20.5.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 148/4 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 523/2014
tat-12 ta' Marzu 2014
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għad-determinazzjoni ta' x'jikkostitwixxi l-korrispondenza mill-qrib bejn il-valur tal-bonds koperti ta' istituzzjoni u l-valur tal-assi tal-istituzzjoni
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 33(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
Qligħ jew telf fuq obbligazzjonijiet ta' istituzzjoni li jirriżultaw minn bidliet fir-riskju tal-kreditu proprju, ma għandhomx, fil-prinċipju, jiġu inklużi bħala element tal-fondi proprji. Madankollu, f'mudelli kummerċjali bbażati fuq il-prinċipju tal-finanzjament bi tqabbil stretta jew tal-bilanċ, dik ir-regola ma tiġix applikata, fuq il-premessa li tnaqqis jew żieda fil-valur ta' obbligazzjoni hija paċuta kompletament bi tnaqqis jew żieda li jikkorrispondu magħhom fil-valur tal-assi, li miegħu dik l-obbligazzjoni hija kompletament imqabbla. |
(2) |
Huwa importanti li wieħed jistabbilixxi r-rekwiżiti biex jiġi ddeterminat jekk teżistix korrispondenza mill-qrib bejn obbligazzjonijiet ta' istituzzjoni li tikkonsisti f'bond kopert kif imsemmi fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u l-valur tal-assi tal-istituzzjoni sottostanti l-bonds koperti. |
(3) |
Għandha tkun riflessa korrispondenza mill-qrib fit-trattament fil-kontabilità ta' dawk il-bonds u s-self ipotekarju sottostanti, li mingħajrha, ma jkunx prudenti li jiġu rikonoxxuti qligħ u telf li jirriżultaw minn bidliet fir-riskju tal-kreditu proprju. |
(4) |
Opzjoni ta' konsenja tippermetti lill-mutwatarju jixtri lura l-bond koperta speċifika li tiffinanzja s-self epotekarju fis-suq u jwassal il-bond koperta lill-bank bħala prepagament bikri tas-self ipotekarju. B'konsegwenza tad-disponibbiltà ta' dik l-opzjoni għall-mutwatarju, il-valur ġust tas-self ipotekarju għandu dejjem ikun daqs il-valur ġust tal-bonds koperti li jiffinanzjaw dawk l-ipoteki. Dan jimplika li l-kalkolu tal-valur ġust tas-self ipotekarju għandu jinkludi l-valwazzjoni ġusta tal-opzjoni tal-konsenja integrata skont il-prassi stabbilita tas-suq. |
(5) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni. |
(6) |
L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“bond koperta” tfisser bond kif imsemmija fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE. |
(2) |
“l-għażla tal-konsenja” tfisser il-possibilità li jinfeda s-self b'ipoteka billi jinxtara lura l-bond kopert bil-prezz tas-suq jew bil-valur nominali f'konformità mal-Artikolu 33(3)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. |
Artikolu 2
Korrispondenza mill-Qrib
1. Korrispondenza mill-qrib bejn il-valur ta' bond kopert u l-valur ta' assi tal-istituzzjoni għandha titqies li teżisti meta l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ġew issodisfati:
(a) |
kwalunkwe bidla fil-valur ġust ta' bonds koperti maħruġa mill-istituzzjoni f'kull każ tirriżulta f'bidliet ugwali fil-valur ġust tal-assi sottostanti l-bonds koperti. Il-valur ġust għandu jiġi determinat skont il-qafas tal-kontabilità applikabbli kif definit fl-Artikolu 4(1)(77) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; |
(b) |
is-self ipotekarju sottostanti l-bonds koperti maħruġa mill-istituzzjoni biex tiffinanzja s-self jista' fi kwalunkwe ħin jinfeda billi jinxtraw lura l-bonds koperti bil-prezz tas-suq jew bil-valur nominali bl-eżerċizzju tal-għażla tal-konsenja. |
(c) |
hemm mekkaniżmu trasparenti biex jiġi determinat il-valur ġust tas-self ipotekarju u tal-bonds koperti. Id-determinazzjoni tal-valur tas-self ipotekarju għandha tinkludi l-kalkolu tal-valur ġust tal-għażla tal-konsenja. |
2. Ma teżistix korrispondenza mill-qrib meta jirriżulta qligħ jew telf nett minn bidliet fil-valur, determinat skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, kemm tal-bonds koperti kif ukoll tas-self b'ipoteka sottostanti bl-għażla tal-konsenja inkorporata.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Marzu 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.
(2) Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS), (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).
(3) Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).