12.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/65


REGOLAMENT (UE) Nru 598/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ April 2014

dwar l-istabbiliment ta’ regoli u proċeduri fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju f’ajruporti tal-Unjoni fi ħdan Approċċ Bilanċjat u li jħassar id-Direttiva 2002/30/KE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Objettiv ewlieni tal-politika komuni dwar it-trasport huwa l-iżvilupp sostenibbli. Dan jeħtieġ metodu integrat bil-għan li jiżgura kemm il-funzjonament effettiv tas-sistemi ta’ trasport tal-Unjoni kif ukoll il-protezzjoni tal-ambjent.

(2)

L-iżvilupp sostenibbli tat-trasport bl-ajru jeħtieġ l-introduzzjoni ta’ miżuri maħsuba biex jitnaqqas l-impatt tal-istorbju mill-inġenji tal-ajru fl-ajruporti tal-Unjoni. Dawn il-miżuri għandhom itejbu l-ambjent tal-istorbju fl-ajruporti tal-Unjoni kollha sabiex tinżamm jew tiżdied il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini ġirien u titrawwem il-kompattibbiltà bejn l-attivitajiet tal-avjazzjoni u ż-żoni residenzjali, b’mod partikolari fir-rigward tat-titjiriet billejl.

(3)

Ir-Riżoluzzjoni A33/7 tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) tintroduċi l-kunċett ta’ “Approċċ Bilanċjat” għall-ġestjoni tal-istorbju (Approċċ Bilanċjat) u tistabbilixxi metodu koerenti li jindirizza l-istorbju mill-inġenji tal-ajru. L-Approċċ Bilanċjat għandu jibqa’ l-pedament tar-regolamentazzjoni tal-istorbju għall-avjazzjoni bħala industrija globali. L-Approċċ Bilanċjat jirrikonoxxi l-valur ta’, u ma jippreġudikax, obbligi legali rilevanti, ftehimiet eżistenti, liġijiet attwali u politiki stabbiliti. L-inkorporazzjoni tar-regoli internazzjonali tal-Approċċ Bilanċjat f’dan ir-Regolament għandha tnaqqas sostanzjalment ir-riskju ta’ disputi internazzjonali fil-każ li trasportaturi ta’ pajjiżi terzi jiġu affettwati minn restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju.

(4)

Wara t-tneħħija tal-inġenji tal-ajru li jagħmlu l-aktar storbju skont id-Direttiva 2002/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u d-Direttiva 2006/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), huwa meħtieġ aġġornament ta’ kif jintużaw miżuri ta’ restrizzjoni operattiva biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jindirizzaw l-inġenji tal-ajru li attwalment jagħmlu l-aktar storbju sabiex jitjieb l-ambjent tal-istorbju fl-ajruporti tal-Unjoni fi ħdan il-qafas internazzjonali ta’ Approċċ Bilanċjat.

(5)

Ir-rapport mill-Kummissjoni tal-15 ta’ Frar 2008 intitolat “Restrizzjonijiet Operattivi tal-Istorbju fl-Ajruporti tal-UE” indika l-ħtieġa li tkun iċċarata, fit-test tad-Direttiva 2002/30/KE, l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet u d-drittijiet u l-obbligi preċiżi tal-partijiet interessati matul il-proċess tal-istima tal-istorbju sabiex jiġi ggarantit li jittieħdu miżuri kost-effettivi sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ tnaqqis tal-istorbju għal kull ajruport.

(6)

L-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet operattivi mill-Istati Membri fl-ajruporti tal-Unjoni abbażi ta’ każijiet individwali, filwaqt li tillimita l-kapaċità, tista’ tikkontribwixxi għat-titjib tal-klima tal-istorbju fl-ajruporti kollha. Madankollu, hemm il-possibilità li ssir distorta l-kompetizzjoni jew jinħoloq xkiel għall-effiċjenza ġenerali tan-netwerk tal-avjazzjoni tal-Unjoni minħabba l-użu ineffiċjenti tal-kapaċità eżistenti. Billi l-objettiv speċifiku, ta’ tnaqqis ta’ storbju, ta’ dan ir-Regolament ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, pjuttost, permezz ta’ regoli armonizzati tal-proċess għall-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet operattivi bħala parti mill-proċess ta’ ġestjoni tal-istorbju, jinkiseb iżjed fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv. Tali metodu armonizzat ma jimponix objettivi ta’ kwalità tal-istorbju, li jibqgħu derivanti mid-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jew minn regoli jew leġiżlazzjoni oħra rilevanti tal-Unjoni f’kull Stat Membru, u ma jippreġudikawx is-selezzjoni konkreta tal-miżuri.

(7)

Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-Istati Membri fejn hemm ajruport b’aktar minn 50 000 movimenti ta’ inġenji tal-ajru ċivili kull sena kalendarja u meta l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju tkun qed tiġi kkunsidrata f’tali ajruport.

(8)

Dan ir-Regolament għandu japplika għal inġenji tal-ajru involuti fl-avjazzjoni ċivili. M’għandux japplika għall-inġenji tal-ajru bħal inġenji tal-ajru militari u inġenji tal-ajru waqt operazzjonijiet doganali, tal-pulizija u tat-tifi tan-nar. Barra minn hekk, għandhom jingħataw eżenzjoni minn dan ir-Regolament diversi operazzjonijiet ta’ natura eċċezzjonali, bħal titjiriet għal raġunijiet umanitarji urġenti, jew ta’ tiftix u salvataġġ għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, assistenza medika u assistenza f’każijiet ta’ diżastru.

(9)

Filwaqt li għandhom isiru stimi tal-istorbju fuq bażi regolari f’konformità mad-Direttiva 2002/49/KE, dawn l-istimi għandhom iwasslu biss għal miżuri addizzjonali ta’ tnaqqis tal-istorbju jekk il-kombinazzjoni attwali tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-istorbju ma tiksibx l-objettivi tat-tnaqqis tal-istorbju, b’kont meħud tal-iżvilupp mistenni tal-ajruport. Għall-ajruporti fejn ġiet identifikata problema tal-istorbju, għandhom jiġu identifikati miżuri addizzjonali ta’ tnaqqis tal-istorbju skont il-metodoloġija tal-Approċċ Bilanċjat. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni wiesgħa tal-Approċċ Bilanċjat fl-Unjoni, l-użu tiegħu hu rakkomandat kull meta jkun ikkunsidrat adegwat mill-Istat Membru individwali konċernat, anke lil hinn mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament. Restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju għandhom jiġu introdotti biss meta miżuri oħra tal-Approċċ Bilanċjat ma jkunux suffiċjenti biex jinkisbu l-objettivi speċifiċi għat-tnaqqis tal-istorbju.

(10)

Filwaqt li analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tipprovdi indikazzjoni tal-effetti totali fuq il-benesseri ekonomiku billi tqabbel l-ispejjeż u l-benefiċċji kollha, valutazzjoni tal-kosteffettività tiffoka fuq il-ksib ta’ objettiv stabbilit bl-aktar mod kosteffettivi, u b’hekk teħieġ tqabbil tal-ispejjeż biss. Dan ir-Regolament m’għandux jipprevjeni lill-Istati Membri mill-jużaw l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji fejn ikun il-każ.

(11)

L-importanza tal-aspetti tas-saħħa għandha tiġi rikonoxxuta fir-rigward tal-problemi ta’ storbju, u għalhekk huwa importanti li dawk l-aspetti jittieħdu inkonsiderazzjoni b’mod konsistenti fl-ajruporti kollha meta tittieħed deċiżjoni dwar l-objettivi ta’ tnaqqis tal-istorbju, b’kont meħud tal-eżistenza ta’ regoli komuni tal-Unjoni f’dan il-qasam. Għalhekk, l-aspetti tas-saħħa għandhom jiġu valutati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-evalwazzjoni tal-effetti tal-istorbju.

(12)

L-istimi tal-istorbju għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u miżurabbli komuni għall-Istati Membri kollha and għandhom jibnu fuq l-informazzjoni eżistenti disponibbli, bħall-informazzjoni li tirriżulta mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/49/KE. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali informazzjoni tkun affidabbli, li tkun miksuba b’mod trasparenti u li tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti u partijiet interessati. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu l-għodod ta’ monitoraġġ li huma meħtieġa.

(13)

L-awtorità kompetenti responsabbli għall-adozzjoni ta’ miżuri dwar restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju għandha tkun indipendenti minn kwalunkwe organizzazzjoni involuta fl-operat tal-ajruport jew it-trasport bl-ajru, is-servizzi li jipprovdu n-navigazzjoni bl-ajru, jew li tirrappreżenta l-interessi ta’ dawn u tar-residenti li jgħixu fl-inħawi tal-ajruport. Dan ma għandux jinftiehem li l-Istati Membri huma meħtieġa jimmodifikaw l-istrutturi amministrattivi jew proċeduri deċiżjonali tagħhom.

(14)

Huwa rikonoxxut li l-Istati Membri ddeċidew dwar restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali msejsa fuq metodi marbuta mal-istorbju rikonoxxuti fuq livell nazzjonali, li, sa issa, jistgħu ma jkunux totalment konsistenti mal-metodu kif deskritt fid-Dokument 29 tar-Rapport awtorevoli tal-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili intitolat “Il-Metodu Standard ta’ Komputazzjoni ta’ Profili tal-Istorbju madwar l-Ajruporti Ċivili” (Dok 29 tal-ECAC) u lanqas ma jużaw l-informazzjoni rikonoxxuta internazzjonalment dwar il-prestazzjoni tal-istorbju tal-inġenji tal-ajru. Madankollu, l-effiċjenzja u l-effettività ta’ restrizzjoni operattiva relatata mal-istorbju għandhom jiġu valutati f’konformità mal-metodi preskritti fid-Dok 29 tal-ECAC tal-Approċċ Bilanċjat. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jadattaw l-istimi tagħhom tar-restrizzjonijiet operattivi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali biex ikun f’konformità sħiħa mad-Dok 29 tal-ECAC.

(15)

Għandha tiġi introdotta definizzjoni ġdida u usa’ ta’ restrizzjonijiet operattivi kif imqabbla mad-Direttiva 2002/30/KE sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji u kapaċitajiet operattivi ġodda ta’ inġenji tal-ajru u tagħmir tal-art. L-applikazzjoni tagħha m’għandhiex twassal għal dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri operattivi li jistgħu jtaffu immedjatament l-impatt tal-istorbju mingħajr ma tiġi sostanzjalment affettwata l-kapaċità operattiva ta’ ajruport. Tali miżura, għalhekk, m’għandhiex titqies li qed tikkostitwixxi restrizzjoni operattiva ġdida.

(16)

Iċ-ċentralizzazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-istorbju se tnaqqas sostanzjalment il-piż amministrattiv kemm għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru kif ukoll għall-operaturi tal-ajruporti. Tali informazzjoni hija attwalment ipprovduta u ġestita fil-livell tal-ajruport individwali. Dik id-data teħtieġ titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru u tal-operaturi tal-ajruporti għal finijiet operattivi. Huwa importanti li jintuża l-bank tad-data tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (‘l-Aġenzija’) li jikkonċerna ċ-ċertifikazzjoni tal-prestazzjoni tal-istorbju bħala għodda ta’ validazzjoni mad-data tal-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni tal-Ajru (Eurocontrol) dwar titjiriet individwali. Tali data bħalissa hija diġà sistematikament mitluba għal finijiet ta’ ġestjoni ċentrali tal-flussi, iżda fil-preżent mhix disponibbli għall-Kummissjoni jew l-Aġenzija, u jeħtieġ li tiġi speċifikata għall-fini ta’ dan ir-Regolament u għar-regolazzjoni tal-prestazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Aċċess tajjeb għal data validata ta’ mudellar, iddeterminata f’konformità ma’ proċessi u l-aħjar prattiki rikonoxxuti internazzjonalment, għandu jtejjeb il-kwalità tal-immappjar ta’ profili tal-istorbju ta’ ajruporti individwali biex jiġu appoġġati deċiżjonijiet ta’ politika.

(17)

Sabiex jiġu evitati konsegwenzi mhux mixtieqa għas-sikurezza tal-avjazzjoni, il-kapaċità u l-kompetizzjoni tal-ajruporti, il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-awtorità kompetenti rilevanti jekk tqis li l-proċess segwit għall-introduzzjoni tar-restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. L-awtorità kompetenti rilevanti għandha teżamina n-notifika tal-Kummissjoni u għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħha qabel ma ddaħħal ir-restrizzjonijiet operattivi.

(18)

Sabiex jittieħed kont tal-Approċċ Bilanċjat, għandha tkun prevista l-possibbiltà ta’ eżenzjonijiet f’ċirkostanzi speċjali għal operaturi minn pajjiżi terzi li qed jiżviluppaw, li mingħajrhom tali operaturi jġarrbu diffikultajiet bla bżonn. Fejn issir referenza għal “pajjiżi li qed jiżviluppaw”, din għandha tinftiehem fid-dawl ta’ dan il-kuntest tal-avjazzjoni u fis-sens li ma tinkludix il-pajjiżi kollha li, fil-komunità internazzjonali, x’aktarx jissejħu bħala tali. B’mod partikolari, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li kwalunkwe tali eżenzjoni tkun kompatibbli mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

(19)

Sabiex jiġi rifless il-progress teknoloġiku kontinwu fit-teknoloġiji tal-magni u l-oqsfa tal-inġenji tal-ajru u l-metodi użati għall-immappjar tal-profil tal-istorbju, is-setgħa biex jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-aġġornament regolari tal-istandards tal-istorbju għall-inġenji tal-ajru msemmija f’dan ir-Regolament u r-referenza għall-metodi ta’ ċertifikazzjoni assoċjati, b’kont meħud, fejn ikun il-każ, tal-bidliet fid-dokumenti rilevanti tal-ICAO, u l-aġġornament tar-referenza għall-metodu tal-komputazzjoni tal-profili tal-istorbju, b’kont meħud, fejn ikun il-każ, tal-bidliet fid-dokumenti rilevanti tal-ICAO. Barra minn hekk, għandhom ukoll jitqiesu l-bidliet għad-Dok. 29 tal-ECAC għall-aġġornamenti tekniċi permezz tal-atti delegati, fejn ikun il-każ. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fuq livell espert. Il-Kummissjoni, waqt li tkun qed tipprepara u tfassal atti delegati, għandha tiżgura, trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(20)

Filwaqt li dan ir-Regolament jirrikjedi stima regolari tas-sitwazzjoni tal-istorbju fl-ajruporti, tali stima ma tinvolvix neċessarjament l-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet operattivi ġodda relatati mal-istorbju jew ir-reviżjoni ta’ dawk eżistenti. Għalhekk, dan ir-Regolament ma jeħtieġx ir-reviżjoni tar-restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju diġà stabbiliti fid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, inklużi dawk li jirriżultaw minn deċiżjonijiet tal-qorti jew proċessi ta’ medjazzjoni lokali. L-emendamenti tekniċi minuri fir-rigward ta’ miżuri mingħajr implikazzjonijiet sostantivi għall-kapaċità jew operat m’għandhomx ikunu kkunsidrati bħala restrizzjonijiet operattivi ġodda relatati mal-istorbju.

(21)

Fejn il-proċess ta’ konsultazzjoni preċedenti għall-adozzjoni ta’ restrizzjoni operattiva relatati mal-istorbju kien varat taħt id-Direttiva 2002/30/KE u għadu sejjer fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, huwa kunsiljabbli li li d-deċiżjoni finali titħalla tittieħed f’konformità mad-Direttiva 2002/30/KE sabiex tippreserva l-progress li diġà nkiseb f’dak il-proċess.

(22)

Fid-dawl tal-ħtieġa tal-applikazzjoni konsistenti tal-metodu ta’ stima tal-istorbju fi ħdan is-suq tal-avjazzjoni tal-Unjoni, dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tar-restrizzjonijiet operattivi tal-istorbju.

(23)

Id-Direttiva 2002/30/KE għandha għaldaqstant titħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett, għanijiet u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi, fejn tkun ġiet identifikata problema ta’ storbju, regoli dwar il-proċess li għandu jiġi segwit għall-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju b’mod konsistenti abbażi ta’ ajruporti individwali, sabiex jgħin fit-titjib tal-klima tal-istorbju u biex jillimita jew inaqqas l-għadd ta’ persuni li jkunu affettwati b’mod sinifikanti mill-effetti potenzjalment ta’ ħsara tal-istorbju tal-inġenji tal-ajru, f’konformità mal-Approċċ Bilanċjat.

2.   L-objettivi ta’ dan ir-Regolament huma:

(a)

li jkun faċilitat il-ksib ta’ objettivi speċifiċi għat-tnaqqis tal-istorbju, li jinkludu aspetti ta’ saħħa, fil-livell ta’ ajruporti individwali, filwaqt li jiġu rispettati r-regoli rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk stipulati fid-Direttiva 2002/49/KE, u l-leġiżlazzjoni f’kull Stat Membru;

(b)

li jkun possibbli l-użu ta’ restrizzjonijiet operattivi f’konformità mal-Approċċ Bilanċjat sabiex jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli tal-kapaċità tan-netwerk ta’ ġestjoni tal-ajruporti u t-traffiku tal-ajru minn perspettiva gate-to-gate.

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal inġenji tal-ajru mħaddma fl-avjazzjoni ċivili. Ma għandux japplika għal inġenji tal-ajru użati f’operazzjonijiet militari, doganali, tal-pulizija jew f’operazzjonijiet simili.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“inġenju tal-ajru” tfisser inġenju tal-ajru bi ġwienaħ fissi b’massa iċċertifikata tat-tluq ta’ 34 000 kg jew aktar, jew b’akkomodazzjoni interna massima ċċertifikata għat-tip ta’ inġenju tal-ajru inkwistjoni li tikkonsisti minn minn 19-il post tal-passiġġier jew aktar, minbarra kwalunkwe post riżervat għall-ekwipaġġ biss;

(2)

“ajruport” tfisser ajruport li għandu movimenti ta’ aktar minn 50 000 inġenju tal-ajru ċivili kull sena kalendarja (moviment ifisser it-tluq jew l-inżul), abbażi tal-għadd medju ta’ movimenti fl-aħħar tliet snin kalendarji qabel l-istima tal-istorbju;

(3)

“Approċċ Bilanċjat” tfisser il-proċess żviluppat mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali skont din il-firxa ta’ miżuri disponibbli, partikolarment it-tnaqqis tal-istorbju tal-inġenji tal-ajru mis-sors, l-ippjanar u l-ġestjoni tal-art, il-proċeduri operattivi u r-restrizzjonijiet operattivi għat-tnaqqis tal-istorbju, jitqies b’mod konsistenti bl-għan li tiġi indirizzata l-problema tal-istorbju bl-aktar mod kost-effettiv abbażi ta’ ajruporti individwali.

(4)

“inġenji tal-ajru marġinalment konformi” tfisser inġenji tal-ajru li huma ċertifikati f’konformità mal-limiti tal-Kapitolu 3 stipulati fil-Volum 1, Parti II, Kapitolu 3 tal-Anness 16 mal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali ffirmata fis-7 ta’ Diċembru 1944 (il-Konvenzjoni ta’ Chicago) b’marġni kumulattiva ta’ inqas minn 8 EPNdB (“Effective Perceived Noise in Decibels” — storbju effettivament ipperċepit f’deċibel) matul perijodu transizzjonali li jintemm fl-14 ta' Ġunju 2020, u b’marġni kumulattiva ta’ anqas minn 10 EPNdB wara t-tmiem ta’ dak il-perijodu transizzjonali, fejn il-marġni kumulattiva hija ċ-ċifra espressa f’EPNdB miksuba billi jiġu magħduda l-marġini individwali (jiġifieri differenzi bejn il-livell ta’ storbju ċċertifikat u l-livell massimu ta’ storbju permess) f’kull wieħed mit-tliet punti ta’ referenza għall-kejl tal-istorbju definit fil-Volum 1, Parti II, Kapitolu 3 tal-Anness 16 mal-Konvenzjoni ta’ Chicago;

(5)

“azzjoni relatata mal-istorbju” tfisser kwalunkwe miżura li taffettwa l-klima tal-istorbju madwar l-ajruporti, li għaliha japplikaw il-prinċipji tal-Approċċ Bilanċjat, inklużi azzjonijiet mhux operattivi oħra li jistgħu jaffettwaw in-numru ta’ nies esposti għall-istorbju tal-inġenji tal-ajru;

(6)

“restrizzjoni operattiva” tfisser azzjoni relatata mal-istorbju li tillimita aċċess jew tnaqqas il-kapaċità operazzjonali ta’ ajruport, inklużi r-restrizzjonijiet operattivi mmirati għall-irtirar mill-operat ta’ inġenji tal-ajru marġinalment konformi f’ajruporti speċifiċi kif ukoll restrizzjonijiet operattivi ta’ natura parzjali, li pereżempju japplikaw għal perjodu ta’ żmien identifikat matul il-ġurnata jew għal ċerti runways biss fl-ajruport.

Artikolu 3

Awtoritajiet kompetenti

1.   Stat Membru li fih ikun jinsab ajruport kif imsemmi fil-punt (2) tal-Artikolu 2 għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli għall-proċess li għandu jiġi segwit meta jiġu adottati restrizzjonijiet operattivi.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu indipendenti minn kwalunkwe organizzazzjoni li tista’ tiġi affettwata minn azzjoni relatata mal-istorbju. Dik l-indipendenza tista’ tinkiseb permezz ta’ separazzjoni funzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, fil-mument opportun, dwar l-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti maħtura msemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik l-informazzjoni.

Artikolu 4

Dritt ta’ appell

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw id-dritt ta’ appell kontra r-restrizzjonijiet operattivi adottati skont dan ir-Regolament quddiem korp ta’ appell li ma jkunx l-awtorità li adottat ir-restrizzjoni kkontestata, skont il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri nazzjonali.

2.   L-Istat Membru fejn ikun jinsab ajruport kif imsemmi fil-punt (2) tal-Artikolu 2 għandu jinnotifika lill-Kummissjoni, fil-mument opportun, bl-isem u l-indirizz tal-bord ta’ appell maħtur imsemmi fil-paragrafu 1 jew, fejn ikun il-każ, bl-arranġamenti li jiżguraw li jinħatar korp ta’ appell.

Artikolu 5

Regoli ġenerali dwar il-ġestjoni tal-istorbju tal-inġenji tal-ajru

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sitwazzjoni tal-istorbju f’ajruport individwali kif previst fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tiġi stmata skont id-Direttiva 2002/49/KE.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġi adottat l-Approċċ Bilanċjat fir-rigward tal-ġestjoni tal-istorbju tal-inġenji tal-ajru f’dawk l-ajruporti fejn tkun ġiet identifikata problema ta’ storbju. Għal dak il-għan, huma għandhom jiżguraw li:

(a)

jiġi definit l-għan għat-tnaqqis tal-istorbju għal dak l-ajruport, b’kont meħud, fejn ikun il-każ, l-Artikolu 8 u l-Anness V tad-Direttiva 2002/49/KE;

(b)

jiġu identifikati l-miżuri disponibbli biex inaqqsu l-impatt tal-istorbju;

(c)

tiġi evalwata bir-reqqa l-kost-effettività probabbli tal-miżuri għall-mitigazzjoni tal-istorbju;

(d)

il-miżuri jingħażlu, b’kont meħud tal-interess pubbliku fil-qasam tat-trasport bl-ajru fir-rigward tal-prospetti ta’ żvilupp tal-ajruporti tagħhom, mingħajr detriment għas-sikurezza;

(e)

il-partijiet interessati jiġu kkonsultati b’mod trasparenti dwar l-azzjonijiet previsti;

(f)

jiġu adottati l-miżuri u tkun prevista notifika suffiċjenti;

(g)

jiġu implimentati l-miżuri; u

(h)

jkun stabbilit provvediment għar-riżoluzzjoni ta’ disputi.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta tittieħed azzjoni relatata mal-istorbju, tiġi kkunsidrata l-kombinazzjoni li ġejja tal-miżuri disponibbli, bil-ħsieb li jiddeterminaw l-aktar miżura jew kombinazzjoni ta’ miżuri kosteffettivi:

(a)

l-effett prevedibbli ta’ tnaqqis tal-istorbju tal-inġenji tal-ajru mis-sors;

(b)

l-ippjanar u l-ġestjoni tal-użu tal-art;

(c)

proċeduri operattivi għat-tnaqqis tal-istorbju;

(d)

ma jiġux applikati restrizzjonijiet operattivi bħala l-ewwel miżura, iżda biss wara l-konsiderazzjoni tal-miżuri l-oħra tal-Approċċ Bilanċjat.

Il-miżuri disponibbli jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jinkludu l-irtirar ta’ inġenji tal-ajru marġinalment konformi. L-Istati Membri, jew il-korpi ta’ ġestjoni tal-ajruporti, skont il-każ, jistgħu joffru inċentivi ekonomiċi sabiex iħeġġu lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jużaw inġenji tal-ajru anqas storbjużi matul il-perjodu transizzjonali msemmi fil-punt 4 tal-Artikolu 2. Dawn l-inċentivi ekonomiċi għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat.

4.   Il-miżuri jistgħu, fi ħdan l-Approċċ Bilanċjat, jiġu differenzjati skont it-tip ta’ inġenji tal-ajru, il-prestazzjoni tal-istorbju mill-inġenji tal-ajru, l-użu tal-ajruport u l-faċilitajiet ta’ navigazzjoni tal-ajru, it-trajettorja tat-titjira u/jew l-iskeda taż-żmien koperta.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, restrizzjonijiet operattivi li jieħdu l-għamla tal-irtirar ta’ inġenji tal-ajru marġinalment konformi minn operazzjonijiet tal-ajruporti ma għandhomx jaffettwaw inġenji tal-ajru subsoniċi ċivili li jikkonformaw, permezz taċ-ċertifikazzjoni oriġinali jew taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid, mal-istandard tal-istorbju stabbilit fil-Volum 1, Parti II, Kapitolu 4 tal-Anness 16 mal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

6.   Il-miżuri jew kombinazzjoni ta’ miżuri meħuda skont dan ir-Regolament għal ajruport partikolari ma għandhomx ikunu aktar ristrettivi milli meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi għat-tnaqqis tal-istorbju ambjentali stabbilit għal dak l-ajruport. Ir-restrizzjonijiet operattivi għandhom ikunu nondiskriminatorji, partikolarment abbażi ta’ nazzjonalità jew identità, u ma għandhomx ikunu arbitrarji.

Artikolu 6

Regoli dwar l-istima tal-istorbju

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li s-sitwazzjoni tal-istorbju fl-ajruporti li għalihom huma responsabbli tiġi stmata fuq bażi regolari, skont id-Direttiva 2002/49/KE u l-leġiżlazzjoni applikabbli f’kull Stat Membru. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu l-appoġġ tal-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni msemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010 (7).

2.   Jekk l-istima msemmija fil-paragrafu 1 tindika li jistgħu jkunu meħtieġa miżuri operattivi ta’ restrizzjoni ġodda biex tiġi indirizzata problema rigward storbju f’ajruport, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li:

(a)

il-metodu, l-indikaturi u l-informazzjoni fl-Anness I jiġu applikati b’tali mod li jieħdu kont debitu tal-kontribut ta’ kull tip ta’ miżura skont l-Approċċ Bilanċjat, qabel jiġu introdotti r-restrizzjonijiet operattivi;

(b)

fil-livell adatt, tiġi stabbilita kooperazzjoni teknika bejn l-operaturi tal-ajruport, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru u l-fornituri tas-servizz tan-navigazzjoni bl-ajru biex jiġu eżaminati miżuri għall-mitigazzjoni tal-istorbju. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll jiżguraw li jiġu kkonsultati r-residenti lokali, jew ir-rappreżentanti tagħhom, u l-awtoritajiet rilevanti lokali, u li tkun ipprovduta lilhom l-informazzjoni teknika dwar il-miżuri għall-mitigazzjoni tal-istorbju;

(c)

il-kosteffeċjenza ta’ kwalunkwe restrizzjoni operattiva ġdida tiġi vvalutata, f’konformità mal-Anness II. Emendi tekniċi minuri għal miżuri mingħajr implikazzjonijiet sostantivi fuq il-kapaċitajiet jew l-operat ma għandhomx jitqiesu bħala restrizzjonijiet operattivi ġodda;

(d)

il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati, li jista’ jieħu s-sura ta’ proċess ta’ medjazzjoni, jiġi organizzat f’waqtu u b’mod sostantiv, filwaqt li jiżguraw il-frankezza u t-trasparenza fir-rigward tad-data u l-metodoloġija ta’ komputazzjoni. Il-partijiet interessati għandu jkollhom mill-inqas tliet xhur qabel l-adozzjoni tar-restrizzjonijiet operattivi ġodda biex jippreżentaw kummenti. Il-partijiet interessati għandhom mill-inqas jinkludu:

(i)

residenti lokali, li jgħixu fl-inħawi tal-ajruporti u jkunu affettwati mill-istorbju tat-traffiku tal-ajru, jew ir-rappreżentanti tagħhom, u l-awtoritajiet lokali rilevanti;

(ii)

rappreżentanti tan-negozji lokali bbażati fl-inħawi tal-ajruporti li l-attivitajiet tagħhom huma affettwati mit-traffiku tal-ajru u mill-operat tal-ajruport;

(iii)

operaturi rilevanti tal-ajruport;

(iv)

rappreżentanti ta’ dawk l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jistgħu jkunu affettwati minn azzjonijiet; relatati mal-istorbju;

(v)

fornituri rilevanti ta’ servizz ta’ navigazzjoni tal-ajru;

(vi)

il-Maniġer tan-Netwerk, kif definit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 (8);

(vii)

fejn applikabbli, il-koordinatur tas-slots allokati.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom isegwu u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tar-restrizzjonijiet operattivi u jieħdu azzjoni kif meħtieġ. Huma għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti tkun disponibbli mingħajr ħlas u li tkun faċilment aċċessibbli u fil-pront għar-residenti lokali li jgħixu fl-inħawi tal-ajruporti u għall-awtoritajiet lokali rilevanti.

4.   L-informazzjoni rilevanti tista’ tinkludi:

(a)

filwaqt li tkun rispettata l-liġi nazzjonali, informazzjoni dwar il-ksur allegat minħabba tibdiliet fi proċeduri tat-titjiriet, f’termini tal-impatt tagħhom u r-raġunijiet għaliex twettqu tali bidliet;

(b)

il-kriterji ġenerali applikati fit-tqassim u l-ġestjoni tat-traffiku f’kull ajruport, safejn dawk il-kriterji jista’ jkollhom impatt ambjentali jew impatt fuq l-istorbju; u

(c)

id-data miġbura mis-sistemi ta’ kejl tal-istorbju, jekk disponibbli.

Artikolu 7

Informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-istorbju

1.   Deċiżjonijiet dwar restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju għandhom ikunu bbażati fuq il-prestazzjoni tal-istorbju tal-inġenji tal-ajru kif determinat mill-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni mwettqa skont il-Volum 1 tal-Anness 16 mal-Konvenzjoni ta’ Chicago, is-sitt edizzjoni ta’ Marzu 2011.

2.   Fuq talba tal-Kummissjoni, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni li ġejja dwar l-istorbju fir-rigward tal-inġenji tal-ajru li huma jħaddmu f’ajruporti fl-Unjoni:

(a)

in-nazzjonalità tal-inġenju tal-ajru u l-marka tar-reġistrazzjoni;

(b)

id-dokumentazzjoni dwar l-istorbju tal-inġenju tal-ajru użat, flimkien mal-piż massimu assoċjat għat-take-off;

(c)

kwalunkwe modifika tal-inġenju tal-ajru li taffettwa l-prestazzjoni tal-istorbju tiegħu u li tkun iddikjarata fid-dokumentazzjoni dwar l-istorbju.

3.   Fuq talba tal-Aġenzija, dawk li għandhom ċertifikat tat-tip tal-inġenju tal-ajru jew ċertifikat tat-tip supplementari, maħruġ f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), u l-persuni ġuridiċi jew fiżiċi li joperaw inġenji tal-ajru li għalihom ma nħareġ l-ebda tip ta’ ċertifikat taħt dak ir-Regolament, għandhom jagħtu informazzjoni dwar l-istorbju u l-prestazzjoni mill-inġenji tal-ajru għal finijiet ta’ mudellar tal-istorbju. L-Aġenzija għandha tispeċifika d-data meħtieġa, kif ukoll il-ħin, forma u mod dwar l-għoti tagħha. L-Aġenzija għandha tivverifika l-informazzjoni dwar l-istorbju u l-prestazzjoni mill-inġenji tal-ajru li tkun irċeviet għal finijiet ta’ mudellar u għandha tagħmel disponibbli l-informazzjoni lil partijiet oħra għal finijiet ta’ mudellar tal-istorbju.

4.   Id-data msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ u għandha tkun ipprovduta mingħajr ħlas, f’forma elettronika u bl-użu tal-format speċifikat, fejn applikabbli.

5.   L-Aġenzija għandha tivverifika d-data dwar l-istorbju u l-prestazzjoni tal-inġenju tal-ajru għall-finijiet ta’ mudellar fir-rigward tal-kompiti tagħha mwettqa skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

6.   Id-data għandha tkun maħżuna f’bażi tad-data ċentrali u tkun għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u l-operaturi tal-ajruporti għal finijiet operattivi.

Artikolu 8

Regoli dwar l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet operattivi

1.   Qabel ma tiġi introdotta restrizzjoni operattiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-partijiet interessati rilevanti l-introduzzjoni ta’ restrizzjoni operattiva sitt xhur qabel l-adozzjoni tagħha, u mill-anqas xahrejn qabel id-determinazzjoni tal-parametri ta’ koordinazzjoni tas-slot kif iddefinit fl-punt (m) tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 (10) għall-ajruport ikkonċernat għall-perijodu tal-iskedar rilevanti.

2.   Konsegwentement għall-istima li ssir skont l-Artikolu 6, in-notifika għandha tkun akkumpanjata minn rapport bil-miktub skont ir-rekwiżiti speċifikati fl-Artikolu 5 li jispjega r-raġunijiet għall-introduzzjoni ta’ restrizzjoni operattiva, l-objettiv ta’ tnaqqis tal-istorbju stabbilit għall-ajruport, il-miżuri li tqiesu biex jinkiseb dak l-objettiv, u l-evalwazzjoni tal-kost-effettività probabbli tad-diversi miżuri meqjusa, inkluż, fejn rilevanti, l-impatt transkonfinali tagħhom.

3.   Fuq it-talba ta’ Stat Membru jew fuq inizjattiva proprja, il-Kummissjoni tista’, fi żmien perijodu ta’ tliet xhur wara l-jum li fih tirċievi n-notifika skont il-paragrafu 1, terġa’ teżamina l-proċess għall-introduzzjoni ta’ restrizzjoni operattiva. Fejn il-Kummissjoni tqis li l-introduzzjoni ta’ restrizzjoni operattiva relatata mal-istorbju ma ssegwix il-proċess stabbilit f’dan ir-Regolament, din tista’ tinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti kif meħtieġ. L-awtorità kompetenti rilevanti għandha teżamina n-notifika tal-Kummissjoni u tinforma lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħha qabel ma ddaħħal ir-restrizzjoni operattiva.

4.   Fejn ir-restrizzjoni operattiva tikkonċerna l-irtirar ta’ inġenju tal-ajru marġinalment konformi minn ajruport, ma għandhom jiġu permessi ebda servizzi addizzjonali ‘l fuq mill-għadd ta’ movimenti bl-inġenju tal-ajru marġinalment konformi fil-perijodu korrispondenti tas-sena preċedenti f’dak l-ajruport sitt xhur wara n-notifika msemmija fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu dwar ir-rata annwali għat-tnaqqis tan-numru ta’ movimenti ta’ inġenji tal-ajru marġinalment konformi tal-operaturi affettwati f’dak l-ajruport, b’kont debitu meħud tal-età tal-inġenju tal-ajru u il-kompożizzjoni tal-flotta totali. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(4), din ir-rata ma għandhiex tkun aktar minn 25 % tan-numru ta’ movimenti ta’ inġenji tal-ajru marġinalment konformi għal kull operatur li jservi dak l-ajruport.

Artikolu 9

Pajjiżi li qed jiżviluppaw

1.   Sabiex tiġi evitata d-diffikultà ekonomika bla bżonn, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżentaw l-inġenji tal-ajru marġinalment konformi reġistrati f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw minn restrizzjonijiet operattivi tal-istorbju, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, dment li tali inġenji tal-ajru:

(a)

jingħataw ċertifikazzjoni dwar l-istorbju skont l-istandards speċifikati fil-Kapitolu 3, Volum 1 tal-Anness 16 mal-Konvenzjoni ta’ Chicago;

(b)

kiienu operati fl-Unjoni matul il-perijodu ta’ ħames snin qabel d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament;

(c)

kienu fuq ir-reġistru tal-pajjiż li qed jiżviluppa konċernat f’dak il-perijodu ta’ ħames snin; u

(d)

jibqgħu jiġu operati minn persuna fiżika jew ġuridika stabbilita f’dak il-pajjiż.

2.   Fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1, huwa għandu jinforma minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwarha.

Artikolu 10

Eżenzjoniji għal operazzjonijiet ta’ inġenji tal-ajru ta’ natura eċċezzjonali

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, fuq bażi ta’ każ b’każ, jawtorizzaw operazzjonijiet individwali f’ajruporti taħt ir-responsabbiltà tagħhom fir-rigward ta’ inġenji tal-ajru marġinalment konformi li ma setgħux isiru b’mod ieħor abbażi ta’ dan ir-Regolament.

L-eżenzjoni għandha tkun limitata għal:

(a)

operazzjonijiet li huma ta’ natura tant eċċezzjonali li ma jkunx raġonevoli li ma tingħatalhomx eżenzjoni temporanja, inklużi t-titjiriet għal għajnuna umanitarja; jew

(b)

titjiriet li ma jiġġenerawx dħul għall-finijiet ta’ alterazzjonijiet, tiswija jew manutenzjoni.

Artikolu 11

Atti delegati

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 12 dwar:

(a)

aġġornamenti tekniċi tal-istandards ta’ ċertifikazzjoni tal-istorbju previsti fl-Artikolu 5(5) u l-punt (a) tal-Artikolu 9(1) u tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni prevista fl-Artikolu 7(1);

(b)

aġġornamenti tekniċi tal-metodoloġija u l-indikaturi stabbiliti fl-Anness I.

L-għan ta’ dawk l-aġġornamenti għandu jkun biex jittieħed kont tal-bidliet għar-regoli internazzjonali rilevanti, skont il-każ.

Artikolu 12

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 11 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-13 ta' Ġunju 2016. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 11 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija m’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 11 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 13

Informazzjoni u reviżjoni

L-Istati Membri għandhom, meta mitluba, jippreżentaw informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Kummissjoni.

Mhux aktar tard mill-14 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, minn proposti għar-reviżjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Restrizzjonijiet fuq l-operat eżistenti

Restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju li diġà kienu ddaħħlu qabel it-13 ta’ Ġunju 2016 għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jiddeċidux li jirriveduhom f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Tħassir

Id-Direttiva 2002/30/KE hija b’dan imħassra b’effett mit-13 ta’ Ġunju 2016.

Artikolu 16

Dispożizzjonijiet transizzjonali

Minkejja l-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament, ir-restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju adottati wara t-13 ta’ Ġunju 2016 jistgħu jiġu adottati f’konformità mad-Direttiva 2002/30/KE fejn il-proċess ta’ konsultazzjoni qabel l-adozzjoni tagħhom kien għaddej f’dik id-data u dment li dawk ir-restrizzjonijiet jiġu adottati mhux aktar tard minn sena wara dik id-data.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-13 ta' Ġunju 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 173.

(2)  ĠU C 277, 13.9.2012, p. 110.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Diċembru 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-istadju tal-ewwel qari tal-24 ta’ Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Id-Direttiva 2002/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Marzu 2002 dwar l-istabbiliment ta’ regoli u proċeduri għall-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet tal-istorbju fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 85, 28.3.2002, p. 40).

(5)  Id-Direttiva 2006/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-regolament tal-operazzjoni tal-ajruplani koperta mill-Parti II, il-Kapitolu 3, il-Volum 1 tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, it-tieni edizzjoni (1988) (ĠU L 374, 27.12.2006, p. 1).

(6)  Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010 tad-29 ta’ Lulju 2010 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2096/2005 li jistabbilixxi rekwiżiti komuni għall-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 tas-7 ta’ Lulju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 691/2010 (ĠU L 185, 15.7.2011, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1).


ANNESS I

STIMA TAS-SITWAZZJONI TAL-ISTORBJU F’AJRUPORT

Metodoloġija:

L-awtoritajiet kompetenti ser jiżguraw l-użu ta’ metodi ta’ stima tal-istorbju li ġew żviluppati skont id-Dok. 29 tar-Rapport tal-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili intitolat “Il-Metodu Standard ta’ Komputazzjoni ta’ Profili tal-Istorbju madwar l-Ajruporti Ċivili”, it-Tielet Edizzjoni.

Indikaturi:

1.

L-impatt tal-istorbju tat-traffiku tal-ajru ser jiġi deskritti, mill-anqas, f’termini tal-indikaturi tal-istorbju Lden u Lnight li huma ddefiniti u kkalkulati skont l-Anness I tad-Direttiva 2002/49/KE.

2.

Jistgħu jintużaw indikaturi addizzjonali tal-istorbju li għandhom bażi oġġettiva.

Informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-istorbju:

1.   Inventarju attwali

1.1.

Deskrizzjoni tal-ajruport, inkluża l-informazzjoni dwar id-daqs tiegħu, il-lok, l-inħawi madwaru, il-volum tat-traffiku tal-ajru u l-kompożizzjoni tiegħu.

1.2.

Deskrizzjoni ta’ kwalunkwe objettiv ambjentali għall-ajruport u l-kuntest nazzjonali. Din ser tinkludi deskrizzjoni tal-objettivi għat-tnaqqis tal-istorbju tal-inġenji tal-ajru għall-ajruport.

1.3.

Id-dettalji tal-profili tal-istorbju għas-snin preċedenti rilevanti - inkluża valutazzjoni tan-numru ta’ nies affettwati mill-istorbju tal-inġenji tal-ajru„ imwettqa f’konformità mal-Anness II tad-Direttiva 2002/49/KE.

1.4.

Deskrizzjoni tal-miżuri eżistenti u ppjanati biex jiġi ġestit l-istorbju tal-inġenji tal-ajru li diġà ġew implimentati fil-qafas tal-Approċċ Bilanċjat u l-impatt fuq, u l-kontribut tagħhom fir-rigward ta’, is-sitwazzjoni tal-istorbju, b’riferiment għal:

1.4.1.

Għat-tnaqqis mis-sors:

(a)

informazzjoni dwar il-flotta attwali tal-inġenji tal-ajru u kwalunkwe titjib teknoloġiku mistenni;

(b)

pjani speċifiċi ta’ mmodernizzar tal-flotta.

1.4.2.

Għall-ippjanar u l-ġestjoni tal-użu tal-art:

(a)

strumenti ta’ ppjanar fis-seħħ, bħal ippjanar komprensiv jew it-tqassim f’zoni tal-istorbju;

(b)

miżuri ta’ mitigazzjoni fis-seħħ, bħal kodiċijiet ta’ bini, programmi ta’ iżolament tal-istorbju jew miżuri biex jitnaqqsu ż-żoni ta’ użu ta’ art sensittiv;

(c)

proċess ta’ konsultazzjoni fir-rigward tal-miżuri tal-użu tal-art;

(d)

monitoraġġ tal-użu invażiv.

1.4.3.

Għal miżuri operattivi għat-tnaqqis tal-istorbju, sa fejn dawk il-miżuri ma jirrestrinġux il-kapaċità ta’ ajruport:

(a)

użu ta’ runways preferenzjali;

(b)

użu ta’ rotot preferenzjali tal-istorbju;

(c)

użu ta’ proċeduri għat-tnaqqis tal-istorbju waqt it-take-off u l-avviċinament;

(d)

indikazzjoni sa fejn dawk il-miżuri jkunu regolati skont indikaturi ambjentali, kif imsemmi fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 691/2010.

1.4.4.

Għal restrizzjonijiet operattivi:

(a)

użu ta’ restrizzjonijiet globali, bħal limitu fuq il-movimenti jew kwoti tal-istorbju;

(b)

użu ta’ restrizzjonijiet speċifiċi għall-inġenji tal-ajru, bħall-irtirar ta’ inġenji tal-ajru marġinalment konformi;

(c)

użu ta’ restrizzjonijiet parzjali, fejn issir distinzjoni bejn miżuri matul il-jum u dawk matul il-lejl.

1.4.5.

L-istrumenti finanzjarji fis-seħħ, bħal imposti tal-ajruport relatati mal-istorbju.

2.   Previżjoni mingħajr miżuri ġodda

2.1.

Deskrizzjonijiet tal-iżviluppi fl-ajruporti, jekk ikun hemm, li diġà ġew approvati u ppjanat li jitwettqu, pereżempju, żieda fil-kapaċità, espansjoni tar-runways u/jew tat-terminals, previżjonijiet tal-inżul u tat-tluq, it-taħlita futura tat-traffiku pproġettata u t-tkabbir stmat u studju dettaljat dwar l-impatt tal-istorbju fuq iż-żona tal-madwar ikkaġunat mill-espansjoni tal-kapaċità, tar-runways jew tat-terminals, u mill-modifika tar-rotot tal-inżul u tat-tluq.

2.2.

Fil-każ tal-estensjoni tal-kapaċità tal-ajruporti, il-benefiċċji li jirriżultaw jekk dik il-kapaċità addizzjonali titqiegħed għad-dispożizzjoni fi ħdan in-netwerk usa’ tal-avjazzjoni u r-reġjun.

2.3.

Deskrizzjoni tal-effett fuq il-klima tal-istorbju mingħajr miżuri ulterjuri, u ta’ dawk il-miżuri diġà ppjanati għat-titjib tal-impatt tal-istorbju matul l-istess perijodu.

2.4.

Profili tal-istorbju mbassra - inkluża stima tal-għadd ta’ nies li x’ aktarx ikunu affettwati mill-istorbju tal-inġenji tal-ajru - li jagħmlu distinzjoni bejn iż-żoni residenzjali stabbiliti, iż-żoni residenzjali li jkunu għadhom kemm inbnew jew ġew ippjanati, u ż-żoni residenzjali futuri ppjanati li diġà ngħataw l-awtorizzazzjoni mingħand l-awtoritajiet kompetenti.

2.5.

Evalwazzjoni tal-konsegwenzi u l-ispejjeż possibbli talli ma titteħidx azzjoni sabiex jitnaqqas l-impatt ta’ żieda fl-istorbju, jekk tkun mistennija sseħħ.

3.   Valutazzjoni ta’ miżuri addizzjonali

3.1.

Deskrizzjoni tal-miżuri addizjonali disponibbli u indikazzjoni tar-raġunijiet ewlenin għall-għażla tagħhom. Deskrizzjoni ta’ dawk il-miżuri magħżula għal aktar analiżi u informazzjoni dwar l-eżitu tal-analiżi tal-kost-effettività, b’mod partikolari l-ispiża għall-introduzzjoni ta’ dawk il-miżuri; in-numru ta’ persuni li mistennija jibbenifikaw u l-iskeda ta’ żmien; u klassifikar tal-effettività ġenerali ta’ miżuri partikolari.

3.2.

Ħarsa ġenerali lejn l-effetti ambjentali u kompetittivi possibli tal-miżuri proposti fuq ajruporti oħra, operaturi u partijiet interessati oħra.

3.3.

Raġunijiet għall-għażla tal-alternattiva preferuta.

3.4.

Sommarju mhux tekniku.


ANNESS II

Valutazzjoni tal-kost-effettività ta’ restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju

Il-kost-effettività tar-restrizzjonijiet operattivi previsti relatati mal-istorbju ser tiġi vvalutati b’kont debitu tal-elementi li ġejjin, sa fejn hu possibbli, f’termini kwantifikabbli:

(1)

il-benefiċċju antiċipat marbut mal-istorbju tal-miżuri previsti, issa u fil-futur;

(2)

is-sikurezza tal-operazzjonijiet tal-avjazzjoni, inkluż ir-riskji għal partijiet terzi;

(3)

il-kapaċità tal-ajruport;

(4)

kwalunkwe effett fuq in-netwerk Ewropew tal-avjazzjoni.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu kont debitu tal-fatturi li ġejjin:

(1)

is-saħħa u s-sikurezza tar-residenti lokali li jgħixu fl-inħawi tal-ajruport;

(2)

is-sostenibbiltà ambjentali, inkluż interdipendenzi bejn l-istorbju u l-emissjonijiet;

(3)

kwalunkwe effett dirett, indirett jew katalittiku fuq l-impjiegi u ekonomiċi.


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva 2002/49/KE

Il-Kummissjoni qed tiddiskuti mal-Istati Membri l-Anness II għad-Direttiva 2002/49/KE (metodi ta' kalkolu tal-istorbju) bil-ħsieb li jiġi adottat fix-xhur li ġejjin.

Abbażi tax-xogħol li qed twettaq id-WHO attwalment dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet għas-saħħa tal-impatt tal-istorbju, il-Kummissjoni biħsiebha tirrevedi l-Anness III għad-Direttiva 2002/49/KE (stima tal-impatt fuq is-saħħa, kurvi ta' doża-rispons).