11.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/9


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 365/2014

tas-7 ta' April 2014

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa nomenklatura tal-oġġetti, minn hawn 'il quddiem imsejħa bħala n-Nomenklatura Magħquda, li hija stabbilita fl-Anness I ma' dak ir-Regolament.

(2)

Fl-interess taċ-ċertezza legali, huwa neċessarju li jiġi ċċarat il-kamp ta' applikazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda fir-rigward tas-subintestaturi 0408 11 u 0408 19, li jkopru l-“isfar tal-bajd”.

(3)

L-espressjoni “preservati mod ieħor” fit-termini tal-intestatura 0408 għandha, għall-għanijiet ta' subtitli 0408 11 u 0408 19, tkopri l-użu ta' ammonti limitati ta' melħ jew kimiċi għal skopijiet ta' preservazzjoni sakemm il-melħ jew kimiċi ma jaffettwax il-karattru ta' dawk il-prodotti. Il-melħ jew kimiċi ma għandhomx jintużaw f'livell ogħla minn dak meħtieġ biex tinkiseb il-preservazzjoni tal-prodotti wara li jiġu kkunsidrati metodi ta' produzzjoni ġeneralment użati għal prodotti tas-subintestaturi 0408 11 u 0408 19. Fil-prinċipju, ammont ta' melħ sa 12 % bil-piż jew ammonti żgħar ta' aġenti oħra ta' preservazzjoni ma jbiddlux il-karattru tal-isfar tal-bajd u jistgħu jiġu aċċettati taħt is-subintestaturi 0408 11 u 0408 19.

(4)

Nota ġdida addizzjonali għandha għalhekk tiżdied fil-Kapitolu 4 tal-Parti Tnejn tan-Nomenklatura Magħquda biex tiżgura l-interpretazzjoni uniformi tagħha fl-Unjoni kollha.

(5)

L-Anness I għar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Kapitolu 4 ta' Parti Tnejn tan-Nomenklatura Magħquda stipulata fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, tiddaħħal -in-Nota addizzjonali 2 li ġejja:

“2.

Għall-għanijiet tas-subintestaturi 0408 11 u 0408 19 japplika dan li ġej:

L-espressjoni ‘preservati mod ieħor’ tapplika wkoll għall-isfar tal-bajd b'ammonti limitati ta' melħ (b'mod ġenerali, ammont sa madwar 12 % bil-piż) jew ammonti żgħar ta' sustanzi kimiċi miżjuda għal skopijiet ta' preservazzjoni sakemm iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(i)

il-prodotti jżommu l-karattru tal-isfar tal-bajd tas-subintestaturi 0408 11 u 0408 19;

(ii)

melħ jew kimiċi ma jistgħux jintużaw f'livell ogħla milli hu meħtieġ għal finijiet ta' preservazzjoni.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.