|
13.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 174/12 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 623/2014
tal-14 ta' Frar 2014
li jistabbilixxi deroga mir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'“Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” fir-rigward tal-Impriża Konġunta tal-Industriji b'Bażi Bijoloġika
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'“Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3)(b) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (Orizzont 2020) u jistipula l-involviment tal-Unjoni fi sħubiji pubbliċi u privati, inklużi f'impriżi konġunti, f'oqsma ewlenin fejn ir-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għall-miri kompetittivi usa' tal-Unjoni u jgħinu jittrattaw l-isfidi soċjetali. |
|
(2) |
Il-parteċipazzjoni f'azzjonijiet indiretti skont Orizzont 2020 għandha tkun konformi mar-Regolament (UE) Nru 1290/2013. Madankollu, sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet operattivi speċifiċi tal-impriżi konġunti stabbiliti skont l-Artikolu 187 tat-Trattat fil-qasam tal-industriji b'bażi bijoloġika, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat ġiet delegata lill-Kummissjoni għat-tul kollu ta' Orizzont 2020. |
|
(3) |
L-Impriża Konġunta tal-Industriji b'Bażi Bijoloġika (IK BBI) twaqqfet bir-[Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014 (3) fil-qasam tal-industriji b'bażi bijoloġika għal perjodu sal-31 ta' Diċembru 2024 sabiex tiġi implimentata l-Inizjattiva Tekonoloġika Konġunta dwar l-Industriji b'Bażi Bijoloġika. |
|
(4) |
Ġew identifikati ħtiġijiet operattivi speċifiċi sabiex jiffaċilitaw u jħeġġu l-parteċipazzjoni ta' tipi speċifiċi ta' parteċipanti. Dawk il-ħtiġijiet operattivi speċifiċi huma r-riżultat tal-frammentazzjoni attwali ta' dan is-settur industrijali li għadu jibda b'ħafna partijiet interessati industrijali żgħar u medji. Il-parteċipazzjoni ta' dawk il-partijiet interessati flimkien mal-istabbilimenti ta' edukazzjoni sekondarja u għolja u stabbilimenti oħra fl-Impriża Konġunta tal-Industriji b'Bażi Bijoloġika għandha tiġi ffaċilitata u mħeġġa wkoll minħabba l-importanza rikonoxxuta tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp. Sabiex jinkiseb livell ottimali ta' effett ta' lieva fuq l-investiment privat, dawk il-partijiet interessati biss għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament ta' azzjonijiet minbarra azzjonijiet ta' innovazzjoni mill-Impriża Konġunta tal-Industriji b'Bażi Bijoloġika. |
|
(5) |
Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi stabbilita deroga mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 sabiex tiġi limitata l-eliġibbiltà għall-finanzjament, għal azzjonijiet minbarra azzjonijiet ta' innovazzjoni, għal entitajiet bħal intrapriżi żgħar u medji jew stabbilimenti tal-edukazzjoni sekondarja u għolja, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
B'deroga mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, fir-rigward tal-Impriża Konġunta tal-Industriji b'Bażi Bijoloġika, il-parteċipanti li ġejjin biss għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament mill-Impriża Konġunta tal-Industriji b'Bażi Bijoloġika għal azzjonijiet fil-qasam tal-industriji b'bażi bijoloġika minbarra l-azzjonijiet innovattivi:
|
(a) |
intrapriżi żgħar u medji; |
|
(b) |
stabbilimenti tal-edukazzjoni sekondarja u għolja; |
|
(c) |
entitajiet legali mingħajr skop ta' qligħ, inklużi dawk li jwettqu r-riċerka jew l-iżvilupp teknoloġiku bħala wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħhom; |
|
(d) |
iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka; |
|
(e) |
organizzazzjonijiet internazzjonali b'interess Ewropew. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Frar 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81
(2) Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).
(3) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b'bażi Bijoloġika (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 130).