4.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 62/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 197/2014

tat-28 ta’ Frar 2014

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-merkanzija msemmija fl-Anness ma' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kull subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ ta' merkanzija.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-merkanzija deskritta fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness għandha tiġi kklassifikata taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ din it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi pprovdut li informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-merkanzija kkonċernata minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament tista’, għal ċertu perjodu, tibqa’ tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dan il-perjodu għandu jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-merkanzija deskritta fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness hija kklassifikata fin-Nomenklatura Magħquda skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx tikkonforma ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Frar 2014.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-merkanzija

Klassifikazzjoni

(Kodiċi tan-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Il-prodott huwa skutella tonda ffurmata, tal-plastik. Id-dijametru tagħha huwa madwar 18,5 cm u l-għoli huwa madwar 7 cm. L-iskutella tesa' madwar 700 ml.

L-iskutella hija kontenitur għall-ikel tal-annimali domestiċi biex tagħlef l-annimali (pereżempju, klieb).

3924 90 00

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u bil-kliem tal-kodiċijiet NM 3924 u 3924 90 00 .

L-intestatura 3924 tkopri firxa wiesgħa ta’ oġġetti tad-dar u ma teskludix l-oġġetti li ma jkunux maħsuba għall-użu mill-bnedmin. Minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tagħha, l-iskutella tal-ikel għall-annimali domestiċi titqies bħala oġġett tad-dar taħt l-intestatura 3924 .

Għaldaqstant il-prodott jiġi klassifikat taħt il-kodiċi NM 3924 90 00 bħala oġġetti oħrajn tad-dar u oġġetti tal-iġjene jew tat-twaletta, tal-plastik.