7.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 169/152


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 561/2014

tas-6 ta' Mejju 2014

li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ECSEL

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 187 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 188 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-isħubiji pubbliċi-privati fil-forma ta’ Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti għall-bidu kienu previsti fid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/971/KE (3) identifikat sħubiji pubbliċi-privati speċifiċi li għandhom jiġu appoġġati, inkluż sħubiji pubbliċi-privati fl-oqsma speċifiċi tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti tan-nanoelettronika (ENIAC) u tas-sistemi informatiċi integrati (ARTEMIS).

(3)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Ewropa 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (l-“Istrateġija Ewropa 2020”), approvata millParlament Ewropew u mill-Kunsill, tenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati kundizzjonijiet favorevoli għall-investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni sabiex jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv fl-Unjoni.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) stabbilixxa l-Orizzont 2020 - Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014 - 2020) (“Orizzont 2020”). L-Orizzont 2020 għandu l-għan li jikseb impatt akbar fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni billi jgħaqqad l-Orizzont 2020 u l-fondi mis-settur privat fi sħubiji pubbliċi-privati f’oqsma ewlenin fejn ir-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għall-għanijiet usa’ ta’ kompetittività tal-Unjoni, jistimolaw l-investiment privat u jgħinu fl-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà. Dawk is-sħubiji għandhom ikunu bbażati fuq impenn fit-tul, inkluża kontribuzzjoni bbilanċjata mill-imsieħba kollha, ikunu responsabbli għall-kisba tal-objettivi tagħhom u jkunu allinjati mal-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni dwar ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Il-governanza u l-funzjonament ta’ dawk is-sħubiji għandhom ikunu miftuħa, trasparenti, effettivi u effiċjenti u jagħtu l-opportunità li firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati attivi jipparteċipaw fl-oqsma speċifiċi tagħhom. Skont ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013, l-involviment tal-Unjoni f’dawn is-sħubiji jista’ jieħu s-sura ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-impriżi konġunti stabbiliti fuq il-bażi tal-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) skont id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE.

(5)

F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE (5) għandu jingħata aktar appoġġ lill-Impriżi Konġunti stabbiliti skont id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE bil-kondizzjonijiet speċifikati fid-Deċiżjoni 2013/743/UE. Il-prijorità tat-Tmexxija Industrijali tindirizza żewġ linji ta’ attività speċifiċi taħt it-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni: “mikro- u nanoelettronika”, u “ġenerazzjoni ġdida ta’ komponenti u sistemi, inġinerija ta’ komponenti u sistemi inkorporati avvanzati u intelliġenti” ARTEMIS u ENIAC għandhom jingħaqdu f’inizjattiva waħda.

(6)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ġunju 2012 intitolata “Strateġija Ewropea għat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ – Pont għat-tkabbir u l-impjiegi” tidentifika teknoloġiji abilitanti essenzjali, li jinkludu l-mikro u n-nanoelettronika, bħala sorsi indispensabbli tal-innovazzjoni. Bħalissa hemm lakuna bejn il-ġenerazzjoni tal-għarfien bażiku u l-kummerċjalizzazzjoni sussegwenti tiegħu f’oġġetti u servizzi. Din teħtieġ li tiġi indirizzata fost oħrajn permezz ta’ sforz iffukat fuq linji pilota ta’ manifattura u proġetti pilota tal-innovazzjoni, inkluż dawk fuq skala ikbar, biex tinkiseb validazzjoni tat-teknoloġija u tal-prodotti taħt kundizzjonijiet industrijali, u iktar integrazzjoni u ibridizzazzjoni bejn teknoloġiji abilitanti essenzjali varji.

(7)

Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Mejju 2013 intitolata “Strateġija Ewropea għall-komponenti u s-sistemi mikro u nanoelettroniċi”, il-komponenti u s-sistemi tal-mikroelettronika u n-nanoelettronika jirfdu l-innovazzjoni u l-kompetittività tas-setturi ekonomiċi ewlenin kollha. L-importanza tal-qasam u l-isfidi li għandhom quddiemhom il-partijiet interessati tal-Unjoni jeħtieġu azzjoni urġenti sabiex ma titħalla ebda ħolqa dgħajfa fil-katini tal-valur u l-innovazzjoni tal-Ewropa. Għaldaqstant qed jiġi propost li jitwaqqaf mekkaniżmu fil-livell tal-Unjoni biex l-appoġġ li jingħata jingħaqad u jiffoka fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni f’komponenti u sistemi elettroniċi mill-Istati Membri, l-Unjoni u s-settur privat.

(8)

Bil-ħsieb li terġa’ tinkiseb pożizzjoni minn ta’ quddiem fl-ekosistema tan-nanoelettronika għall-Ewropa, il-partijiet interessati industrijali u ta’ riċerka pproponew programm strateġiku ta’ riċerka u innovazzjoni b’investiment totali ta’ EUR 100 biljun għall-perjodu sas-sena 2020, bit-tir li jiżdied id-dħul tal-Ewropa min-nanoelettronika madwar id-dinja b’aktar minn EUR 200 biljun fis-sena u li jinħolqu 250 000 impjieg addizzjonali dirett u indott fl-Ewropa.

(9)

It-terminu “komponenti u sistemi elettroniċi” għandu jiġbor fih l-oqsma tal-mikro u n-nanoelettronika, u s-sistemi u l-applikazzjonijiet integrati inkorporati/ċiberfiżiċi u intelliġenti.

(10)

L-Impriża Konġunta ENIAC imwaqqfa bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008 (6) implimentat b’suċċess aġenda ta’ riċerka li ssaħħaħ l-oqsma rilevanti fin-nanoelettronika fejn l-Ewropa tejbet il-kompetittività tagħha bil-kisba tal-investimenti f’suġġetti ta’ prijorità u bl-impenn tal-ekosistema kollha.

(11)

L-Impriża Konġunta ARTEMIS imwaqqfa bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008 (7) uriet b’suċċess l-ippożizzjonar strateġiku tagħha li jgħaqqad flimkien il-gwida minn fuq għal isfel mad-definizzjoni minn isfel għal fuq tal-kwistjonijiet tekniċi li jridu jiġu indirizzati, filwaqt li jattira proġetti b’riżultati direttament rilevanti għall-industrija.

(12)

L-evalwazzjonijiet interim tal-Impriżi Konġunti ENIAC u ARTEMIS urew li huma għodod utli u adattati biex jgħaqqdu l-forzi u għandhom impatt sinifikanti fuq id-dominji rispettivi tagħhom. L-oqsma ta’ riċerka koperti mill-Impriżi Konġunti ENIAC u ARTEMIS għandhom, għalhekk, ikomplu jiġu appoġġati sabiex itejbu aktar il-kompetittività tal-industrija tal-komponenti u s-sistemi elettroniċi fl-Ewropa u jiffukaw l-isforzi fuq sett ta’ attivitajiet strateġiċi miftiehma b’mod komuni bejn il-partijiet interessati privati u pubbliċi involuti fl-inizjattivi.

(13)

L-appoġġ kontinwu għall-programmi ta’ riċerka fin-nanoelettronika u s-sistemi ta’ informatika inkorporata għandu jibni fuq l-esperjenza miksuba mill-operazzjonijiet tal-Impriżi Konġunti ENIAC u ARTEMIS, inklużi r-riżultati tal-evalwazzjonijiet interim tagħhom, ir-rakkomandazzjonijiet tal-partijiet interessati u l-bżonn li tinkiseb koordinazzjoni effettiva u sinerġija tar-riżorsi.

(14)

Hemm interazzjoni dejjem tiżdied bejn il-partijiet interessati tal-Pjattaformi tat-Teknoloġija Ewropej ARTEMIS, ENIAC u l-Pjattaforma Teknoloġika Ewropea dwar l-Integrazzjoni tas-Sistemi Intelliġenti (EPoSS), kif jidher fid-dettall fl-Aġenda Strateġika ta’ Livell Għoli għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Industriji tal-Komponenti u s-Sistemi ICT li ħarġu fl-2012. Biex jiġu sfruttati u żviluppati s-sinerġiji li ġejjin minn dawk l-interazzjonijiet, jeħtieġ li titwaqqaf Impriża Konġunta unika li tkopri l-komponenti u s-sistemi elettroniċi inklużi l-attivitajiet preċedenti tal-Impriżi Konġunti ENIAC u ARTEMIS u li tuża struttura u regoli aktar adatti għall-iskop sabiex titjieb l-effiċjenza u tkun żgurata s-semplifikazzjoni (l-“Impriża Konġunta ECSEL”). Għal dan l-għan, l-Impriża Konġunta ECSEL għandha tadotta regoli finanzjarji speċifiċi għall-ħtiġijiet tagħha skont l-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (8).

(15)

L-implimentazzjoni tal-aġenda Strateġika ta’ Livell Għoli għar-Riċerka u l-Innovazzjoni mressqa mill-partijiet interessati industrijali tiddependi minn diversi għejun ta’ appoġġ: programmi nazzjonali, reġjonali u intergovernattivi, il-Programm Qafas tal-Unjoni u Inizjattiva Teknoloġika Konġunta fl-għamla ta’ sħubija pubblika-privata.

(16)

Is-sħubija pubblika-privata dwar komponenti u sistemi elettroniċi għandha tgħaqqad il-mezzi tekniċi u finanzjarji li huma essenzjali għall-ħakma tal-kumplessità tal-pass dejjem aktar mgħaġġel tal-innovazzjoni f’dan il-qasam. Għalhekk, il-membri tal-Impriża Konġunta ECSEL għandhom ikunu l-Unjoni, l-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati fl-Orizzont 2020 (“Pajjiżi Assoċjati”) fuq bażi volontarja, u l-assoċjazzjonijiet bħala membri privati li jirrappreżentaw il-kumpaniji kostitwenti tagħhom u organizzazzjonijiet oħra attivi fil-qasam tal-komponenti u s-sistemi elettroniċi fl-Ewropa. L-Impriża Konġunta ECSEL għandha tkun miftuħa għal membri ġodda.

(17)

L-Impriża Konġunta ECSEL għandha tindirizza suġġetti ddefiniti b’mod ċar li jippermettu industriji Ewropej inġenerali jiddisinjaw, jimmanifatturaw u jużaw l-aktar teknoloġiji innovattivi fis-sistemi u l-komponenti elettroniċi. Jinħtieġ appoġġ finanzjarju fil-livell Ewropew li jkun strutturat u kkoordinat biex jgħin lit-timijiet tar-riċerka u l-industriji Ewropej jibqgħu fuq quddiem nett f’kuntest internazzjonali kompetittiv ħafna, biex jiżgura l-isfruttament industrijali fil-pront u mifrux tat-tmexxija teknoloġika madwar l-Ewropa li jiġġenera effetti konsegwenti importanti għas-soċjetà, biex jaqsam it-teħid tar-riskji u l-għaqda tal-forzi permezz ta’ allinjament tal-strateġiji u l-investimenti lejn interess Ewropew komuni. Wara notifika mill-Istat Membru jew grupp ta’ Stati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra l-inizjattivi tal-Impriża Konġunta ECSEL bħala li jikkwalifikaw bħala proġetti importanti ta’ interess komuni Ewropew, kemm-il darba jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha rilevanti.

(18)

L-assoċjazzjonijiet privati AENEAS, ARTEMISIA u EPoSS esprimew bil-miktub il-qbil tagħhom li l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni fil-qasam tal-Impriża Konġunta ECSEL iseħħu fi ħdan struttura adattata sew għan-natura ta’ sħubija pubblika-privata. Huwa xieraq li l-assoċjazzjonijiet privati jaċċettaw l-Istatuti stabbiliti fl-Anness għal dan ir-Regolament permezz ta’ ittra ta’ approvazzjoni.

(19)

Sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha, l-Impriża Konġunta ECSEL għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju l-aktar fil-forma ta’ għotjiet lill-parteċipanti wara sejħiet għal proposti miftuħa u kompetittivi. Dan l-appoġġ finanzjarju għandu jiġi indirizzat lejn nuqqasijiet tas-suq ippruvati li jimpedixxu l-iżvilupp tal-programm ikkonċernat u għandu jkollu effett ta’ inċentiv b’mod li jibdel l-aġir ta’ min jirċevih.

(20)

L-Impriża Konġunta ECSEL għandha topera b’mod miftuħ u trasparenti waqt li tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha fil-ħin lill-korpi adatti tagħha kif ukoll tippromwovi l-attivitajiet tagħha, inkluż attivitajiet ta’ informazzjoni u disseminazzjoni lill-pubbliku ġenerali. Ir-regoli ta’ proċedura tal-korpi tal-Impriża Konġunta ECSEL għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

(21)

Fil-valutazzjoni tal-impatt ġenerali tal-Impriża Konġunta ECSEL, għandu jittieħed kont tal-investimenti mill-entitajiet legali kollha għajr l-Unjoni u l-Istati Parteċipanti fl-Impriża Konġunta ECSEL (“Stati Parteċipanti ECSEL”) li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Impriża Konġunta ECSEL. Dawk l-investimenti mistennija li komplessivament jammontaw għal mill-inqas EUR 2 340 000 000.

(22)

Sabiex jinżammu kundizzjonijiet ekwi għall-impriżi kollha attivi fis-suq intern, il-finanzjament ipprovdut mill-Programm Qafas tal-Unjoni għandu jkun imfassal skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex tkun żgurata l-effettività tal-infiq pubbliku u jkunu evitati d-distorsjonijiet tas-suq bħall-iżgombrament tal-investiment privat, il-ħolqien ta’ strutturi tas-suq ineffettivi jew il-preservazzjoni ta’ ditti mhux effiċjenti.

(23)

Il-parteċipazzjoni f’azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-Impriża Konġunta ECSEL għandhom ikunu konformi mar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Barra minn hekk, l-Impriża Konġunta ECSEL għandha tiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ dawk ir-regoli abbażi ta’ miżuri rilevanti adottati mill-Kummissjoni. L-awtoritajiet rilevanti jistgħu jiddeterminaw kriterji speċifiċi dwar l-eliġibbiltà ta’ applikanti individwali sabiex jirċievu fondi mill-Istati Parteċipanti fl-ECSEL. Ir-regoli speċifiċi dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż jistgħu jiġu ddeterminati minn Stat Parteċipanti fl-ECSEL meta ma jkunx inkariga l-Impriża Konġunta ECSEL bl-implimentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tiegħu lill-parteċipanti f’azzjonijiet indiretti.

(24)

L-Impriża Konġunta ECSEL għandha tuża wkoll il-mezzi elettroniċi ġestiti mill-Kummissjoni sabiex jiġu żgurati l-ftuħ, it-trasparenza u l-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni fiha. Għalhekk, is-sejħiet għal proposti li tnedew mill-Impriża Konġunta ECSEL għandhom jiġu ppubblikati wkoll fuq il-portal waħdieni għall-parteċipanti kif ukoll b’mezzi elettroniċi oħra tad-disseminazzjoni tal-Orizzont 2020 ġestiti mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, data rilevanti fost l-oħrajn dwar proposti, applikanti, għotjiet u parteċipanti għandha tkun disponibbli mill-Impriża Konġunta ECSEL għall-inklużjoni fis-sistemi elettroniċi tar-rappurtar u d-disseminazzjoni fl-Orizzont 2020 ġestiti mill-Kummissjoni, f’format adatt u bil-perjodiċità li tikkorrispondi għall-obbligi tar-rappurtar tal-Kummissjoni.

(25)

L-Impriża Konġunta ECSEL għandha tieħu kont tad-definizzjonijiet tal-OECD rigward il-Livell ta’ Tħejjija Teknoloġika fil-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ riċerka teknoloġika, żvilupp ta’ prodotti u dimostrazzjoni.

(26)

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tkun ġestita skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja soda u r-regoli rilevanti dwar il-ġestjoni indiretta stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (10).

(27)

Għall-fini ta’ simplifikazzjoni, il-piż amministrattiv għandu jitnaqqas għall-partijiet kollha. Awditi doppji u ammonti ta’ dokumentazzjoni u rappurtar sproporzjonati għandhom jiġu evitati. L-awditi ta’ riċevituri tal-fondi tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandhom isiru f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1291/2013.

(28)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-membri l-oħra tal-Impriża Konġunta ECSEL għandhom ikunu protetti b’miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu ta’ nfiq, inkluż il-prevenzjoni, l-iskoperta u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa ħażin jew użati b’mod mhux korrett u, fejn xieraq, pieni amministrattivi u finanzjarji skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(29)

L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jeżerċita l-istess poteri fuq l-Impriża Konġunta ECSEL bħal dawk eżerċitati fir-rigward tal-Kummissjoni.

(30)

Fid-dawl tan-natura speċifika u l-istatus attwali tal-Impriżi Konġunti, u biex tiġi żgurata l-kontinwità mas-Seba’ Programm Qafas, l-impriżi konġunti għandhom jibqgħu jkunu soġġetti għal kwittanza separata. B’deroga mill-Artikoli 60(7) u 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ECSEL għandha għalhekk tingħata mill-Parlament Ewropew fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Għalhekk, ir-rekwiżiti ta’ rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 m’għandhomx japplikaw għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta ECSEL iżda għandhom ikunu allinjati kemm jista’ jkun ma’ dawk previsti għall-korpi taħt l-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. L-awditjar tal-kontijiet u tal-legalità u r-regolarità tat-transazzjonijiet sottostanti għandu jitwettaq mill-Qorti tal-Awdituri.

(31)

L-Orizzont 2020 għandu jikkontribwixxi għall-għeluq tal-qasma fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-Unjoni permezz tal-promozzjoni tas-sinerġiji mal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (ESIF). Għalhekk l-Impriża Konġunta ECSEL għandha tipprova tiżviluppa interazzjonijiet mill-qrib mal-ESIF, li speċifikament jistgħu jgħinu biex isaħħu kapaċitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni lokali, reġjonali u nazzjonali fil-qasam tal-Impriża Konġunta ECSEL u jirfdu l-isforzi ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti.

(32)

L-Impriżi Konġunti ENIAC u ARTEMIS ġew stabbiliti għal perijodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2017. L-Impriża Konġunta ECSEL għandha tipprovdi appoġġ kontinwat lill-programmi ta’ riċerka fin-nanoelettronika u s-sistemi tal-informatika inkorporata bl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li fadal mibdija taħt ir-Regolamenti (KE) Nru 72/2008 u (KE) Nru 74/2008 f’konformità ma’ dawk ir-Regolamenti. It-transizzjoni mill-Impriżi Konġunti ENIAC u ARTEMIS għall-Impriża Konġunta ECSEL għandha tkun allinjata u sinkronizzata mat-transizzjoni mis-Seba’ Programm Qafas għall-Orizzont 2020 biex ikun żgurat l-aħjar użu tal-finanzjament disponibbli għar-riċerka. Fl-interess taċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008 u (KE) Nru 74/2008, għandhom, għalhekk jitħassru u għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet tranżitorji.

(33)

Minħabba li l-għan tal-Orizzont 2020 hu li jikseb aktar simplifikazzjoni u koerenza, is-sejħiet kollha għal proposti taħt l-Impriża Konġunta ECSEL għandhom iqisu t-tul ta’ żmien tal-Programm Qafas Orizzont 2020.

(34)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-tisħiħ tar-riċerka industrijali u l-innovazzjoni madwar l-Unjoni permezz tal-implimentazzjoni, mill-Impriża Konġunta ECSEL, tal-Inizjattiva Konġunta Teknoloġika dwar “Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea”, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda għaldaqstant, jista’ billi tiġi evitata d-duplikazzjoni bla bżonn, tinżamm il-massa kritika u jiġi żgurat li l-finanzi pubbliċi jintużaw bl-aħjar mod possibbli, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipult f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament jillimita lilu nnifsu għal dak li hu meħtieġ biex biex jinkiseb dak l-objettiv,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Stabbiliment

1.   Sabiex tiġi implimentata l-Inizjattiva Konġunta Teknoloġika dwar il-“Komponenti u s-Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea”, għandha tiġi stabbilita impriża konġunta fis-sens tal-Artikolu 187 TFUE (l-“Impriża Konġunta ECSEL”) għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024. Sabiex jittieħed kont tat-tul ta’ żmien tal-Orizzont 2020, is-sejħiet għal proposti taħt l-Impriża Konġunta ECSEL għandhom jitnedew sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020. F’każijiet debitament iġġustifikati, is-sejħiet għal proposti jistgħu jitnedew sal-31 ta’ Diċembru 2021.

2.   L-Impriża Konġunta ECSEL għandha tissostitwixxi u tkun is-suċċessur għall-Impriżi Konġunti ENIAC u ARTEMIS, stabbiliti permezz tar-Regolamenti (KE) Nru 72/2008 u (KE) Nru 74/2008.

3.   L-Impriża Konġunta ECSEL għandha tkun korp fdat bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

4.   L-Impriża Konġunta ECSEL għandu jkollha personalità legali. Fl-Istati Membri kollha, għandha tgawdi l-kapaċità legali l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi skont il-liġijiet ta’ dawk l-Istati Membri. Tista’, b’mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tista’ tkun parti fi proċedimenti legali.

5.   Is-sede tal-Impriża Konġunta ECSEL għandha tkun fi Brussell, il-Belġju.

6.   L-Istatuti tal-Impriża Konġunta ECSEL(“l-Istatuti”) huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Għanijiet u kamp ta’ applikazzjoni

1.   L-Impriża Konġunta ECSEL għandu jkollha l-għanijiet li ġejjin:

(a)

li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 u b’mod partikolari l-parti II tad-Deċiżjoni 2013/743/UE;

(b)

li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ industrija ta’ komponenti u sistemi elettroniċi b’saħħithom u kompetittivi globalment fl-Unjoni;

(c)

li tiżgura d-disponibbiltà ta’ komponenti u sistemi elettroniċi għas-swieq ewlenin u għall-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà, sabiex l-Ewropa tinżamm fuq quddiem nett tal-iżvilupp tat-teknoloġija, jingħalaq id-distakk bejn ir-riċerka u l-isfruttament tal-innovazzjoni, jissaħħu l-kapaċitajiet tal-innovazzjoni u jinħoloq tkabbir ekonomiku u fl-impjiegi fl-Unjoni;

(d)

li tallinja l-istrateġiji mal-Istati Membri biex jattiraw l-investiment privat u biex jikkontribwixxu għall-effettività tal-appoġġ pubbliku billi tkun evitata d-duplikazzjoni inutli u l-frammentazzjoni tal-isforzi, u billi tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ atturi involuti fir-riċerka u l-innovazzjoni;

(e)

li tinżamm u tikber il-kapaċità tal-manifattura tas-semikondutturi u tas-sistemi intelliġenti fl-Ewropa, inkluż pożizzjoni fuq quddiem nett fit-tagħmir tal-manifattura u l-ipproċessar tal-materjali;

(f)

li tiżgura u ssaħħaħ pożizzjoni ta’ kmand fit-tfassil u l-inġinerija tas-sistemi inkluż it-teknoloġiji inkorporati;

(g)

li tipprovdi aċċess għall-partijiet interessati kollha għal infrastruttura ta’ klassi dinjija tat-tfassil u l-manifattura ta’ komponenti elettroniċi u sistemi inkorporati/ċiberfiżiċi u intelliġenti; u

(h)

li tiżviluppa ekosistema dinamika li tinvolvi l-Impriżi Żgħar u Medji (SMEs), u b’hekk issaħħaħ raggruppamenti eżistenti u trawwem il-ħolqien ta’ raggruppamenti ġodda f’oqsma promettenti ġodda.

2.   L-ambitu tal-ħidma għall-Impriża Konġunta ECSEL għandu jibni fuq ir-riżultati miksuba mill-Impriżi Konġunti ENIAC u ARTEMIS, mill-Pjattaforma Teknoloġika Ewropea EPoSS u mill-ħidma ffinanzjata permezz ta’ programmi nazzjonali u Ewropej oħra. Hija se trawwem, b’mod xieraq u bbilanċjat, żviluppi ġodda u sinerġiji fost l-oqsma ewlenin li ġejjin:

(a)

teknoloġiji tad-disinn, proċess u integrazzjoni, tagħmir, materjali u manifattura għall-mikro u n-nanoelettronika filwaqt li timira lejn il-minjaturizzazzjoni, id-diversifikazzjoni u d-differenzjazzjoni, integrazzjoni eteroġenea;

(b)

proċessi, metodi, għodod u pjattaformi, disinji ta’ referenza u arkitettura, għal softwer u/jew sistemi inkorporati/ċiberfiżiċi intensi fil-kontroll, l-indirizzar ta’ konnettività u interoperabbiltà mingħajr diskontinwità, is-sikurezza funzjonali, disponibbiltà għolja, u s-sigurtà għal applikazzjonijiet professjonali u għall-pubbliku ġenerali, u servizzi konnessi; u

(c)

approċċi multidixxiplinarji għal sistemi intelliġenti, appoġġati minn żviluppi fid-disinn ħolistiku u l-manifattura avvanzata biex jiġu attwati sistemi intelliġenti indipendenti u adattabbli li jkollhom interfaċċi sofistikati u li joffru funzjonalitajiet kumplessi bbażati fuq pereżempju, l-integrazzjoni mingħajr diskontinwità ta’ detezzjoni, attwazzjoni, ipproċessar, provvista tal-enerġija u netwerking.

Artikolu 3

Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lill-Impriża Konġunta ECSEL, inklużi l-approprjazzjonijiet EFTA, biex tkopri l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż operazzjonali mma għandhiex tkun iktar minn EUR 1 184 874 000. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha titħallas mill-approprjazzjonijiet fil-baġit ġenerali tal-Unjoni allokati lill-Programm Speċifiku, li jimplimenta l-Orizzont 2020 (2014-2020), stabbilit bid-Deċiżjoni 2013/743/UE. L-implimentazzjoni tal-baġit fir-rigward tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi fdata lill-Impriża Konġunta ECSEL li taġixxi bħala korp imsemmi fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 skont il-punt (c)(iv) tal-Artikolu 58(1), l-Artikoli 60 u 61 ta’ dak ir-Regolament.

2.   L-arranġamenti għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim ta’ delega u ftehimiet ta’ trasferiment ta’ fondi annwali li jridu jintlaħqu bejn il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, u l-Impriża Konġunta ECSEL.

3.   Il-ftehim ta’ delega msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jindirizza l-elementi stabbiliti fl-Artikolu 58(3) u l-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u fl-Artikolu 40 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1268/2012 kif ukoll fost oħrajn dawn li ġejjin:

(a)

ir-rekwiżiti għall-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta ECSEL rigward l-indikaturi tal-prestazzjoni rilevanti msemmijin fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2013/743/UE;

(b)

ir-rekwiżiti għall-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta ECSEL fid-dawl tal-monitoraġġ imsemmi fl-Anness III għad-Deċiżjoni 2013/743/UE;

(c)

l-indikaturi tal-prestazzjoni speċifiċi relatati mat-tħaddim tal-Impriża Konġunta ECSEL;

(d)

l-arranġamenti rigward il-forniment ta’ data neċessarja biex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tista’ tilħaq l-obbligi tagħha ta’ disseminazzjoni u rappurtar kif imsemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013; inkluż fuq il-portal waħdieni għall-parteċipanti kif ukoll permezz ta’ mezzi elettroniċi ta’ disseminazzjoni oħrajn tal-Orizzont 2020 ġestiti mill-Kummissjoni;

(e)

dispożizzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta’ sejħiet għal proposti tal-Impriża Konġunta ECSEL anke fuq il-portal waħdieni għall-parteċipanti kif ukoll permezz ta’ mezzi elettroniċi ta’ disseminazzjoni oħrajn tal-Orizzont 2020 ġestiti mill-Kummissjoni;

(f)

l-użu ta’ riżorsi umani u l-bidliet li jsirulhom, b’mod partikolari r-reklutaġġ skont il-grupp ta’ funzjoni, grad u kategorija, l-eżerċizzju tal-klassifikazzjoni mill-ġdid u kwalunkwe tibdil fl-għadd tal-membri tal-persunal.

Artikolu 4

Kontribuzzjonijiet ta’ membri għajr l-Unjoni

1.   L-Istati Parteċipanti fl-ECSEL għandhom jagħmlu kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż operazzjoni tal-Impriża Konġunta ECSEL li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Hu previst l-ammont ta’ mill-inqas EUR 1 170 000 000 għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 1.

2.   Il-membri privati tal-Impriża Konġunta ECSEL għandhom jagħmlu jew jieħdu ħsieb li l-entitajiet kostitwenti u l-entitajiet affiljati tagħhom jagħmlu kontribuzzjonijiet lill-Impriża Konġunta ECSEL. Hu previst l-ammont ta’ mill-inqas EUR 1 657 500 000 għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 1.EUR

3.   Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkonsistu f’kontribuzzjonijiet lill-Impriża Konġunta ECSEL stipulati fl-Artikolu 16(2), punt (b) tal-Artikolu 16(3) u l-punt (c) tal-Artikolu 16(3) tal-Istatuti.

4.   Il-Membri tal-Impriża Konġunta ECSEL minbarra l-Unjoni għandhom jirrappurtaw sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena lill-Bord tat-Tmexxija fuq il-valur tal-kontribuzzjonijiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 1 u 2 li jkunu saru f’kull waħda mis-snin finanzjarji preċedenti.

5.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 16(3) tal-Istatuti, l-ispejjeż għandhom ikunu determinati skont il-prattiki normali tal-kontabbiltà tal-ispejjeż tal-entitajiet ikkonċernati, l-istandards tal-kontabbiltà tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-entità, jew -Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà u l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju applikabbli. L-ispejjeż għandhom ikunu ċċertifikati minn awditur estern indipendenti maħtur mill-entità kkonċernata. Il-metodu tal-valutazzjoni jista’ jiġi vverifikat mill-Impriża Konġunta ECSEL, jekk ikun hemm xi inċertezza li toħroġ miċ-ċertifikazzjoni. F’każ li jifdal xi inċertezzi, jista’ jiġi awditjat mill-Impriża Konġunta ECSEL.

6.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq azzjonijiet ta’ rimedju u possibbilment iġġib fi tmiem, tnaqqas proporzjonalment jew tissospendi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lill-Impriża Konġunta ECSEL jew tagħti bidu għall-proċedura tal-istralċ imsemmija fl-Artikolu 26(2) tal-Istatuti jekk membri għajr l-Unjoni, inklużi l-entitajiet kostitwenti u entitajiet affiljati tagħhom, ma jikkontribwixxux, jikkontribwixxu parzjalment biss jew jikkontribwixxu tard fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 5

Regoli finanzjarji

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament, l-Impriża Konġunta ECSEL għandha tadotta r-regoli finanzjarji speċifiċi tagħha skont l-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 (11).

Artikolu 6

Persunal

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (12) (“Regolamenti tal-Persunal” u “Kundizzjonjiet ta’ Impjieg”) u r-regoli adottati b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jiġu applikati r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijet ta’ Impjieg għall-persunal tal-Impriża Konġunta ECSEL.

2.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-Impriża Konġunta ECSEL, il-poteri mogħtija bir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità li Taħtar u bil-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg lill-Awtorità li għandha l-poter li tikkonkludi kuntratti (“is-setgħat tal-awtorità li taħtar”).

Il-Bord ta’ Tmexxija għandu, skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, jadotta deċiżjoni, abbażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 6 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg, filwaqt li jiddelega s-setgħat tal-awtorità rilevanti li taħtar lid-Direttur Eżekuttiv u jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li jwasslu sabiex din id-delega tkun tista’ tiġi sospiża. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat jissottodelega dawk is-setgħat.

Fejn ikunu meħtieġa ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Bord ta’ Tmexxija jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jissospendi temporanjament id-delega tal-poteri tal-awtorità li taħtar lid-Direttur Eżekuttiv u kwalunkwe sottodelegazzjoni sussegwenti ta’ dawk il-poteri minn dan tal-aħħar. F’tali każijiet il-Bord ta’ Tmexxija għandu jeżerċita l-poteri ta’ awtorità li tawtorizza huwa stess jew għandu jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal tal-Impriża Konġunta ECSEL barra mid-Direttur Eżekuttiv.

3.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta regoli ta’ implimentazzjoni adatti li jagħtu effett lir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg, b’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

4.   Ir-riżorsi tal-persunal għandhom jiġu stabbiliti fit-tabella tal-persunal tal-Impriża Konġunta ECSEL, bl-indikazzjoni tal-għadd ta’ postijiet temporanji skont il-grupp ta’ funzjoni u l-grad, kif ukoll skont l-għadd ta’ persunal kuntrattwali espress fl-ekwivalenti tagħhom full-time, konformi mal-baġit annwali tagħha.

5.   Il-persunal tal-Impriża Konġunta ECSEL għandu jikkonsisti minn aġenti temporanji u persunal kuntrattwali.

6.   L-ispejjeż kollha relatati mal-persunal għandhom jiġġarrbu mill-Impriża Konġunta ECSEL.

Artikolu 7

Esperti nazzjonali ssekondati u apprendisti

1.   L-Impriża Konġunta ECSEL tista’ tagħmel użu minn esperti nazzjonali ssekondati u apprendisti mhux impjegati mill-Impriża Konġunta ECSEL. L-għadd ta’ esperti nazzjonali ssekondati espress fl-ekwivalenti tagħhom full-time għandu jiżdied mal-informazzjoni dwar ir-riżorsi tal-persunal kif imsemmija fl-Artikolu 6(4) b’konformità mal-baġit annwali.

2.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi regoli dwar l-issekondar ta’ esperti nazzjonali lill-Impriża Konġunta ECSEL u dwar l-użu ta’ apprendisti.

Artikolu 8

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE għandu japplika għall-Impriża Konġunta ECSEL u l-persunal tagħha.

Artikolu 9

Responsabbiltà tal-Impriża Konġunta ECSEL

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Impriża Konġunta ECSEL għandha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti u mil-liġi applikabbli għall-ftehim, id-deċiżjoni jew il-kuntratt ikkonċernat.

2.   Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Impriża Konġunta ECSEL għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkawżat mill-persunal tagħha fil-qadi ta’ dmirijiethom.

3.   Kwalunkwe pagament mill-Impriża Konġunta ECSEL fir-rigward tar-responsabbiltà msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u l-ispejjeż u l-infiq mġarrba b’rabta ma’ dan għandhom jitqiesu bħala nefqa tal-Impriża Konġunta ECSEL u għandhom jiġu koperti mir-riżorsi tagħha.

4.   L-Impriża Konġunta ECSEL għandha tkun unikament responsabbli għall-ilħuq tal-obbligi tagħha.

Artikolu 10

Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-liġi applikabbli

1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni:

(a)

fir-rigward ta’ kull klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fil-ftehimiet u kuntratti konklużi mill-Impriża Konġunta ECSEL, jew fid-deċiżjonijiet tagħha;

(b)

f’tilwim relatat ma’ kumpens għal dannu kkawżat mill-persunal tal-Impriża Konġunta ECSEL fit-twettiq ta’ dmirijietu;

(c)

fi kwalunkwe tilwima bejn l-Impriża Konġunta ECSEL u l-persunal tagħha fil-limiti u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg.

2.   Fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni li tinvolvi Pajjiż Assoċjat, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-ftehimiet rilevanti.

3.   Fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni mhux koperta minn dan ir-Regolament jew minn atti legali oħra tal-Unjoni, għandha tapplika l-liġi tal-Istat ta’ fejn tinsab is-sede tal-Impriża Konġunta ECSEL.

Artikolu 11

Evalwazzjoni

1.   Sat-30 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni għandha twettaq, bl-għajnuna ta’ esperti indipendenti, evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta ECSEL, li għandha tivvaluta b’mod partikolari l-livell ta’ parteċipazzjoni fi, u l-kontribuzzjonijiet lil, l-azzjonijiet indiretti kemm mill-membri privati kif ukoll mill-entitajiet kostitwenti u l-entitajiet affiljati tagħhom, u wkoll minn entitajiet legali oħra. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar dik l-evalwazzjoni li tinkludi konklużjonijiet tal-evalwazzjoni u l-osservazzjonijiet mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2017. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta ECSEL għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni fid-dettall u fl-evalwazzjoni interim imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013.

2.   Abbażi tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni interim imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ taġixxi skont l-Artikolu 4(6) jew tieħu kwalunkwe azzjoni xierqa.

3.   Fi żmien sitt xhur mill-istralċ tal-Impriża Konġunta ECSEL, iżda sa mhux aktar tard minn sentejn wara l-bidu tal-proċedura tal-istralċ imsemmija fl-Artikolu 26 tal-Istatuti, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali tal-Impriża Konġunta ECSEL. Ir-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni finali għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 12

Kwittanza

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 60(7) u l-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ECSEL għandha tingħata mill-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’konformità mal-proċedura prevista fir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta ECSEL.

Artikolu 13

Awditi ex-post

1.   L-Impriża Konġunta ECSEL għandha twettaq awditi ex-post tal-infiq fuq azzjonijiet indiretti skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 bħala parti mill-azzjonijiet indiretti tal-Orizzont 2020.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li twettaq hija stess l-awditi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. F’tali każijiet, għandha tagħmel dan f’konformità mar-regoli applikabbli, b’mod partikolari r-Regolamenti (UE, Euratom) Nru 966/2012 (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013.

Artikolu 14

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   L-Impriża Konġunta ECSEL għandha tagħti aċċess lill-persunal tal-Kummissjoni u lil persuni oħra awtorizzati mill-Impriża Konġunta ECSEL jew mill-Kummissjoni, kif ukoll mill-Qorti tal-Awdituri, għas-siti u l-bini tagħha u għall-informazzjoni kollha, inkluża informazzjoni f’format elettroniku, meħtieġa biex iwettqu l-awditi tagħhom.

2.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inkluż verifiki fuq il-post u spezzjonijiet, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (13) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew xi attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fir-rigward ta’ ftehim, deċiżjoni jew kuntratt iffinanzjat skont dan ir-Regolament.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, il-ftehimiet, deċiżjonijiet u kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li espressament jagħtu l-poter lill-Kummissjoni, lill-Impriża Konġunta ECSEL, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu dawn l-awditi u l-investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

4.   L-Impriża Konġunta ECSEL għandha tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-membri tagħha jitħarsu b’mod xieraq billi twettaq jew tqabbad lil min iwettaq kontrolli interni u esterni xierqa.

5.   L-Impriża Konġunta ECSEL għandha tissieħeb fil-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fir-rigward ta’ investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (15). L-Impriża Konġunta ECSEL għandha tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex tiffaċilita l-investigazzjonijiet interni mmexxija minn OLAF.

Artikolu 15

Kunfidenzjalità

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16, l-Impriża Konġunta ECSEL għandha tiżgura l-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva li l-iżvelar tagħha jista’ jagħmel ħsara lill-interessi tal-membri tagħha jew tal-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Impriża Konġunta ECSEL.

Artikolu 16

Trasparenza

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) għandu japplika għal dokumenti miżmuma mill-Impriża Konġunta ECSEL.

2.   Il-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta ECSEL jista’ jadotta l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

3.   Mingħajr preħudizzju għall-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, deċiżjonijiet meħuda mill-Impriża Konġunta ECSEL skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta’ lment lill-Ombudsman skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 228 TFUE.

Artikolu 17

Regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni

1.   Ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 għandu japplika għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Impriża Konġunta ECSEL. F’konformità ma’ dak ir-Regolament, l-Impriża Konġunta ECSEL għandha titqies bħala korp li jiffinanzja u għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-azzjonijiet indiretti kif stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu (1) tal-Istatuti.

2.   L-awtoritajiet ta’ finanzjament rilevanti jistgħu jiddeterminaw kriterji speċifiċi dwar l-eliġibbiltà ta’ applikanti individwali sabiex jirċievu fondi mill-Istati Parteċipanti fl-ECSEL. Dawk il-kriterji jistgħu jkopru, fost oħrajn, it-tip ta’ applikant, inkluż l-istatus legali u l-fini, il-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà u l-fattibbiltà, inkluż is-solidità finanzjarja, u t-twettiq tal-obbligi fiskali u soċjali.

3.   Meta Stat Parteċipanti fl-ECSEL ma jinkarigax lill-Impriża Konġunta ECSEL bl-implimentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tiegħu lill-parteċipanti f’azzjonijiet indiretti permezz tal-ftehimiet ta’ għotja mal-parteċipanti konklużi mill-Impriża Konġunta ECSEL, jista’ jiddetermina regoli speċifiċi dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż għall-finanzjament tal-parteċipanti.

4.   Il-kriterji speċifiċi u r-regoli msemmija f’dan l-Artikolu għandhom ikunu inklużi fil-pjan ta’ ħidma.

Artikolu 18

Appoġġ mill-Istat ospitanti

Jista’ jiġi konkluż ftehim amministrattiv bejn l-Impriża Konġunta ECSEL u l-Istat tas-sede tagħha fir-rigward tal-privileġġi u l-immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jiġi pprovdut minn dak l-Istat lill-Impriża Konġunta ECSEL.

Artikolu 19

Revoka u dispożizzjonijiet transizzjonali

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 72/2008 u r-Regolament (KE) Nru 74/2008 huma b’dan revokati.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-azzjonijiet mibdija skont ir-Regolamenti (KE) Nru 72/2008 u (KE) Nru 74/2008 inklużi pjanijiet ta’ implimentazzjoni annwali adottati skont dawk ir-Regolamenti għandhom ikomplu jiġu regolati skont dawk ir-Regolamenti sat-tlestija tagħhom.

3.   Barra mill-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament, il-kontribuzzjonijiet li ġejjin għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta ECSEL għandhom jitħallsu tul il-perijodu 2014-2017 biex jitlestew l-azzjonijiet imnedija skont ir-Regolamenti (KE) Nru 72/2008 u (KE) Nru 74/2008:

(a)

EUR 2 050 000 mill-Unjoni;

(b)

EUR 1 430 000 mill-assoċjazzjoni AENEAS;

(c)

EUR 975 000 mill-assoċjazzjoni ARTEMISIA.

L-evalwazzjoni interim imsemmija fl-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-Regolament għandha tinkludi evalwazzjoni finali tal-Impriżi Konġunti ENIAC u ARTEMIS skont ir-Regolamenti (KE) Nru 72/2008 u (KE) Nru 74/2008.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv maħtur abbażi tar-Regolament (KE) Nru 72/2008, għall-perijodu tal-mandat li jifdal, għandu jingħata l-funzjonijiet tad-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta ECSEL kif stipulat f’dan ir-Regolament b’effett ms-27 ta' Ġunju 2014. Il-kundizzjonijiet l-oħra tal-kuntratt tad-Direttur Eżekuttiv għandhom jibqgħu kif kienu.

5.   Jekk id-Direttur Eżekuttiv maħtur skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu kien jinsab fl-ewwel mandat tiegħu/tagħha, għandu jiġi/tiġi maħtur/a għall-bqija ta’ dak il-mandat bil-possibbiltà li dan jiġi estiż sa erba’ snin f’konformità mal-Artikolu 8(4) tal-Istatuti. Jekk id-Direttur Eżekuttiv maħtur skont il-paragrafu 4 jinsab fit-tieni mandat tiegħu/tagħha, dak il-mandat ma jistax jiġi estiż. Id-Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma jistax jipparteċipa fi proċedura oħra tal-għażla għall-istess kariga fit-tmiem tal-perijodu globali tal-mandat tiegħu/tagħha.

6.   Il-kuntratt tal-impjieg tad-Direttur Eżekuttiv maħtur abbażi tar-Regolament (KE) Nru 74/2008 għandu jiġi mitmum qabel is-27 ta’ Ġunju 2014.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 u 5, dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal reklutat skont ir-Regolamenti (KE) Nru 72/2008 u (KE) Nru 74/2008. Il-kuntratti tagħhom jistgħu jiġġeddu skont dan ir-Regolament bi qbil mar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg u f’konformità mal-limitazzjonijiet baġitarji tal-Impriża Konġunta ECSEL.

8.   Id-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta ECSEL għandu jlaqqa’ l-ewwel laqgħa tal-Bord ta’ Tmexxija u tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi.

9.   Sakemm ma jkunx hemm ftehim mod ieħor bejn il-membri tal-Impriża Konġunta ENIAC u tal-Impriża Konġunta ARTEMIS skont ir-Regolamenti (KE) Nru 72/2008 u (KE) Nru 74/2008, id-drittijiet u l-obbligi kollha, inklużi assi, dejn jew responsabbiltajiet tal-membri tal-Impriżi Konġunti skont dawk ir-Regolamenti għandhom jiġu ttrasferiti lill-membri tal-Impriżi Konġunti ECSEL skont dan ir-Regolament.

10.   Kwalunkwe approprjazzjonijiet mhux użati skont ir-Regolamenti (KE) Nru 72/2008 u (KE) Nru 74/2008 għandhom jiġu trasferiti lill-Impriża Konġunta ECSEL. Kull ammont dovut mill-Assoċjazzjoni AENEAS u l-Assoċjazzjoni ARTEMISIA għall-approprjazzjonijiet amministrattivi tal-Impriżi Konġunti ENIAC u ARTEMIS matul il-perijodu 2008-2013 għandu jiġi ttrasferit lill-Impriża Konġunta ECSEL skont l-arranġamenti li jridu jiġu miftiehma mal-Kummissjoni.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

G. STOURNARAS


(1)  Opinjoni tal-10 ta’ Diċembru 2013 [għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali].

(2)  Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/971/KE tad-19 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni” li jimplimenta s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea dwar ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 86).

(4)  Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 stabbilixxa l-Impriża Konğunta ENIAC (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 21).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 dwar it-twaqqif tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għall-implimentazzjoni ta’ Inizjattiva Teknoloġika Konġunta f’Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter [Sistemi ta’ Informatika Inkorporata] (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 52).

(8)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(9)  Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni f’“Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81).

(10)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(11)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta’ sħubija pubblika-privata imsemmija fl- Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2).

(12)  Regolament (KEE, Euratom, KEFA) nru 259/68 tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 1968 li jistipula ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tax-Xogħol għal impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej u jistabbilixxi miżuri speċjali temporanjament applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(13)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(14)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal- Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(15)   ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

(16)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


ANNESS

STATUTI TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA ECSEL

Artikolu 1

Kompiti

L-Impriża Konġunta ECSEL għandha twettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)

tappoġġa finanzjarjament l-azzjonijiet indiretti tar-riċerka u l-innovazzjoni, l-aktar fil-forma ta’ għotjiet;

(b)

tiżgura l-ġestjoni sostenibbli tal-Impriża Konġunta ECSEL;

(c)

tiżviluppa kooperazzjoni mill-qrib u tiżgura koordinazzjoni ma’ attivitajiet nazzjonali u transnazzjonali, u korpi u partijiet interessati Ewropej (b’mod partikolari Orizzont 2020), bil-għan li trawwem ambjent fertili ta’ innovazzjoni fl-Ewropa, li joħloq sinerġiji u jtejjeb l-isfruttament tar-riżultati ta’ riċerka u innovazzjoni fil-qasam tas-sistemi u komponenti elettroniċi;

(d)

tiddefinixxi u tagħmel kull aġġustament meħtieġ għall-pjan strateġiku pluriennali;

(e)

tfassal u timplimenta kull aġġustament meħtieġ għat-twettiq tal-pjan strateġiku pluriennali;

(f)

tagħti bidu għal sejħiet għal proposti, tevalwa il-proposti, u tagħti fondi lil azzjonijiet indiretti permezz ta’ proċeduri miftuħa u trasparenti ġewwa l-limiti tal-fondi disponibbli;

(g)

tippubblika informazzjoni dwar l-azzjonijiet indiretti;

(h)

tissorvelja l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet indiretti u tieħu ħsieb il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet dwar l-għotja;

(i)

tissorvelja l-progress ġenerali lejn l-ilħuq tal-objettivi tal-Impriża Konġunta ECSEL;

(j)

tingaġġa f’attivitajiet ta’ informazzjoni, komunikazzjoni, sfruttament u disseminazzjoni permezz ta’ applikazzjoni mutatis mutandis tal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013, inkluż li l-informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati tas-sejħiet għal proposti tkun disponibbli u aċċessibbli fuq bażi ta’ data elettronika komuni tal-Orizzont 2020;

(k)

tikkoordina ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati inklużi organizzazzjonijiet ta’ riċerka u universitajiet;

(l)

kwalunkwe xogħol ieħor meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Membri

1.

Il-membri tal-Impriża Konġunta ECSEL għandhom ikunu:

(a)

L-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni,

(b)

Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit, u

(c)

mal-aċċettazzjoni ta’ dawn l-Istatuti permezz ta’ ittra ta’ approvazzjoni, l-Assoċjazzjoni AENEAS, assoċjazzjoni rreġistrata taħt il-liġi Franċiża (bl-uffiċċju rreġistrat tagħha f’Pariġi (Franza); l-Assoċjazzjoni ARTEMISIA, assoċjazzjoni rreġistrata taħt il-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi bl-uffiċju rreġistrat tagħha f’Eindhoven (il-Pajjiżi l-Baxxi); l-Assoċjazzjoni EPoSS, assoċjazzjoni rreġistrata taħt il-Liġi Ġermaniżabl-uffiċju rreġistrat tagħha f’Berlin (il-Ġermanja).

2.

Il-pajjizi li huma membri tal-Impriża Konġunta ECSEL huma msemmija f'dawn l-Istatuti bħala ‘Stati Parteċipanti fl-ECSEL’. Kull Stat Parteċipanti fl-ECSEL għandu jaħtar ir-rappreżentanti tiegħu fil-korpi tal-Impriża Konġunta ECSEL u għandu jaħtar l-entità jew l-entitajiet nazzjonali responsabbli għat-twettiq tal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta ECSEL.

3.

F’dawn l-Istatuti, l-Istati Parteċipanti fl-ECSEL flimkien mal-Kummissjoni jissemmew bħala ‘l-awtoritajiet pubbliċi’ tal-Impriża Konġunta ECSEL.

4.

F’dawn l-Istatuti, l-assoċjazzjonijiet privati jissemmew bħala l-‘membri privati’ tal-Impriża Konġunta ECSEL u l-entitajiet kostitwenti huma l-entitajiet li jikkostitwixxu kull membru privat, kif iddefinit fl-istatuti ta’ dak il-membru privat, huma msemijin bħala “entitajiet kostitwenti”.

Artikolu 3

Bidliet fis-sħubija

1.

L-Istati Membri jew il-Pajjiżi Assoċjati li mhumiex elenkati fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) għandhom isiru membri tal-Impriża Konġunta ECSEL wara notifika lill-Bord ta’ Tmexxija dwar l-aċċettazzjoni tagħhom bil-miktub ta’ dawn l-Istatuti u ta’ kull dispożizzjoni oħra li tirregola l-funzjonament tal-Impriża Konġunta ECSEL.

2.

Sakemm dawn jikkontribwixxu għall-finanzjament imsemmi fl-Artikolu 16(4) biex jinkisbu l-għanijiet tal-Impriża Konġunta ECSEL stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament u li jaċċettaw dawn l-Istatuti, l-entitajiet li ġejjin jistgħu japplikaw biex isiru membri tal-Impriża Konġunta ECSEL:

(a)

kwalunkwe pajjiż barra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 li jsegwu politiki jew programmi ta’ riċerka u innovazzjoni fil-qasam tal-komponenti u s-sistemi elettroniċi;

(b)

kwalunkwe entità legali oħra li direttament jew indirettament tappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni fi Stat Membru jew f’Pajjiż Assoċjat.

3.

Kull applikazzjoni għas-sħubija fl-Impriża Konġunta ECSEL magħmula f’konformità mal-paragrafu 2 għandha tkun indirizzata lill-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta ECSEL. Huwa għandu jevalwa l-applikazzjoni filwaqt li jqis ir-rilevanza u l-valur miżjud potenzjali tal-applikant fir-rigward tal-kisba tal-għanijiet tal-Impriża Konġunta ECSEL u għandu jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni.

4.

Kwalunkwe membru jista’ jtemm s-sħubija tiegħu fl-Impriża Konġunta ECSEL. Dan it-tmiem għandu jsir effettiv u irrevokabbli sitt xhur wara n-notifika lill-membri l-oħra. Sa mid-data tat-tmiem, il-membru preċedenti għandu jiġi rrilaxxat mill-obbligi kollha għajr dawk approvati jew li jkunu saru mill-Impriża Konġunta ECSEL qabel in-notifika tat-tmiem tas-sħubija.

5.

Is-sħubija fl-Impriża Konġunta ECSEL ma tistax tiġi ttrasferita lil parti terza ħlief bl-approvazzjoni minn qabel tal-Bord ta’ Tmexxija.

6.

Meta jsir xi tibdil għas-sħubija skont dan l-Artikolu, lL-Impriża Konġunta ECSEL għandha tippubblika fuq il-websajt tagħha immedjatament lista aġġornata tal-membri flimkien mad-data ta’ tali tibdil.

Artikolu 4

Organizzazzjoni tal-Impriża Konġunta ECSEL

Il-korpi tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għandhom ikunu:

(a)

il-Bord ta’ Tmexxija;

(b)

id-Direttur Eżekuttiv;

(c)

il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi;

(d)

il-Bord tal-Membri Privati.

Artikolu 5

Kompożizzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija

Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-membri tal-Impriża Konġunta ECSEL.

Kull Membru tal-Impriża Konġunta ECSEL għandu jaħtar ir-rappreżentanti tiegħu u delegat mexxej li għandu jkollu d-drittijiet tal-vot tal-membru fil-Bord ta’ Tmexxija.

Artikolu 6

Funzjonament tal-Bord ta’ Tmexxija

1.

Id-drittijiet tal-vot fil-Bord ta’ Tmexxija għandhom jitqassmu kif ġej:

(a)

1/3 għall-membri privati kollettivament;

(b)

1/3 għall-Kummissjoni; u

(c)

1/3 għall-Istati Parteċipanti fl-ECSEL kollettivament.

Il-membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jilħqu kunsens. Jekk ma jintlaħaqx kunsens, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza ta’ mill-inqas 75 % tal-voti kollha, inklużi l-voti tal-membri assenti.

2.

Għall-ewwel sentejn finanzjarji, id-drittijiet tal-vot tal-Istati Parteċipanti fl-ECSEL għandhom jitqassmu kif ġej:

(a)

wieħed fil-mija għal kull Stat Parteċipanti fl-ECSEL;

(b)

il-perċentwali li jifdal imqassma kull sena fost l-Istati Parteċipanti fl-ECSEL skont il-proporzjon tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji attwali tagħhom matul l-aħħar sentejn, inkluż l-kontribuzzjonijiet tagħhom lill-Impriżi Konġunti ENIAC u ARTEMIS.

Għas-snin finanzjarji sussegwenti, id-distribuzzjoni tad-drittijiet tal-voti tal-Istati Parteċipanti fl-ECSEL għandha tiġi stabbilita annwalment u fi proporzjon mal-fondi li jkunu ikommettew għall-azzjonijiet indiretti tul l-aħħar sentejn finanzjarji.

Id-drittijiet tal-vot tal-membri privati għandhom jitqassmu b’mod indaqs fost l-assoċjazzjonijiet privati sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Bord tal-Membri Privati.

Id-drittijiet tal-vot għal kull membru ġdid tal-Impriża Konġunta ECSEL li mhuwiex Stat Membru jew Pajjiż Assoċjat għandhom jiġu determinati mill-Bord ta’ Tmexxija qabel l-adeżjoni ta’ dan il-membru għall-Impriża Konġunta ECSEL.

3.

Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jeleġġi president għal perijodu ta’ mill-inqas sena.

4.

Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jagħmel il-laqgħat ordinarji tiegħu mill-inqas darbtejn fis-sena. Huwa jista’ jorganizza laqgħat straordinarji fuq talba tal-Kummissjoni, tal-maġġoranza tar-rappreżentanti tal-Istati Parteċipanti fl-ECSEL, tal-maġġoranza tal-membri privati, fuq talba tal-president, fuq talba tad-Direttur Eżekuttiv skont l-Artikolu 16(5). Il-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija għandhom jissejħu mill-president tiegħu u għandhom normalment iseħħu fis-sede tal-Impriża Konġunta ECSEL.

Il-kworum tal-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun kostitwit mill-Kummissjoni, mill-membri privati u mill-inqas tliet delegati mexxejja tal-Istati Parteċipanti fl-ECSEL.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, sakemm mhux deċiż mod ieħor mill-Bord ta’ Tmexxija, iżda ma għandux ikollu drittijiet tal-vot.

Il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jistieden, fuq bażi ta’ każ b’każ, persuni oħra biex jattendu għal-laqgħat tiegħu bħala osservaturi, b’mod partikolari rappreżentanti ta’ awtoritajiet reġjonali fi ħdan l-Unjoni.

5.

Ir-rappreżentanti tal-membri tal-Impriża Konġunta ECSEL ma għandhomx jinżammu personalment responsabbli għal azzjonijiet imwettqa fil-kapaċità tagħhom bħala rappreżentanti fuq il-Bord ta’ Tmexxija.

6.

Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 7

Kompiti tal-Bord ta’ Tmexxija

1.

Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkollu r-responsabbiltà ġenerali għall-orjentazzjoni strateġika u l-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta ECSEL u għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha.

2.

Il-Kummissjoni, fir-rwol tagħha fuq il-Bord tat-Tmexxija, għandha tara li tiżgura l-koordinazzjoni bejn l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta ECSEL u l-attivitajiet rilevanti tal-Orizzont 2020 bil-ħsieb li jiġu promossi sinerġiji meta jiġu identifikati prijoritajiet koperti mir-riċerka kollaborattiva.

3.

Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jwettaq b’mod partikolari il-kompiti li ġejjin:

(a)

jivvaluta, jaċċetta jew jirrifjuta l-applikazzjonijiet għal sħubiji skont l-Artikolu 3(3) ta’ dawn l-Istatuti;

(b)

jiddeċiedi dwar it-tmiem ta’ sħubija fl-Impriża Konġunta ECSEL ta’ kull Stat Membru li ma jissodisfax l-obbligi tiegħu;

(c)

jadotta r-regolamenti finanzjarji tal-Impriża Konġunta ECSEL skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament;

(d)

jadotta l-baġit annwali tal-Impriża Konġunta ECSEL, inkluż il-pjan tal-istabbiliment tal-persunal korrispondenti li jindika l-għadd ta’ postijiet temporanji skont il-grupp tal-funzjoni u skont il-grad kif ukoll l-għadd ta’ persunal b’kuntratt u esperti nazzjonali sekondati espressi f’ekwivalenti ta’ full-time;

(e)

jeżerċita l-poteri ta’ awtorità tal-ħatra fir-rigward tal-persunal, skont l-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-Regolament;

(f)

jaħtar, ineħħi, jestendi l-mandat ta’, jipprovdi gwida għal u jagħmel monitoraġġ tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv;

(g)

japprova l-istruttura organizzattiva tal-Uffiċċju tal-Programmfuq rakkomandazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv;

(h)

jadotta l-pjan strateġiku pluriennali msemmi fl-Artikolu 21(1);

(i)

jadotta l-pjan ta’ ħidma u l-istimi tal-infiq korrispondenti msemmija fl-Artikolu 21(2);

(j)

japprova r-rapport annwali tal-attività, inkluża l-ispiża korrispondenti msemmija fl-Artikolu 22(1);

(k)

jagħmel arranġamenti, kif meħtieġ, għall-istabbiliment ta’ kapaċità ta’ awditjar intern tal-Impriża Konġunta ECSEL fuq rakkomandazzjoni mid-Direttur Eżekuttiv;

(l)

jistabbilixxi l-politika ta’ komunikazzjoni tal-Impriża Konġunta ECSEL fuq rakkomandazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv;

(m)

fejn xieraq, jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg skont l-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-Regolament;

(n)

fejn xieraq, jistabbilixxi regoli dwar l-issekondar ta’ esperti nazzjonali lill-Impriża Konġunta ECSEL u dwar l-użu ta’ dawk li qed jitħarrġu skont l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament;

(o)

fejn xieraq, jistabbilixxi gruppi konsultattivi flimkien mal-korpi tal-Impriża Konġunta ECSEL;

(p)

fejn xieraq, iressaq talba lill-Kummissjoni biex jiġi emendat dan ir-Regolament propost minn membru tal-Impriża Konġunta ECSEL;

(q)

jkun responsabbli minn kwalunkwe kompitu li mhuwiex speċifikament allokat lil korp partikolari tal-Impriża Konġunta ECSEL; hija tista’ tagħti tali kompiti lil kull korp tal-Impriża Konġunta ECSEL.

Artikolu 8

Ħatra, terminazzjoni jew estensjoni tal-mandat tad-Direttur Eżekuttiv

1.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord ta’ Tmexxija, minn lista ta’ kandidati proposti mill-Kummissjoni, wara proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti. Il-Kummissjoni għandha tassoċja r-rappreżentazzjoni mill-membri l-oħra tal-Impriża Konġunta ECSEL fil-proċedura tal-għażla skont kif xieraq.

B’mod partikolari, rappreżentanza xierqa mill-membri l-oħra tal-Impriża Konġunta ECSEL għandha tkun żgurata fil-fażi ta’ qabel l-għażla tal-proċedura tal-għażla. Għal dak l-għan, l-Istati Parteċipanti fl-ECSEL u l-membri privati għandhom jaħtru bi qbil komuni rappreżentant kif ukoll osservatur f’isem il-Bord ta’ Tmexxija.

2.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun membru tal-persunal u għandu jiġi ingaġġat bħala aġent temporanju tal-Impriża Konġunta ECSEL skont il-punt (a) tal-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

Sabiex jiġi konkluż il-kuntratt mad-Direttur Eżekuttiv, l-Impriża Konġunta ECSEL għandha tkun rappreżentata mill-president tal-Bord ta’ Tmexxija.

3.

Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta’ tliet snin. Sa tmiem dak il-perijodu, il-Kummissjoni, li tassoċja l-Istati Parteċipanti fl-ECSEL u l-membri privati kif xieraq għandha tagħmel valutazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u tal-kompiti u l-isfidi futuri tal-Impriża Konġunta ECSEL.

4.

Il-Bord ta’ Tmexxija, huwa u jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni li tikkunsidra l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba, għal perjodu mhux aktar minn erba’ snin.

5.

Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu ġie estiż jista’ ma jipparteċipax fi proċedura tal-għażla oħra għall-istess post fi tmiem il-perijodu kollu.

6.

Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jitneħħa mill-kariga biss fuq deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija fuq proposta mill-Kummissjoni li tassoċja l-Istati Parteċipanti fl-ECSEL u l-membri privati kif xieraq.

Artikolu 9

Kompiti tad-Direttur Eżekuttiv

1.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun il-kap eżekuttiv responsabbli għat-tmexxija ta’ kuljum tal-Impriża Konġunta ECSEL f’konformità mad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija.

2.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Impriża Konġunta ECSEL. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli lejn il-Bord ta’ Tmexxija.

3.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-baġit tal-Impriża Konġunta ECSEL.

4.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu, b’mod partikolari, jwettaq dawn il-kompiti li ġejjin b’mod indipendenti:

(a)

jikkonsolida u jissottometti għall-adozzjoni lill-Bord ta’ Tmexxija l-abbozz tal-pjan strateġiku pluriennali magħmul mill-aġenda ta’ riċerka strateġika u innovazzjoni pluriennali kif propost mill-Bord ta’ Membri Privati u l-perspettivi finanzjarji pluriennali mill-awtoritajiet pubbliċi;

(b)

jipprepara u jissottometti għall-adozzjoni lill-Bord ta’ Tmexxija l-abbozz tal-baġit annwali, inkluż il-pjan ta’ stabbiliment tal-persunal korrispondenti li jindika l-għadd ta’ karigi temporanji f’kull grad u grupp ta’ funzjoni u l-għadd ta’ persunal kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati espressi f’ekwivalenti ta’ full-time;

(c)

jipprepara u jissottometti għall-adozzjoni lill-Bord ta’ Tmexxija l-abbozz tal-pjan ta’ ħidma inkluż l-ambitu tas-sejħiet għall-proposti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni kif propost mill-Bord tal-Membri Privati u l-istimi ta’ infiq korrispondenti kif proposti mill-awtoritajiet pubbliċi;

(d)

jissottometti għall-opinjoni tal-Bord ta’ Tmexxija l-kontijiet annwali;

(e)

jipprepara u jissottometti għall-approvazzjoni lill-Bord ta’ Tmexxija r-rapport annwali tal-attività, inkluża l-informazzjoni dwar in-nefqa korrispondenti;

(f)

jiffirma ftehimiet u deċiżjonijiet ta’ għotja individwali;

(g)

jiffirma kuntratti tal-akkwist;

(h)

jimplimenta l-politika ta’ komunikazzjoni tal-Impriża Konġunta ECSEL;

(i)

jorganizza, jidderieġi u jissorvelja l-operazzjonijiet u l-persunal tal-Impriża Konġunta ECSEL fi ħdan il-limiti tad-delega mill-Bord ta’ Tmexxija kif previst fl-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-Regolament;

(j)

jistabbilixxi u jiżgura l-funzjonament ta’ sistema ta’ kontroll interna effettiva u effiċjenti u jirrapporta kwalunkwe bidla sinifikanti li ssirlu lill-Bord ta’ Tmexxija;

(k)

jiżgura li jitwettqu l-valutazzjoni tar-riskju u l-ġestjoni tar-riskju;

(l)

jieħu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa għall-valutazzjoni tal-progress tal-Impriża Konġunta ECSEL lejn l-għanijiet tagħha kif stabbilit fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament;

(m)

iwettaq kwalunkwe kompitu ieħor fdat jew iddelegat lid-Direttur Eżekuttiv mill-Bord ta’ Tmexxija.

5.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jwaqqaf Uffiċċju tal-Programm għall-eżekuzzjoni, taħt ir-responsabbiltà tiegħu jew tagħha, tal-ħidmiet ta’ sostenn kollha li joħorġu minn dan ir-Regolament. L-Uffiċċju tal-Programm għandu jkun magħmul mill-persunal tal-Impriża Konġunta ECSEL u għandu b’mod partikolari jwettaq l-kompiti li ġejjin:

(a)

jipprovdi appoġġ fit-twaqqif u t-tmexxija ta’ sistema ta’ kontabilità xierqa skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta ECSEL;

(b)

jieħu ħsieb is-sejħiet għall-proposti kif previst fil-pjan ta’ ħidma u jamministra il-ftehimiet u deċiżjonijiet ta’ għotja;

(c)

jipprovdi lill-membri u lill-korpi l-oħra tal-Impriża Konġunta ECSEL bl-informazzjoni rilevanti kollha u l-appoġġ meħtieġ għalihom biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom kif ukoll iwieġeb it-talbiet speċifiċi tagħhom;

(d)

jaġixxi bħala s-segretarjat tal-korpi tal-Impriża Konġunta ECSEL u jipprovdi appoġġ lil korpi konsultattivi stabbiliti mill-Bord ta’ Tmexxija.

Artikolu 10

Kompożizzjoni tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi

Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu jikkonsisti mir-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Impriża Konġunta ECSEL.

Kull awtorità pubblika trid taħtar ir-rappreżentanti tagħha u delegat ewlieni li għandu jkollu d-drittijiet tal-vot fil-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi.

Artikolu 11

Funzjonament tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi

1.

Id-drittijiet tal-vot fil-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandhom jingħataw lill-awtoritajiet pubbliċi fuq bażi annwali proporzjonalment għall-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta ECSEL għal dik is-sena skont l-Artikolu 18(4), u mal-limitu massimu għal kwalunkwe membru ta’ 50 % tat-total tad-drittijiet tal-vot fil-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi.

Jekk inqas minn tliet Stati Parteċipanti fl-ECSEL ikunu kkomunikaw lid-Direttur Eżekuttiv il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom skont l-Artikolu 18(4), il-Kummissjoni għandha żżomm 50 % tad-drittijiet tal-vot u l-50 % li jifdal għandhom jitqassmu ndaqs bejn l-Istati Parteċipanti fl-ECSEL.

L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jagħmlu kull sforz biex jilħqu kunsens. Jekk ma jintlaħaqx kunsens, il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza ta’ mill-inqas 75 % tal-voti kollha, inklużi l-voti tal-Istati Parteċipanti fl-ECSEL li mhumiex preżenti.

Kull awtorità pubblika għandu jkollha dritt tal-veto fuq il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw l-użu tal-kontribut tagħha lill-Impriża Konġunta ECSEL.

2.

Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu jeleġġi l-president tiegħu għal perijodu ta’ mill-inqas sentejn.

3.

Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu jsejjaħ il-laqgħat ordinarji tiegħu mill-inqas darbtejn fis-sena. Jista’ jsejjaħ laqgħat straordinarji fuq talba tal-Kummissjoni jew tal-maġġoranza tar-rappreżentanti tal-Istati Parteċipanti fl-ECSEL, jew fuq talba tal-president. Il-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija għandhom jissejħu mill-president tiegħu u għandhom normalment iseħħu fis-sede tal-Impriża Konġunta ECSEL.

Il-kworum tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu jkun ikkostitwit mill-Kummissjoni, u mill-inqas tliet delegati mexxejja tal-Istati Parteċipanti fl-ECSEL.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, sakemm mhux deċiż mod ieħor mill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi, iżda ma għandux ikollu drittijiet tal-vot.

Kwalunkwe Stat Membru jew Pajjiż Assoċjat li ma jkunx membru tal-Impriża Konġunta ECSEL jista’ jipparteċipa fil-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi bħala osservatur. L-osservaturi għandhom jirċievu d-dokumenti kollha rilevanti u jistgħu jagħtu parir dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi. Kull tali osservatur ser ikun marbut mir-regoli ta’ kunfidenzjalità li japplikaw għall-membri tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi.

Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi jista’ jaħtar gruppi ta’ ħidma fejn meħtieġ taħt il-koordinazzjoni ġenerali ta’ awtorità pubblika waħda jew aktar.

Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 12

Kompiti tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi

Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu:

(a)

jiżgura li jiġu applikati sew il-prinċipji tat-trattament ġust u tat-trasparenza fl-allokazzjoni tal-finanzjament pubbliku lill-parteċipanti fl-azzjonijiet indiretti;

(b)

japprova r-regoli tal-proċedura għal sejħiet għall-proposti, u għall-evalwazzjoni, l-għażla u l-monitoraġġ tal-azzjonijiet indiretti;

(c)

japprova t-tnedija tas-sejħiet għall-proposti, skont il-pjan ta’ ħidma annwali;

(d)

jikklassifika l-proposti abbażi tal-kriterji tal-għażla u tal-għoti filwaqt li jikkunsidra l-kontribuzzjoni tagħhom lejn il-ksib tal-għanijiet tas-sejħa u s-sinerġija mal-prijoritajiet nazzjonali;

(e)

jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tal-finanzjament pubbliku lill-proposti magħżula sal-limitu tal-baġits disponibbli filwaqt li jikkunsidra l-verifiki mwettqa b’konformità mal-Artikolu 18(5). Tali deċiżjoni għandha torbot lill-Istati Parteċipanti fl-ECSEL mingħajr ebda evalwazzjoni jew proċessi ta’ għażla ulterjuri.

Artikolu 13

Kompożizzjoni tal-Bord tal-Membri Privati

Il-Bord tal-Membri Privati għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-membri privati tal-Impriża Konġunta ECSEL.

Kull membru privat għandu jaħtar ir-rappreżentanti tiegħu u delegat mexxej li għandu jkollu d-drittijiet tal-vot fil-Bord tal-Membri Privati.

Artikolu 14

Funzjonament tal-Bord tal-Membri Privati

1.

Il-Bord tal-Membri Privati għandu jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena.

2.

Il-Bord tal-Membri Privati jista’ jaħtar gruppi ta’ ħidma fejn meħtieġ taħt il-koordinazzjoni ġenerali ta’ membru wieħed jew aktar.

3.

Il-Bord tal-Membri Privati għandu jeleġġi l-president tiegħu.

4.

Il-Bord tal-Membri Privati għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 15

Kompiti tal-Bord tal-Membri Privati

Il-Bord tal-Membri Privati għandu:

(a)

ifassal u jaġġorna regolarment l-abbozz tal-aġenda pluriennali tar-riċerka strateġika u l-innovazzjoni msemmija fl-Artikolu 21(1) għall-ilħuq tal-għanijiet tal-Impriża Konġunta ECSEL stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament;

(b)

jipprepara kull sena l-abbozz ta’ pjan ta’ attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni għas-sena ta’ wara, bħala bażi għas-sejħiet għal proposti msemmija fl-Artikolu 21(2);

(c)

jippreżenta lid-Direttur Eżekuttiv l-abbozz tal-aġenda pluriennali tar-riċerka strateġika u tal-innovazzjoni u l-abbozz annwali tal-pjan tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni fi ħdan l-iskadenzi deċiżi mill-Bord ta’ Tmexxija;

(d)

jorganizza forum ta’ konsulenza tal-partijiet interessati miftuħ għall-partijiet interessati pubbliċi u privati kollha li għandhom interess fil-qasam tal-komponenti u s-sistemi elettroniċi, biex jinfurmahom dwar u jiġbor ir-reazzjonijiet dwar l-abbozz tal-aġenda pluriennali tar-riċerka strateġika u l-innovazzjoni u abbozz ta’ pjan ta’ attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni għal sena partikolari.

Artikolu 16

Sorsi ta’ finanzjament

1.

l-Impriża Konġunta ECSEL għandha tiġi ffinanzjata b’mod konġunt mill-Membri tagħha permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji mħallsin f’pagamenti parzjali u kontribuzzjonijiet in natura li jikkonsistu fl-ispejjeż li jkunu ġarrbu l-membri privati jew l-entitajiet kostitwenti u l-entitajiet affiljati tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet indiretti li ma jkunux rimborżati mill-Impriża Konġunta ECSEL.

2.

L-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta ECSEL għandhom ikopruhom permezz tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija:

(a)

fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament għall-kontribuzzjoni finanzjarju tal-Unjoni sa EUR 15 255 000,

(b)

fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament għall-kontribuzzjoni mill-membri privati sa EUR 19 710 000 jew 1 % tas-somma tal-ispiża totali tal-proġetti kollha, skont liema ċifra tkun l-ogħla, iżda mhux iżjed minn EUR 48 000 000; u

(c)

fl-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-Regolament biex jitlestew l-azzjonijiet imnedija taħt ir-Regolamenti (KE) Nru 72/2008 u (KE) Nru 74/2008.

Jekk parti mill-kontribuzzjoni għall-ispejjeż amministrattivi ma tintużax, tista’ ssir disponibbli biex tkopri l-ispejjeż operattivi tal-Impriża Konġunta ECSEL.

3.

L-ispejjeż operattivi tal-Impriża Konġunta ECSEL għandhom ikunu koperti permezz ta’:

(a)

kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni;

(b)

kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Parteċipanti fl-ECSEL;

(c)

kontribuzzjonijiet in natura mill-membri privati jew l-entitajiet kostitwenti u l-entitajiet affiljati tagħhom li jikkonsistu fl-ispejjeż imġarrba minnhom fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet indiretti neqsin il-kontribuzzjonijiet tal-Impriża Konġunta ECSEL, l-Istati Parteċipanti fl-ECSEL u kwalunkwe kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni għal dawk l-ispejjeż.

4.

Ir-riżorsi tal-Impriża Konġunta ECSEL imdaħħla fil-baġit tagħha għandhom ikunu magħmula mill-kontribuzzjonijiet li ġejjin:

(a)

kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri għall-ispejjeż amministrattivi;

(b)

il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri għall-ispejjeż operattivi, inklużi dawk mill-Istati Parteċipanti fl-ECSEL li jinkarigaw lill-Impriża Konġunta ECSEL f’konformità mal-Artikolu 17(1);

(c)

kwalunkwe dħul iġġenerat mill-Impriża Konġunta ECSEL;

(d)

kwalunkwe kontribuzzjoni, riżorsa u dħul finanzjarju ieħor.

Kwalunkwe imgħax iġġenerat mill-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-Impriża Konġunta ECSEL għandhom jitqiesu bħala dħul tagħha.

5.

Jekk xi membru tal-Impriża Konġunta ECSEL jonqos mill-impenji tiegħu fir-rigward tal-kontribuzzjoni finanzjarja miftehma, id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu nota ta’ dan bil-miktub u għandu jistabbilixxi perijodu raġonevoli li fih għandu jiġi rrimedjat tali nuqqas. Jekk dan in-nuqqas ma jiġix irrimedjat f’dan il-perijodu, id-Direttur Eżekuttiv għandu jlaqqa’ lill-Bord ta’ Tmexxija biex jiddeċiedi jekk għandhiex tiġi rrevokata s-sħubija tal-membru li qed jonqos jew jekk xi miżuri oħra għandhomx jittieħdu sakemm jintlaħqu l-obbligi.

6.

Ir-riżorsi kollha u l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta ECSEL għandhom ikun maħsuba biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

7.

L-Impriża Konġunta ECSEL għandha tippossjedi l-assi kollha ġġenerati minnha jew ttrasferiti lilha sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

8.

Ħlief fil-każ ta’ stralċ tal-Impriża Konġunta ECSEL, kull dħul eċċessiv fuq in-nefqa m’għandux jitħallas lill-membri tal-Impriża Konġunta ECSEL.

Artikolu 17

Kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti fl-ECSEL

1.

L-Istati Parteċipanti fl-ECSEL jistgħu jinkarigaw l-Impriża Konġunta ECSEL bl-implimentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tagħhom lill-parteċipanti f’azzjonijiet indiretti permezz ta’ ftehimiet ta’ għotjiet ma’ parteċipanti konklużi permezz tal-Impriża Konġunta ECSEL. Huma jistgħu wkoll jinkarigaw l-Impriża Konġunta ECSEL bil-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tagħhom lill-parteċipanti jew jagħmlu l-ħlasijiet huma stess abbażi tal-verifiki magħmula mill-Impriża Konġunta ECSEL.

2.

Meta xi Stat Parteċipanti fl-ECSEL ma jinkarigax l-Impriża Konġunta ECSEL kif deskritt fil-paragrafu 1, għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jistabbilixxi l-ftehimiet ta’ għotja tiegħu stess f’qafas ta’ żmien simili bħall-ftehimiet ta’ għotja tal-Impriża Konġunta ECSEL. Il-verifika tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż imwettqa mill-Impriża Konġunta ECSEL kif imsemmi fl-Artikolu 18(7) tista’ tintuża mill-Istat Parteċipanti fl-ECSEL bħala parti mill-proċess tal-ħlas tiegħu stess.

3.

L-arranġamenti għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Parteċipanti fl-ECSEL u l-Impriża Konġunta ECSEL għandhom ikunu stabbiliti permezz ta’ arranġament amministrattiv li għandu jkun konkluż bejn l-entitajiet maħtura mill-Istati Parteċipanti fl-ECSEL għal dak l-iskop u l-Impriża Konġunta ECSEL.

4.

Meta l-Istati Parteċipanti fl-ECSEL jinkarigaw l-Impriża Konġunta ECSEL skont il-paragrafu 1, l-arranġamenti amministrattivi msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu ssupplimentati b’arranġamenti annwali bejn l-entitajiet maħtura mill-Istati Parteċipanti fl-ECSEL għal dak l-iskop u l-Impriża Konġunta ECSEL filwaqt li jiġu stabbiliti t-termini u l-kundizzjonijiet għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Istati Parteċipanti fl-ECSEL lill-Impriża Konġunta ECSEL.

5.

L-Istati Membri, il-Pajjiżi Assoċjati u l-pajjiżi terzi li mhumiex Membri tal-Impriża Konġunta ECSEL jistgħu jikkonkludu ftehimiet simili mal-Impriża Konġunta ECSEL.

Artikolu 18

Finanzjament ta’ azzjonijiet indiretti

1.

L-Impriża Konġunta ECSEL għandha tappoġġa azzjonijiet indiretti permezz ta’ sejħiet miftuħa u kompetittivi għal proposti, u l-allokazzjonijiet tal-finanzjament pubbliku fil-limiti tal-baġits disponibbli. Kull appoġġ pubbliku taħt din l-Impriża Konġunta ECSEL huwa mingħajr preġudizzju tal-għajnuna mill-Istat.

2.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-awtoritajiet pubbliċi għandha tkun dik imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 16(3) u l-punt (b) tal-Artikolu 16(3) li titħallas bħala rimborż tal-ispejjeż eliġibbli lill-parteċipanti f’azzjonijiet indiretti. Ir-rati speċifiċi ta’ rimborż mill-Unjoni u minn kull Stat Parteċipanti fl-ECSEL għandhom jiġu inklużi fil-pjan ta’ ħidma.

3.

L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jikkomunikaw lid-Direttur Eżekuttiv l-impenji finanzjarji tagħhom riservati għal kull sejħa għall-proposti li għandhom jiġu inklużi fil-pjan ta’ ħidma u fejn applikabbli skont l-Artikolu 17(1) fil-waqt tat-tħejjija tal-abbozz tal-baġit tal-Impriża Konġunta ECSEL, filwaqt li jitqies l-ambitu tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni indirizzati fil-pjan ta’ ħidma.

4.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jivverifika l-eliġibbiltà tal-applikanti għall-finanzjament mill-Unjoni u l-Istati Parteċipanti fl-ECSEL għandhom jivverifikaw l-eliġibbiltà tal-applikanti tagħhom skont kwalunkwe kriterju nazzjonali predeterminat għall-finanzjament u għandhom jikkomunikaw ir-riżultati lid-Direttur Eżekuttiv.

5.

Fuq il-bażi tal-verifiki pprovduti fil-paragrafu 4, id-Direttur Eżekuttiv għandu jistabbilixxi l-lista proposta ta’ azzjonijiet indiretti biex jinżammu għall-finanzjament, iddettaljata mill-applikanti, u għandu jikkomunikaha lill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi li għandu jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni massima tal-finanzjament pubbliku skont il-punt (e) tal-Artikolu 12 u jagħti mandat lid-Direttur Eżekuttiv biex jistabbilixxi ftehimiet mal-parteċipanti korrispondenti.

6.

L-Impriża Konġunta ECSEL għandha tieħu l-miżuri meħtieġa kollha, inkluż il-verifika tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż, għall-ħlas tal-finanzjament pubbliku lill-parteċipanti rispettivi skont l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 17(3) u (4).

7.

L-Istati Parteċipanti fl-ECSEL m’għandhomx jirrikjedu monitoraġġ u rappurtar tekniku addizzjonali għajr dak meħtieġ mill-Impriża Konġunta ECSEL.

Artikolu 19

Impenji finanzjarji

L-impenji finanzjarji tal-Impriża Konġunta ECSEL m’għandhomx jeċċedu l-ammont ta’ riżorsi finanzjarji disponibbli jew impenjati għall-baġit tagħha mill-membri tagħha.

Artikolu 20

Sena finanzjarja

Is-sena finanzjarja għandha tkun mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru.

Artikolu 21

Ippjanar operattiv u finanzjarju

1.

Il-pjan strateġiku pluriennali għandu jispeċifika l-istrateġija u l-pjanijiet għall-ilħuq tal-għanijiet tal-Impriża Konġunta ECSEL stipulati fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament fil-forma ta’ aġenda strateġika pluriennali tar-riċerka u l-innovazzjoni mill-Bord tal-Membri Privati u l-perspettivi finanzjarji pluriennali mill-awtoritajiet pubbliċi. Għandu jidentifika l-prijoritajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ kompetenzi ċentrali għall-komponenti u sistemi elettroniċi f’oqsma differenti ta’ applikazzjoni sabiex isaħħaħ il-kompetittività Ewropea u jgħin il-ħolqien ta’ swieq ġodda u applikazzjonijiet fis-soċjetà. Għandu jiġi rivedut regolarment skont l-evoluzzjoni tal-ħtiġijiet industrijali fl-Ewropa.

2.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jissottometti lill-Bord ta’ Tmexxija għall-adozzjoni abbozz ta’ pjan ta’ ħidma annwali jew pluriennali li għandu jinkludi l-pjan tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, l-attivitajiet amministrattivi u l-istimi tal-infiq korrispondenti.

3.

Il-pjan ta’ ħidma għandu jiġi adottat sal-aħħar tas-sena ta’ qabel l-implimentazzjoni tiegħu. Il-pjan ta’ ħidma għandu jitqiegħed għad-disponibbiltà tal-pubbliku.

4.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji l-abbozz tal-baġit annwali għas-sena ta’ wara u għandu jippreżentah lill-Bord ta’ Tmexxija għall-adozzjoni.

5.

Il-baġit annwali għal sena partikolari għandu jiġi adottat mill-Bord ta’ Tmexxija sal-aħħar tas-sena ta’ qabel.

6.

Il-baġit annwali għandu jiġi adattat sabiex iqis l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni kif stabbilita fil-baġit tal-Unjoni.

Artikolu 22

Rappurtar operattiv u finanzjarju

1.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta kull sena lill-Bord ta’ Tmexxija dwar il-qadi tad-dmirijiet tad-Direttur Eżekuttiv skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta ECSEL.

Fi żmien xahrejn mill-għeluq ta’ kull sena finanzjarja, id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Bord ta’ Tmexxija għall-approvazzjoni rapport annwali tal-attivitajiet dwar il-progress li jkun sar mill-Impriża Konġunta ECSEL fis-sena kalendarja preċedenti, b’mod partikolari b’rabta mal-pjan ta’ ħidma annwali għal dik is-sena. Ir-rapport tal-annwali tal-attivitajiet għandu jinkludi, fost l-oħrajn, informazzjoni dwar il-punti li ġejjin:

(a)

riċerka, innovazzjoni u azzjonijiet oħra mwettqa u n-nefqa korrispondenti;

(b)

il-proposti mressqa, inkluż tqassim skont it-tip ta’ parteċipanti, inklużi l-SMEs, u skont il-pajjiż;

(c)

il-proposti magħżula għall-finanzjament, bi tqassim skont it-tip ta’ parteċipant, inklużi l-SMEs, u skont il-pajjiż, u filwaqt li jiġu indikati l-kontribuzzjonijiet tal-Impriża Konġunta ECSEL u l-Istati Parteċipanti fl-ECSEL lill-parteċipanti u l-azzjonijiet indiretti.

2.

Ladarba jkun approvat mill-Bord ta’ Tmexxija, ir-rapport annwali tal-attivitajiet għandu jsir disponibbli għall-pubbliku.

3.

Sal-1 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Impriża Konġunta ECSEL għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

Sal-31 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara, l-Impriża Konġunta ECSEL għandha tibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri.

Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-Impriża Konġunta ECSEL skont l-Artikolu 148 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Impriża Konġunta ECSEL għandu jħejji l-kontijiet finali tal-Impriża Konġunta ECSEL u d-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħathom lill-Bord ta’ Tmexxija għal opinjoni.

Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Impriża Konġunta ECSEL.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord ta’ Tmexxija, sal-1 ta’ Lulju tas-sena finanzjarja ta’ wara.

Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena finanzjarja ta’ wara.

Sat-30 ta’ Settembru, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Qorti tal-Awdituri bi tweġiba għall-osservazzjonijiet magħmula fir-rapport annwali tagħha. Id-Direttur Eżekuttiv għandu wkoll jippreżenta din it-tweġiba lill-Bord tat-Tmexxija.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta quddiem il-Parlament Ewropew, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni mingħajr intoppi tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja inkwistjoni, b’konformità mal-Artikolu 165(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 23

Awditu intern

L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jeżerċita l-istess poteri fuq l-Impriża Konġunta ECSEL bħal dawk eżerċitati fir-rigward tal-Kummissjoni.

Artikolu 24

Responsabbiltà tal-membri u l-assigurazzjoni

1.

Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-membri tal-Impriża Konġunta ECSEL għad-djun tal-Impriża Komuni EXSEL għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet tagħhom li jkunu diġà għamlu għall-ispejjeż amministrattivi.

2.

L-Impriża Konġunta ECSEL għandha tagħmel u żżomm assigurazzjoni xierqa.

Artikolu 25

Konflitt ta’ interess

1.

L-Impriża Konġunta ECSEL, il-korpi u l-persunal tagħha għandhom jevitaw kwalunkwe konflitt ta’ interess fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom.

2.

Il-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta ECSEL għandu jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ konflitti ta’ interess fir-rigward tal-membri, il-korpi u l-persunal tiegħu. Dawk ir-regoli għandu jkun fihom dispożizzjonijiet immirati biex jiġi evitat il-konflitt ta’ interess fir-rigward tar-rappreżentanti tal-membri tal-Impriża Konġunta ECSEL li jkunu qed iservu fuq il-Bord ta’ Tmexxija jew fuq il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi.

Artikolu 26

Likwidazzjoni

1.

L-Impriża Konġunta ECSEL għandha tkun oġġett ta’ likwidazzjoni fi tmiem il-perijodu stipulat fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

2.

Minbarra mill-paragrafu 1, il-proċedura ta’ likwidazzjoni għandha tiġi mnedija awtomatikament jekk l-Unjoni jew il-membri privati kollha jirtiraw mill-Impriża Konġunta ECSEL.

3.

Għall-finijiet tat-twettiq tal-proċedimenti ta’ likwidazzjoni tal-Impriża Konġunta ECSEL, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jaħtar likwidatur wieħed jew aktar, li għandu/hom jikkonforma(w) mad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija.

4.

Meta l-Impriża Konġunta ECSEL tkun qed tiġi likwidata, l-assi tagħha għandhom jintużaw biex ikopru r-responsabbiltajiet tagħha u n-nefqa marbuta mal-likwidazzjoni tagħha. Kwalunkwe eċċess għandu jitqassam bejn il-membri eżistenti fiż-żmien tal-likwidazzjoni fi proporzjon mal-kontribuzzjoni effettiva tagħhom lill-Impriża Konġunta ECSEL. Kwalunkwe eċċess distribwit lill-Unjoni għandu jintradd lura lill-baġit tal-Unjoni.

5.

Għandha titwaqqaf proċedura ad hoc sabiex tiżgura l-ġestjoni xierqa ta’ kwalunkwe ftehim konkluż jew deċiżjoni adottata mill-Impriża Konġunta ECSEL kif ukoll kwalunkwe kuntratt ta’ akkwist b’durata itwal mid-durata tal-Impriża Konġunta ECSEL.