17.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/3


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 390/2014

tal-14 ta' April 2014

li jistabbilixxi l-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” għall-perijodu 2014–2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 352 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom l-opportunità li jwasslu u jiskambjaw il-fehmiet tagħhom fl-oqsma kollha ta' azzjoni tal-Unjoni u biex iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili.

(2)

Bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata “Ewropa 2020 — Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom l-għan li jipprovdu tkabbir, impjiegi, produttività u koeżjoni soċjali għall-għaxar snin li ġejjin.

(3)

Filwaqt li oġġettivament hemm valur miżjud li wieħed ikun ċittadin tal-Unjoni bi drittijiet stabbiliti, l-Unjoni mhux dejjem tenfasizza b'mod effettiv ir-rabta bejn is-soluzzjoni għal firxa wiesgħa ta' problemi ekonomiċi u soċjali u l-politiki tal-Unjoni. Għalhekk, il-kisbiet impressjonanti fejn jidħlu l-paċi u l-istabbiltà fl-Ewropa, it-tkabbir sostenibbli fit-tul, il-prezzijiet stabbli, il-protezzjoni effiċjenti tal-konsumaturi u tal-ambjent u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, mhux dejjem wasslu għal sensazzjoni qawwija fost iċ-ċittadini ta' appartenenza għall-Unjoni.

(4)

Sabiex l-Ewropa tinġieb eqreb taċ-ċittadini tagħha u sabiex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-bini ta' Unjoni dejjem aktar magħquda, hija meħtieġa varjetà ta' azzjonijiet u sforzi kkoordinati permezz ta' attivitajiet fil-transnazzjonali u tal-Unjoni. L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tipprovdi opportunità unika biex tippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw direttament fit-tfassil tal-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-UE (3).

(5)

Id-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tistabbilixxi programm ta' azzjoni li kkonferma l-ħtieġa li jiġi promoss djalogu sostnut mal-organizzazzjonijiet u l-muniċipalitajiet tas-soċjetà ċivili u li jingħata appoġġ lill-involviment attiv taċ-ċittadini.

(6)

Ir-rapport ta' evalwazzjoni interim tal-Programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini (2007–2013), flimkien ma'-konsultazzjoni pubblika onlajn u ż-żewġ laqgħat konsekuttivi ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati, ikkonfermaw li programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” ġdid huwa meqjus rilevanti kemm mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mill-individwi parteċipanti. Ġie kkunsidrat ukoll li dan għandu jkun stabbilit sabiex ikun hemm impatt fuq livell organizzattiv f'termini tal-bini ta' kapaċitajiet u fuq livell personali f'termini ta' interess akbar fi kwistjonijiet tal-Unjoni. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jistabbilixxi programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” għall-perijodu mill-2014 sal-2020 (il-Programm).

(7)

Fejn jidħlu t-temi tal-proġetti, l-inkorporazzjoni tagħhom fil-kuntest lokali u reġjonali, u l-kompożizzjoni tal-partijiet interessati, għandu jkun hemm sinerġiji importanti ma' programmi oħra tal-Unjoni, jiġifieri fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u ż-żgħażagħ, l-isport, il-kultura u s-settur awdjoviżiv, id-drittijiet u l-liberatijiet fundamentali, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, is-soċjetà tal-informazzjoni, it-tkabbir u l-azzjoni esterna tal-Unjoni.

(8)

Il-programm għandu jkopri firxa wiesa' ta' azzjonijiet differenti, inklużi laqgħat, kuntatti u dibattiti ta' ċittadini dwar kwistjonijiet ta' ċittadinanza, avvenimenti fil-livell tal-Unjoni, inizjattivi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar mumenti importanti fl-istorja Ewropea u biex tkun promossa r-riflessjoni fuqhom, inizjattivi biex iċ-ċittadini Ewropej, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, isiru konxji tal-istorja tal-Unjoni u tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u dibattiti dwar kwistjonijiet ta' politika tal-Unjoni, bil-għan li jissaħħu l-aspetti kollha tal-ħajja pubblika.

(9)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' April 2009 dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9-10 ta' Ġunju 2011 dwar il-memorji ta' delitti mwettqa minn reġimi totalitarji fl-Ewropa jissottolinja l-importanza li l-memorji tal-passat jinżammu ħajjin bħala mezz biex nimxu lil hinn mill-passat u nibnu l-futur, u jenfasizzaw il-valur tar-rwol tal-Unjoni fil-faċilitazzjoni, kondiviżjoni u promozzjoni tal-memorja kollettiva ta' dawn id-delitti. Ir-rilevanza ta' aspetti storiċi, kulturali u interkulturali għandha għalhekk titqies ukoll, kif ukoll ir-rabtiet eżistenti bejn il-kommemorazzjoni u l-identità Ewropea.

(10)

Dimensjoni orizzontali tal-l-Programm għandha tiżgura l-valorizzazzjoni u t-trasferibbiltà tar-riżultati għal impatt imtejjeb u sostenibilità fit-tul. Għal dan il-għan, l-attivitajiet imnedija għandu jkollhom rabta mal-aġenda politika tal-Unjoni, u jiġu kkomunikati b'mod xieraq.

(11)

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni bbilanċjata taċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri kollha fi proġetti u attivitajiet transnazzjonali, b'kunsiderazzjoni tal-karattru multilingwali tal-Unjoni u l-ħtieġa li jiġu inklużi gruppi sottorappreżentati.

(12)

Il-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi potenzjalment kandidati li jibbenefikaw minn strateġija qabel l-adeżjoni, minn naħa waħda, u l-pajjiżi tal-EFTA parti għall-Ftehim taż-ŻEE, min-naħa l-oħra, huma rikonoxxuti bħala parteċipanti potenzjali fil-programmi tal-Unjoni, skont il-ftehimiet konklużi magħhom. Barra minn hekk, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE (5), pajjiżi u territorji extra-Ewropej huma eliġibbli biex jipparteċipaw fil-programm.

(13)

L-għanijiet li tiġi stabbilita demokrazija profonda u sostenibbli u li tiġi żviluppata soċjetà ċivili b'saħħitha għandhom ikunu komuni kemm għall-programm kif ukoll għar-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). L-Unjoni toffri relazzjoni privileġġata, li tibni fuq impenn reċiproku għal valuri u prinċipji kondiviżi, lill-pajjiżi koperti mill-Istrument Ewropew tal-Viċinat.

(14)

Ir-riżorsi allokati għall-azzjonijiet ta' komunikazzjoni taħt dan ir-Regolament jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni istituzzjonali tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni sakemm dawn ikunu relatati mal-għanijiet ġenerali ta' dan ir-Regolament.

(15)

Il-programm għandu jiġi monitorjat regolarment u evalwat b'mod indipendenti f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex ikunu possibbli l-aġġustamenti mill-ġdid li huma meħtieġa jekk il-miżuri se jiġu implimentati kif suppost.

(16)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati tul iċ-ċiklu kollu tal-infiq, inkluż il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati ħażin u, fejn meħtieġ, pieni amministrattivi u finanzjarji f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (7) (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament Finanzjarju”) u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (8).

(17)

Għandha tingħata preferenza lil għotjiet għal proġetti irrispettivament mid-daqs tagħhom iżda b'impatt kbir, b'mod partikolari dawk li huma direttament marbuta ma' politiki tal-Unjoni bil-għan li jkun hemm parteċipazzjoni fit-tfassil tal-aġenda politika tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja soda, l-implimentazzjoni tal-programm għandha tiġi ssimplifikata aktar permezz tal-użu ta' somom f'daqqa, ta' finanzjament b'rata fissa u l-applikazzjoni ta' rati ta' prezz tal-unità.

(18)

Sabiex tiġi żgurata kontinwità fl-appoġġ tal-finanzjament li għandu jiġi kopert mill-programm, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014. Għal raġunijiet ta' urġenza, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

(19)

Ladarba l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jikkontribwixxi biex iċ-ċittadini jifhmu l-Unjoni, l-istorja u d-diversità tagħha, u biex titrawwem ċittadinanza Ewropea u jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ċivika u demokratika, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba n-natura transnazzjonali u multilaterali tal-Programm, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(20)

Somma finanzjarja ta' referenza għall-Programm, fis-sens tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (9) hija inkluża f'dan ir-Regolament għat-tul kollu tal-Programm, mingħajr ma' din ikollha effett fuq il-kompetenzi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(21)

Dan ir-Regolament għandu jipprovdi għal miżuri tranżizzjonali għall-monitoraġġ tal-azzjonijiet li bdew qabel il-31 ta' Diċembru 2013 taħt id-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE.

(22)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, lill-Kummissjoni għandhom jingħatawlha setgħat ta' implimentazzjoni fl-ambitu u l-għanijiet tal-Programm. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10),

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

(1)   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020 (“il-Programm”).

(2)   Skont l-għan ġenerali li l-Unjoni tinġieb eqreb lejn iċ-ċittadini, l-għanijiet ġenerali tal-Programm huma dawn li ġejjin:

(a)

kontribut biex iċ-ċittadini jifhmu l-Unjoni, l-istorja u d-diversità tagħha;

(b)

it-trawwim ta' ċittadinanza Ewropea u t-titjib tal-kondizzjonijiet għal parteċipazzjoni ċivika u demokratika fil-livell tal-Unjoni.

Artikolu 2

Għanijiet speċifiċi tal-Programm

Il-Programm għandu jkollu l-għanijiet speċifiċi li ġejjin, li għandhom jiġu implimentati permezz ta' azzjonijiet fil-livell transnazzjonali jew b'dimensjoni Ewropea:

(a)

biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-kommemorazzjoni, l-istorja komuni u l-valuri tal-Unjoni u l-għan tal-Unjoni, jiġifieri l-promozzjoni tal-paċi, tal-valuri tal-Unjoni u l-benesseri tal-popli tagħha, billi jiġu stimulati d-dibattitu, ir-riflessjoni u l-iżvilupp ta' netwerks;

(b)

ta' inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni demokratika u ċivika taċ-ċittadini fil-livell tal-Unjoni, bl-iżvilupp tal-għarfien taċ-ċittadini dwar il-proċess tat-tfassil tal-politika tal-Unjoni u l-promozzjoni ta' opportunitajiet għall-involviment u volontarjat soċjali u interkulturali fil-livell tal-Unjoni.

Artikolu 3

Struttura tal-Programm u l-azzjonijiet appoġġati

1.   Il-Programm, filwaqt li jrawwem ċittadinanza Ewropea f'konformità mal-għanijiet ġenerali kif stabbilit fl-Artikolu 1(2), għandu jkun diviż f'dawn iż-żewġ linji:

(a)

“Kommemorazzjoni Ewropea”;

(b)

“Involviment demokratiku u parteċipazzjoni ċivika”.

Iż-żewġ linji għandhom jiġu kkumplimentati minn azzjonijiet orizzontali għall-analiżi, id-disseminazzjoni u l-użu tar-riżultati tal-proġetti (azzjoni ta' “Valorizzazzjoni”).

2.   Sabiex jikseb l-għanijiet tiegħu, il-Programm għandu jiffinanzja, fost l-oħrajn, it-tipi ta' azzjoni li ġejjin, implimentati fil-livell transnazzjonali jew li għandhom dimensjoni Ewropea:

(a)

Tagħlim reċiproku u attivitajiet ta' kooperazzjoni bħal:

laqgħat taċ-ċittadini, ġemellaġġi bejn l-ibliet, networks ta' ġemellaġġi bejn l-ibliet,

proġetti implimentati minn sħubijiet transnazzjonali inklużi tipi differenti ta' partijiet interessati elenkati fl-Artikolu 6,

proġetti ta' kommemorazzjoni b'dimensjoni Ewropea,

skambji bbażati, fost l-oħrajn, fuq l-użu ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) u/jew medja soċjali.

(b)

Appoġġ strutturali għal organizzazzjonijiet bħal:

korpi b'għan ta' interess ġenerali tal-Unjoni kif definiti fl-Artikolu 177 tar-Regolament (UE) Nru 1268/2012,

Punti ta' Kuntatt ta' L-Ewropa għaċ-Ċittadini.

(c)

Attivitajiet analitiċi fil-livell tal-Unjoni bħal:

studji li jiffukaw fuq kwistjonijiet relatati mal-għanijiet tal-Programm.

(d)

Attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u disseminazzjoni mfassla biex jużaw u jkomplu jivvalorizzaw ir-riżultati tal-inizjattivi appoġġati u jenfasizzaw il-prattiki tajbin bħal:

avvenimenti fil-livell tal-Unjoni inklużi konferenzi, kommemorazzjonijiet u ċeremonji ta' għoti ta' premjijiet,

reviżjonijiet bejn il-pari, laqgħat tal-esperti u seminars.

3.   Inizjattivi relatati ma' azzjonijiet elenkati fil-paragrafu 2 huma deskritti fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Miżuri tal-Unjoni

1.   Il-miżuri tal-Unjoni jistgħu jieħdu l-forma ta' għotjiet jew kuntratti ta' akkwist pubbliku:

2.   L-għotjiet tal-Unjoni jistgħu jingħataw permezz ta' għotjiet operattivi jew għotjiet ta' azzjoni.

3.   Il-kuntratti tal-akkwist pubbliku għandhom ikopru x-xiri ta' servizzi, bħal dawk għall-organizzazzjoni ta' avvenimenti, l-istudji u r-riċerka, l-informazzjoni u l-għodod ta' disseminazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjonijiet.

Artikolu 5

Parteċipazzjoni fil-Programm

Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li ġejjin:

(a)

l-Istati Membri;

(b)

il-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali, b'mod konformi mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-Ftehimiet ta' Qafas, Deċiżjonijiet ta' Assoċjazzjoni tal-Kunsill jew Ftehimiet simili rispettivi;

(c)

il-pajjiżi tal-EFTA partijiet għall-Ftehim taż-ŻEE, skont dak il-Ftehim.

Artikolu 6

Aċċess għall-Programm

Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-partijiet interessati kollha li jippromwovu ċ-ċittadinanza u l-integrazzjoni Ewropea, b'mod partikolari awtoritajiet u organizzazzjonijiet lokali u reġjonali, kumitati ta' ġemellaġġ, organizzazzjonijiet ta' riċerka tal-politika pubblika Ewropea (gruppi ta' riflessjoni), organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (inklużi assoċjazzjonijiet tas-superstiti), u l-organizzazzjonijiet kulturali, taż-żgħażagħ, edukattivi u tar-riċerka.

Artikolu 7

Kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali

Il-Programm jista' jappoġġa attivitajiet konġunti fil-qasam koperti minnu, ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-Unesco, fuq il-bażi ta' kontribuzzjonijiet konġunti u skont ir-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 8

Implimentazzjoni tal-Programm

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm skont ir-Regolament Finanzjarju.

2.   Sabiex timplimenta l-Programm, il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta' ħidma annwali permezz ta' atti ta' implimentazzjoni skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 9(2). Il-programmi ta' ħidma annwali għandhom jistabbilixxu l-għanijiet segwiti, ir-riżultati mistennija, il-metodu ta' implimentazzjoni u l-ammont totali tal-pjan ta' finanzjament. Dawn għandhom jinkludu wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni u skeda indikattiva tal-implimentazzjoni. Relattivament għall-għotjiet, il-programmi ta' ħidma annwali għandhom jinkludu l-prijoritajiet, il-kriterji ta' evalwazzjoni essenzjali u r-rata massima ta' kofinanzjament.

Artikolu 9

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 10

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-Kummissjoni għandha jkollha djalogu regolari mal-benefiċjarji tal-Programm u s-sħab u l-esperti rilevanti.

Artikolu 11

Koerenza ma' strumenti oħra tal-Unjoni

Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-koerenza u l-komplementarjetà bejn il-Programm u strumenti f'oqsma oħra ta' azzjoni tal-Unjoni, speċjalment l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u ż-żgħażagħ, l-isport, il-kultura u s-settur awdjoviżiv, id-drittijiet u libertajiet fundamentali, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, is-soċjetà tal-informazzjoni, il-politika tat-tkabbir u l-azzjoni esterna tal-Unjoni.

Artikolu 12

Baġit

1.   Is-somma ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020 hija stabbilita għal EUR 185 468 000.

2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju multiannwali.

3.   Ir-riżorsi allokati għall-azzjonijiet ta' komunikazzjoni taħt dan ir-Regolament jistgħu jikkontribwixxu ukoll b'mod proporzjonat biex ikopru l-komunikazzjoni istituzzjonali tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu relatati mal-għanijiet ġenerali ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta l-azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament kunu implimentati, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra, b'kontrolli effikaċi u, jekk jinkixfu irregolaritajiet, bl-irkupru tal-ammonti li ma kellhomx jitħallsu u, fejn ikun adatt, b'pieni amministrattivi u finanzjarji li jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa ta' verifika, fuq il-bażi ta' dokumenti u spezzjonijiet fuq il-post, fuq il-benefiċjarji kollha tal-għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi li rċevew fondi mill-Unjoni taħt il-Programm.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inkluż verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fuq l-operaturi ekonomiċi konċernati direttament jew indirettament minn tali finanzjament, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (12) bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim ta' għotja jew deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt iffinanzjat mill-Programm.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta' għotja u deċiżjonijiet ta' għotja, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom b'mod espliċitu jkun fihom dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu verifiki u investigazzjonijiet bħal dawn, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 14

Komunikazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri b'informazzjoni dwar il-proġetti li rċevew fondi mill-Unjoni billi tibgħat lilhom id-deċiżjonijiet ta' selezzjoni fi żmien ġimagħtejn mill-adozzjoni tagħhom.

Artikolu 15

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Programm jiġi mmonitorjat regolarment skont l-għanijiet tiegħu permezz ta' indikaturi relatati mal-prestazzjoni. Ir-riżultati tal-proċess ta' monitoraġġ u evalwazzjoni għandhom jiġu użati fl-implimentazzjoni tal-Programm. Il-monitoraġġ għandu jinkludi b'mod partikolari t-tfassil tar-rapporti msemmija fil-punti (a) u (c) tal-paragrafu 4.

Fejn rilevanti, l-indikaturi għandhom jitqassmu skont is-sess u l-età.

2.   Rigward l-għanijiet speċifiċi msemmijin fl-Artikolu 2, il-progress għandu jitkejjel skont l-indikaturi mniżżlin fl-Anness għal dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li ssir evalwazzjoni regolari, esterna u indipendenti tal-Programm u għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew fuq bażi regolari.

4.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni:

(a)

sal-31 ta' Diċembru 2017, rapport ta' evalwazzjoni interim dwar ir-riżultati miksuba u dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-implimentazzjoni tal-Programm;

(b)

sal-31 ta' Diċembru 2018, komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-Programm;

(c)

sal-1 ta' Lulju 2023, rapport ta' evalwazzjoni ex-post.

Artikolu 16

Dispożizzjonijiet transizzjonali

Id-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE b'dan titħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.

L-azzjonijiet li bdew qabel il-31 ta' Diċembru 2013 taħt id-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE għandhom ikomplu jiġu regolati, sa meta jitlestew, minn dik id-Deċiżjoni.

Kif previst fl-Artikolu 21 tar-Regolament Finanzjarju, l-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għal dħul assenjat li jirriżulta mill-ħlas lura ta' ammonti mħallsa indebitament skont id-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE jistgħu jsiru disponibbli għall-Programm.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta' April 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

A. TSAFTARIS


(1)  ĠU C 299, 4.10.2012, p. 122.

(2)  ĠU C 277, 13.9.2012, p. 43.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1).

(4)  Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Europe for Citizens għall-perijodu 2007-2013 li jippromwovi ċittadinanza Ewropea attiva (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 32).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra Ewropej mal-Komunità Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra Ewropea”) (ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27).

(7)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(8)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(9)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(10)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


ANNESS

I.   DESKRIZZJONI TAL-INIZJATTIVI

Informazzjoni kumplimentari dwar l-aċċess għall-Programm

LINJA 1: Il-kommemorazzjoni Ewropea

Din il-linja għandha tappoġġa attivitajiet li jħeġġu riflessjoni dwar id-diversità kulturali Ewropea u dwar valuri komuni fl-aktar sens wiesa', filwaqt li tiġi kkunsidrata l-ugwaljanza bejn is-sessi. Jistgħu jkunu disponibbli fondi għal inizjattivi biex issir riflessjoni fuq il-kawżi tar-reġimi totalitarji fl-istorja moderna tal-Ewropa (speċjalment iżda mhux esklużivament in-Nażismu li wassal għall-Olokawst, il-Faxxiżmu, l-Istaliniżmu u r-reġimi komunisti totalitarji) u sabiex jiġu mfakkra l-vittmi tar-reati tagħhom. Il-linja ser tinkludi wkoll attivitajiet dwar mumenti importanti u punti ta' referenza oħra fl-istorja Ewropea reċenti. B'mod partikolari, din ser tagħti preferenza lill-azzjonijiet li jinkoraġġixxu t-tolleranza, il-fehim reċiproku, id-djalogu interkulturali u r-rikonċiljazzjoni bħala mezz biex nimxu lil hinn mill-passat u nibnu l-futur, b'mod partikolari bil-għan li tintlaħaq il-ġenerazzjoni żagħżugħa.

Bħala indikazzjoni, bejn wieħed u ieħor 20 % tal-baġit sħiħ għal dan il-Programm ser imur għal din l-azzjoni.

LINJA 2: L-impenn demokratiku u l-parteċipazzjoni ċivika

Din il-linja ser tinkludi attivitajiet li jkopru l-parteċipazzjoni ċivika fl-aktar sens wiesa', u ser tiffoka b'mod partikolari fuq il-metodi ta' strutturar biex tiżgura li l-attivitajiet iffinanzjati jkollhom effett dewwiemi.

Hija ser tagħti preferenza lill-inizjattivi u l-proġetti b'rabta mal-aġenda politika tal-Unjoni.

Din il-linja tista' tkopri wkoll proġetti u inizjattivi li jiżviluppaw opportunitajiet għal fehim reċiproku, djalogu interkulturali, solidarjetà, impenn soċjali u volontarjat fil-livell tal-Unjoni.

Jifdal ħafna xi jsir biex tiżdied il-parteċipazzjoni demokratika taż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi. Il-fehmiet tagħhom għandhom jinstemgħu aħjar u tittieħed azzjoni fuqhom minn dawk responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi li jkollhom impatt fuq il-ħajja tan-nies.

Bħala indikazzjoni, bejn wieħed u ieħor 60 % tal-baġit sħiħ allokat għal dan il-Programm ser imur għal din l-azzjoni.

AZZJONI ORIZZONTALI: Valorizzazzjoni

Din l-azzjoni ser tiġi definita għall-Programm ġenerali u ser tkun applikabbli kemm għal-linja 1 kif ukoll għal-linja 2.

Għandha tappoġġa inizjattivi li jagħtu spinta lit-trasferibbiltà tar-riżultati, tipprovdi qligħ aħjar minn fuq l-investiment u żżid it-tagħlim mill-esperjenza. Ir-raison d'être ta' din l-azzjoni huwa “valorizzazzjoni” ulterjuri u l-użu tar-riżultati tal-inizjattivi mnedija biex jiġi żgurat l-effett dewwiemi tagħhom.

Din ser tinkludi l-“bini tal-kapaċitajiet” — l-iżvilupp ta' miżuri ta' appoġġ għall-iskambju tal-aħjar prattika, il-ġabra flimkien ta' esperjenzi bejn il-partijiet interessati fil-livelli lokali u reġjonali inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, u l-iżvilupp ta' ħiliet ġodda, pereżempju permezz tat-taħriġ. Dan tal-aħħar jista' jinkludi skambju bejn il-pari, taħriġ għal min iħarreġ, kif ukoll pereżempju l-iżvilupp ta' għodod tal-ICT li jipprovdu informazzjoni dwar l-organizzazzjonijiet jew proġetti ffinanzjati mill-Programm.

Bħala indikazzjoni, bejn wieħed u ieħor 10 % tal-baġit sħiħ tal-Programm ser imur għal din l-azzjoni.

II.   ĠESTJONI TAL-PROGRAMM

Il-Programm ser jiżviluppa l-prinċipju tas-sħubiji multiannwali bbażati fuq għanijiet miftiehma, li jibnu fuq l-analiżi tar-riżultati miksuba, sabiex jiġu żgurati benefiċċji reċiproċi kemm għas-soċjetà ċivili kif ukoll għall-Unjoni.

B'mod ġenerali, tingħata preferenza lil għotjiet għal proġetti irrispettivament mid-daqs tagħhom iżda b'impatt kbir, b'mod partikolari dawk li huma direttament marbuta ma' politiki tal-Unjoni bil-għan ta' inkoraġġiment ta' parteċipazzjoni fit-tfassil tal-aġenda politika tal-Unjoni. Sa fejn possibbli, ser jitqies il-bilanċ ġeografiku.

Il-ġestjoni tal-Programm u l-maġġoranza tal-azzjonijiet jistgħu jkunu amministrati ċentralment minn aġenzija eżekuttiva.

L-azzjonijiet kollha ser jiġu implimentati fuq bażi transnazzjonali jew għandhom ikollhom dimensjoni Ewropea. L-azzjonijiet ser jinkoraġġixxu l-mobbiltà taċ-ċittadini u l-iskambju tal-ideat fl-Unjoni.

L-elementi tan-netwerking u l-iffukar fuq l-effetti multiplikaturi, inkluż l-użu tal-ICT u l-medja soċjali l-aktar avvanzati, b'mod partikolari bil-ħsieb li tintlaħaq il-ġenerazzjoni iżgħar, ser ikunu importanti u riflessi kemm fit-tipi ta' attivitajiet kif ukoll fil-firxa ta' organizzazzjonijiet involuti. L-interazzjoni u s-sinerġija fost it-tipi differenti ta' partijiet interessati involuti fil-Programm ser ikunu mħeġġa bil-qawwa.

Il-baġit tal-Programm jista' jkopri wkoll infiq assoċjat mal-attivitajiet ta' preparazzjoni, segwitu, monitoraġġ, verifika u evalwazzjoni direttament meħtieġa għall-ġestjoni tal-Programm u t-twettiq tal-għanijiet tiegħu, b'mod partikolari studji, laqgħat, informazzjoni u pubblikazzjoni, nefqa assoċjata man-netwerks tal-IT għall-iskambju ta' informazzjoni u kwalunkwe infiq amministrattiv jew ta' appoġġ tekniku li tista' tiddeċiedi l-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-Programm.

In-nefqa amministrattiva globali tal-Programm ser tkun proporzjonata għall-kompiti previsti fil-Programm.

Il-Kummissjoni tista' twettaq attivitajiet ta' informazzjoni, pubblikazzjoni u disseminazzjoni kif xieraq, u b'hekk tiżgura konoxxenza wiesgħa u impatt għoli tal-attivitajiet appoġġati mill-Programm.

Il-baġit allokat jista' jkopri wkoll il-komunikazzjoni istituzzjonali dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni.

Bejn wieħed u ieħor 10 % tal-baġit totali tal-Programm ser jiġi allokat għall-ġestjoni tal-Programm.

III.   MONITORAĠĠ

L-għanijiet speċifiċi fl-Artikolu 2 jiddeskrivu r-riżultati li l-Programm jipprova jikseb. Il-progress ser jitkejjel bl-użu ta' indikaturi relatati mal-prestazzjoni, bħal dawn li ġejjin:

Għan speċifiku 1: biex joħloq sensibilizzazzjoni dwar il-kommemorazzjoni, l-istorja komuni u l-valuri tal-Unjoni u l-għan tal-Unjoni, jiġifieri l-promozzjoni tal-paċi, tal-valuri tal-Unjoni u l-benesseri tal-popli tagħha, billi jiġu stimulati d-dibattitu, ir-riflessjoni u l-iżvilupp ta' netwerks.

Indikaturi relatati mal-prestazzjoni:

l-għadd ta' parteċipanti li jkunu involuti direttament,

l-għadd ta' persuni milħuqin indirettament mill-programm,

l-għadd ta' proġetti,

il-kwalità tal-applikazjonijiet għal proġetti u l-grad li bih ir-riżultati tal-proġetti selezzjonati jistgħu jiġu użati/trasferiti ulterjorment,

il-perċentwal tal-applikanti għall-ewwel darba.

Għan speċifiku nru 2: l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni demokratika u ċivika taċ-ċittadini fil-livell tal-Unjoni, billi jiġi żviluppat il-fehim taċ-ċittadini dwar il-proċess tat-tfassil tal-politika tal-Unjoni u l-promozzjoni ta' opportunitajiet għal involviment soċjali u interkulturali u volontarjat fil-livell tal-Unjoni.

Indikaturi relatati mal-prestazzjoni:

l-għadd ta' parteċipanti li jkunu involuti direttament,

l-għadd ta' persuni milħuqin indirettament mill-programm,

l-għadd ta' organizzazzjonijiet li qed jieħdu sehem,

il-perċezzjoni tal-ue u l-istituzzjonijiet tagħha mill-benefiċjarji,

il-kwalità tal-applikazzjonijiet għal proġetti,

il-perċentwal tal-applikanti għall-ewwel darba,

l-għadd ta' sħubiji transnazzjonali inklużi tipi differenti ta' partijiet interessati,

l-għadd ta' networks ta' ġemellaġġi bejn l-ibliet,

l-għadd u l-kwalità tal-inizjattivi tal-politika li jsegwu attivitajiet appoġġati mill-programm fil-livell lokali jew Ewropew,

il-kopertura ġeografika tal-attivitajiet:

(i)

tqabbil bejn il-perċentwal ta' proġetti ppreżentati minn Stat Membru wieħed bħala sieħeb mexxej u l-perċentwal tal-popolazzjoni tiegħu fil-popolazzjoni totali tal-Unjoni;

(ii)

tqabbil bejn il-perċentwal ta' proġetti ppreżentati għal kull Stat Membru bħala sieħeb mexxej u l-perċentwal tal-popolazzjoni tiegħu fil-popolazzjoni totali tal-Unjoni;

(iii)

tqabbil bejn il-perċentwal ta' proġetti ppreżentati minn Stat Membru wieħed bħala sieħeb mexxej jew bi sħab ma' Stat Membru ieħor u l-perċentwal tal-popolazzjoni tiegħu fil-popolazzjoni totali tal-Unjoni;

(iv)

tqabbil bejn il-perċentwal ta' proġetti ppreżentati għal kull Stat Membru bħala sieħeb mexxej jew bi sħab ma' Stat Membru ieħor u l-perċentwal tal-popolazzjoni tiegħu fil-popolazzjoni totali tal-Unjoni.

IV.   KONTROLLI U VERIFIKI

Għall-proġetti magħżulin skont dan ir-Regolament, ser tiġi stabbilita sistema ta' verifika b'teħid ta' kampjuni.

Il-benefiċjarju ta' għotja għandu jagħmel disponibbli lill-Kummissjoni d-dokumenti kollha ta' sostenn li jirreferu għan-nefqa għal perijodu ta' ħames snin mid-data tal-ħlas finali tal-għotja. Il-benefiċjarju ta' għotja għandu jiżgura li fejn ikun applikabbli, id-dokumenti ta' sostenn li huma fil-pussess ta' msieħba jew membri jsiru disponibbli għall-Kummissjoni. Il-premessi ser jiġu ttrattati fi stadju aktar tard.