13.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/45


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 481/2014

tal-4 ta' Marzu 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli speċifiċi dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għall-programmi ta' kooperazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013, jeħtieġ li jiġu stipulati regoli speċifiċi dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għall-programmi ta' kooperazzjoni fir-rigward tal-kostijiet marbuta mal-persunal, tan-nefqa għall-uffiċċji u dik amministrattiva, tal-kostijiet tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni, tal-kostijiet għall-għarfien espert u s-servizzi esterni u tan-nefqa marbuta mat-tagħmir (minn hawn 'il quddiem ”kategoriji ta' nefqa”).

(2)

Sabiex ikun hemm flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-eliġibbiltà għall-programmi ta' kooperazzjoni l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fi programm ta' kooperazzjoni partikolari għandhom jitħallew jiddeċiedu li ċerta kategorija ta' nefqa ma tapplikax għal assi prijoritarju speċifiku ta' programm ta' kooperazzjoni partikolari.

(3)

Għandu jiġi speċifikat kif ir-regoli speċifiċi dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għall-programmi ta' kooperazzjoni stipulati f'dan ir-Regolament, jidħlu fil-qafas legali ġenerali dwar ir-regoli tal-eliġibbiltà applikabbli għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (ESI) kollha, kif stipulat fl-Artikoli 65 sa 71 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(4)

Għal kull kategorija ta' nefqa, għandha tiġi stabbilita lista ta' elementi differenti ta' nefqa.

(5)

Għandu jiġi ċċarat li, bħala regola ġenerali, ir-rigali huma ineliġibbli. Madankollu, id-distribuzzjoni ta' oġġetti żgħar relatati mal-promozzjoni, il-komunikazzjoni, ir-reklamar jew l-informazzjoni għandha tkun eliġibbli.

(6)

Għandhom jiġu determinati l-elementi differenti tal-kostijiet marbuta mal-persunal, flimkien ma' regoli dwar il-kalkolu, il-kontabilità u r-rimborż tal-kostijiet tal-persunal b'mod ġenerali u dwar l-assenjar ta' karigi part-time jew kuntratti ta' servizz fuq bażi ta' kull siegħa b'mod partikolari.

(7)

L-elementi differenti tan-nefqa amministrattiva u għall-uffiċċji għandhom jiġu elenkati, flimkien ma' regoli dwar il-kalkolu, il-kontabilità u r-rimborż ta' tali elementi ta' kostijiet, bħala kostijiet diretti jew indiretti, b'mod partikolari fejn ikkombinati mar-rati fissi skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

(8)

L-elementi differenti tal-kostijiet ta' vvjaġġar u ta' akkomodazzjoni għandhom jiġu elenkati, flimkien mar-regoli dwar il-kalkolu, il-kontabilità u r-rimborż, irrispettivament minn jekk din in-nefqa tiġġarrabx mill-benefiċjarju jew direttament mill-persunal tiegħu. Għandhom jiġu ċċarati wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom jiġu kkontabilizzati l-kostijiet ta' vvjaġġar u ta' akkomodazzjoni jekk dawn jintefqu 'l barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm, kif imsemmi fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.

(9)

Għandhom jiġu elenkati l-elementi differenti ta' kostijiet għall-għarfien espert u s-servizzi esterni.

(10)

L-elementi differenti tan-nefqa marbuta mat-tagħmir għandhom jiġu elenkati, flimkien mar-regoli dwar l-eliġibbiltà ta' tagħmir użat.

(11)

Sabiex tkun tista' ssir applikazzjoni fil-pront tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Bla ħsara għar-regoli dwar l-eliġibbiltà, stipulati fl-Artikoli 65 sa 71 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jew abbażi tagħhom, dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għall-programmi ta' kooperazzjoni fir-rigward tal-kategoriji ta' nefqa li ġejjin:

(a)

il-kostijiet marbuta mal-persunal;

(b)

in-nefqa amministrattiva u għall-uffiċċji;

(c)

il-kostijiet ta' vvjaġġar u ta' akkomodazzjoni;

(d)

il-kostijiet għall-għarfien espert u s-servizzi esterni; kif ukoll

(e)

in-nefqa marbuta mat-tagħmir.

2.   L-Istati Membri parteċipanti fil-kumitat ta' monitoraġġ ta' programm ta' kooperazzjoni jistgħu jaqblu li, in-nefqa li tidħol taħt kategorija waħda jew aktar minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1, ma tkunx eliġibbli taħt assi prijoritarju wieħed jew aktar.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Kwalunkwe nefqa eliġibbli f'konformità ma' dan ir-Regolament, imħallsa minn jew f'isem il-benefiċjarju, tirrigwarda l-kostijiet involuti biex tingħata bidu jew biex tingħata bidu u tiġi implimentata operazzjoni jew parti minn operazzjoni.

2.   Il-kostijiet li ġejjin mhumiex eliġibbli:

(a)

multi, penalitajiet finanzjarji u n-nefqa fuq tilwim legali u l-litigazzjoni;

(b)

kostijiet ta' rigali, apparti dawk li l-valur unitarju tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 50, meta jkunu jirrigwardaw il-promozzjoni, il-komunikazzjoni, ir-reklamar jew l-informazzjoni;

(c)

il-kostijiet marbuta ma' fluttwazzjoni tar-rata tal-kambju.

Artikolu 3

Il-kostijiet marbuta mal-persunal

1.   In-nefqa fuq il-kostijiet marbuta mal-persunal tikkonsisti f'kostijiet ta' impjieg gross tal-membri tal-persunal impjegati mill- benefiċjarju b'waħda mill-modalitajiet segwenti:

(a)

full time;

(b)

part-time b'perċentwali fiss ta' ħin maħdum għal kull xahar;

(c)

part-time b'numru flessibbli ta' sigħat maħduma għal kull xahar; jew

(d)

fuq bażi ta' kull siegħa.

2.   In-nefqa fuq il-kostijiet marbuta mal-persunal tkun limitata għas-segwenti:

(a)

il-pagamenti ta' salarji relatati mal-attivitajiet li l-entità ma twettaqx jekk l-operazzjoni kkonċernata ma tkunx saret, stabbiliti f'kuntratt ta' impjieg/xogħol, f'deċiżjoni ta' ħatra (minn hawn 'il quddiem imsejħa t-tnejn li huma “dokument ta' impjieg”) jew bil-liġi, u marbuta mar-responsabbiltajiet speċifikati fid-deskrizzjoni tal-impjieg tal-membru tal-persunal ikkonċernat;

(b)

kwalunkwe kostijiet oħra direttament marbuta mal-pagamenti ta' salarji mġarrba u mħallsa mill-impjegatur, bħalma huma t-taxxi fuq l-impjieg u s-sigurtà soċjali inklużi l-pensjonijiet, kif kopert mir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) sakemm:

(i)

ikunu stabbiliti f'xi dokument ta' impjieg jew bil-liġi;

(ii)

ikunu f'konformità mal-leġiżlazzjoni msemmija fid-dokument ta' impjieg u mal-prassi standard tal-pajjiż u/jew tal-organizzazzjoni fejn effettivament ikun qed jaħdem il-membru individwali tal-persunal; kif ukoll

(iii)

ma jkunux irkuprabbli mill-impjegatur.

Fir-rigward tal-punt (a), il-pagamenti lil persuni fiżiċi li jaħdmu għall-benefiċjarju fil-qafas ta' kuntratt għajr kuntratt tal-impjieg/tax-xogħol, jistgħu jiġu assimilati mal-pagamenti ta' salarji u kuntratt bħal dan ikun jista' jitqies bħala dokument ta' impjieg.

3.   Il-kostijiet marbuta mal-persunal jistgħu jiġu rimborżati:

(i)

abbażi tal-kost reali (ipprovat permezz tad-dokument ta' impjieg u tar-rendikonti tas-salarju); jew

(ii)

abbażi tal-opzjonijiet relatati mal-kostijiet simplifikati, kif stabbilit fl-Artikolu 67(1), minn (b) sa (d) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013; jew billi

(iii)

bħala rata fissa f'konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.

4.   Il-kostijiet marbuta mal-persunal relatati ma' individwi li jiġu assenjati karigu part-time waqt operazzjoni, ikunu kkalkolati bħala:

(a)

perċentwali fiss tal-kost tal-impjieg gross, f'konformità mal-perċentwali fiss tal-ħin maħdum waqt l-operazzjoni, mingħajr obbligu li tiġi stabbilita sistema separata ta' reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol; jew billi

(b)

sehem flessibbli tal-kost tal-impjieg gross, f'konformità mal-għadd ta' sigħat li jvarjaw minn xahar għal ieħor, maħduma waqt l-operazzjoni, abbażi ta' sistema ta' reġistrazzjoni ta' ħin li tkopri 100 % tal-ħin tax-xogħol tal-impjegat.

5.   Fir-rigward tal-karigi part-time msemmija taħt il-punt (a) tal-paragrafu 4, l-impjegatur joħroġ dokument għal kull impjegat li jistabbilixxi l-perċentwali tal-ħin li jkun irid jinħadem waqt l-operazzjoni.

6.   Fir-rigward tal-karigi part-time msemmija taħt il-punt (b) tal-paragrafu 4, ir-rimborż tal-kostijiet marbuta mal-persunal jiġi kkalkulat fuq bażi ta' rata fis-siegħa, determinat billi:

(i)

jiġi diviż il-kost gross tal-impjieg ta' kull xahar bil-ħin tax-xogħol ta' kull xahar stabbilit fid-dokument ta' impjieg u espress f'sigħat; jew billi

(ii)

jiġi diviż il-kost tal-impjieg gross annwali, dokumentat l-aktar riċenti, b'1 720 siegħa, f'konformità mal-Artikolu 68(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Ir-rata fis-siegħa tiġi mmultiplikata bl-għadd ta' sigħat li jkunu effettivament inħadmu waqt l-operazzjoni.

7.   Il-kostijiet marbuta mal-persunal relatati ma' individwi li, skont id-dokument ta' impjieg, jaħdmu fuq bażi ta' kull siegħa, ikunu eliġibbli billi jiġi mmultiplikat l-għadd ta' sigħat li jkunu effettivament inħadmu waqt l-operazzjoni mar-rata fis-siegħa miftiehma fid-dokument ta' impjieg, abbażi ta' sistema ta' reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

Artikolu 4

In-nefqa amministrattiva u għall-uffiċċji

In-nefqa amministrattiva u għall-uffiċċji tkun limitata għall-elementi li ġejjin:

(a)

il-kirja tal-uffiċċji;

(b)

l-assigurazzjoni u t-taxxi relatati mal-bini fejn ikun qiegħed il-persunal u mat-tagħmir tal-uffiċċji (pereż. assigurazzjonijiet fuq is-serq u kontra n-nar);

(c)

l-utilitajiet (pereż. l-elettriku, it-tisħin, l-ilma);

(d)

il-provvisti tal-uffiċċju;

(e)

il-kontabilità ġenerali pprovduta fl-organizzazzjoni benefiċjarja;

(f)

l-arkivji;

(g)

il-manutenzjoni, it-tindif u t-tiswijiet;

(h)

is-sigurtà;

(i)

is-sistemi tal-IT;

(j)

il-mezzi ta' komunikazzjoni (pereż. it-telefown, il-faks, l-Internet, is-servizzi postali, il-biljetti ta' kuntatt);

(k)

l-imposti bankarji għall-ftuħ u l-amministrazzjoni ta' kont jew kontijiet, meta l-implimentazzjoni ta' operazzjoni tkun tirrikjedi li jinfetaħ kont separat;

(l)

l-imposti għal tranżazzjonijiet finanzjarji tranżnazzjonali.

Artikolu 5

Il-kostijiet ta' vvjaġġar u ta' akkomodazzjoni;

1.   In-nefqa fuq il-kostijiet ta' vvjaġġar u ta' akkomodazzjoni tkun limitata għall-elementi segwenti:

(a)

il-kostijiet ta' vvjaġġar (pereż. il-biljetti, l-assigurazzjoni tal-ivvjaġġar u tal-karozzi, il-fjuwil, il-kilometraġġ, in-nollijiet, u l-miżati għall-parkeġġ);

(b)

l-ispejjeż tal-ikliet;

(c)

il-kostijiet ta' akkomodazzjoni;

(d)

il-kostijiet tal-viża;

(e)

Kumpensi għas-sussistenza ta' kuljum.

2.   Kwalunkwe element elenkat fil-punti minn (a) sa (d) tal-paragrafu 1, kopert minn kumpens għas-sussistenza ta' kuljum, ma jkunx rimborżat flimkien mal-kumpens għas-sussistenza ta' kuljum.

3.   Il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni ta' esperti u fornituri tas-servizz esterni jaqgħu taħt il-kostijiet għall-għarfien espert u s-servizzi esterni elenkati fl-Artikolu 6.

4.   Il-pagament dirett ta' nefqa skont dan l-Artikolu min-naħa ta' impjegat tal-benefiċjarju jiġi sostnut billi l-benefiċjarju jagħti prova ta' rimborż lil dak l-impjegat.

5.   F'dak li jirrigwarda l-operazzjonijiet li jinvolvu assistenza teknika jew attivitajiet promozzjonali u bini ta' kapaċitajiet, in-nefqa mġarrba 'l barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm tkun eliġibbli, jekk tiġġarrab f'konformità mal-Artikolu 20(3) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.

6.   L-awtorità maniġerjali tista' taċċetta l-kostijiet ta' akkomodazzjoni u tal-ikel li jsiru fi stabbilimenti li jinsabu barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm bħala eliġibbli, jekk ikunu ġġarrbu f'konformità mal-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013. Dan japplika wkoll għall-kostijiet tal-ivvjaġġar fil-post fejn ikun/tkun sar(et) xi avveniment jew azzjoni 'l barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm.

7.   Fir-rigward tal-membri tal-persunal ta' benefiċjarji li jkunu jinsabu 'l barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm, l-awtorità maniġerjali tista' taċċetta l-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 1, inklużi l-kostijiet tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-avveniment jew tal-azzjoni, ġewwa jew barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm, bħala eliġibbli, jekk jiġġarrbu f'konformità mal-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.

8.   Fir-rigward tal-membri tal-persunal ta' benefiċjarji li jkunu jinsabu 'l ġewwa mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm, il-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 1, inklużi l-kostijiet tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-avveniment jew tal-azzjoni, ġewwa jew barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm, jitqiesu bħala eliġibbli, f'konformità mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.

Artikolu 6

Il-kostijiet għall-għarfien espert u s-servizzi esterni

In-nefqa fuq il-kostijiet għall-għarfien espert u s-servizzi esterni tkun limitata għas-servizzi u l-għarfien espert li ġejjin, ipprovduti minn xi korp legali pubbliku jew privat jew minn persuna fiżika, gћajr il-benefiċjarju tal-operazzjoni:

(a)

studji jew stħarriġiet (pereż. evalwazzjonijiet, strateġiji, dokumenti kunċettwali, pjanijiet ta' disinn, manwali);

(b)

it-taħriġ;

(c)

it-traduzzjonijiet:

(d)

is-sistemi tal-IT u l-iżvilupp ta' websajts, il-modifiki u l-aġġornamenti;

(e)

il-promozzjoni, il-komunikazzjoni, ir-reklamar jew l-informazzjoni marbuta ma' operazzjoni jew ma' programm ta' kooperazzjoni bħala tali;

(f)

l-immaniġġjar finanzjarju;

(g)

servizzi relatati mal-organizzazzjoni u mal-implimentazzjoni ta' avvenimenti jew laqgħat (inkluż il-kiri, il-forniment tal-ikel jew l-interpretazzjoni);

(h)

il-parteċipazzjoni f'avvenimenti (pereż. il-miżati ta' reġistrazzjoni);

(i)

il-konsulenza legali u s-servizzi notarili, l-għarfien espert tekniku u finanzjarju, servizzi oħra ta' konsulenza u kontabilità;

(j)

id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali;

(k)

il-verifiki skont l-Artikolu 125(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u l-Artikolu 23(4) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013;

(l)

il-kosti ta' ċertifikazzjoni u ta' awditu fuq il-livell ta' programm skont l-Artikoli 126 u 127 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013;

(m)

l-għoti ta' garanziji minn bank jew istituzzjoni finanzjarja oħra, fejn ikun mitlub mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali, jew f'xi dokument ta' programmar adottat mill-kumitat ta' monitoraġġ;

(n)

l-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni għall-esperti esterni, il-kelliema, il-presidenti tal-laqgħat u l-fornituri tas-servizz;

(o)

għarfien espert u servizzi speċifiċi oħra meħtieġa għall-operazzjonijiet.

Artikolu 7

In-nefqa marbuta mat-tagħmir

1.   In-nefqa għall-finanzjament ta' tagħmir mixtri, mikri jew imwelli mill-benefiċjarju tal-operazzjoni apparti dik koperta bl-Artikolu 4, tkun limitata għas-segwenti:

(a)

l-apparat tal-uffiċċju;

(b)

il-ħardwer u s-softwer tal-IT;

(c)

l-għamara u l-fittings;

(d)

l-apparat tal-laboratorju;

(e)

il-magni u l-istrumenti;

(f)

l-għodod jew l-apparat;

(g)

il-vetturi;

(h)

tagħmir speċifiku ieħor meħtieġ għall-operazzjonijiet.

2.   Il-kostijiet tax-xiri ta' tagħmir użat jista' jkun eliġibbli bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ma tkun ingħatat l-ebda assistenza oħra għalih mill-Fondi ESI;

(b)

il-prezz tiegħu ma jaqbiżx il-prezz ġeneralment aċċettat fis-suq inkwistjoni;

(c)

ikollu l-karatteristiċi tekniċi meħtieġa għall-operazzjoni u jkun konformi ma' normi u standards applikabbli.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, l-4 ta' Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).