7.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 134/37


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 464/2014

tas-6 ta' Mejju 2014

li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fejn tidħol id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għal tartaruni li jistadu għaċ-ċiċċirell (Gymnammodytes cicerelus u G. semisquamatus) u għall-gobi (Aphia minuta u Crystalogobius linearis) f'ċertu ilmijiet territorjali ta' Spanja (il-Katalonja)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi l-użu ta' rkaptu rmunkat fl-inħawi ta' 3 mili nawtiċi mill-kosta jew fi ħdan l-isobath ta' 50 metru fejn dak il-fond jintlaħaq f'distanza iqsar mill-kosta.

(2)

B'talba ta' Stat Membru, il-Kummissjoni tista' tippermetti deroga mill-projbizzjoni stabbilta fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94, diment li jintlaħqu għadd ta' kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9).

(3)

Fis-17 ta' Ottubru 2013 il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand Spanja għal deroga mill-Artikolu 13(1) ta' dak ir-Regolament, għall-użu minn tartaruni li jistadu għaċ-ċiċċirell (Gymnammodytes cicerelus u G. semisquamatus) u għall-gobi (Aphia minuta u Crystalogobius linearis) fl-ilmijiet territorjali tagħha fir-reġjun tal-Katalonja.

(4)

Spanja tat ġustifikazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi aġġornati għad-deroga.

(5)

Matul is-sessjoni plenarja mill-4 sat-8 ta' Novembru 2013 il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta d-deroga li talbet Spanja u l-abbozz relatat tal-pjan ta' ġestjoni.

(6)

Id-deroga li talbet Spanja hi konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(7)

Hemm limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi, minħabba d-daqs limitat tal-blata kontinentali u d-distribuzzjoni spazjali tal-ispeċijiet fil-mira li jillimitaw iż-żoni tas-sajd.

(8)

Dan is-sajd ma jħalli ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar u hu selettiv ħafna, peress li t-tartaruni jitqiegħdu fil-kolonna tal-ilma u ma jmissux qiegħ il-baħar għax il-ġbir ta' materjal minn qiegħ il-baħar jagħmel ħsara lill-ispeċijiet fil-mira, u l-għażla tal-ispeċijiet mistada ssir virtwalment impossibbli minħabba d-daqs żgħir ħafna tagħhom.

(9)

Id-deroga li talbet Spanja tolqot għadd limitat ta' bastimenti, jiġifieri 26 bastiment biss.

(10)

Is-sajd ma jistax isir bi rkaptu ieħor għax ma jeżisti ebda rkaptu regolat li bl-istruttura tiegħu, bil-karatteristiċi tekniċi u bit-tip ta' malja użata, jista' jaqbad l-ispeċijiet fil-mira.

(11)

Il-pjan ta' ġestjoni jiggarantixxi li fil-ġejjieni mhux se jiżdied l-isforz tas-sajd, peress li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd se jinħarġu biss lis-26 bastiment speċifikat li jinvolvu sforz totali ta' 1 106,35 kW li diġà huma awtorizzati għas-sajd minn Spanja.

(12)

It-talba tkopri bastimenti reġistrati fiċ-ċensiment marittimu li tmexxi l-Komunità Awtonoma tal-Katalonja li għandhom esperjenza vasta f'dan is-sajd ta' aktar minn ħames snin, u li jaħdmu bi pjan ta' ġestjoni adottat minn Spanja fis-27 ta' Marzu 2014 (2) skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(13)

Dawk il-bastimenti huma inklużi f'lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(14)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 peress li l-pjan ta' ġestjoni relatat jipprojbixxi b'mod espliċitu li jsir sajd f'ħabitati protetti.

(15)

Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1)(h) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 mhumiex applikabbli għax dawn għandhom x'jaqsmu ma' bastimenti tat-tkarkir.

(16)

Dwar ir-rekwiżit ta' konformità mal-Artikolu 9(3) li jistabbilixxi d-daqs minimu tal-malja, il-Kummissjoni tinnota li billi l-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati huma selettivi ferm, għandhom effett negliġibbli fuq l-ambjent tal-baħar u ma jsirux f'ħabitats protetti, f'konformità mal-Artikolu 9(7) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, Spanja awtorizzat deroga minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-pjan ta' ġestjoni tagħha.

(17)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (3).

(18)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati ma jfixklux l-attivitajiet ta' bastimenti bi rkapti oħra li mhumiex tat-tkarkir, tartaruni jew bi xbieki rmunkati simili.

(19)

L-attività tat-tartaruni jirregolaha l-pjan ta' ġestjoni Spanjol biex jkun żgurat li l-qabdiet tal-ispeċijiet imsemmija fl-Anness III jkunu minimi.

(20)

It-tartaruni ma jimmirawx għaċ-ċefalopodi.

(21)

Il-pjan ta' ġestjoni Spanjol fih miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(22)

Għaldaqstant, id-deroga mitluba għandha tingħata.

(23)

Spanja għandha tirrapporta lill-Kummissjoni fil-waqt xieraq u skont il-pjan ta' monitoraġġ previst fil-pjan ta' ġestjoni Spanjol.

(24)

It-tul taż-żmien tad-deroga għandu jibda jiġi limitat biex ikunu jistgħu jittieħdu fil-pront il-miżuri ta' ġestjoni korrettivi jekk ir-rapport lill-Kummissjoni juri qagħda ħażina ta' konservazzjoni tal-istokk sfruttat.

(25)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-deroga

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika fl-ilmijiet territorjali ta' Spanja biswit il-kosta tar-reġjun tal-Katalonja, għal tartaruni li jużaw il-bastimenti biex jistadu għaċ-ċiċċirell (Gymnammodytes cicerelus u G. semisquamatus) u għall-gobi (Aphia minuta u Crystalogobius linearis) u li:

(a)

huma rreġistrati fiċ-ċensiment marittimu li tmexxi l-Komunità Awtonoma tal-Katalonja;

(b)

għandhom esperjenza vasta fis-sajd ta' aktar minn ħames snin; u

(c)

għandhom awtorizzazzjoni għas-sajd u joperaw bil-pjan ta' ġestjoni li adottat Spanja skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

Artikolu 2

Il-pjan ta' monitoraġġ u r-rappurtar

Fi żmien tliet snin minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, Spanja għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jitfassal skont il-pjan ta' monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta' ġestjoni msemmi fl-Artikolu 1(c).

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ u l-perjodu ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu jibqa' japplika sat-8 ta' Mejju 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11.

(2)  Diari Oficiale la Generalitat de Catalunya No6591 tas-27.3.2014, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).