17.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/17


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 392/2014

tal-14 ta' April 2014

li jittermina r-rieżami interim parzjali rigward il-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, kif estiżi għal importazzjonijiet ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada, kif ukoll jekk le

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 13(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

1.1.   IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 599/2009 (2) il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' esteri monoalkiliċi tal-aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta' oriġini mhux mill-fossili, normalment magħruf bħala “bijodiżil”, f'forma pura jew f'taħlita li fiha skont il-piż iktar minn 20 % ta' esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta' oriġini mhux mill-fossili (“il-prodott li qed jiġi rieżaminat”, jew “bijodiżil”), li bħalissa huwa kklassifikat fil-kodiċi NM ex 1516 20 98 , ex 1518 00 91 , ex 1518 00 99 , ex 2710 19 43 , ex 2710 19 46 , ex 2710 19 47 , ex 2710 20 11 , ex 2710 20 15 , ex 2710 20 17 , ex 3824 90 97 , ex 3826 00 10 u ex 3826 00 90 li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika (“miżuri fis-seħħ”).

(2)

Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 444/2011 (3), wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, il-Kunsill estenda d-dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika għal importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada u kif ukoll jekk le (“il-miżuri fis-seħħ kif estiżi”).

1.2.   TALBA GĦAL RIEŻAMI

(3)

Tressqet talba għal rieżami interim parzjali (“it-talba għal rieżami”) skont l-Artikoli 11(3) u 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (“ir-Regolament bażiku”) minn Ocean Nutrition Kanada (“l-applikant”), produttur esportatur mill-Kanada.

(4)

It-talba għal rieżami kienet limitata fl-ambitu għall-eżami tal-possibbiltà ta' għoti ta' eżenzjoni mill-miżuri fis-seħħ kif estiżi, sa fejn għandu x'jaqsam l-applikant.

(5)

Fit-talba għal rieżami l-applikant iddikjara li hu produttur ġenwin tal-bijodiżil u li jista' jipproduċi l-kwantità kollha ta' bijodiżil li bagħat lejn l-Unjoni mill-bidu tal-perjodu ta' investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ kif estiżi.

(6)

Il-perjodu ta' investigazzjoni li tqies għall-investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, kopra l-perjodu mill-1 ta' April 2009 sat-30 ta' Ġunju 2010 (“il-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali”). Il-perjodu ta' investigazzjoni għall-investigazzjoni attwali kopra l-perjodu mill-1 ta' April 2012 sal-31 ta' Marzu 2013 (“il-perjodu ta' investigazzjoni”).

(7)

L-applikant ipprovda evidenza prima facie li turi li dan kien ġie stabbilit bħala produttur tal-bijodiżil fil-Kanada ħafna qabel l-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ. Barra minn hekk, l-applikant iddikjara li ma hu relatat ma' ebda produttur tal-bijodiżil li jinsab fl-Istati Uniti tal-Amerika.

1.3.   IL-BIDU TA' RIEŻAMI INTERIM PARZJALI

(8)

Wara li ġie determinat, wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv, li t-talba għal rieżami kienet tinkludi biżżejjed evidenza prima facie biex tiġġustifika l-bidu ta' rieżami interim parzjali, permezz ta' notifika ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4)(“in-notifika ta' bidu”), fit-30 ta' April 2013 il-Kummissjoni bdiet rieżami interim parzjali skont l-Artikoli 11(3) u 13(4) tar-Regolament bażiku limitat għall-eżami tal-possibbiltà tal-għoti ta' eżenzjoni mill-miżuri fis-seħħ kif estiżi sa fejn għandu x'jaqsam l-applikant.

1.4.   PARTIJIET INTERESSATI

(9)

Il-Kummissjoni għarrfet uffiċjalment lill-applikant u lir-rappreżentanti tal-Kanada dwar il-bidu tar-rieżami interim parzjali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-notifika ta' bidu. L-applikant biss ippreżenta ruħu. L-ebda seduta ma ġiet mitluba.

(10)

Il-Kummissjoni rċeviet it-tweġiba għall-kwestjonarju mibgħuta mill-applikant, li ġiet ivverifikata fuq il-post fl-istabbiliment tal-applikant fil-Kanada.

2.   IS-SEJBIET TAL-INVESTIGAZZJONI U T-TERMINAZZJONI TAR-RIEŻAMI

(11)

L-investigazzjoni stabbiliet li l-applikant huwa produttur ġenwin taL-bijodiżil u li mhux relatat ma' xi produttur tal-bijodiżil li jinsab fl-Istati Uniti tal-Amerika.

(12)

Bħala riżultat tas-sejbiet li saru waqt iż-żjarat fuq il-post fl-istabbiliment tiegħu fil-Kanada, l-applikant intalab jippreżenta informazzjoni ulterjuri li tagħti prova li l-kapaċità tal-produzzjoni tiegħu kienet biżżejjed sabiex issostni l-volum tal-bejgħ tiegħu matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(13)

Minkejja diversi estensjonijiet tal-iskadenza, l-applikant ma pprovdix lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba.

(14)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li wara d-dħul fis-seħħ tal-miżuri kif estiżi, l-applikant seta' esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni taħt kodiċi NM li mhuwiex soġġett għal dawk il-miżuri. L-applikant kien mistieden mill-Kummissjoni biex jiġġustifika l-użu ta' dak il-kodiċi NM. Madankollu, ma pprovdix informazzjoni jew xi evidenza oħra li turi li dawn l-esportazzjonijiet għandhom ikunu koperti bil-kodiċi NM li mhuwiex soġġett għall-miżuri fis-seħħ kif estiżi.

(15)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, huwa kkunsidrat li l-applikant naqas milli juri li kien kapaċi jipproduċi l-kwantità kollha ta' bijodiżil li bagħat lejn l-Unjoni mill-bidu tal-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali. Minkejja l-fatt li l-applikant ma pprovdix l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni, ma pprovda l-ebda evidenza oħra li turi li huwa ma kienx involut fi prattiki ta' ċirkomvenzjoni. Għal dik ir-raġuni, l-investigazzjoni ta' rieżami għandha tintemm mingħajr ma l-applikant jingħata eżenzjoni mill-miżuri fis-seħħ kif estiżi.

(16)

Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa dwar l-intenzjoni li l-investigazzjoni ta' rieżami tiġi terminata u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma waslu ebda kummenti li setgħu ibiddlu d-deċiżjoni li l-investigazzjoni ta' rieżami tiġi terminata.

(17)

Għalhekk qed jiġi konkluż li r-rieżami interim parzjali dwar il-miżuri antidumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, kif estiżi għal importazzjonijiet ta' bijodiżil ikkunsinnat mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Kanada kif ukoll jekk le għandu jiġi terminat mingħajr ma jiġu emendati l-miżuri fis-seħħ kif estiżi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-rieżami interim parzjali dwar il-miżuri antidumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġina fl-Istati Uniti tal-Amerika, kif estiżi bir-Regolament (UE) Nru 444/2011 għal importazzjonijiet ta' bijodiżil ikkunsinnat mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Kanada kif ukoll jekk le, mibdi skont l-Artikoli 11(3) u 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 huwa b'dan terminat mingħajr emenda għall-miżuri fis-seħħ kif estiżi.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta' April 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

A. TSAFTARIS


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 599/2009 tas-7 Lulju 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 179, 10.7.2009, p. 26).

(3)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 444/2011 tal- 5 ta' Mejju 2011 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 599/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika għall-importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġinaw mill-Kanada, kif ukoll jekk le, u li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 599/2009 fuq l- importazzjonijiet tal-bijodiżil f'taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta' bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ikkunsinnati minn Singapor (ĠU L 122, 11.5.2011, p. 12).

(4)   ĠU C 124, 30.4.2013, p. 7.