kontroll tiżvela li hemm frekwenza sinifikanti ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti jew l-istandards inklużi f’sistema ta’ ċertifikazzjoni kif imsemmi fil-punt (b) tat-tieni sottoparagrafu, għandhom jerġgħu jiġu vvalutati l-fatturi ta’ riskju relatati mar-rekwiżiti jew l-istandards ikkonċernati.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-verifiki mwettqin b’segwitu għal kwanlunkwe nuqqas ta’ konformità li dwaru tkun inġibdet l-attenzjoni tal-awtorità ta’ kontroll kompetenti b’xi mod ieħor. Madankollu, huwa għandu japplika għall-verifiki mwettqin b’segwitu skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

3.   Sabiex jinkiseb l-element ta’ rappreżentanza, għandhom jingħażlu b’mod aleatorju bejn 20 % u 25 % tal-għadd minimu ta’ benefiċjarji li jridu jsirulhom verifiki fuq il-post kif previst fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 68(1). Madankollu, jekk l-għadd ta’ benefiċjarji li jridu jsirulhom verifiki fuq il-post jaqbeż dak l-għadd minimu, il-perċentwali tal-benefiċjarji magħżulin b’mod aleatorju fil-kampjun addizzjonali ma għandux jaqbeż il-25 %.

4.   Fejn ikun xieraq, tista’ ssir għażla parzjali tal-kampjun ta’ kontroll qabel ma jintemm il-perjodu għat-tressiq tal-applikazzjonijiet ikkonċernat, abbażi tal-informazzjoni disponibbli. Il-kampjun provviżorju għandu jitlesta meta jkunu disponibbli l-applikazzjonijiet rilevanti kollha.

5.   Il-kampjun tal-benefiċjarji li għandhom jiġu ċċekkjati skont l-Artikolu 68(1) jista’ jingħażel mill-kampjuni tal-benefiċjarji li kienu diġà ngħażlu skont l-Artikoli 30 sa 34 u li għalihom japplikaw ir-rekwiżiti jew l-istandards rilevanti. Madankollu, din il-possibbiltà ma tapplikax għall-kontroll tal-benefiċjarji fil-kuntest tal-iskemi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid imsemmija fl-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

6.   B’deroga mill-Artikolu 68(1), il-kampjuni tal-benefiċjarji li jridu jsirulhom verifiki fuq il-post jistgħu jingħażlu bir-rata minima ta’ 1 %, b’mod separat minn kull waħda mill-popolazzjonijiet ta’ benefiċjarji li ġejjin li għandhom iħarsu l-obbligi tal-kundizzjonalità skont l-Artikolu 92 tar-Regoalment (UE) Nru 1306/2013:

(a)

il-benefiċjarji li jirċievu pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(b)

il-benefiċjarji li jirċievu appoġġ fis-settur tal-inbid skont l-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

(c)

il-benefiċjarji li jirċievu l-primjums annwali skont l-Artikolu 21(1)(a) u (b) u l-Artikoli 28 sa 31, 33 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

7.   Meta, abbażi tal-analiżi tar-riskju applikata fil-livell tal-azjendi agrikoli, jiġi konkluż li dawk li mhumiex benefiċjarji jirrappreżentaw riskju ogħla mill-benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, dawk il-benefiċjarji jistgħu jinbidlu b’dawk li mhumiex benefiċjarji. F’dak il-każ, l-għadd kumplessiv ta’ bdiewa ċċekkjati xorta waħda għandu jilħaq ir-rata ta’ kontroll prevista fl-Artikolu 68(1) ta’ dan ir-Regolament. Ir-raġunijiet għat-tali sostituzzjonijiet għandhom ikunu ġġustifikati u ddokumentati kif xieraq.

8.   Il-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 5 u 6 jistgħu jiġu kkombinati meta t-tali kombinament iżid l-effettività tas-sistema ta’ kontroll.

Artikolu 70

Stabbiliment tal-konformità mar-rekwiżiti u l-istandards

1.   Fejn ikun applikabbli, il-ħarsien tar-rekwiżiti u tal-istandards għandu jiġi stabbilit bl-użu tal-mezzi previsti fil-leġiżlazzjoni applikabbli għar-rekwiżit jew l-istandard ikkonċernat.

2.   F’każijiet oħra u fejn ikun xieraq, dan għandu jiġi stabbilit billi jintuża kwalunkwe mezz xieraq deċiż mill-awtorità ta’ kontroll kompetenti li jiżgura tal-inqas l-istess preċiżjoni bħal dik meħtieġa mir-regoli nazzjonali għall-istabbilimenti uffiċjali.

3.   Fejn ikun xieraq, il-verifiki fuq il-post jistgħu jitwettqu billi jiġu applikati tekniki tat-telerilevament.

Artikolu 71

Elementi tal-verifiki fuq il-post

1.   Hija u twettaq il-verifiki fuq il-kampjun previsti fl-Artikolu 68(1), l-awtorità ta’ kontroll kompetenti għandha tiżgura li ssir verifika tal-konformità tal-benefiċjarji kollha magħżulin mar-rekwiżiti u l-istandards li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha.

Minkejja l-ewwel sottoparagrafu, f’każ li r-rata minima ta’ kontroll tintlaħaq fil-livell ta’ kull att jew standard jew grupp ta’ atti jew standards kif previst fit-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 68(1), għandha ssir verifika tal-konformità tal-benefiċjarji magħżulin mal-att jew mal-istandard jew mal-grupp ta’ atti jew standards ikkonċernat.

Meta grupp ta’ persuni kif imsemmi fl-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jintgħażel fil-kampjun previst fl-Artikolu 68(1) ta’ dan ir-Regolament, l-awtorità ta’ kontroll kompetenti għandha tiżgura li ssir verifika tal-konformità tal-membri kollha tal-grupp mar-rekwiżiti u l-istandards li għalihom huma responsabbli.

B’mod ġenerali, kull benefiċjarju magħżul għal verifika fuq il-post għandha ssirlu l-verifika fil-waqt meta jkunu jistgħu jiġu ċċekkjati l-biċċa l-kbira tar-rekwiżiti u l-istandards li jkun ingħażel għalihom. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li matul is-sena jintlaħaq livell xieraq ta’ kontroll għar-rekwiżiti u l-istandards kollha.

2.   Fejn ikun applikabbli, il-verifiki fuq il-post għandhom ikopru l-art agrikola kollha tal-azjenda agrikola. Madankollu, l-ispezzjoni proprja fl-għalqa bħala parti minn verifika fuq il-post tista’ tkun limitata għal kampjun ta’ mill-inqas nofs il-ħbula raba’ kkonċernati mir-rekwiżit jew mill-istandard fl-azjenda, dejjem jekk it-tali kampjun jiżgura livell affidabbli u rappreżentattiv ta’ kontroll fir-rigward tar-rekwiżiti u tal-istandards.

L-ewwel sottoparagrafu għandu jkun mingħajr ħsara għall-kalkolu u l-applikazzjoni tal-pieni amministrattivi kif imsemmi fil-Kapitolu II tat-Titolu IV tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 u fil-Kapitolu III ta’ dan it-Titolu. Meta l-verifika tal-kampjun imsemmija fl-ewwel sottoparagrafu tiżvela nuqqas ta’ konformità, għandu jiżdied il-kampjun tal-ħbula raba’ li fil-fatt jiġu spezzjonati.

Barra minn hekk, meta l-leġiżlazzjoni li tapplika għall-att jew l-istandards tipprevedi hekk, l-ispezzjoni proprja tal-konformità mar-rekwiżiti u mal-istandards bħala parti minn verifika fuq il-post tista’ tkun limitata għal kampjun rappreżentattiv tal-oġġetti li jridu jiġu ċċekkjati. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-verifiki jitwettqu fuq ir-rekwiżiti u l-istandards kollha li għalihom tista’ tiġi ċċekkjata l-konformità matul iż-żjara.

3.   B’mod ġenerali, il-verifiki msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu bħala parti minn żjara waħda. Dawn għandhom jikkonsistu f’verifika tar-rekwiżiti u tal-istandards li għalihom tista’ tiġi ċċekkjata l-konformità magħhom matul dik iż-żjara. L-għan ta’ dawk il-verifiki għandu jkun li jiġi nnutat kwalunkwe nuqqas ta’ konformità possibbli ma’ dawk ir-rekwiżiti u l-istandards u, barra minn hekk, li jiġu identifikati l-każijiet li għandhom isirulhom iktar verifiki.

4.   Il-verifiki fuq il-post fil-livell tal-azjenda agrikola jistgħu jinbidlu b’verifiki amministrattivi, dejjem jekk l-Istat Membru jiżgura li l-verifiki amministrattivi jkunu effettivi tal-inqas daqs il-verifiki fuq il-post.

5.   Huma u jwettqu l-verifiki fuq il-post, l-Istati Membri jistgħu jużaw indikaturi oġġettivi ta’ kontroll li jkunu speċifiċi għal ċerti rekwiżiti u standards, dejjem jekk huma jiżguraw li l-effettività tal-kontroll tar-rekwiżiti u tal-istandards ikkonċernati tkun tal-inqas daqs dik tal-verifiki fuq il-post imwettqin mingħajr l-użu tal-indikaturi.

L-indikaturi għandu jkollhom rabta diretta mar-rekwiżiti jew l-istandards li jirrappreżentaw u għandhom ikopru l-elementi kollha li jridu jiġu ċċekkjati meta jkun qed jiġi kkontrollat dak ir-rekwiżit jew l-istandard jew meta jkunu qed jiġu kkontrollati dawk ir-rekwiżiti jew l-istandards.

6.   Il-verifiki fuq il-post relatati mal-kampjun previsti fl-Artikolu 68(1) ta’ dan ir-Regolament għandhom jitwettqu fl-istess sena kalendarja li fiha jitressqu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u/jew it-talbiet għall-ħlas jew, għall-applikazzjonijiet għall-iskemi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid skont l-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fi kwalunkwe żmien matul il-perjodu indikat fit-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Artikolu 72

Rapport ta’ kontroll

1.   Kull verifika fuq il-post imwettqa skont dan it-Titolu għandu jinħareġ rapport ta’ kontroll dwarha li għandu jiġi stabbilit mill-awtorità ta’ kontroll kompetenti jew li għandu jsir taħt ir-responsabbiltà tagħha.

Ir-rapport għandu jinqasam fit-taqsimiet li ġejjin:

(a)

taqsima ġenerali li jkun fiha, b’mod partikulari, l-informazzjoni li ġejja:

(i)

il-benefiċjarju magħżul għall-verifika fuq il-post;

(ii)

il-persuni preżenti;

(iii)

jekk il-benefiċjarju kienx avżat minn qabel dwar iż-żjara u, jekk iva, il-perjodu tal-avviż minn qabel;

(b)

taqsima li tagħti, b’mod separat, il-verifiki li jkunu twettqu għal kull att jew standard u li jkun fiha, b’mod partikulari, l-informazzjoni li ġejja:

(i)

ir-rekwiżiti u l-istandards li fuqhom tkun saret il-verifika fuq il-post;

(ii)

in-natura u l-ammont ta’ verifiki li jkunu twettqu;

(iii)

is-sejbiet;

(iv)

l-atti u l-istandards li fir-rigward tagħhom ikunu nstabu n-nuqqasijiet ta’ konformità;

(c)

taqsima ta’ evalwazzjoni li tivvaluta l-importanza tan-nuqqas ta’ konformità fir-rigward ta’ kull att u/jew ta’ kull standard abbażi tal-kriterji tas-“severità”, il-“kobor”, il-“permanenza”, u r-“rikorrenza” skont l-Artikolu 99(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u li tagħti indikazzjoni ta’ kull fattur li għandu jwassal għal żieda jew għal tnaqqis fit-tnaqqis li għandu jiġi applikat.

Meta d-dispożizzjonijiet relatati mar-rekwiżit jew mal-istandard ikkonċernat iħallu marġni biex ma jkomplix jiġi segwit in-nuqqas ta’ konformità misjub, jew meta jingħataw appoġġi skont l-Artikolu 17(5) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, dan għandu jiġi indikat fir-rapport.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika irrispettivament minn jekk il-benefiċjarju kkonċernat ikunx intgħażel għall-verifika fuq il-post skont l-Artikolu 69 jew jekk tkunx saritlu verifika fuq il-post skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-atti u l-istandards f’konformità mal-Artikolu 68(2) jew bħala segwitu għal nuqqas ta’ konformità li dwaru tkun inġibdet l-attenzjoni tal-awtorità ta’ kontroll kompetenti b’xi mod ieħor.

3.   Il-benefiċjarju għandu jkun mgħarraf dwar kwalunkwe nuqqas ta’ konformità misjub fi żmien tliet xhur mid-data tal-verifika fuq il-post.

Sakemm il-benefiċjarju ma jkunx ħa azzjoni ta’ rimedju minnufih li ttemm in-nuqqas ta’ konformità misjub skont it-tifsira tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 99(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, huwa għandu jkun mgħarraf, fil-perjodu taż-żmien stipulat fl-ewwel sottoparagrafu ta’ dan il-paragrafu, li għandu jieħu azzjoni ta’ rimedju skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 99(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Sakemm il-benefiċjarju kkonċernat ma jkunx ħa azzjoni ta’ rimedju minnufih li ttemm in-nuqqas ta’ konformità misjub skont it-tifsira tal-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, huwa għandu jkun mgħarraf, mhux iktar tard minn xahar wara li tittieħed id-deċiżjoni li ma tiġix applikata l-piena amministrattiva prevista f’dak l-Artikolu, li huwa għandu jieħu azzjoni ta’ rimedju.

4.   Mingħajr ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni partikulari inkluża fil-leġiżlazzjoni applikabbli għar-rekwiżiti u l-istandards, ir-rapport ta’ kontroll għandu jiġi ffinalizzat fi żmien xahar minn meta ssir il-verifika fuq il-post. Madankollu, dak il-perjodu jista’ jittawwal għal tliet xhur f’ċirkustanzi ġġustifikati kif xieraq, b’mod partikulari jekk analiżi fiżika jew kimika tkun teħtieġ hekk.

F’każ li l-awtorità ta’ kontroll kompetenti ma tkunx l-aġenzija tal-pagamenti, ir-rapport ta’ kontroll u, meta jintalbu, id-dokumenti ta’ sostenn rilevanti, għandhom jintbagħtu lill-aġenzija tal-pagamenti jew lill-awtorità ta’ koordinazzjoni jew jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom fi żmien xahar minn meta jiġi ffinalizzat ir-rapport.

Madankollu, meta r-rapport ma jkun jinkludi l-ebda sejba, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li t-tali rapport ma għandux jintbagħat, dejjem jekk l-aġenzija tal-pagamenti jew l-awtorità ta’ koordinazzjoni jkollhom aċċess dirett għalih fi żmien xahar minn meta jiġi ffinalizzat.

KAPITOLU III

Kalkolu u applikazzjoni tal-pieni amministrattivi

Artikolu 73

Prinċipji ġenerali

1.   Meta jkun hemm iktar minn aġenzija tal-pagamenti waħda responsabbli għall-ġestjoni tal-iskemi ta’ appoġġ differenti mniżżlin fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 21(1)(a) u (b) u fl-Artikoli 28 sa 31, 33 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u tal-pagamenti relatati mal-iskemi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid imsemmija fl-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-nuqqasijiet ta’ konformità misjubin u, fejn ikun applikabbli, kwalunkwe piena amministrattiva korrispondenti, jinġiebu għall-attenzjoni tal-aġenziji tal-pagamenti kollha involuti f’dawk il-pagamenti. Dan jinkludi l-każijiet fejn in-nuqqas ta’ konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà jikkostitwixxi wkoll nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-kundizzjonalità u viċeversa. Fejn ikun applikabbli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi applikata rata waħda ta’ tnaqqis.

2.   Meta jinstabu iktar minn każ wieħed ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward ta’ diversi atti jew standards tal-istess qasam ta’ kundizzjonalità, għall-għanijiet tal-istabbiliment tat-tnaqqis previst fl-Artikoli 39(1) u 40 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014, dawk il-każijiet għandhom jitqiesu bħala nuqqas ta’ konformità wieħed.

3.   Nuqqas ta’ konformità ma’ standard li jikkostitwixxi wkoll nuqqas ta’ konformità ma’ rekwiżit għandu jitqies bħala nuqqas ta’ konformità wieħed. Għall-għanijiet tal-kalkolu tat-tnaqqis, in-nuqqas ta’ konformità għandu jitqies bħala parti mill-qasam tar-rekwiżit.

4.   Il-piena amministrattiva għandha tiġi applikata għall-ammont kollu tal-pagamenti msemmija fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li ngħataw jew li se jingħataw lil dak il-benefiċjarju:

(a)

b’segwitu għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew għat-talbiet għall-ħlas li jkun ressaq fis-sena li fiha saret is-sejba jew li jkun se jressaq fiha; u/jew

(b)

għall-applikazzjonijiet għal skemi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid skont l-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-punt (b) tal-ewwel sottoparagrafu, l-ammont rilevanti għandu jinqasam fi tlieta għar-ristrutturar u l-konverżjoni.

5.   Fil-każ ta’ grupp ta’ persuni kif imsemmi fl-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, il-perċentwali tat-tnaqqis għandu jiġi kkalkulat skont il-Kapitolu III ta’ dan it-Titolu u skont il-Kapitolu II tat-Titolu IV tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014. F’dak il-każ, għall-għanijiet tal-proporzjonalità, l-Istati Membri jistgħu japplikaw dak il-perċentwali ta’ tnaqqis għall-parti tas-sussidju allokata lill-membru tal-grupp li ma jkunx konformi.

Artikolu 74

Kalkolu u applikazzjoni tal-pieni amministrattivi f’każ ta’ negliġenza

1.   Meta jinstabu iktar minn każ wieħed ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward ta’ oqsma differenti tal-kundizzjonalità minħabba negliġenza, il-proċedura għall-istabbiliment tat-tnaqqis kif stipulat fl-Artikolu 39(1) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 għandha tiġi applikata b’mod individwali għal kull nuqqas ta’ konformità.

Il-perċentwali ta’ tnaqqis li jirriżultaw minn dan għandhom jingħaddu flimkien. Madankollu, it-tnaqqis massimu ma għandux jaqbeż il-5 % tal-ammont totali msemmi fl-Artikolu 73(4) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Meta tinstab rikorrenza flimkien ma’ nuqqas ta’ konformità ieħor jew ma’ rikorrenza oħra, il-perċentwali ta’ tnaqqis li jirriżultaw minn dan għandhom jingħaddu flimkien. Madankollu, it-tnaqqis massimu ma għandux jaqbeż il-15 % tal-ammont totali msemmi fl-Artikolu 73(4).

Artikolu 75

Kalkolu u applikazzjoni tal-pieni amministrattivi f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali

F’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali ta’ kobor, severità jew permanenza estrema, minbarra l-pieni imposti fuqu u kkalkulati skont l-Artikolu 40 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż mill-pagamenti kollha msemmija fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fis-sena kalendarja ta’ wara.

TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 76

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-ħlas relatati mas-snin tat-talba jew mal-perjodi tal-primjum li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(3)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 92/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1082/2003 tat-23 ta’ Ġunju 2003 li jniżżel regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Numru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell minimu ta’ kontrolli li għandhom isiru fil-qafas tas-sistema għall-identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ annimali bovini (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 9).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(10)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE tad-29 ta’ April 1996 li tikkonċerna l-projbizzjoni tal-użu fl-istockfarming ta’ ċerti sustanzi li jkollhom azzjoni ormonika u tirostatika u ta’ betaagonisti u li tħassar id-Direttivi 81/602/KEE, 88/146/KEE u 88/299/KEE (ĠU L 125, 23.5.1996, p. 3).

(11)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 48).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41).

(14)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1).

(15)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74).

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16).

(17)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(18)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(19)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1).

(20)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1).

(21)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta’ Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).

(22)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ara paġna 18 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(23)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jintroduċi dispożizzjonijiet tranżitorji (ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

Metodu tal-Komunità biex jiġi stabbilit b’mod kwantitattiv il-kontenut ta’ Δ9-tetraidrokannabinol fil-varjetajiet tal-qanneb

1.   Qasam u kamp ta’ applikazzjoni

Dan il-metodu jfittex li jistabbilixxi l-kontenut tad-Δ9-tetraidrokannabinol (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “it-THC”) fil-varjetajiet tal-qanneb (Cannabis sativa L.). Il-metodu jinvolvi l-applikazzjoni tal-proċedura A jew B deskritta hawn taħt, skont il-każ.

Il-metodu huwa bbażat fuq l-istabbiliment kwantitattiv tad-Δ9-THC permezz tal-kromatografija b’fażi gassuża (GC) wara li ssir estrazzjoni bl-użu ta’ solvent adattat.

1.1.   Proċedura A

Il-proċedura A għandha tintuża għall-verifiki tal-produzzjoni kif previst fl-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u fl-Artikolu 30(g) ta’ dan ir-Regolament.

1.2.   Proċedura B

Il-proċedura B għandha tintuża fil-każijiet imsemmijin fl-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u fl-Artikolu 36(6) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Teħid ta’ kampjuni

2.1.   Kampjuni

(a)

Għall-proċedura A: minn wiċċ tar-raba’ mhux maħsud ta’ varjetà partikulari tal-qanneb, għandha tittieħed biċċa twila 30 ċentimetru li jkun fiha tal-inqas inflorexxenza femminili waħda għal kull pjanta magħżula. Il-kampjuni għandhom jittieħdu fil-perjodu li jibda 20 jum wara li l-qanneb jibda joħroġ il-fjur u li jdum sa għaxart ijiem wara li jintemm il-ħruġ tal-fjur, matul il-ġurnata u b’mod sistematiku sabiex ikun żgurat li l-kampjun ikun jirrappreżenta l-uċuħ tal-għalqa iżda ma jkunx jinkludi l-uċuħ tat-truf.

L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw it-teħid tal-kampjuni fil-perjodu minn meta l-qanneb jibda joħroġ il-fjur sa 20 jum wara, dejjem jekk, għal kull varjetà mkabbra, jittieħdu kampjuni rappreżentattivi oħrajn skont l-ewwel sottoparagrafu fil-perjodu li jibda 20 jum wara li l-qanneb jibda joħroġ il-fjur u li jdum sa għaxart ijiem wara li jintemm il-ħruġ tal-fjur.

(b)

Għall-proċedura B: minn wiċċ tar-raba’ mhux maħsud ta’ varjetà partikulari tal-qanneb, għandu jittieħed it-terz ta’ fuq ta’ kull pjanta magħżula. Il-kampjuni għandhom jittieħdu fl-għaxart ijiem ta’ wara tmiem il-ħruġ tal-fjur, matul il-ġurnata u b’mod sistematiku sabiex ikun żgurat li l-kampjun ikun jirrappreżenta l-uċuħ tal-għalqa iżda ma jkunx jinkludi l-uċuħ tat-truf. Fil-każ ta’ varjetajiet li għandhom organi maskili u femminili fuq pjanti separati, għandhom jittieħdu biss il-pjanti femminili.

2.2.   Daqs tal-kampjun

Għall-proċedura A: il-kampjun għandu jkun magħmul minn biċċiet meħudin minn 50 pjanta għal kull għalqa.

Għall-proċedura B: il-kampjun għandu jkun magħmul minn biċċiet meħudin minn 200 pjanta għal kull għalqa.

Kull kampjun għandu jitqiegħed f’basket tad-drapp jew tal-karti mingħajr ma jitgħaffeġ u għandu jintbagħat fil-laboratorju għall-analiżi.

L-Istat Membru jista’ jipprevedi li jittieħed kampjun ieħor għall-kontroanaliżi, jekk ikun meħtieġ, li għandu jinżamm mill-produttur jewinkella mill-korp li huwa responsabbli għall-analiżi.

2.3.   Tnixxif u ħżin tal-kampjun

It-tnixxif tal-kampjuni għandu jibda mill-aktar fis possibbli, u f’kull każ, fi żmien 48 siegħa bl-użu ta’ xi metodu b’temperatura li tkun taħt is-70 °C.

Il-kampjuni għandhom jitnixxfu sakemm jintlaħaq piż kostanti u sakemm jintlaħaq kontenut ta’ umdità ta’ bejn 8 % u 13 %.

Wara li jitnixxfu, il-kampjuni għandhom jinħażnu mingħajr ma jitgħaffġu f’post mudlam f’temperatura ta’ inqas minn 25 °C.

3.   Stabbiliment tal-kontenut tat-THC

3.1.   Tħejjija tal-kampjun għat-test

Mill-kampjuni mnixxfin għandhom jitneħħew iz-zkuk u ż-żrieragħ li jkunu ta’ iktar minn 2 millimetri.

Il-kampjuni mnixxfin għandhom jintaħnu sabiex jinkiseb trab li jkun kważi fin (li jgħaddi minn passatur b’toqob ta’ millimetru).

It-trab jista’ jinħażen għal għaxar ġimgħat f’post mudlam u niexef f’temperatura ta’ inqas minn 25 °C.

3.2.   Reaġenti u taħlita likwida għall-estrazzjoni

Reaġenti:

Δ9-tetraidrokannabinol, pur għall-għanijiet tal-kromatografija,

Skwalan, pur għall-għanijiet tal-kromatografija, bħala standard intern.

Taħlita likwida għall-estrazzjoni:

35 mg ta’ skwalan għal kull 100 ml ta’ eżan.

3.3.   Estrazzjoni tad-Δ9-THC

Mill-kampjun li għandu jiġi ttestjat li jkun f’forma ta’ trab għandhom jintiżnu 100 mg u dan l-ammont għandu jitqiegħed f’tubu ta’ ċentrifugazzjoni u miegħu għandhom jiżdiedu 5 ml mit-taħlita likwida għall-estrazzjoni li jkun fiha l-istandard intern.

Il-kampjun għandu jitqiegħed f’banju ultrasoniku u jitħalla għal 20 minuta. Huwa għandu jingħadda minn proċess ta’ ċentrifugazzjoni għal ħames minuti bi 3 000 r.p.m u mbagħad għandha titneħħa t-taħlita likwida ta’ THC li tgħum fil-wiċċ. It-taħlita likwida għandha tiġi injettata fil-kromatografu u għandha titwettaq analiżi kwantitattiva.

3.4.   Kromatografija b’fażi gassuża

(a)   Apparat:

kromatografu tal-gass b’individwatur tal-jonizzazzjoni bi fjamma u injettatur maqsum/mhux maqsum,

kolonna li tippermetti separazzjoni tajba tal-kannabinojdi, pereżempju kolonna kapillari tal-ħġieġ li tkun twila 25 m u li jkollha dijametru ta’ 0,22 mm, imxappa b’5 % ta’ fażi ta’ fenil-metil-silossan mhux polari.

(b)   Firxiet ta’ kalibrazzjoni

Tal-inqas tliet punti għall-proċedura A u ħames punti għall-proċedura B, inklużi l-punti ta’ 0,04 u 0,50 mg/ml ta’ Δ9-THC f’taħlita likwida għall-estrazzjoni.

(c)   Kundizzjonijiet tat-test

Il-kundizzjonijiet li ġejjin qed jingħataw bħala eżempju għall-kolonna msemmija fil-punt (a):

temperatura tal-forn: 260 °C;

temperatura tal-injettatur: 300 °C;

temperatura tal-individwatur: 300 °C.

(d)   Volum injettat: 1 μl.

4.   Riżultati

Is-sejbiet għandhom jingħataw bħala ċifra b’żewġ ċifri wara l-punt deċimali, mogħtija fi grammi ta’ Δ9-THC għal kull 100 gramma tal-kampjun analitiku mnixxef sakemm ikun laħaq piż kostanti. Għandha tapplika tolleranza ta’ 0,03 grammi għal kull 100 gramma.

Għall-proċedura A: ir-riżultat jikkorrispondi għal riżultat stabbilit wieħed għal kull kampjun tat-test.

Madankollu, fejn ir-riżultat miksub jaqbeż il-limitu stabbilit fl-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandu jiġi stabbilit riżultat ieħor għal kull kampjun tal-analiżi u r-riżultat għandu jkun il-valur medju taż-żewġ riżultati stabbiliti.

Għall-proċedura B: ir-riżultat għandu jikkorrispondi għall-valur medju ta’ żewġ riżultati stabbiliti għal kull kampjun tat-test.