8.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 69/101


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 220/2014

tas-7 ta’ Marzu 2014

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 fir-rigward tar-referenzi għas-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-definizzjonijiet ta' “gvern”, “defiċit” u “investiment” huma stipulati fil-Protokoll dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv anness mat-Trattati u fir-Regolament (KE) Nru 479/2009, b'referenza għas-sistema Ewropea ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (minn hawn 'il quddiem issir referenza għaliha bħala “ESA 95”) stabbilita permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (2).

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il-quddiem issir referenza għaliha bħala “ESA 2010”) (3) fih il-qafas ta’ referenza ta’ standards, definizzjonijiet, klassifikazzjonijiet u regoli tal-kontabilità komuni għat-tfassil tal-kontijiet tal-Istati Membri għar-rekwiżiti ta' statistika tal-Unjoni, sabiex jinkisbu riżultati komparabbli bejn l-Istati Membri.

(3)

L-ESA 2010 tikkostitwixxi reviżjoni tal-ESA 95, u għalhekk teħtieġ l-introduzzjoni ta’ referenzi ġodda fir-Regolament (KE) Nru 479/2009.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 479/2009 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(5)

Sabiex tiġi evitata l-konfużjoni dwar l-applikazzjoni tar-referenzi l-ġodda għall-ESA 2010, il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament għandhom japplikaw b'effett mill-1 ta' Settembru 2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 479/2009 huwa emendat kif ġej:

1.

Ir-referenzi kollha għal “ESA 95” għandhom jinbidlu b'“ESA 2010”.

2.

L-Artikolu 1(1) għandu jinbidel b'li ġej:

“Għall-iskopijiet tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv u ta' dan ir-Regolament, it-termini fil-paragrafi 2 sa 6 huma definiti skont ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-ESA 2010). Il-kodiċijiet ta' bejn il-parentesi jirreferu għal ESA 2010.”;

3.

L-Artikolu 1(3) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-kodiċi “EDP B.9” għandu jinbidel b'“B.9”;

(a)

il-kodiċi “EDP D.41” għandu jinbidel b'“D.41”

4.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(5) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Id-dejn tal-gvern jikkonsisti mill-obbligazzjonijiet tal-amministrazzjoni pubblika fil-kategoriji li ġejjin: valuta u depożiti (AF.2); titoli ta' dejn (AF.3) u self (AF. 4), kif definit fl-ESA 2010”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Settembru 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

(2)   ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1.

(3)   ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1.