12.5.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 137/1 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 476/2014
tat-12 ta’ Mejju 2014
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK ta' fis-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (1),
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni 2014/145/CFSP tipprevedi restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar u l-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni responsabbli għal azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina. Dawn il-persuni, entitajiet u korpi fiżiċi jew ġuridiċi, huma elenkati fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni. |
(2) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (2) jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2014/145/CFSP u jipprevedi l-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni responsabbli għal azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, u persuni, entitajiet jew korpi fiżiċi jew ġuridiċi assoċjati magħhom. |
(3) |
Fi 12 ta' Mejju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/265/PESK (3) li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK u tipprevedi kriterji emendati ta' elenkar biex tinkludi, b'mod partikolari, persuni, entitajiet jew korpi ġuridiċi fil-Krimea jew f'Sevastopol li s-sjieda tagħhom ġiet trasferita kontra l-liġi tal-Ukraina jew persuni, entitajiet jew korpi li jkunu bbenefikaw minn tali trasferiment, f'konformità mal-politika tan-nuqqas ta' rikonoxximent mill-Unjoni tal-annessjoni illegali tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa. |
(4) |
Il-benefiċjarji tat-trasferiment ta' sjieda għandhom jiġu mifhuma bħala persuni, entitajiet jew korpi ġuridiċi li jkunu saru s-sidien ta' assi trasferiti kontra l-Liġi tal-Ukraina wara l-annessjoni tal-Krimea u Sebastopol. |
(5) |
Dawn l-emendi jaqgħu fl-ambitu tat-Trattat u, għalhekk, b'mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, tinħtieġ azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati. |
(6) |
Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, huwa jidħol fis-seħħ immedjatament, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat kif ġej:
(1) |
L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej: “Artikolu 2 1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I, għandhom jiġu ffriżati. 2. Ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, għall-benefiċċju ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I.”. |
(2) |
L-Artikolu 3(1) huwa sostitwit b'dan li ġej: “1. L-Anness I għandu jinkludi persuni fiżiċi responsabbli għall-appoġġ b'mod attiv jew l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, jew l-istabilità jew is-sigurtà fl-Ukraina, jew li jostakolaw il-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Ukraina, u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi assoċjati magħhom, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi fil-Krimea jew Sevastopol li s-sjieda tagħhom tkun ġiet trasferita kontra l-liġi tal-Ukraina, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jkunu bbenefikaw minn tali trasferiment.”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Mejju 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
C. ASHTON
(1) ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.
(2) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tat-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/265/PESK tat-12 ta’ Mejju 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ara l-paġna 9 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).