24.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/3


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 690/2014

tat-23 ta' Ġunju 2014

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK tat-28 ta' Frar 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 (2) jimplimenta l-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni 2011/137/PESK.

(2)

Fid-19 ta' Marzu 2014, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) adotta r-Riżoluzzjoni 2146 (2014) (UNSCR 2146 (2014)) li tipprojbixxi t-tgħabbija, it-trasport jew l-iskariku ta' żejt mhux raffinat esportat illeċitament mil-Libja fuq bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru nominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet (“bastimenti nominati”), fin-nuqqas ta' istruzzjonijiet mill-punt fokali tal-Gvern tal-Libja.

(3)

L-UNSCR 2146 (2014) tirrikjedi wkoll li jittieħdu miżuri biex jipprevjenu l-bastimenti nominati milli jidħlu fil-portijiet u l-għoti ta' servizzi ta' proviżjonament jew ta' forniment ta' bastimenti, jew servizzi oħra, lil bastimenti nominati, jekk hekk ikun speċifikat min-nomina mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

(4)

Barra minn hekk, l-UNSCR 2146 (2014) tipprojbixxi tranżazzjonijiet fir-rigward ta' żejt mhux raffinat esportat illeċitament mil-Libja abbord bastimenti nominati, jekk hekk ikun speċifikat min-nomina mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Madankollu, billi l-UNSCR 2146 (2014) tippermetti li bastimenti nominati f'ċerti każijiet jidħlu f'portijiet, f'dawk il-każijiet jistgħu jiġu aċċettati taxxi portwali, anke fir-rigward ta' żejt mhux raffinat abbord tali bastimenti.

(5)

Għal raġunijiet ta' espedjenza, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex temenda l-lista ta' bastimenti nominati li għalihom japplikaw dawk il-miżuri skont l-emendi fl-Anness V tad-Deċiżjoni 2011/137/PESK u fuq il-bażi tad-determinazzjonijiet li jsiru mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet taħt il-paragrafi 11 u 12 tal-UNSCR 2146 (2014).

(6)

Fit-23 ta' Ġunju 2014, id-Deċiżjoni 2011/137/PESK ġiet emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/380/PESK (3) biex jiġu implimentati dawk il-miżuri.

(7)

Ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1 jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(h)

’bastimenti nominati’ tfisser bastimenti nominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet kif imsemmi fil-paragrafu 11 tal-UNSCR 2146 (2014), kif elenkati fl-Anness V ta' dan ir-Regolament;

(i)

‘il-punt fokali tal-Gvern tal-Libja’ tfisser il-punt fokali maħtur mill-Gvern tal-Libja kif notifikat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont il-paragrafu 3 tal-UNSCR 2146 (2014).”;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 10b

1.   Huwa pprojbit li jiġi mgħobbi, trasportat jew skarikat żejt mhux raffinat mil-Libja fuq bastimenti nominati li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru sakemm mhux awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru wara konsultazzjoni mal-punt fokali tal-Gvern tal-Libja.

2.   Huwa pprojbit li jiġi aċċettat jew li jingħata aċċess għall-portijiet fit-territorju tal-Unjoni lil bastimenti nominati, jekk hekk ikun speċifikat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

3.   Il-miżura stabbilita fil-paragrafu 2 ma għandhiex tapplika fejn id-dħul għal xi port fit-territorju tal-Unjoni jkun meħtieġ għal xi ispezzjoni, f'każ ta' emerġenza jew fejn il-bastiment ikun qed jirritorna lejn il-Libja.

4.   L-għoti minn ċittadini tal-Istati Membri jew minn territorji tal-Istati Membri ta' servizzi ta' proviżjonament jew ta' forniment ta' bastimenti, jew kwalunkwe servizz ieħor ta' bastimenti, lil bastimenti nominati, inkluż il-forniment ta' karburant jew provvisti, għandu, jekk hekk ikun speċifikat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, ikun ipprojbit.

5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri identifikati fl-Anness IV jistgħu jagħtu eżenzjonijiet għall-miżura imposta mill-paragrafu 4 fejn dawn ikunu meħtieġa għal għanijiet umanitarji jew ta' sikurezza, jew fejn il-bastiment ikun qed jirritorna lejn il-Libja. Kwalunkwe awtorizzazzjoni bħal din trid tiġi notifikata lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u lill-Kummissjoni bil-miktub.

6.   It-tranżazzjonijiet finanzjarji fir-rigward ta' żejt mhux raffinat abbord bastimenti nominati, inkluż il-bejgħ taż-żejt mhux raffinat jew l-użu taż-żejt mhux raffinat bħala kreditu, kif ukoll il-kuntrattazzjoni ta' assigurazzjonijiet fir-rigward tat-trasport taż-żejt mhux raffinat, għandhom, jekk hekk ikun speċifikat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, ikunu pprojbiti. Tali projbizzjoni ma tapplikax għall-aċċettazzjoni ta' taxxi portwali fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 3.”;

(3)

l-Artikolu 15 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 15

Il-Kummissjoni hija b'dan mogħtija s-setgħa li:

(a)

temenda l-Anness IV abbażi ta' informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri;

(b)

temenda l-Anness V skont l-emendi fl-Anness V tad-Deċiżjoni 2011/137/PESK u fuq il-bażi tad-determinazzjonijiet li jsiru mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet taħt il-paragrafi 11 u 12 tal-UNSCR 2146 (2014).”;

(4)

jiżdied l-Anness V kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 58, 3.3.2011, p. 53.

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2011 tat-2 ta' Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU L 58, 3.3.2011, p. 1).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/380/PESK tat-23 ta' Ġunju 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2011/137/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (Ara paġna 52 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

“ANNESS V

LISTA TA' BASTIMENTI MSEMMIJA FIL-PUNT (h) TAL-ARTIKOLU 1 U FL-ARTIKOLU 10b U MIŻURI APPLIKABBLI KIF SPEĊIFIKAT MILL-KUMITAT TAS-SANZJONIJIET”