3.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/16


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 588/2014

tat-2 ta' Ġunju 2014

li jemenda l-Annessi III u IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livelli massimi ta' residwu għaż-żejt tal-larinġ, Phlebiopsis gigantea, l-aċidu Gibberelliku, Paecilomyces fumosoroseus razza FE 9901, il-vajrus tal-poliedrożi nukleari Spodoptera littoralis, il-vajrus tal-poliedrożi nukleari Spodoptera exigua, Bacillus firmus I-1582, l-aċidu s-abscisic, l-aċidu L-askorbiku u l-vajrus tal-poliedrożi nukleari Helicoverpa armigera fi jew fuq ċerti prodotti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Għall-aċidu gibberelliku, il-livelli massimi ta' residwu (l-MRLs) ġew stabbiliti fil-Parti A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 396/2005. Għal Phlebiopsis gigantea, Paecilomyces fumosoroseus razza Fe 9901, il-vajrus tal-poliedrożi nukleari Spodoptera littoralis, il-vajrus tal-poliedrożi nukleari Spodoptera exigua, Bacillus firmus I-1582, iż-żejt tal-larinġ, l-aċidu s-abscisic, l-aċidu L-askorbiku u l-vajrus tal-poliedrożi nukleari Helicoverpa armigera, l-ebda MRLs speċifiċi ma ġew stabbiliti u dawn is-sustanzi ma ġewx inklużi anqas fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005. Għalhekk japplika l-valur iffissat ta' 0,01 mg/kg stipulat fl-Artikolu 18(1)(b) ta' dak ir-Regolament.

(2)

Fir-rigward ta' Phlebiopsis gigantea  (2), Paecilomyces fumosoroseus razza FE 9901 (3), il-vajrus tal-poliedrożi nukleari Spodoptera littoralis  (4), il-vajrus tal-poliedrożi nukleari Spodoptera exigua  (5), Bacillus firmus I-1582 (6) u l-vajrus tal-poliedrożi nukleari Helicoverpa armigera  (7) l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, (l-Awtorità) ikkonkludiet li dawn is-sustanzi mhumiex patoġeniċi għall-bniedem u ma jeħtiġux valutazzjoni tar-riskju kwantitattiva għall-konsumatur. Fid-dawl ta' dik il-konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li l-inklużjoni ta' tali sustanzi fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 hija f'lokha.

(3)

Għaż-żejt tal-larinġ (8), l-Awtorità ma setgħetx tasal għal konklużjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskju tad-dieta għall-konsumaturi peress li xi informazzjoni ma kinitx disponibbli u kienet meħtieġa aktar attenzjoni mill-maniġers tar-riskji. Iż-żejt tal-larinġ jokkorri b'mod naturali fil-pjanti u jintuża bħala sustanza għat-togħma għall-mediċina u għall-ikel. Fid-dawl ta' dan jitqies xieraq li din is-sustanza tiġi inkluża temporanjament fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 sakemm titressaq l-opinjoni motivata tal-EFSA skont l-Artikolu 12(1).

(4)

Għall-aċidu gibberelliku (9), l-Awtorità ma setgħetx tasal għal konklużjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskju tad-dieta għall-konsumaturi peress li xi informazzjoni ma kinitx disponibbli u kienet meħtieġa aktar attenzjoni mill-maniġers tar-riskji. L-aċidu gibberelliku jokkorri b'mod naturali f'firxa wiesgħa ta' pjanti. L-Awtorità ma pproponietx MRLs għall-għeneb minħabba li r-residwi intwerew li huma taħt il-livell LOQ fil-kampjuni ttrattati u tal-kontroll, u minħabba li ma jkunx possibbli li ssir distinzjoni bejn gibberellini eżoġeni u dawk li jokkorru b'mod naturali. Fid-dawl ta' dawn ir-raġunijiet huwa meqjus xieraq li din is-sustanza tiġi inkluża temporanjament fl-Anness IV tar- Regolament (KE) Nru 396/2005 sakemm titressaq l-opinjoni motivata tal-EFSA skont l-Artikolu 12(1).

(5)

Għal aċidu s-abscisic (10), l-Awtorità ma setgħetx tasal għal konklużjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskju tad-dieta għall-konsumaturi peress li xi informazzjoni ma kinitx disponibbli u kienet meħtieġa aktar konsiderazzjoni mill-maniġers tar-riskji. L-aċidu s-abscisic jokkorri b'mod naturali fil-pjanti. Fid-dawl ta' dan jitqies xieraq li din is-sustanza tiġi inkluża temporanjament fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 sakemm titressaq l-opinjoni motivata tal-EFSA skont l-Artikolu 12(1).

(6)

Fir-rigward l-aċidu L-askorbiku, l-Awtorità kkonkludiet (11) li l-inklużjoni tagħha fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 hija xierqa.

(7)

Abbażi tal-opinjonijiet motivati tal-Awtorità u b'kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti tas-suġġett ikkunsidrat, il-modifiki mitluba għall-MRLs jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(1)   Fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 396/2005, titħassar il-kolonna għall-aċidu gibberelliku.

(2)   Fl-Anness IV, l-entrati: “żejt tal-larinġ (*)”, “Phlebiopsis gigante”, “aċidu gibberilliku (*)”, “Paecilomyces fumosoroseus razza FE 9901”, “vajrus tal-poliedrożi nukleari Spodoptera littoralis”, “vajrus tal-poliedrożi nukleari Spodoptera exigua”, “Bacillus firmus I-1582”, “aċidu s-abscisic (*)”, “aċidu L-askorbiku”, u “vajrus tal-poliedrożi nukleari Helicoverpa armige” jiżdiedu, f'ordni alfabetika.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1.

(2)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Il-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju għall-pestiċidi tas-sustanza attiva Phlebiopsis gigantea. EFSA Journal 2013; 11(1):3033. [31 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2013.3033.

(3)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Il-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju għall-pestiċidi tas-sustanza attiva Paecilomyces fumosoroseus razza FE 9901. EFSA Journal 2012; 10(9):2869. [26 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2012.2869.

(4)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Il-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju għall-pestiċidi tas-sustanza attiva vajrus tal-poliedrożi nukleari Spodoptera littoralis. EFSA Journal 2012; 10(9):2864. [33 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2012.2864.

(5)  Il-Bord tal-BIOHAZ tal-EFSA (il-Bord tal-EFSA dwar Perikli Bijoloġiċi), 2013. L-Opinjoni xjentifika dwar iż-żamma tal-lista ta' aġenti bijoloġiċi tal-QPS li jiġu miżjuda b'mod intenzjonali mal-ikel u l-għalf (aġġornament tal-2013). EFSA Journal 2013;11(11):3449 [108 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2013.3449.

(6)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Il-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju għall-pestiċidi tas-sustanza attiva Bacillus firmus I-1582. EFSA Journal 2012; 10(10):2868. [33 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2012.2868.

(7)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Il-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju għall-pestiċidi tas-sustanza attiva vajrus tal-poliedrożi nukleari Helicoverpa armigera. EFSA Journal 2012; 10(9):2865. [31 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2012.2865.

(8)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Il-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju għall-pestiċidi tas-sustanza attiva żejt tal-larinġ. EFSA Journal 2013; 11(2):3090. [55 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2013.3090.

(9)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Il-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju għall-pestiċidi tas-sustanza attiva aċidu gibberelliku. EFSA Journal 2012; 10(1):2507. [45 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2012.2507.

(10)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, 2013. Il-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju għall-pestiċidi tas-sustanza attiva aċidu S-abscisic. EFSA Journal 2013;11(8):3341, 78 pp. doi:10.2903/j.efsa.2013.3341.

(11)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Il-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju għall-pestiċidi tas-sustanza attiva aċidu L-askorbiku. EFSA Journal 2013; 11(4):3197. [54 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2013.3197.

(*)  Sustanzi temporanjament inklużi fl-Anness IV, sakemm issir il-valutazzjoni tagħhom skont id-Direttiva 91/414/KEE u sakemm titressaq l-opinjoni motivata tal-EFSA skont l-Artikolu 12 (1).