|
15.7.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 207/10 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 760/2014
tal-10 ta' Lulju 2014
dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqu, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti. |
|
(3) |
Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' din it-tabella. |
|
(4) |
Huwa xieraq li jiġi pprovdut li informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista', għal ċertu perjodu, tibqa' tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dan il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur. |
|
(5) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness huma kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' din it-tabella.
Artikolu 2
L-informazzjoni vinkolanti tariffarja li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Lulju 2014.
Għall-Kummissjoni
F'isem il-President,
Algirdas ŠEMETA
Membru tal-Kummissjoni
(2) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).
ANNESS
|
Deskrizzjoni tal-prodotti |
Klassifikazzjoni (Kodiċi NM) |
Raġunijiet |
|
(1) |
(2) |
(3) |
|
Kontenitur ċilindriku magħmul mill-plastik, għoli madwar 8 ċm, b'dijametru ta' 6 ċm, li fih 180 ml ta' żejt tal-lampi tal-paraffina (taħlita ta' paraffina li fiha 68 % ta' tetradekan, 25 % pentadekan u madwar 4 % ta' hexadekan) u ftila. Huwa mgħotti b'siġill tal-metall b'għatu tal-plastik li jevita l-evaporazzjoni taż-żejt u jżomm il-ftila f'postha (l-hekk imsejħa “lampa taż-żejt”). Il-kontenitur ma jistax jerġa' jimtela wara li ż-żejt jiġi kkunsmat. Il-prodott huwa wżat bħala dawl biex joħloq atmosfera differenti. Jista' jew jitqiegħed f'ħolder (pereżempju kontenitur tal-pjanti tal-ħġieġ) jew jista' jintuża waħdu. (*1) Ara l-immaġni. |
9405 50 00 |
Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli generali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-kliem tal-kodiċi NM 9405 u 9405 50 00 . Il-klassifikazzjoni bħala żejt taħt l-intestatura 2710 hija eskluża minħabba li l-prodott għandu siġill tal-metall b'għatu tal-plastik u ftila u għalhekk jikkonsisti f'aktar elementi milli żejt u kontenitur normalment użati fl-ippakkjar ta' oġġetti bħal dawn kif previst skont il-GIR 5 (b). Il-prodott għandu l-karatteristiċi u d-disinn ta' tagħmir tad-dawl indipendenti tal-intestatura 9405 minħabba li dan għandu korp awtosuffiċjenti li fih żejt, siġill tal-metall b'għatu tal-plastik u ftila. Dik l-intestatura tkopri lampi u tagħmir tad-dawl tal-elettriku u mhux tal-elettriku li jistgħu ikunu magħmulin minn kull materjal u li jużaw kwalunkwe sors ta' dawl (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni dwar is-Sistema Armonizzata għall-intestatura 9405 , parti (I)). Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 9405 50 00 bħala lampi u tagħmir tad-dawl mhumiex tal-elettriku. |
(*1) L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.