25.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 697/2014

tal-24 ta' Ġunju 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 906/2009 rigward il-perjodu ta' applikazzjoni tiegħu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 246/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma bejn il-kumpanniji marittimi tal-linja (consortia) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv fil-Qasam tal-Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 906/2009 (2) jagħti eżenzjoni ta' kategorija lill-konsorzji tat-trasport bil-baħar mill-projbizzjoni illi tinstab fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat, liema eżenzjoni hija soġġetta għal ċerti kondizzjonijiet. Dan ir-Regolament jiskadi fil-25 ta' April 2015, skont il-massimu ta' ħames snin kif previst fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 246/2009. Abbażi tal-esperjenza tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-eżenzjoni ta' kategorija, jidher li l-ġustifikazzjonijiet għall-eżenzjoni ta' kategorija għall-konsorzji għadhom validi, u li l-kundizzjonijiet li ġew iddeterminati abbażi tal-kamp ta' applikazzjoni u tal-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 906/2009 ma nbidlux b'mod sostanzjali.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 906/2009 ssimplifika u introduċa modifiki sostanzjali fir-regoli applikabbli għall-konsorzji. Billi l-qafas legali l-ġdid ilu fis-seħħ u applikat biss għal perjodu ta' żmien qasir, f'dan l-istadju għandhom jiġu evitati tibdiliet oħra. Dan se jevita li l-operaturi fl-industrija jiżdidulhom l-ispejjeż ta' konformità.

(3)

Il-perjodu ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 906/2009 għandu għalhekk jiġi estiż b'ħames snin.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 906/2009, il-“25 ta' April 2015” tinbidel għal “25 ta' April 2020”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa applikabbli mill-25 ta' April 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 79, 25.3.2009, p. 1. B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru rispettivament l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 906/2009 tat-28 ta' Settembru 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma bejn il-kumpanniji marittimi tal-linja (konsorzji) (ĠU L 256, 29.9.2009, p. 31).