16.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/17


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 388/2014

tal-10 ta' April 2014

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa nomenklatura tal-oġġetti, minn hawn 'il quddiem imsejħa bħala n-Nomenklatura Magħquda, li hija stabbilita fl-Anness I għal dak ir-Regolament.

(2)

Il-klassifikazzjoni ta' flettijiet tal-merluzz iffriżati u mmellħin (Gadus morhua, Gadus ogac, Gadus macrocephalus) taħt is-subintestaturi 0304 71 10 u 0304 71 90 (flettijiet iffriżati) jew taħt is-subintestaturi 0305 32 11 u 0305 32 19 (flettijiet immellħin) tiddependi ħafna fuq il-kontenut tal-melħ fil-prodott.

(3)

Il-merluzz immellaħ, magħruf b'mod komuni bħala “merluzz tal-melħ” jew “bakkaljaw”, huwa prodott tradizzjonali b'kontenut tal-melħ totali bil-piż ta' 12 % jew aktar li huwa tajjeb għall-konsum uman mingħajr ipproċessar industrijali ulterjuri. F'dak il-każ, il-melħ huwa intiż li jippenetra l-laħam tal-ħuta biex jagħtiha perjodu ta' konservazzjoni twil.

(4)

Il-flettijiet tal-merluzz li jkunu biss ftit immellħin (is-soltu b'kontenut ta' melħ totali b'piż ta' madwar 2 % iżda f'kull każ inqas minn 12 %) jippreżentaw karatteristiċi oġġettivi differenti sakemm il-preservazzjoni propja u dejjiema tiddependi essenzjalment fuq proċess estern addizzjonali, bħall-iffriżar.

(5)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tan-Nomenkaltura Magħquda, il-klassifikazzjoni ta' flettijiet tal-merluzz iffriżati u mmellħin taħt is-subintestaturi 0304 71 10 u 0304 71 90 jew is-subintestaturi 0305 32 11 u 0305 32 19 għandha għalhekk tiddependi fuq il-proċess li jiżgura l-preservazzjoni propja tal-prodott. Dan huwa konsistenti mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja li użat l-istess kriterju għall-klassifikazzjoni tal-laħam kemm kemm imnixxef u kemm kemm affumikat (2).

(6)

Merluzz li jkun biss kemm kemm immellaħ għandu għalhekk ikun klassifikat taħt is-subintestaturi 0304 71 10 u 0304 71 90 sakemm l-iffriżar ikun neċessarju biex jiġi evitat it-taħsir tal-prodott. Fejn, min-naħa l-oħra, huwa l-melħ li jiżgura l-preservazzjoni tal-prodott, il-flettijiet tal-merluzz għandhom ikunu klassifikati taħt is-subintestaturi 0305 32 11 u 0305 32 19.

(7)

Nota Addizzjonali għandha għalhekk tiżdied fil-Kapitolu 3 tal-Parti Tnejn tan-Nomenklatura Magħquda biex tiġi żgurata l-interpretazzjoni uniformi tagħha madwar l-Unjoni.

(8)

L-Anness I għar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Kapitolu 3 ta' Parti Tnejn tan-Nomenklatura Magħquda stipulata fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, tiddaħħal in-nota Addizzjonali 1 li ġejja:

“1.

Għall-iskopijiet tas-subintestaturi 0305 32 11 u 0305 32 19, flettijiet tal-merluzz (Gadus morhua, Gadus ogac, Gadus macrocephalus) li għandhom kontenut tal-melħ totali b'piż ta' 12 % jew iktar li huma tajbin għall-konsum uman mingħajr ipproċessar industrijali ulterjuri, huma kkonsidrati bħala ħut immellaħ.

Madankollu, flettijiet tal-merluzz iffriżati li għandhom kontenut tal-melħ totali b'piż ta' inqas minn 12 % għandhom jiġu klassifikati taħt is-subintestaturi 0304 71 10 u 0304 71 90 sakemm il-preservazzjoni propja u dejjiema tiddependi essenzjalment fuq l-iffriżar.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Is-sentenza tal-31 ta' Mejju 1979 fil-Kawża 183/78, Galster v Hauptzollamt Hamburg-Jonas (Ġabra 1979, p. 2003).