13.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 174/33


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 629/2014

tat-12 ta' Ġunju 2014

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva metilnonilketon

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u partikolarment it-tieni alternattiva tal-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 608/2012 (2) emenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 (3) fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva metilnonilketon billi ffissal-kundizzjoni li n-notifikatur għandu jipprovdi informazzjoni ulterjuri ta' konferma fil-forma ta' studji dwar l-ispeċifikazzjoni mad-dejta ta' appoġġ tal-lott u metodi vvalidati tal-analiżi.

(2)

In-notifikatur ippreżenta informazzjoni addizzjonali fil-forma ta' studji dwar l-ispeċifikazzjoni b'dejta ta' appoġġ tal-lott u metodi vvalidati ta' analiżi lill-Istat Membru relatur, il-Belġju, fil-perjodu ta' żmien stipulat għal-preżentazzjoni tiegħu.

(3)

Il-Belġju vvaluta l-informazzjoni addizzjonali mressqa min-notifikatur. Fil-25 ta' Novembru 2013 dan ressaq il-valutazzjoni tiegħu, fil-forma ta' abbozz tar-rapport ta' valutazzjoni rivedut, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”.

(4)

L-abbozz tar-rapport ta' valutazzjoni rivedut, ġie rivedut mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġie ffinalizzat fis-16 ta' Mejju 2014 fil-format tar-rapport ta' reviżjoni tal-Kummissjoni għall-metilnonilketon.

(5)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikatur jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar ir-rapport ta' reviżjoni għal metilnonilketon.

(6)

Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li informazzjoni ta' konferma ulterjuri wriet li l-purità minima tas-sustanza attiva għandha tiġi ffissata għal 985 g/kg.

(7)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu għalhekk jigi emendat skont dan. L-Istati Membri għandhom jingħataw iż-żmien biex jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metilnonilketon fejn jixraq.

(8)

Fejn l-Istati Membri jagħtu xi perjodu ta' konċessjoni skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metilnonilketon, dan il-perjodu għandu jiskadi sa mhux aktar tard minn tmintax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(9)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011,

Fil-kolonna “Purità” tar-ringiela 238, metilnonilketon, tal-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, il-purità tinbidel b'dan “≥ 985 g/kg”.

Artikolu 2

Miżuri tranżizzjonali

Fejn hu meħtieġ, l-Istati Membri għandhom, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jemendaw jew jirtiraw awtorizzazzjonijiet eżistenti għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metilnonilketon bħala sustanza attiva sat-3 ta' Jannar 2015.

Artikolu 3

Perjodu ta' konċessjoni

Kwalunkwe perjodu ta' konċessjoni mogħti mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandu jkun qasir kemm jista' jkun u għandu jiskadi fit-3 ta' Jannar 2016.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 608/2012 tas-6 ta' Lulju 2012 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi benżoat tad-denatonju, metilnonilketon u ż-żjut veġetali/żejt tan-nagħniegħ (ĠU L 177, 7.7.2012, p. 19).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal- 25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p.1).