20.5.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 150/59 |
REGOLAMENT (UE) Nru 511/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-16 ta’ April 2014
dwar miżuri ta’ konformità għall-utenti mill-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta’ Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom fl-Unjoni
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
L-istrument internazzjonali prinċipali li jipprovdi qafas ġenerali għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika u l-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ riżorsi ġenetiċi huwa l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, approvata f’isem l-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE (3) (il-“Konvenzjoni”). |
(2) |
Il-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta’ Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (4) (il-“Protokoll ta’ Nagoya”) huwa trattat internazzjonali adottat fid-29 ta’ Ottubru 2010 mill-Partijiet għall-Konvenzjoni. Il-Protokoll ta’ Nagoya jkompli jelabora fuq ir-regoli ġenerali tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għal riżorsi ġenetiċi u l-qsim tal-benefiċċji monetarji u mhux monetarji li joħorġu mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi (“aċċess u qsim tal-benefiċċji”). F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/283/UE (5), il-Protokoll ta’ Nagoya ġie approvat f’isem l-Unjoni. |
(3) |
Firxa wiesgħa ta’ utenti u fornituri fl-Unjoni, inklużi riċerkaturi akkademiċi, universitarji u mill-qasam mhux kummerċjali u kumpanniji minn setturi differenti tal-industrija, jużaw riżorsi ġenetiċi għal finijiet ta’ riċerka, żvilupp u kummerċjalizzazzjoni. Uħud jużaw ukoll għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi. |
(4) |
Ir-riżorsi ġenetiċi jirrappreżentaw il-bank tal-ġeni fl-ispeċijiet kemm naturali u domestikati jew ikkultivati u jaqdu rwol sinifikanti u dejjem akbar f’bosta setturi ekonomiċi, inkluż il-produzzjoni tal-ikel, il-forestrija u l-iżvilupp ta’ mediċini, prodotti kożmetiċi u sorsi ta’ enerġija bbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi. Barra minn hekk, ir-riżorsi ġenetiċi jaqdu rwol sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji mfassla biex jerġgħu jġibu għal li kienu l-ekosistemi li jkunu ġarrbu ħsara u biex isalvaw l-ispeċijiet li jinsabu f’periklu. |
(5) |
L-għarfien tradizzjonali li għandhom il-komunitajiet indiġeni u lokali, jistgħu jipprovdu informazzjoni importanti li twassal għall-iskoperti xjentifiċi ta’ karatteristiċi interessanti ġenetiċi jew bijokimiċi tar-riżorsi ġenetiċi. Tali għarfien tradizzjonali jinkludi għarfien, innovazzjonijiet u prattiki, ta’ komunitajiet indiġeni u lokali li jinkorporaw l-istil tal-ħajja tradizzjonali, li huma relevanti għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika. |
(6) |
Il-Konvenzjoni tirrikonoxxi li l-Istati għandhom drittijiet sovrani fuq ir-riżorsi naturali li jinsabu fil-ġurisdizzjoni tagħhom u l-awtorità li jiddeterminaw l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi tagħhom. Il-Konvenzjoni timponi obbligu fuq il-Partijiet kollha għaliha biex jagħmlu ħilithom sabiex joħolqu kondizzjonijiet li jiffaċilitaw l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi, li fuqhom huma jeżerċitaw drittijiet sovrani, għall-użu b’mod li jirrispetta l-ambjent minn Partijiet oħrajn għall-Konvenzjoni,. Il-Konvenzjoni tobbliga wkoll lill-Partijiet kollha għaliha biex jieħdu miżuri bl-għan li jinqasmu b’mod ġust u ekwu r-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp u l-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu kummerċjali u użu ieħor tar-riżorsi ġenetiċi mal-Parti għall-Konvenzjoni li provdiet dawk ir-riżorsi. Tali qsim għandu jsir fuq termini miftiehma b’mod reċiproku. Il-Konvenzjoni tindirizza wkoll l-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji fir-rigward tal-għarfien, l-innovazzjonijiet u l-prattiki tal-komunitajiet indiġeni u lokali, li huma rilevanti għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika. |
(7) |
Ir-riżorsi ġenetiċi għandhom jiġu ppreservati fuq il-post u jintużaw b’modi sostenibbli, u l-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tagħhom għandhom jinqasmu b’mod ġust u ekwu sabiex dan jikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar u, għaldaqstant, għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti kif irrikonoxxut fil-preambolu tal-Protokoll ta’ Nagoya. L-implimentazzjoni tal-Protokoll ta’ Nagoya għandu wkoll jkollha l-għan li tikkonkretizza dan il-potenzjal. |
(8) |
Il-Protokoll ta’ Nagoya japplika għar-riżorsi ġenetiċi, li fuqhom l-Istati jeżerċitaw drittijiet sovrani, li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni, għall-kuntrarju tal-ambitu aktar estensiv tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni. Dak jimplika li l-Protokoll ta’ Nagoya ma jkoprix l-ambitu ġurisdizzjonali sħiħ tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni, bħal pereżempju l-attivitajiet li jseħħu f’żoni tal-baħar lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali. Ir-riċerka dwar ir-riżorsi ġenetiċi qed tiġi estiża gradwalment għal oqsma ġodda, speċjalment l-oċeani li għadhom l-ambjenti tal-pjaneta li huma l-inqas esplorati u l-inqas magħrufa. Il-profonditajiet tal-oċeani jikkostitwixxu b’mod partikolari l-aħħar fruntiera kbira tal-pjaneta u jqajmu interess dejjem akbar f’termini ta’ riċerka, tiftix u esplorazzjoni tar-riżorsi. |
(9) |
Huwa importanti li jiġi stabbilit qafas ċar u validu għall-implimentazzjoni tal-Protokoll ta’ Nagoya li għandu jikkontribwixxi għall-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika u l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha, il-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi u l-qerda tal-faqar, filwaqt li fl-istess ħin jitjiebu l-opportunitajiet disponibbli għall-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp fl-Unjoni bbażati fuq in-natura. Huwa essenzjali wkoll li ma jitħallewx jintużaw fl-Unjoni riżorsi ġenetiċi jew għarfien tradizzjonali assoċjat ma’ riżorsi ġenetiċi, li l-aċċess għalihom ma jkunx sar f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji jew ir-rekwiżiti regolatorji ta’ Parti għall-Protokoll ta’ Nagoya, u li jingħata appoġġ għall-implimentazzjoni effettiva ta’ impenji għall-qsim tal-benefiċċji stabbiliti f’termini miftiehma reċiprokament bejn il-fornituri u l-utenti. Huwa essenzjali wkoll li jitjiebu l-kondizzjonijiet għaċ-ċertezza legali b’rabta mal-użu ta’ riżorsi ġenetiċi u għarfien tradizzjonali assoċjat ma’ riżorsi ġenetiċi. |
(10) |
Il-qafas maħluq b’dan ir-Regolament ser jikkontribwixxi biex tinżamm u tiżdied il-fiduċja bejn il-Partijiet għall-Protokoll ta’ Nagoya kif ukoll l-atturi kkonċernati, inklużi l-komunitajiet indiġeni u lokali, involuti fl-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u l-qsim tal-benefiċċji minnhom. |
(11) |
Biex tkun żgurata ċ-ċertezza legali, huwa importanti li r-regoli li jimplimentaw il-Protokoll ta’ Nagoya japplikaw biss għar-riżorsi ġenetiċi li l-Istati jeżewċitaw fuqhom drittijiet sovrani fl-ambitu tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni, u għall-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi fl-ambitu tal-Konvenzjoni, li jsir aċċess għalihom wara d-dħul fis-seħħ għall-Unjoni tal-Protokoll ta’ Nagoya. |
(12) |
Il-Protokoll ta’ Nagoya jirrikjedi li kull Parti għalih, fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni jew ir-rekwiżiti regolatorji tagħha dwar l-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji, tqis l-importanza tar-riżorsi ġenetiċi għall-ikel u l-agrikoltura (GRFA) u r-rwol speċjali tagħhom għas-sigurtà tal-ikel. F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/869/KE (6), it-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura (ITPGRFA) ġie approvat f’isem l-Unjoni. L-ITPGRFA jikkostitwixxi strument internazzjonali speċjalizzat għall-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji fit-tifsira tal-Artikolu 4(4) tal-Protokoll ta’ Nagoya li ma għandux jiġi affettwat mir-regoli li jimplimentaw il-Protokoll ta’ Nagoya. |
(13) |
Bosta Partijiet għall-Protokoll ta’ Nagoya, fl-eżerċizzju tad-drittijiet sovrani tagħhom, iddeċidew li r-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura (PGRFA) taħt il-ġestjoni u l-kontroll tagħhom u fid-dominju pubbliku, li mhumiex elenkati fl-Anness I għall-ITPGRFA, għandhom ikunu ukoll soġġetti għat-termini u l-kondizzjonijiet tal-ftehim standard dwar it-trasferiment tal-materjal (sMTA) għall-finijiet stabbiliti taħt l-ITPGRFA. |
(14) |
Il-Protokoll ta’ Nagoya għandu jiġi implimentat b’mod komplementari ma’ strumenti internazzjonali oħrajn li ma ma jmurx kontra l-objettivi tal-Protokoll jew dawk tal-Konvenzjoni. |
(15) |
Fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni. it-termini “speċijiet domestikati” huma definiti bħala kwalunkwe speċi li l-proċess evoluzzjonarju tagħha jkun ġie influwenzat mill-bnedmin biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom, u “bijoteknoloġija” bħala kwalunkwe applikazzjoni teknoloġika li tuża sistemi bijoloġiċi, organiżmi ħajjin, jew derivati tagħhom, biex tagħmel jew timmodifika prodotti jew proċessi għal użu speċifiku. Fl-Artikolu 2 tal-Protokoll ta’ Nagoya, it-terminu “derivattivi” huwa definit bħala kompost bijokimiku li jiġi b’mod naturali u li jkun ir-riżultat tal-espressjoni ġenetika jew il-metaboliżmu ta’ riżorsi bijoloġiċi jew ġenetiċi, anke jekk ma jkollux unitajiet funzjonali tal-eredità. |
(16) |
Il-Protokoll ta’ Nagoya jirrikjedi li kull Parti għalih tagħti l-attenzjoni dovuta għal każijiet ta’ emerġenza attwali jew imminenti li jipperikolaw jew huma ta’ ħsara għas-saħħa tal-bnedmin, l-annimali jew il-pjanti, kif iddeterminat fuq livell nazzjonali jew internazzjonali. Fl-24 ta’ Mejju 2011, l-Erbgħa u Sittin Assemblea Dinjija dwar is-Saħħa adottat il-Qafas ta’ Tħejjija għall-Influwenza Pandemika għall-kondiviżjoni tal-viruses tal-influwenza u l-aċċess għal vaċċini u benefiċċji oħra (il-“Qafas PIP”). Il-Qafas PIP japplika biss għal viruses tal-influwenza b’potenzjal pandemiku għall-bnedmin u speċifikament ma japplikax għal viruses tal-influwenza tal-istaġun. Il-Qafas PIP jikkostitwixxi strument internazzjonali speċjalizzat għall-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji li huwa konsistenti mal-Protokoll ta’ Nagoya u li ma għandux jiġi affettwat mir-regoli li jimplimentaw il-Protokoll ta’ Nagoya. |
(17) |
Huwa importanti li f’dan ir-Regolament jiġu inklużi d-definizzjonijiet mill-Protokoll ta’ Nagoya u mill-Konvenzjoni li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-utenti. Huwa importanti li d-definizzjonijiet ġodda li jinsabu f’dan ir-Regolament, li mhumiex inklużi fil-Konvenzjoni jew fil-Protokoll ta’ Nagoya, ikunu konsistenti mad-definizzjonijiet tal-Konvenzjoni u l-Protokoll ta’ Nagoya. B’mod partikolari, it-terminu “utent” għandu jkun konsistenti mad-definizzjoni ta’ “użu ta’ riżorsi ġenetiċi” mill-Protokoll ta’ Nagoya. |
(18) |
Il-Protokoll ta’ Nagoya jistipula obbligu tal-promozzjoni u l-inkoraġġiment ta’ riċerka relatata mad-diversità bijoloġika, u b’mod partikolari r-riċerka mingħajr skop kummerċjali. |
(19) |
Huwa importanti li jitfakkar li l-paragrafu 2 tad-Deċiżjoni II/11 tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni jerġa’ jafferma li r-riżorsi ġenetiċi umani mhumiex inklużi fil-qafas tal-Konvenzjoni. |
(20) |
Attwalment ma hemm ebda qbil internazzjonali dwar id-definizzjoni ta’ “għarfien tradizzjonali assoċjat ma’ riżorsi ġenetiċi”. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza u r-responsabbiltà tal-Istati Membri għal kwistjonijiet marbuta ma’ għarfien tradizzjonali assoċjat ma’ riżorsi ġenetiċi u l-implimentazzjoni ta’ miżuri għas-salvagwardja tal-interessi tal-komunitajiet indiġeni u lokali, biex ikunu żgurati l-flessibbiltà u ċ-ċertezza legali għall-fornituri u l-utenti, dan ir-Regolament għandu jirreferi għal għarfien tradizzjonali assoċjat ma’ riżorsi ġenetiċi kif deskritt fi ftehimiet għall-qsim tal-benefiċċji. |
(21) |
Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Protokoll ta’ Nagoya, l-utenti kollha ta’ riżorsi ġenetiċi u għarfien tradizzjonali assoċjat ma’ riżorsi ġenetiċi għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta biex jaċċertaw jekk ir-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi jkunx sar aċċess għalihom f’konformità mar-rekwiżiti ġuridiċi jew regolatorji applikabbli u biex jiżguraw li, fejn ikun rilevanti, il-benefiċċji jinqasmu b’mod ġust u ekwu. F’dak il-kuntest, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaċċettaw ċertifikati tal-konformità rikonoxxuti internazzjonalment bħala evidenza li r-riżorsi ġenetiċi koperti sar aċċess għalihom legalment u li ġew stabbiliti termini miftiehma b’mod reċiproku għall-utent u l-użu speċifikat fihom. L-għażliet speċifiċi mill-utenti fir-rigward tal-għodod u l-miżuri li għandhom japplikaw biex jeżerċitaw id-diliġenza dovuta għandhom ikunu sostnuti bir-rikonoxximent tal-aħjar prattiki, kif ukoll minn miżuri komplementari b’sostenn għal kodiċijiet ta’ kondotta settorjali, mudelli ta’ klawsoli kuntrattwali u linji gwida bil-ħsieb li tiżdied iċ-ċertezza legali u jonqsu l-ispejjeż. L-obbligu fuq l-utenti li tinżamm l-informazzjoni li tkun rilevanti għall-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji għandu jkun limitat fiż-żmien u skont il-perijodu ta’ żmien għal innovazzjoni potenzjali. |
(22) |
L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Protokoll ta’ Nagoya tiddependi fuq in-negozjati, min-naħa tal-utenti u tal-fornituri tar-riżorsi ġenetiċi jew tal-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi, ta’ termini miftiehma b’mod reċiproku li jwasslu għal qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji u jikkontribwixxu għall-objettiv usa’ tal-Protokoll ta’ Nagoya li jsir kontribut għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika. L-utenti u l-fornituri huma wkoll inkoraġġuti jwettqu sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tar-riżorsi ġenetiċi u ta’ għarfien tradizzjonali assoċjat ma’ riżorsi ġenetiċi. |
(23) |
L-obbligu tad-diliġenza dovuta għandu japplika għall-utenti kollha irrispettivament mid-daqs tagħhom, inkluż l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Dan ir-Regolament għandu joffri firxa ta’ miżuri u għodod li jippermettu lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju jikkonformaw mal-obbligi tagħhom bi spejjeż raġonevoli u b’livell għoli ta’ ċertezza legali. |
(24) |
L-aħjar prattiki żviluppati mill-utenti għandu jkollhom rwol importanti fl-identifikazzjoni tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta li huma partikolarment adatti biex tintlaħaq il-konformità mas-sistema tal-implimentazzjoni tal-Protokoll ta’ Nagoya bi spejjeż raġonevoli u b’livell għoli ta’ ċertezza legali. L-utenti għandhom jibnu fuq il-kodiċijiet ta’ kondotta eżistenti għall-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji żviluppati għas-setturi tar-riċerka akkademika, universitarja u mhux kummerċjali u industriji differenti. L-assoċjazzjonijiet tal-utenti għandhom ikunu jistgħu jitolbu li l-Kummissjoni tiddetermina jekk huwiex possibbli li taħlita speċifika ta’ proċeduri, għodod jew mekkaniżmi ssorveljati minn assoċjazzjoni tiġi rikonoxxuta bħala prattika tajba. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iqisu li l-implimentazzjoni, minn utent, ta’ prattika tajba rikonoxxuta tnaqqas ir-riskju tan-nonkonformità tal-utent u tiġġustifika tnaqqis fil-kontrolli tal-konformità. L-istess għandu japplika għall-aħjar prattiki adottati mill-Partijiet għall-Protokoll ta’ Nagoya. |
(25) |
Il-punti ta’ kontroll tal-Protokoll ta’ Nagoya jridu jkunu effettivi u għandhom ikunu rilevanti għall-użu tar-riżorsi ġenetiċi. F’punti identifikati fil-katina tal-attivitajiet li jikkostitwixxu l-użu, l-utenti għandhom, fuq talba, jiddikjaraw u jipprovdu evidenza li huma jkunu eżerċitaw id-diliġenza dovuta. Punt adatt għal tali dikjarazzjoni jkun meta jiġu riċevuti fondi għar-riċerka. Punt adatt ieħor hu fl-istadju finali tal-użu, li jfisser fl-istadju tal-aħħar żvilupp ta’ prodott qabel ma tintalab l-approvazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott żviluppat permezz tal-użu ta’ riżorsi ġenetiċi jew għarfien tradizzjonali assoċjat ma’ tali riżorsi, jew, fejn mhijiex meħtieġa approvazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni, fl-istadju tal-iżvilupp finali ta’ prodott qabel ma jitqiegħed għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-punti ta’ kontroll, filwaqt li fl-istess ħin tiżdied iċ-ċertezza legali għall-utenti, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikolu 291(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tagħmel użu minn dawk is-setgħat ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina l-istadju tal-aħħar żvilupp ta’ prodott, f’konformità mal-Protokoll ta’ Nagoya, sabiex jiġi identifikat l-aħħar stadju tal-użu fis-setturi differenti. |
(26) |
Huwa importanti li jiġi rikonoxxut li ċ-Ċentru ta’ Skambju tal-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji jkollu rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-Protokoll ta’ Nagoya. F’konformità mal-Artikoli 14 u 17 tal-Protokoll ta’ Nagoya, l-informazzjoni tintbagħat liċ-Ċentru ta’ Skambju tal-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji bħala parti miċ-ċertifikat rikonoxxut internazzjonalment dwar il-proċess ta’ konformità. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw maċ-Ċentru ta’ Skambju tal-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji biex jiġi żgurat li l-informazzjoni tiġi skambjata biex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-konformità tal-utenti. |
(27) |
Il-kollezzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi mill-ambjent naturali fil-biċċa l-kbira jitwettaq għal skopijiet mhux kummerċjali minn riċerkaturi jew kolletturi akkademiċi, universitarji u mhux kummerċjali. Fil-maġġoranza assoluta tal-każijiet u fis-setturi kważi kollha, l-aċċess għal riżorsi ġenetiċi li jkunu għadhom kif inġabru jsir permezz ta’ intermedjarji, kollezzjonijiet, jew aġenti li jiksbu riżorsi ġenetiċi f’pajjiżi terzi. |
(28) |
Il-kollezzjonijiet huma fornituri ewlenin ta’ riżorsi ġenetiċi u għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi użati fl-Unjoni. Bħala fornituri dawn jista’ jkollhom rwol importanti fl-għoti ta’ għajnuna lil utenti oħra fil-katina tal-kustodja sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom. Biex dan isir, għandha tiġi stabbilita sistema ta’ kollezzjonijiet irreġistrati fl-Unjoni permezz tal-istabbiliment ta’ reġistru volontarju ta’ kollezzjonijiet li għandu jinżamm mill-Kummissjoni. Tali sistema tiżgura li l-kollezzjonijiet inklużi fir-reġistru japplikaw b’mod effettiv miżuri li jillimitaw il-forniment ta’ kampjuni ta’ riżorsi ġenetiċi lil terzi persuni li jkollhom dokumentazzjoni li tipprovdi evidenza ta’ aċċess legali, u tiżgura l-istabbiliment ta’ termini miftiehma b’mod reċiproku, fejn ikun meħtieġ. Sistema ta’ kollezzjonijiet irreġistrati fl-Unjoni għandha tnaqqas sostanzjalment ir-riskju li fl-Unjoni jintużaw riżorsi ġenetiċi li l-aċċess għalihom ma jkunx sar skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji jew ir-rekwiżiti regolatorji ta’ Parti għall-Protokoll ta’ Nagoya. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jivverifikaw jekk kollezzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti għar-rikonoxximent bħala kollezzjoni li għandha tiġi inkluża fir-reġistru. L-utenti li jiksbu riżorsa ġenetika minn kollezzjoni inkluża fir-reġistru għandhom jitqiesu li jkunu eżerċitaw id-diliġenza dovuta fir-rigward tat-tiftix tal-informazzjoni kollha meħtieġa. Dan għandu jkun partikolarment siewi għar-riċerkaturi akkademiċi, universitarji u mhux kummerċjali kif ukoll għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u għandu jikkontribwixxi għal tnaqqis fir-rekwiżiti amministrattivi u ta’ konformità. |
(29) |
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jivverifikaw jekk l-utenti josservawx l-obbligi tagħhom, ikunux kisbu kunsens infurmat minn qabel u jkunux stabbilixxew termini miftiehma b’mod reċiproku. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll iżommu rekords tal-kontrolli li jkunu saru, u l-informazzjoni rilevanti għandha ssir disponibbli f’konformità mad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). |
(30) |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ksur tar-regoli li jimplimentaw il-Protokoll ta’ Nagoya jiġi sanzjonat permezz ta’ pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi. |
(31) |
Minħabba n-natura internazzjonali tat-transazzjonijiet ta’ aċċess u qsim tal-benefiċċji, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw bejniethom, mal-Kummissjoni, u mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ pajjiżi terzi sabiex jiżguraw li l-utenti jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament u jappoġġjaw l-applikazzjoni effettiva tar-regoli li jimplimentaw il-Protokoll ta’ Nagoya. |
(32) |
L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jaġixxu b’mod proattiv sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi tal-Protokoll ta’ Nagoya sabiex jiżdiedu r-riżorsi biex jiġu appoġġati l-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika u l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha fuq livell globali. |
(33) |
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri komplementari adatti biex isaħħu l-effettività tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u biex jonqsu l-ispejjeż, b’mod partikolari fejn dan ikun ta’ benefiċċju għar-riċerkaturi akkademiċi, universitarji u mhux kummerċjali u għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. |
(34) |
Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). |
(35) |
Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-appoġġ għall-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ riżorsi ġenetiċi f’konformità mal-Protokoll ta’ Nagoya, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala tiegħu u l-ħtieġa li jkun żgurat il-funzjonament tas-suq intern, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv. |
(36) |
Id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandha tkun marbuta direttament mad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ta’ Nagoya għall-Unjoni sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ugwali fil-livelli tal-Unjoni u globali fl-attivitajiet relatati mal-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji tar-riżorsi ġenetiċi, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jirregolaw il-konformità mal-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji minn riżorsi ġenetiċi u għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta’ Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-diversità Bijoloġika (il-“Protokoll ta’ Nagoya”). L-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament ser tikkontribwixxi wkoll għall-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika u l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (il-“Konvenzjoni”).
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament japplika għal riżorsi ġenetiċi li fuqhom l-Istati jeżerċitaw drittijiet sovrani u għall-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi li jsir aċċess għalihom wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ta’ Nagoya fl-Unjoni. Japplika wkoll għall-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ dawn ir-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi.
2. Dan ir-Regolament ma japplikax għar-riżorsi ġenetiċi li l-aċċess għalihom u l-qsim tal-benefiċċji tagħhom huma rregolati minn strumenti internazzjonali speċjalizzati li huma konsistenti mal-objettivi tal-Konvenzjoni u l-Protokoll ta’ Nagoya u li ma jkunux b’kuntrast magħhom.
3. Dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Istati Membri dwar l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi li fuqhom jeżerċitaw drittijiet sovrani fl-ambitu tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni, u għad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-Artikolu 8(j) tal-Konvenzjoni dwar l-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi.
4. Dan ir-Regolament japplika għar-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi li għalihom tapplika l-leġiżlazzjoni jew ir-rekwiżiti regolatorji dwar l-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji ta’ Parti għall-Protokoll ta’ Nagoya.
5. Xejn f’dan ir-Regolament ma għandu jobbliga lil Stat Membru li jipprovdi informazzjoni li huwa jqis li l-iżvelar tagħha tmur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet tal-Konvenzjoni u l-Protokoll ta’ Nagoya kif ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“materjal ġenetiku” tfisser kwalunkwe materjal li joriġina minn pjanta, annimal, mikrobu jew xi oriġini oħra li jkun fih unitajiet funzjonali ta’ eredità; |
(2) |
“riżorsi ġenetiċi” tfisser materjal ġenetiku ta’ valur attwali jew potenzjali; |
(3) |
“aċċess” tfisser il-kisba ta’ riżorsi ġenetiċi jew ta’ għarfien tradizzjonali assoċjat ma’ riżorsi ġenetiċi f’Parti għall-Protokoll ta’ Nagoya; |
(4) |
“utent” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tuża riżorsi ġenetiċi jew għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi; |
(5) |
“użu ta’ riżorsi ġenetiċi” tfisser it-twettiq ta’ riċerka u żvilupp dwar il-kompożizzjoni ġenetika u/jew bijokimika ta’ riżorsi ġenetiċi, inkluż permezz tal-applikazzjoni tal-bijoteknoloġija kif definit fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni; |
(6) |
“termini miftiehma b’mod reċiproku” tfisser l-arranġamenti kuntrattwali konklużi bejn fornitur ta’ riżorsi ġenetiċi jew ta’ għarfien tradizzjonali assoċjat ma’ riżorsi ġenetiċi u utent, li jistabbilixxu kondizzjonijiet speċifiċi għall-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ riżorsi ġenetiċi jew ta’ għarfien tradizzjonali assoċjat ma’ riżorsi ġenetiċi, u li jistgħu jinkludu wkoll kondizzjonijiet u termini ulterjuri għal dak l-użu kif ukoll applikazzjonijiet sussegwenti u kummerċjalizzazzjoni; |
(7) |
“għarfien tradizzjonali assoċjat ma’ riżorsi ġenetiċi” tfisser l-għarfien tradizzjonali li jkollha komunità indiġena jew lokali li jkun rilevanti għall-użu tar-riżorsi ġenetiċi u li huwa deskritt bħala tali fit-termini miftiehma b’mod reċiproku li japplikaw għall-użu ta’ riżorsi ġenetiċi; |
(8) |
“riżorsi ġenetiċi li l-aċċess għalihom ma jkunx sar b’mod legali” tfisser riżorsi ġenetiċi u għarfien tradizzjonali assoċjat ma’ riżorsi ġenetiċi li l-aċċess għalihom ma jkunx sar f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew ir-rekwiżiti regolatorji tal-pajjiż fornitur li jkun Parti għall-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji li jeħtieġu kunsens infurmat minn qabel; |
(9) |
“kollezzjoni” tfisser ġabra ta’ kampjuni ta’ riżorsi ġenetiċi u informazzjoni relatata li tiġi akkumulata u tinħażen, kemm jekk miżmuma minn entitajiet pubbliċi jew minn dawk privati; |
(10) |
“assoċjazzjoni ta’ utenti” tfisser organizzazzjoni, stabbilita f’konformità mar-rekwiżiti tal-Istat Membru fejn tkun tinsab, u li tirrappreżenta l-interessi tal-utenti u li tkun involuta fl-iżvilupp u s-sorveljanza tal-aħjar prassi msemmija fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament; |
(11) |
“ċertifikat tal-konformità rikonoxxut internazzjonalment” tfisser permess jew l-ekwivalenti tiegħu maħruġ fil-mument tal-aċċess, bħala evidenza li r-riżorsa ġenetika li jkopri jkun sar aċċess għaliha f’konformità mad-deċiżjoni li jingħata kunsens infurmat minn qabel, u li t-termini miftiehma b’mod reċiproku ġew stabbiliti għall-utent u l-użu speċifikati hemmhekk, minn awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 6(3)(e) u l-Artikolu 13(2) tal-Protokoll ta’ Nagoya, li jitqiegħed għad-dispożizzjoni taċ-Ċentru ta’ Skambju tal-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji stabbilit taħt l-Artikolu 14(1) ta’ dak il-Protokoll. |
KAPITOLU II
KONFORMITÀ TAL-UTENTI
Artikolu 4
Obbligi tal-utenti
1. L-utenti għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta biex jiżguraw li r-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi li jużaw ikun sar aċċess għalihom f’konformità mal-leġiżlazzjoni jew ir-rekwiżiti regolatorji applikabbli għall-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji, u li l-benefiċċji jinqasmu b’mod ġust u ekwu skont termini miftiehma b’mod reċiproku, f’konformità ma kwalunkwe leġiżlazzjoni jew rekwiżit regolatorju applikabbli.
2. Ir-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi għandhom jiġu ttrasferiti u użati f’konformità ma’ termini miftiehma b’mod reċiproku jekk ikunu meħtieġa mil-leġiżlazzjoni jew ir-rekwiżiti regolatorji applikabbli.
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-utenti għandhom ifittxu, iżommu u jittrasferixxu lil utenti sussegwenti:
(a) |
iċ-ċertifikat ta’ konformità rikonoxxut internazzjonalment, kif ukoll informazzjoni dwar il-kontenut tat-termini miftiehma b’mod reċiproku rilevanti għall-utenti sussegwenti; jew |
(b) |
fejn ma jkunx hemm disponibbli ċertifikat ta’ konformità rikonoxxut internazzjonalment, informazzjoni u dokumenti rilevanti dwar:
|
4. L-utenti li jakkwistaw Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura (PGRFA) f’pajjiż li jkun Parti għall-Protokoll ta’ Nagoya li jkun iddetermina li l-PGRFA taħt il-ġestjoni u l-kontroll tiegħu u fid-dominju pubbliku, li ma jinsabux fl-Anness I għat-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura (ITPGRFA), ser ikunu wkoll soġġetti għat-termini u l-kondizzjonijiet tal-ftehim standard dwar it-trasferiment ta’ materjal għall-finijiet mogħtija taħt l-ITPGRFA, għandhom jitqiesu li jkunu eżerċitaw diliġenza dovuta f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.
5. Meta l-informazzjoni fil-pussess tagħhom tkun insuffiċjenti jew jippersistu inċertezzi rigward il-legalità tal-aċċess u l-użu, l-utenti għandhom jiksbu permess ta’ aċċess jew l-ekwivalenti tiegħu u jistabbilixxu termini miftiehma b’mod reċiproku, jew għandhom iwaqqfu l-użu.
6. L-utenti għandhom iżommu l-informazzjoni rilevanti għall-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji għal għoxrin sena wara t-tmiem tal-perijodu tal-użu.
7. L-utenti li jiksbu riżorsa ġenetika minn kollezzjoni inkluża fir-reġistru tal-kollezzjonijiet fl-Unjoni msemmi fil-Artikolu 5(1) għandhom jitqiesu li eżerċitaw id-diliġenza dovuta fir-rigward tat-tiftix tal-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.
8. L-utenti li jiksbu riżorsa ġenetika li tiġi ddeterminata li hi, jew tiġi ddeterminata li probabbilment hi, l-patoġenu kawżanti ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika attwali jew imminenti ta’ tħassib internazzjonali, fis-sens tar-Regolamenti Internazzjonali dwar is-Saħħa (2005), jew hija ta’ theddida serja transkonfinali għas-saħħa kif definit fid-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), għall-finijiet ta’ tħejjija għal emerġenza tas-saħħa pubblika f’pajjiżi li għandhom ma ntlaqtux u b’reazzjoni f’pajjiżi milquta, għandhom jissodisfaw l-obbligi elenkati fil-paragrafu 3 jew 5 ta’ dan l-Artikolu mhux aktar tard minn:
(a) |
xahar wara li tintemm it-theddida imminenti jew attwali għas-saħħa pubblika, jew |
(b) |
tliet xhur wara l-bidu tal-użu tar-riżorsa ġenetika, |
skont liema minnhom iseħħ l-ewwel.
Jekk l-obbligi elenkati fil-paragrafu 3 jew 5 ta’ dan l-Artikolu ma jiġux issodisfati sal-iskadenzi stipulati fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-użu għandu jitwaqqaf.
Fl-eventwalità ta’ talba għal approvazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni jew it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li joriġinaw mill-użu ta’ dik ir-riżorsa ġenetika kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-obbligi elenkati fil-paragrafu 3 jew 5 għandhom japplikaw kollha u mingħajr dewmien.
Fin-nuqqas ta’ kunsens infurmat minn qabel miksub minnufih u ta’ termini bi qbil reċiproku stabbiliti, u sakemm jintlaħaq qbil mal-pajjiż fornitur ikkonċernat, dak l-utent ma jista’ jitlob ebda tip ta’ dritt esklużiv għal kwalunkwe żvilupp li jsir permezz tal-użu ta’ dawk il-patoġeni.
Strumenti speċjalizzati internazzjonali għall-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji kif imsemmija fl-Artikolu 2 jibqgħu ma jkunux affettwati.
Artikolu 5
Reġistru tal-kollezzjonijiet
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm reġistru ta’ kollezzjonijiet fl-Unjoni (“ir-reġistru”). Il-Kummissjoni għandha tiżgura li r-reġistru jkun ibbażat fuq l-Internet u li l-utenti jkollhom aċċess faċli għalih. Ir-reġistru għandu jinkludi r-referenzi tal-kollezzjonijiet ta’ riżorsi ġenetiċi, jew ta’ partijiet minn dawk il-kollezzjonijiet, identifikati bħala li jissodisfaw il-kriterji li jinsabu fil-paragrafu 3.
2. Fuq talba ta’ pussessur ta’ kollezzjoni fil-ġurisdizzjoni tiegħu, Stat Membru għandu jqis l-inklużjoni ta’ dik il-kollezzjoni, jew xi parti minnha, fir-reġistru. Wara li jivverifika li l-kollezzjoni, jew xi parti minnha, tissodisfa l-kriterji li jinsabu fil-paragrafu 3, l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed bl-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kollezzjoni u tal-pussessur tagħha, u tat-tip ta’ kollezzjoni kkonċernata. Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tinkludi fir-reġistru l-informazzjoni li tirċievi.
3. Biex kollezzjoni jew xi parti minn kollezzjoni tiġi inkluża fir-reġistru, għandu jintwera li l-kollezzjoni tkun kapaċi:
(a) |
tapplika proċeduri standardizzati għall-iskambju ta’ kampjuni ta’ riżorsi ġenetiċi u informazzjoni relatata ma’ kollezzjonijiet oħra, u għall-forniment ta’ kampjuni ta’ riżorsi ġenetiċi u informazzjoni relatata lil terzi persuni biex jintużaw konformement mal-Konvenzjoni u l-Protokoll ta’ Nagoya; |
(b) |
tforni riżorsi ġenetiċi u informazzjoni relatata biss lil terzi persuni għall-użu tagħhom b’dokumentazzjoni li tipprovdi evidenza li r-riżorsi ġenetiċi u l-informazzjoni relatata sar aċċess għalihom f’konformità mal-leġiżlazzjoni jew ir-rekwiżiti regolatorji applikabbli dwar l-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji u, fejn ikun rilevanti, b’termini miftiehma b’mod reċiproku; |
(c) |
iżżomm rekords tal-kampjuni kollha ta’ riżorsi ġenetiċi u informazzjoni relatata fornuti lil terzi persuni għall-użu tagħhom; |
(d) |
tistabbilixxi jew tuża identifikaturi uniċi, fejn ikun possibbli, għall-kampjuni ta’ riżorsi ġenetiċi fornuti lil terzi persuni; u |
(e) |
tuża għodod ta’ traċċar u monitoraġġ xierqa għall-iskambju, ma’ kollezzjonijiet oħra, ta’ kampjuni ta’ riżorsi ġenetiċi u informazzjoni relatata. |
4. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw regolarment li kull kollezzjoni jew parti minn kollezzjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom inkluża fir-reġistru tissodisfa l-kriterji li jinsabu fil-paragrafu 3.
Fejn ikun hemm evidenza, abbażi ta’ informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 3, li kollezzjoni jew xi parti minn kollezzjoni inkluża fir-reġistru ma tissodisfax il-kriterji li jinsabu fil-paragrafu 3, l-Istat Membru kkonċernat għandu, fi djalogu mal-pussessur tal-kollezzjoni kkonċernata u mingħajr dewmien żejjed, jidentifika azzjonijiet jew miżuri ta’ rimedju.
Stat Membru li jiddetermina li kollezzjoni jew xi parti minn kollezzjoni fil-ġurisdizzjoni tiegħu ma tkunx għadha tikkonforma mal-paragrafu 3 għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’dan mingħajr dewmien żejjed.
Meta tirċievi dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tneħħi l-kollezzjoni jew xi parti mill-kollezzjoni kkonċernata mir-reġistru.
5. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-proċeduri għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).
Artikolu 6
Awtoritajiet kompetenti u punt fokali
1. Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità kompetenti waħda jew aktar biex tkun responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom fid-data taad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed bi kwalunkwe bidla fl-ismijiet jew l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti.
2. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-disponibbiltà tal-pubbliku, inkluż permezz tal-Internet, lista tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha żżomm il-lista aġġornata.
3. Il-Kummissjoni għandha tinnomina punt fokali dwar l-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji li jkun responsabbli biex jikkomunika mas-Segretarjat tal-Konvenzjoni fir-rigward tal-materji koperti minn dan ir-Regolament.
4. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-korpi tal-Unjoni stabbiliti skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 (10) jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 7
Monitoraġġ tal-konformità tal-utenti
1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jitolbu lir-riċevituri kollha ta’ fondi għar-riċerka li tinvolvi l-użu ta’ riżorsi ġenetiċi u għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi biex jiddikjaraw li jeżerċitaw id-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 4.
2. F’dan l-istadju tal-iżvilupp finali ta’ prodott żviluppat permezz tal-użu ta’ riżorsi ġenetiċi jew għarfien tradizzjonali assoċjat ma’ dawk ir-riżorsi, l-utenti għandhom jiddikjaraw lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 6(1) li huma jkunu ssodisfaw l-obbligi skont l-Artikolu 4 u għandhom fl-istess ħin jippreżentaw:
(a) |
l-informazzjoni rilevanti miċ-ċertifikat ta’ konformità rikonoxxut internazzjonalment, jew |
(b) |
l-informazzjoni relatata kif imsemmi fl-Artikolu 4(3)(b)(i)-(v) u l-Artikolu 4(5), inkluż informazzjoni li jkunu ġew stabbiliti t-termini miftiehma b’mod reċiproku, fejn applikabbli. |
Fuq talba, l-utenti għandhom jipprovdu aktar evidenza lill-awtorità kompetenti.
3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu l-informazzjoni li huma jirċievu abbażi tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu liċ-Ċentru ta’ Skambju tal-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji, stabbilit skont l-Artikolu 14(1) tal-Protokoll ta’ Nagoya lill-Kummissjoni u, fejn adatt, lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti msemmija fl-Artikolu 13(2) tal-Protokoll ta’ Nagoya.
4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw maċ-Ċentru ta’ Skambju tal-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji biex jiżguraw l-iskambju tal-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 17(2) tal-Protokoll ta’ Nagoya għall-monitoraġġ tal-konformità tal-utenti.
5. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw b’mod xieraq ir-rispett tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali fejn dik il-kunfidenzjalità tkun prevista mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali biex tipproteġi interess ekonomiku leġittimu, b’mod partikolari fir-rigward tad-denominazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi u d-denominazzjoni tal-użu.
6. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-proċeduri għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. F’dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-istadju tal-iżvilupp finali ta’ prodott sabiex tidentifika l-istadju finali tal-użu f’setturi differenti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).
Artikolu 8
L-aħjar prattiki
1. Assoċjazzjonijiet tal-utenti jew partijiet interessati oħrajn jistgħu jippreżentaw applikazzjoni lill-Kummissjoni sabiex taħlita ta’ proċeduri, għodod jew mekkaniżmi żviluppati u sorveljati minnhom ikunu rikonoxxuti bħala l-aħjar prattika f’konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. L-applikazzjoni għandha tkun appoġġata b’evidenza u informazzjoni.
2. Fejn, abbażi tal-evidenza u l-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tiddetermina li t-taħlita speċifika ta’ proċeduri, għodod jew mekkaniżmi, meta tiġi implimentata b’mod effettiv minn utent, tippermetti lil dak l-utent jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 4 u 7, hija għandha tagħti rikonoxximent bħala l-aħjar prattika.
3. Assoċjazzjoni tal-utenti jew partijiet interessati oħrajn għandha tinforma lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil jew aġġornament li jsir fl-aħjar prattika li għaliha kien ingħata rikonoxximent f’konformità mal-paragrafu 2.
4. Jekk ikun hemm evidenza ta’ każi ripetuti jew sinifikanti fejn utenti li jimplimentaw l-aħjar prattika jkunu naqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha teżamina, fi djalogu mal-assoċjazzjoni rilevanti tal-utenti jew partijiet interessati oħrajn, jekk dawk il-każijiet jindikawx nuqqasijiet possibbli fl-aħjar prattika.
5. Il-Kummissjoni għandha tirtira r-rikonoxximent tal-aħjar prattika meta tkun iddeterminat li bidliet fl-aħjar prattika jikkompromettu l-kapaċità tal-utent li jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 4 u 7, jew meta każijiet ripetuti jew sinifikanti ta’ nuqqas ta’ konformità mill-utenti jirrigwardaw nuqqasijiet fl-aħjar prattika.
6. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornat reġistru bbażat fuq l-Internet tal-aħjar prattiki rikonoxxuti. Dak ir-reġistru għandu jelenka, fit-taqsima waħda, l-aħjar prattiki rikonoxxuti mill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u, fit-taqsima oħra, jelenka l-aħjar prattiki adottati abbażi tal-Artikolu 20(2) tal-Protokoll ta’ Nagoya.
7. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-proċeduri għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).
Artikolu 9
Kontrolli tal-konformità tal-utenti
1. L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 6(1) għandhom iwettqu kontrolli biex jivverifikaw jekk l-utenti humiex konformi mal-obbligi tagħhom skont l-Artikoli 4 u 7, b’kont meħud tal-fatt li l-implimentazzjoni tal-aħjar prattika minn utent fir-rigward tal-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji, rikonoxxuta skont l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-Regolament jew skont l-Artikolu 20(2) tal-Protokoll ta’ Nagoya, tista’ tnaqqas ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità minn dak l-utent.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontrolli imwettqa bis-saħħa tal-paragrafu 1 ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u jikxfu każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mill-utenti ma’ dan ir-Regolament.
3. Il-kontrolli imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu:
(a) |
f’konformità ma’ pjan rivedut perjodikament żviluppat bl-użu ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskji; |
(b) |
meta awtorità kompetenti jkollha fil-pussess tagħha informazzjoni rilevanti, inkluż abbażi ta’ preokkupazzjonijiet sostanzjati provduti minn partijiet terzi, rigward nuqqas ta’ konformità tal-utent ma’ dan ir-Regolament. Għandha tingħata konsiderazzjoni speċjali lil preokkupazzjonijiet bħal dawn imressqa minn pajjiżi fornituri. |
4. Il-kontrolli imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jinkludu eżami ta’:
(a) |
il-miżuri meħuda minn utent biex jeżerċita d-diliġenza dovuta skont l-Artikolu 4; |
(b) |
id-dokumentazzjoni u r-rekords li juru l-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 4 b’rabta mal-attivitajiet ta’ użu speċifiku; |
(c) |
l-okkażjonijiet meta utent kien obbligat jagħmel dikjarazzjonijiet skont l-Artikolu 7. |
Jistgħu jitwettqu wkoll kontrolli fil-post, kif adatt.
5. L-utenti għandhom joffru l-għajnuna kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw it-twettiq tal-ispezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.
6. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11, meta, wara l-kontrolli imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jinstabu xi nuqqasijiet, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ avviż ta’ azzjoni jew miżuri ta’ rimedju li għandhom jittieħdu mill-utent.
Skont in-natura tan-nuqqasijiet, l-Istati Membri jistgħu wkoll jieħdu miżuri proviżorji immedjati.
Artikolu 10
Rekords tal-kontrolli
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu rekords, għal mill-inqas ħames snin, tal-kontrolli imsemmija fl-Artikolu 9(1), fejn jindikaw, b’mod partikolari, in-natura u r-riżultati tagħhom, kif ukoll rekords ta’ kwalunkwe azzjoni u miżura ta’ rimedju meħuda skont l-Artikolu 9(6).
2. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli f’konformità mad-Direttiva 2003/4/KE.
Artikolu 11
Pieni
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tal-Artikoli 4 u 7 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu applikati.
2. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
3. Sal-11 ta' Ġunju 2015, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 u bi kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom mingħajr dewmien.
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 12
Kooperazzjoni
L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 6(1) għandhom:
(a) |
jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni biex jiżguraw li l-utenti jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament; |
(b) |
jikkonsultaw, fejn adatt, mal-partijiet interessati dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll ta’ Nagoya u dan ir-Regolament; |
(c) |
jikkooperaw mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti msemmija fl-Artikolu 13(2) tal-Protokoll ta’ Nagoya biex jiżguraw li l-utenti jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament; |
(d) |
jgħarrfu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe nuqqas serju li jinkixef permezz tal-kontrolli imsemmija fl-Artikolu 9(1), u bit-tipi ta’ pieni imposti f’konformità mal-Artikolu 11; |
(e) |
jiskambjaw informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tas-sistema tagħhom ta’ kontrolli għall-monitoraġġ tal-konformità tal-utenti ma’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 13
Miżuri komplementari
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, kif ikun adatt:
(a) |
jippromwovu u jinkoraġġixxu l-informazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-attivitajiet ta’ taħriġ biex jgħinu lill-partijiet interessati jifhmu l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni u l-Protokoll ta’ Nagoya fl-Unjoni; |
(b) |
iħeġġu l-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ kondotta settorjali, mudelli ta’ klawżoli kuntrattwali, linji gwida u l-aħjar prattiki, b’mod partikolari meta jkunu ta’ benefiċċju għar-riċerkaturi akkademiċi, universitarji u mhux kummerċjali u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju; |
(c) |
jippromwovu l-iżvilupp u l-użu ta’ għodod u sistemi ta’ komunikazzjoni kosteffettivi b’sostenn għall-monitoraġġ u l-ittraċċar tal-użu ta’ riżorsi ġenetiċi u għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi mill-kollezzjonijiet u l-utenti; |
(d) |
jipprovdu gwida teknika u ta’ tip ieħor lill-utenti, b’kont meħud tas-sitwazzjoni tar-riċerkaturi akkademiċi, universitarji u mhux kummerċjali u tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament; |
(e) |
iħeġġu lill-utenti u l-fornituri biex jidderieġu l-benefiċċji mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi lejn il-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika u l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni; |
(f) |
jippromwovu miżuri b’appoġġ tal-kollezzjonijiet li jikkontribwixxu għall-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika u d-diversità kulturali. |
Artikolu 14
Komitoloġija
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Fejn il-kumitat ma jagħtix opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 15
Forum konsultattiv
Il-Kummissjoni għandha tiżgura parteċipazzjoni bbilanċjata tar-rappreżentanti tal-Istati Membri u partijiet interessati oħrajn fi kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Huma għandhom jiltaqgħu f’forum konsultattiv. Ir-regoli ta’ proċedura ta’ dak il-forum konsultattiv għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni.
Artikolu 16
Rapporti u rieżami
1. Sakemm ma jiġix iddeterminat intervall alternattiv għar-rapporti kif imsemmi fl-Artikolu 29 tal-Protokoll ta’ Nagoya, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sal-11 ta' Ġunju 2017 u kull ħames snin wara.
2. Mhux aktar tard minn sena wara l-limitu taż-żmien għall-preżentazzjoni ta’ rapporti msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż l-ewwel valutazzjoni dwar l-effettività ta’ dan ir-Regolament.
3. Kull għaxar snin wara l-ewwel rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rappurtar dwar, u l-esperjenza fl-applikazzjoni ta’, dan ir-Regolament, teżamina l-funzjonament u l-effettività ta’ dan ir-Regolament fil-kisba tal-objettivi tal-Protokoll ta’ Nagoya. Fl-eżami tagħha l-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, tqis il-konsegwenzi amministrattivi għall-istituzzjonijiet pubbliċi tar-riċerka, l-intrapriżi mikro, żgħar jew ta’ daqs medju u setturi speċifiċi. Hija għandha tikkunsidra wkoll il-ħtieġa li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tiġi rieżaminata fid-dawl tal-iżviluppi f’organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn.
4. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta waqt il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Nagoya dwar il-miżuri meħuda mill-Unjoni biex timplimenta miżuri ta’ konformità fir-rigward tal-Protokoll ta’ Nagoya.
Artikolu 17
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Malajr kemm jista’ jkun wara li jiġi ddepożitat l-istrument tal-Unjoni ta’ aċċettazzjoni tal-Protokoll ta’ Nagoya, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jispeċifika d-data li fiha l-Protokoll ta’ Nagoya ser jidħol fis-seħħ fl-Unjoni. Dan ir-Regolament għandu japplika minn dik id-data.
3. L-Artikoli 4, 7, u 9 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ta’ Nagoya fl-Unjoni.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ April 2014.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
D. KOURKOULAS
(1) ĠU C 161, 6.6.2013, p. 73.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ April 2014.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE tal-25 ta’ Ottubru 1993 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika (ĠU L 309, 13.12.1993, p. 1).
(4) Anness I għad-Dokument UNEP/CBD/COP/DEC/X/1 tad-29 ta’ Ottubru 2010.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/283/UE tal-14 ta’ April 2014 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta’ Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (Ara paġna 231 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/869/KE tal-24 ta’ Frar 2004 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura (ĠU L 378, 23.12.2004, p. 1).
(7) Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(9) Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).
(10) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1).