20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 278/2014

tad-19 ta’ Marzu 2014

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 185/2010 fir-rigward taċ-ċarezza, l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-użu tal-individwazzjoni tat-traċċi splussivi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-esperjenza mill-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 185/2010 (2) uriet il-ħtieġa li jiġu riveduti l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni għall-użu ta’ tekniki tal-Individwazzjoni tat-Traċċi Splussivi (ETD).

(2)

Il-miżuri speċifiċi tas-sigurtà tal-avjazzjoni għall-użu tal-ETD għandhom jiġu ċċarati, armonizzati u simplifikati ħalli titjieb iċ-ċarezza legali, issir standardizzazzjoni tal-interpretazzjoni komuni tal-leġiżlazzjoni u tibqa’ tkun żgurata l-aqwa implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni għas-sigurtà tal-avjazzjoni.

(3)

L-emendi għandhom x’jaqsmu ma’ miżuri li jiddeskrivu l-użu permess tal-ETD fejn jidħol l-iskrinjar ta’ passiġġieri, persuni li mhumiex passiġġieri, bagalji tal-kabina, bagalji tal-istiva, merkanzija, posta, provvisti għal waqt it-titjira u provvisti tal-ajruport u rekwiżiti tekniċi għat-tagħmir ta’ sigurtà tal-ETD.

(4)

Għaldaqstant ir-Regolament (UE) Nru 185/2010 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 185/2010 hu emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 185/2010 tal-4 ta’ Marzu 2010 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 55, 5.3.2010, p. 1).


ANNESS

1.

Il-Kapitolu 4 hu emendat kif ġej:

(a)

Il-punt 4.1.1.2 jinbidel b’dan li ġej:

“4.1.1.2.

Għallinqas il-passiġġieri għandhom jiġu skrinjati b’wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)

tfittxija bl-idejn;

(b)

tagħmir bokka għall-individwazzjoni tal-metall (WTMD);

(c)

klieb għall-individwazzjoni tal-isplussivi;

(d)

tagħmir tal-individwazzjoni tat-traċċi splussivi (ETD);

(e)

skeners tas-sigurtà li ma jużawx radjazzjoni jonizzanti;

(f)

tagħmir tal-ETD flimkien mat-tagħmir tal-id għall-individwazzjoni tal-metall (HHMD).

Meta l-iskrinjatur ma jkunx jista’ jindividwalizza jekk il-passiġġier hux iġorr oġġetti pprojbiti jew le, il-passiġġier ma għandux jingħata aċċess għal żoni ta’ sigurtà ristretta jew għandu jerġa’ jiġi skrinjat sa ma l-iskrinjatur ikun sodisfatt.”

(b)

Il-punt 4.1.1.9 jinbidel b’dan li ġej:

“4.1.1.9

Il-klieb għall-individwazzjoni ta’ splussivi u t-tagħmir tal-ETD jistgħu jintużaw biss bħala mezzi supplimentari għall-iskrinjar.”

(c)

Il-punt 4.1.2.3 jinbidel b’dan li ġej:

“4.1.2.3

Għallinqas il-bagalji tal-kabina għandhom jiġu skrinjati b’wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)

tfittxija bl-idejn;

(b)

tagħmir tal-x-ray;

(c)

tagħmir ta’ sistemi tal-individwazzjoni tal-isplussivi (EDS);

(d)

klieb għall-individwazzjoni tal-isplussivi flimkien mal-punt (a);

(e)

tagħmir tal-ETD.

Meta l-iskrinjatur ma jkunx jista’ jindividwalizza jekk il-bagalja tal-kabina fihiex oġġetti pprojbiti jew le, din għandha tiġi rifjutata jew għandha terġa’ tiġi skrinjata sa ma l-iskrinjatur ikun sodisfatt.”

2.

Il-Kapitolu 6 hu emendat kif ġej:

(a)

Jiddaħħlu dawn il-punti 6.2.1.5 u 6.2.1.6 li ġejjin:

“6.2.1.5

Għallinqas il-merkanzija u l-posta għandhom jiġu skrinjati b’wieħed mill-metodi li ġejjin skont id-Dokument Mehmuż 6-J:

(a)

tfittxija bl-idejn;

(b)

tagħmir tal-x-ray;

(c)

tagħmir tal-EDS;

(d)

klieb għall-individwazzjoni tal-isplussivi (EDD);

(e)

tagħmir tal-ETD;

(f)

kontrolli viżwali;

(g)

tagħmir għall-individwazzjoni tal-metall (MDE).

Meta l-iskrinjatur ma jkunx jista’ jindividwalizza jekk il-merkanzija jew il-posta fihiex oġġetti pprojbiti jew le, din għandha tiġi rifjutata jew għandha terġa’ tiġi skrinjata sa ma l-iskrinjatur ikun sodisfatt.

6.2.1.6

Dan il-mezz jew il-metodu li ġej jista’ jiġi applikat biss meta ma jkunx possibbli li jiġi applikat xi mezz jew metodu ieħor speċifikat fil-punt 6.2.1.5 minħabba n-natura tal-kunsinna:

kontrolli oħra xierqa ta’ sigurtà, jekk ikun hemm qbil min-naħa tal-awtorità responsabbli u jkun ġie notifikat lill-Kummissjoni.”

3.

Il-Kapitolu 8 hu emendat kif ġej:

(a)

Jiddaħħal dan il-punt 8.1.2.3 li ġej:

“8.1.2.3

Għandhom jiġu applikati l-mezzi jew il-metodi ta’ skrinjar li ġejjin, b’mod individwali jew inkella flimkien:

(a)

kontrolli viżwali;

(b)

tfittxija bl-idejn;

(c)

tagħmir tal-x-ray;

(d)

tagħmir tal-EDS;

(e)

it-tagħmir tal-ETD flimkien mal-punt (a);

(f)

klieb għall-individwazzjoni tal-isplussivi flimkien mal-punt (a).

Meta l-iskrinjatur ma jkunx jista’ jindividwalizza jekk l-oġġett fihiex oġġetti pprojbiti jew le, dan għandu jiġi rifjutat jew għandu jerġa’ jiġi skrinjat sa ma l-iskrinjatur ikun sodisfatt.”

4.

Il-Kapitolu 9 hu emendat kif ġej:

(a)

Jiddaħħal dan il-punt 9.1.2.3 li ġej:

“9.1.2.3

Għandhom jiġu applikati l-mezzi jew il-metodi ta’ skrinjar li ġejjin, b’mod individwali jew inkella flimkien:

(a)

kontrolli viżwali;

(b)

tfittxija bl-idejn;

(c)

tagħmir tal-x-ray;

(d)

tagħmir tal-EDS;

(e)

it-tagħmir tal-ETD flimkien mal-punt (a);

(f)

klieb għall-individwazzjoni tal-isplussivi flimkien mal-punt (a).

Meta l-iskrinjatur ma jkunx jista’ jindividwalizza jekk l-oġġett fihiex oġġetti pprojbiti jew le, dan għandu jiġi rifjutat jew għandu jerġa’ jiġi skrinjat sa ma l-iskrinjatur ikun sodisfatt.”

5.

Il-Kapitolu 12 hu emendat kif ġej:

(a)

Jiddaħħal il-punt 12.0.3 li ġej:

12.0.3   Il-manifatturi tat-tagħmir għandhom jipprovdu kunċett tal-operazzjonijiet u t-tagħmir għandu jintuża skontu.”

(b)

Il-punt 12.6. jinbidel b’dan li ġej:

“12.6   IT-TAGĦMIR TAL-INDIVIDWAZZJONI TAT-TRAĊĊI SPLUSSIVI (ETD)

12.6.1   It-tagħmir tal-ETD għandu jkun kapaċi jiġbor u janalizza livelli ta’ traċċi ta’ partikoli jew fwar minn fuq uċuħ kontaminati, jew il-kontenut ta’ bagalji jew kunsinni, u permezz ta’ alarm juri li hemm splussivi. Għall-finijiet tal-iskrinjar, għandhom jintlaħqu dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

L-oġġetti tal-konsum ma għandhomx jintużaw aktar milli rakkomandat mill-manifattur tal-oġġetti tal-konsum jew meta l-prestazzjoni tagħhom tkun tidher li ddeterjorat bl-użu;

(b)

It-tagħmir tal-ETD għandu jintuża biss f’ambjent li fih it-tagħmir ġie approvat għall-użu.

Għandu jkun hemm standards għall-ETD stabbiliti għat-teħid ta’ kampjuni mill-partikoli u mill-fwar. Ir-rekwiżiti dettaljati dwar dawn l-istandards huma stabbiliti f’Deċiżjoni tal-Kummissjoni klassifikata separata.”

(c)

Jiddaħħlu l-punti 12.6.2 u 12.6.3 li ġejjin:

12.6.2   L-istandard għat-tagħmir tal-ETD li juża t-teħid tal-kampjuni mill-partikoli għandu japplika għat-tagħmir tal-ETD użat mill-1 ta’ Settembru 2014.

12.6.3   L-awtorità responsabbli tista’ tippermetti li tagħmir tal-ETD mhux iċċertifikat jikkonforma mal-hemża 12-L li ntużat qabel l-1 ta’ Lulju 2014 u jibqa’ juża t-teħid tal-kampjuni mill-partikoli sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2020.”