27.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 189/155


REGOLAMENT (UE) Nru 662/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Mejju 2014

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 rigward l-implimentazzjoni teknika tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġislattiva (2),

Billi:

(1)

Fit-8 ta’ Diċembru 2012, fit-tmien sessjoni tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Kjoto, adottat l-Emenda ta’ Doha, li tistabbilixxi t-tieni perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto, li jibda mill-1 ta’ Jannar 2013 u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020 (l-“Emenda ta’ Doha”).

(2)

L-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kjoto jipprovdi għall-possibbiltà li l-Partijiet iħarsu l-impenji tagħhom skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Kjoto b’mod konġunt. Fil-mument tal-adozzjoni tal-Emenda ta’ Doha, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, flimkien mal-Kroazja u l-Islanda, iddikjaraw li l-impenji kwantifikati għal-limitazzjoni u t-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-Unjoni, l-Istati Membri tagħha, il-Kroazja u l-Islanda għat-tieni perijodu ta’ impenn skont il-Protokoll ta’ Kjoto huma bbażati fuq l-intendiment li dawn jiġu mħarsa b’mod konġunt f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kjoto. Dik id-dikjarazzjoni hija riflessa fir-Rapport tal-Konferenza u ġiet approvata mill-Kunsill fis-17 ta’ Diċembru 2012.

(3)

Il-Protokoll ta’ Kyoto jeħtieġ li l-Partijiet li laħqu ftehim li jħarsu l-impenji tagħhom skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Kjoto b’mod konġunt jistabbilixxu f’dak il-ftehim il-livell ta’ emissjonijiet rispettiv allokat għal kull waħda minnhom. Il-Protokoll ta’ Kyoto jirrikjedi li l-Partijiet għal ftehim ta’ ħarsien konġunt javżaw lis-Segretarjat tal-UNFCCC bit-termini ta’ dak il-ftehim fid-data tad-depożitu tal-istrumenti ta’ aċċettazzjoni tagħhom.

(4)

Il-konklużjoni tal-Emenda ta’ Doha, l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet li jakkumpanjawha tal-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Kjoto u ftehim ta’ ħarsien konġunt ser ikunu jeħtieġu l-istabbiliment ta’ regoli li jiżguraw l-implimentazzjoni teknika tat-tieni perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto fl-Unjoni, inkluża it-transizzjoni mill-ewwel għat-tieni perijodu ta’ impenn, biex isir it-tħaddim effettiv ta’ ftehim ta’ ħarsien konġunt, u biex jiġi żgurat l-allinjament tiegħu mat-tħaddim tas-Sistema tal-Unjoni għall-Iskambju ta’ Emissjonijiet (l-“EU ETS”) stabbilita mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Deċiżjoni 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(5)

Matul l-ewwel perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto, ir-rekwiżiti miftiehma internazzjonalment għall-kontabbiltà u l-ġestjoni tal-emissjonijiet u l-unitajiet u l-ħarsien konġunt mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ġew implimentati skont id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2216/2004 (6) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010 (7). Ir-Regolamenti (KE) Nru 2216/2004 u (UE) Nru 920/2010 issa ġew sostitwiti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 (8), li fih dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-unitajiet marbutin mal-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-EU ETS u bid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE. Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) li għadu kif ġie adottat riċentament, li rrevoka u ssostitwixxa d-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE, ma fihx il-bażi legali li biha l-Kummissjoni tkun tista’ tadotta r-regoli neċessarji għall-implimentazzjoni teknika tat-tieni perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto f’konformità mat-termini tal-Emenda ta’ Doha, id-deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC li sservi ta’ laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Kjoto u ftehim ta’ ħarsien konġunt.

(6)

Meta Stat Membru jkun serjament żvantaġġat minħabba sitwazzjoni speċifika u eċċezzjonali, inklużi inkonsistenzi ta’ kontabbiltà fit-tqabbil tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni mar-regoli maqbula taħt il-Protokoll ta’ Kjoto, mingħajr preġudizzju għat-twettiq tal-obbligi tal-Istat Membru taħt id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE, il-Kummissjoni għandha, soġġett għad-disponibbiltà tal-unitajiet fi tmiem it-tieni perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto, tadotta miżuri biex tindirizza dik is-sitwazzjoni, permezz ta’ trasferiment ta’ tnaqqis iċċertifikat ta’ emissjonijiet (CERs), unitajiet ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet (ERUs) jew unitajiet tal-ammont assenjati (AAUs) li jkunu fir-reġistru tal-Unjoni għar-reġistru ta’ dak l-Istat Membru.

(7)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 10(7), tar-Regolament (UE) Nru 525/2013, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu kkonferiti lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(8)

Id-Deċiżjoni 1/CMP.8 tal-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCC li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Kjoto (Deċiżjoni 1/CMP.8) temenda r-regoli għall-istabbiliment ta’ eliġibbiltà għall-parteċipazzjoni f’mekkaniżmi flessibbli matul it-tieni perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto. Tistabbilixxi wkoll limiti fuq ir-riportar ta’ unitajiet mill-ewwel għat-tieni perijodu ta’ impenn, u tinkludi rekwiżit li kull Parti tistabbilixxi kont għar-riżerva żejda mill-perijodu preċedenti. Barra minn hekk, dik id-Deċiżjoni tipprevedi li sehem ta’ 2 % tar-rikavat irid jiġi impost fuq l-ewwel trasferimenti internazzjonali AAUs u fuq il-ħruġ ta’ ERUs għal proġetti ta’ implimentazzjoni konġunta immedjatament mal-konverżjoni għal ERUs ta’ AAUs jew ta’ unitajiet ta’ tneħħija (RMUs) li qabel kienu f’idejn il-Partijiet. Bħalissa qegħdin jiġu nnegozjati aktar regoli għall-implimentazzjoni tat-tieni perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto.

(9)

Fl-atti delegati li għandhom jiġu adottati f’konformità ma’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tipprovdi proċess ta’ kklerjar fi tmiem it-tieni perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto, fejn kwalunkwe trasferiment nett tal-allokazzjonijiet annwali ta’ emissjonijiet f’konformità mad-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE, u kwalunkwe trasferiment nett ta’ kwoti ma’ pajjiżi terzi li jipparteċipaw fl-iskema tal-EU ETS li mhumiex parti għal ftehim ta’ ħarsien konġunt mal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, jiġi segwit minn trasferiment ta’ ammont korrispondenti ta’ AAUs.

(10)

Ir-regoli internazzjonali rilevanti dwar il-kontabbiltà tal-emissjonijiet u l-progress lejn l-ilħuq tal-impenji mistennija jiġu adottati matul il-konferenza li jmiss dwar il-klima li se ssir f’Lima f’Diċembru 2014. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jaħdmu ma’ pajjiżi terzi biex jgħinu sabiex dan jiġi żgurat.

(11)

Skont id-Deċiżjoni 1/CMP.8, li teħtieġ lill-Partijiet jirrevedu l-impenn tagħhom għat-tieni perijodu ta’ impenn sa mhux aktar tard mill-2014, tista’ tiġi kkunsidrata l-kanċellazzjoni ta’ għadd ta’ AAUs, CERs u ERUs sabiex iżidu l-ambizzjoni tal-impenn tagħhom.

(12)

Sabiex jiġu stabbiliti regoli koerenti li jiżguraw l-implimentazzjoni teknika tat-tieni perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto fl-Unjoni, inkluża t-transizzjoni mill-ewwel għat-tieni perijodu ta’ impenn, biex ikun hemm tħaddim effettiv tal-ħarsien konġunt tal-impenji tal-Unjoni, tal-Istati Membri tagħha u tal-Islanda għat-tieni perijodu ta’ impenn, u biex ikun żgurat l-allinjament tagħha mat-tħaddim tal-EU ETS u d-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE, is-setgħa li jiġu adottati atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni, mid-data tal-konklużjoni mill-Unjoni tal-Emenda ta’ Doha mill-Unjoni sa tmiem il-perijodu addizzjonali għall-ħarsien tal-impenji fit-tieni perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż f’livell espert. Meta tkun qed tħejji u telabora atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, fil-ħin u adatta ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif ukoll il-konsistenza tagħhom ma’ rekwiżiti ta’ kontabbiltà maqbula internazzjonalment, ftehim ta’ ħarsien konġunt konkluż bejn l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi terzi skont l-Artikoli 3 u 4 tal-Protokoll ta’ Kjoto, u leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni.

(13)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2012 jiddikjaraw li l-objettiv ta’ limitazzjoni jew tnaqqis kwantifikat tal-Unjoni dwar l-emissjonijiet matul it-tieni perijodu ta’ impenn jiġi determinat abbażi tal-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra tal-Unjoni permessi matul il-perijodu 2013-2020 taħt il-pakkett leġislattiv tagħha għall-klima u l-enerġija, li b’hekk jirrifletti l-impenn unilaterali tal-UE għal tnaqqis ta’ 20 % sal-2020, u f’dan il-kuntest jikkonfermaw li b’dan l-approċċ, l-obbligi ta’ Stati Membri individwali rigward tnaqqis tal-emissjonijiet ma għandhomx jeċċedu l-obbligi tagħhom maqbula fil-leġislazzjoni tal-Unjoni.

(14)

Għandha tkun żgurata l-konformità bejn l-ewwel u t-tieni perijodu ta’ impenn tal-limiti stabbiliti mid-deċiżjonijiet rilevanti tal-UNFCCC jew tal-korpi tal-Protokoll ta’ Kjoto għar-riportar ta’ ERUs u CERs.

(15)

Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-punti li ġejjin jiddaħħlu fl-Artikolu 3:

“(13a)

‘riżerva għall-perijodu ta’ impenn’ jew ‘CPR’ tfisser ir-riżerva stabbilita skont l-Anness għad-Deċiżjoni 11/CMP.1 jew deċiżjonijiet rilevanti oħrajn tal-UNFCCC jew tal-korpi tal-Protokoll ta’ Kjoto;

(13b)

‘riżerva żejda mill-perijodu preċedenti’ jew ‘PPSR’ tfisser il-kont stabbilit skont id-Deċiżjoni 1/CMP.8 tal-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCC li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Kjoto (Deċiżjoni 1/CMP.8) jew deċiżjonijiet rilevanti oħrajn tal-UNFCCC jew tal-korpi tal-Protokoll ta’ Kjoto;

(13c)

‘ftehim ta’ ħarsien konġunt’ tfisser it-termini ta’ ftehim, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kjoto bejn l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u kwalunkwe pajjiż terz li jħarsu l-impenji tagħhom skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Kjoto, b’mod konġunt, għat-tieni perijodu ta’ impenn;”.

(2)

L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom kull wieħed minnhom, fir-reġistri rispettivi tagħhom stabbiliti skont l-ewwel subparagrafu, jagħtu kont tal-ammonti assenjati rispettivi tagħhom fit-tieni perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto u jwettqu t-transazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, f’konformità mad-Deċiżjoni 1/CMP.8 jew deċiżjonijiet rilevanti oħra tal-UNFCCC jew tal-korpi tal-Protokoll ta’ Kjoto u bi ftehim ta’ ħarsien konġunt. Għal dak il-għan, l-Unjoni u kull Stat Membru għandhom, kull wieħed minnhom fir-reġistri rispettivi tagħhom:

jistabbilixxu u jamministraw kontijiet ta’ depożitu ta’ parti (party holding accounts), inkluż kont ta’ depożitu, u joħorġu ammont ta’ AAUs li jikkorrispondi mal-ammonti assenjati rispettivi tagħhom għat-tieni perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto f’dawk il-kontijiet ta’ depożitu ta’ parti;

jagħtu kont tal-ħruġ, iż-żamma, it-trasferiment, l-akkwist, il-kanċellazzjoni, l-irtirar, is-sostituzzjoni jew bidla tad-data tal-iskadenza tal-AAUs, RMUs, ERUs, CERs, tCERs u lCERs, kif rilevanti, miżmuma fir-reġistri rispettivi tagħhom għat-tieni perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto;

jistabbilixxu u jżommu riżerva għall-perijodu ta’ impenn;

jirriportaw l-AAUs, is-CERs u l-ERUs li jinsabu fir-reġistri rispettivi tagħhom mill-ewwel sat-tieni perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto, u jistabbilixxu riżerva żejda mill-perijodu preċedenti u jimmaniġġjaw l-AAUs li jinsabu hemmhekk;

jagħtu kont tat-trasferiment ta’ AAUs jew ERUs, bħala parti mir-rikavat wara l-ħruġ tal-ERUs u fuq l-ewwel trasferiment internazzjonali ta’ AAUs.”;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“5.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa wkoll li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 25 sabiex tagħti effett, permezz tar-reġistri tal-Unjoni u tal-Istati Membri, lill-implimentazzjoni teknika neċessarja tal-Protokoll ta’ Kjoto skont id-Deċiżjoni 1/CMP.8 jew deċiżjonijiet rilevanti oħra tal-UNFCCC jew tal-korpi tal-Protokoll ta’ Kjoto u ftehim ta’ ħarsien konġunt, f’konformità mal-paragrafu 1.

6.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa wkoll li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 25 biex tiżgura li:

kwakunkwe trasferiment nett ta’ allokazzjonijiet annwali ta’ emissjonijiet f’konformità mad-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE u kwalunkwe trasferiment nett ta’ kwoti ma’ pajjiżi terzi li jipparteċipaw fl-iskema stabbilita għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi ħdan l-Unjoni permezz tad-Direttiva 2003/87/KE li mhumiex partijiet għal ftehim ta’ ħarsien konġunt, jiġi segwit minn trasferiment ta’ ammont korrispondenti ta’ AAUs permezz ta’ proċess ta’ klerjar fl-aħħar tat-tieni perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto;

jitwettqu dawk it-transazzjonijiet li huma neċessarji għall-allinjament tal-applikazzjoni tal-limiti stabbiliti mid-deċiżjonijiet tal-UNFCCC jew il-korpi tal-Protokoll ta’ Kjoto dwar ir-riportar ta’ ERUs u CERs mill-ewwel għat-tieni perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto bl-implimentazzjoni tal-Artikolu 11a tad-Direttiva 2003/87/KE; tali transazzjonijiet għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-abbiltà tal-Istati Membri li jirriportaw aktar ERUs u CERs mill-ewwel għat-tieni perijodu ta’ impenn għal finijiet oħra, dment li l-limiti għar-riportar ta’ ERUs u CERs mill-ewwel għat-tieni perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto ma jinqabżux.

7.   Meta Stat Membru jkun serjament żvantaġġat minħabba sitwazzjoni speċifika u eċċezzjonali, inklużi inkonsistenzi ta’ kontabbiltà fit-tqabbil tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni mar-regoli maqbula taħt il-Protokoll ta’ Kjoto, il-Kummissjoni tista’, soġġett għad-disponibbiltà tal-unitajiet fi tmiem it-tieni perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto, tadotta miżuri biex tindirizza dik is-sitwazzjoni. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tittrasferixxi CERs, ERUs jew AAUs li jinsabu fir-reġistru tal-Unjoni għar-reġistru ta’ dak l-Istat Membru. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 26(2). Is-setgħa għall-adozzjoni ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandha tingħata lill-Kummissjoni mid-data tal-konklużjoni mill-Unjoni tal-Emenda ta’ Doha għall-Protokoll ta’ Kjoto.

8.   Meta tadotta l-atti delegati taħt il-paragrafi 5 u 6, il-Kummissjoni għandha tiżgura konsistenza mad-Direttiva 2003/87/KE u d-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE u implimentazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti ta’ kontabbiltà maqbula internazzjonalment, tottimizza t-trasparenza u tiżgura l-eżattezza tal-kontabbiltà tal-AAUs, RMUs, ERUs, CERs, tCERs u lCERs mill-Unjoni u l-Istati Membri, filwaqt li tevita, sa fejn possibbli, il-piżijiet u l-ispejjeż amministrattivi, inklużi dawk relatati mas-sehem tar-rikavat u l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-IT. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni ssegwi l-prattika normali tagħha u twettaq konsultazzjonijiet ma’ esperti, inklużi esperti tal-Istati Membri, qabel ma tadotta dawk l-atti delegati.”.

(3)

Fl-Artikolu 11, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom kull wieħed minnhom, fi tmiem it-tieni perijodu ta’ impenn taħt il-Protokoll ta’ Kjoto, u f’konformità mad-Deċiżjoni 1/CMP.8 jew deċiżjonijiet rilevanti oħrajn tal-UNFCCC jew tal-korpi tal-Protokoll ta’ Kjoto, u ftehim ta’ ħarsien konġunt, jirtiraw mir-reġistri rispettivi tagħhom AAUs, RMUs, ERUs, CERs, tCERs jew lCERs ekwivalenti għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn sorsi u tneħħija permezz ta’ bjar koperti mill-ammonti assenjati rispettivi tagħhom.”.

(4)

L-Artikolu 25 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’li ġej:

“Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikoli 6, 7 u l-Artikolu 10(4) għandha tingħata lill-Kummissjoni għall-perijodu ta’ ħames snin mit-8 ta’ Lulju 2013.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu 2 li ġej:

“2a.   Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati msemmija fl-Artikolu 10(5) u (6) għandha tingħata lill-Kummissjoni mid-data tal-konklużjoni mill-Unjoni tal-Emenda ta’ Doha għall-Protokoll ta’ Kjoto sat-tmiem tal-perijodu addizzjonali għall-ħarsien tal-impenji fit-tieni perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto.”.

(5)

Fl-Artikolu 26, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Fil-każ tal-Artikolu 10(7), meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Opinjoni tas-26 ta’ Frar 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2014.

(3)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(4)  Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136).

(5)  Id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kjoto (ĠU L 49, 19.2.2004, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2216/2004 tal-21 ta’ Diċembru 2004 għal sistema standardizzata u sigura ta’ reġistri skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 386, 29.12.2004, p. 1).

(7)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni għall-perjodi li jagħlqu fil-31 ta’ Diċembru 2012 tal-iskema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ emissjonijiet skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 270, 14.10.2010 p. 1.).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010 u (UE) Nru 1193/2011 (ĠU L 122, 3.5.2013, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13).

(10)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċitar mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).