27.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 189/108


REGOLAMENT (UE) Nru 657/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Mejju 2014

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 fir-rigward tas-setgħat delegati u tas-setgħat ta’ implimentazzjoni li għandhom jingħataw lill-Kummissjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 (2) jagħti setgħat lill-Kummissjoni biex timplimenta xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.

(2)

B’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 2173/2005 għandhom jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(3)

Sabiex jiġu applikati wħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2173/2005, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendi għal Annessi I, II u III għal dak ir-Regolament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, anke fil-livell tal-esperti. Meta tkun qed tħejji u tfassal atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u adattata tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(4)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2173/2005, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tivvaluta u tapprova skemi eżistenti li jiggarantixxu l-legalità u l-intraċċar affidabbli tal-prodotti tal-injam esportati mill-pajjiżi msieħba, bil-għan li dawk l-iskemi jsiru l-bażi ta’ liċenzja tal-Infurzar tal-Liġi, t-Tmexxija u l-Kummerċ fis-Settur tal-Forestrija (FLEGT), u biex jiġu adottati modalitajiet ta’ natura prattika u dokumenti ta’ format standard, inklużi l-mezzi possibbli tagħhom (format elettroniku jew karta) fir-rigward tal-iskema ta’ liċenzjar FLEGT. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(5)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 2173/2005 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2173/2005 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Sabiex tiġi pprovduta l-assigurazzjoni meħtieġa fir-rigward tal-legalità tal-prodotti tal-injam ikkonċernati, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-iskemi eżistenti li jiggarantixxu l-legalità u l-intraċċar affidabbli tal-prodotti tal-injam esportati mill-pajjiżi msieħba u tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tapprovahom. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(3).

L-iskemi approvati mill-Kummissjoni jistgħu jiffurmaw il-bażi ta’ liċenzja tal-FLEGT.

3.   Il-prodotti tal-injam tal-ispeċijiet elenkati fl-Annessi A, B u C tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 (*) għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dik l-eżenzjoni b’kont meħud tal-iżviluppi tas-suq u l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandha tirrapporta dwar is-sejbiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u, jekk ikun meħtieġ, tressaq, proposti leġislattivi xierqa.

(*)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1).”;"

(2)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 9 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“9.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta l-modalitajiet proċedurali u d-dokumenti ta’ format standard, inklużi l-mezzi possibbli tagħhom. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(3).”;

(3)

L-Artikolu 10 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

1.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 11a sabiex temenda l-lista tal-pajjiżi msieħba u l-awtoritajiet maħturin ta’ liċenzjar tagħhom, kif stipulat fl-Anness I.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 11a sabiex temenda l-lista tal-prodotti tal-injam, kif stipulat fl-Anness II, li għaliha tapplika l-iskema ta’ liċenzjar tal-FLEGT. Fl-adozzjoni ta’ dawk l-emendi l-Kummissjoni għandha tqis l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Sħubija tal-FLEGT. Tali emendi għandhom jinkludu l-kodiċi tal-prodotti, fil-livell ta’ intestatura ta’ erba’ ċifri jew fil-livell ta’ subintestatura ta’ sitt ċifri tal-verżjoni attwali tal-Anness I tas-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Prodotti.

3.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 11a sabiex temenda l-lista tal-prodotti tal-injam, kif jinsab fl-Anness III, li għaliha tapplika l-iskema ta’ liċenzjar tal-FLEGT. Fl-adozzjoni ta’ dawk l-emendi l-Kummissjoni għandha tqis l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Sħubija tal-FLEGT. Tali emendi għandhom jinkludu l-kodiċi tal-prodotti, fil-livell ta’ intestatura ta’ erba’ ċifri jew fil-livell ta’ subintestatura ta’ sitt ċifri tal-verżjoni attwali tal-Anness I tas-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Prodotti, u għandhom japplikaw biss b’rabta mal-pajjiżi sieħba korrispondenti kif stabbilit fl-Anness III.”;

(4)

L-Artikolu 11 huwa emendatkif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat għall-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT). Dan il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**).

(**)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;"

(b)

jitħassar il-paragrafu 2.

(c)

il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”;

(d)

jitħassar il-paragrafu 4.

(5)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 11a

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta atti ddelegati bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 10(1), (2) u (3) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-30 ta' Ġunju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi ta’ tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 10(1), (2) u (3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni għar-revoka għandha ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta’ wara dik tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika dan simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 10(1), (2) u (3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jkunux oġġezzjonaw għalih fi żmien xahrejn minn meta jiġu nnotifikati dwaru, jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’erba’ xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ April 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2014.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea(ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1).

(3)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Fil-kuntest ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tfakkar fl-impenn li ħadet, fil-punt 15 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, li tipprovdi lill-Parlament l-informazzjoni kollha u d-dokumentazzjoni kollha disponibbli dwar il-laqgħat tagħha ma' esperti nazzjonali fil-qafas tal-ħidma tagħha bi tħejjija ta' atti delegati.