27.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 57/3


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 183/2014

tal-20 ta’ Diċembru 2013

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment, fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji biex jiġi speċifikat il-kalkolu tal-aġġustamenti għar-riskju ta’ kreditu speċifiċi u ġenerali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u partikolarment it-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 110(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiddefinixxi l-aġġustamenti għar-riskju ta’ kreditu bħala l-ammont ta’ provvedimenti ġenerali u speċifiċi għal telf mis-self għar-riskji ta’ kreditu li ġew rikonoxxuti fir-rapporti finanzjarji tal-istituzzjonijiet skont il-qafas tal-kontabilità applikabbli iżda ma jistabbilixxix regoli speċifiċi għad-determinazzjoni ta’ x’inhuma l-aġġustamenti għar-riskju ta’ kreditu speċifiċi u ġenerali.

(2)

Għandhom jiġu pprovduti regoli rigward l-ispeċifikazzjoni tal-ammonti li jeħtiġilhom jiġu inklużi fil-kalkolu tal-aġġustamenti għar-riskju ta’ kreditu li jirriflettu telf esklussivament relatat ma’ riskju ta’ kreditu. Il-kalkolu tal-aġġustamenti tar-riskju ta’ kreditu biex jiġu ddeterminati r-rekwiżiti ta’ fondi proprji għandu jkun limitat għal ammonti li jkunu naqqsu l-Ekwità Komuni tal-Grad 1 (CET1) tal-istituzzjoni.

(3)

Telf relatat esklussivament mar-riskju tal-kreditu rikonoxxut skont il-qafas tal-kontabbiltà applikabbli fis-sena finanzjarja attwali għandu jiġi rikonoxxut bħala aġġustamenti għar-riskju ta’ kreditu sakemm l-istituzzjoni tirrikonoxxi l-effett fis-(CET1). Dan huwa rilevanti għal sitwazzjonijiet fejn iseħħ telf bħal dan minn indeboliment irreġistrat matul is-sena finanzjarja, minkejja profitti interim kumplessivi matul is-sena jew fi tmiem is-sena li ma jkunux approvati skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u fejn ir-rikonoxximent tagħhom bħala aġġustamenti għar-riskju ta’ kreditu jirriżulta f’impatt iżjed bikri fuq il-valuri tal-iskoperturi jew fuq il-Grad 2 milli fuq is-CET1. Għal telf interim kif previst fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 aġġustament bħal dan mhuwiex neċessarju sakemm it-telf għas-sena finanzjarja attwali skont dak l-Artikolu jitnaqqsu mill-ewwel mis-CET1.

(4)

Ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar l-aġġustamenti għar-riskju ta’ kreditu jirreferu espliċitament għal entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali. Fejn ma ssirx distinzjoni bħal din, id-dispożizzjonijiet rilevanti japplikaw kemm għall-entrati fil-karta bilanċjali kif ukoll għall-entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali.

(5)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli li jkopru dak it-telf relatat esklussivament mar-riskju tal-kreditu li huwa rikonoxxut skont il-qafas tal-kontabbiltà applikabbli li bih ikun naqas il-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni ta’ istituzzjoni. Dawk ir-regoli għandhom ikopru indebolimenti u aġġustamenti tal-valur għal assi finanzjarji jew provvedimenti għal entrati li ma jidhrux fuq il-karta bilanċjali, sakemm dawn jirriflettu telf relatat esklussivament mar-riskju tal-kreditu u sakemm dawn jiġu rikonoxxuti fir-rapport tal-introjtu skont il-qafas tal-kontabbiltà applikabbli. Sal-punt li dak it-telf huwa marbut mal-istrumenti finanzjarji valwati b’valur ġust, dawk ir-regoli għandhom ikopru wkoll l-ammonti rikonoxxuti bħala indebolimenti skont l-oqfsa ta’ kontabbilità applikabbli, jew aġġustamenti simili, sakemm dawn ikunu jirriflettu telf relatat ma’ deterjorament jew tiħżin ta’ assi jew tal-kwalità tal-kreditu tal-portafoll tal-assi. F’dan l-istadju mhuwiex xieraq li jiġu rregolati ammonti oħra li mhumiex indeboliment ta’ strument finanzjarju skont il-qafas tal-kontabbiltà applikabbli, jew li ma jirriflettux kunċett ta’ natura simili, anki jekk dawk il-bidliet jistgħu jinkludu komponent ta’ riskju ta’ kreditu.

(6)

Sabiex tiġi żgurata kopertura sħiħa tal-kalkolu huwa meħtieġ li kull ammont li jkun rilevanti għall-finijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu ta;-Artikolu 110(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi assenjat jew għall-kalkolu tal-aġġustamenti ġenerali għar-riskju ta’ kreditu (l-Aġġustamenti Ġenerali għar-Riskju ta’ Kreditu) jew għal dak tal-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta’ kreditu (l-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu).

(7)

Fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-ammonti li jistgħu jiġu inklużi fil-kalkolu tal-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu, l-uniku kriterju previst fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 huwa li l-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu mhumiex eliġibbli għall-inklużjoni fil-kapital tal-Grad 2 skont l-Approċċ Standardizzat għar-riskju tal-kreditu, skont Artikolu 62(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Għalhekk, id-distinzjoni tal-ammonti li għandhom jiġu inklużi fil-kalkolu tal-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu jew l-Aġġustamenti Ġenerali għar-Riskju ta’ Kreditu jeħtieġ li ssir b’mod konsistenti mal-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ x’jista’ jiġi inkluż fil-kapital tal-Grad 2

(8)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jimplimenta l-istandards maqbula internazzjonalment tat-tielet Qafas Regolatorju Internazzjonali għall-banek (2) tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja” (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ “Basel III”). Għalhekk, ir-regoli xierqa dwar l-aġġustamenti għar-riskju ta’ kreditu għandhom ikunu konsistenti wkoll mal-qafas ta’ Basel li jipprevedi li wieħed mill-kriterji għad-distinzjoni bejn l-Aġġustamenti Ġenerali għar-Riskju ta’ Kreditu u l-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu għandu jkun li provvedimenti ġenerali jew riżervi ġenrali għal telf minn self ikunu “disponibbli b’mod ħieles biex jagħmlu tajjeb għal telf li jimmaterjalizza sussegwentement’. Skont Basel III, provvedimenti jew riżervi għal telf minn self miżmuma kontra telf futur li attwalment għadu mhux identifikat ikunu disponibbli b’mod ħieles biex jagħmlu tajjeb għal telf li ġej mir-riskju ta’ kreditu u li jimmaterjalizza sussegwentament u għalhekk jikkwalifikaw biex jiġu inklużi fil-kapital tal-Grad 2. Barra minn hekk, l-ammonti inklużi fil-kalkolu tal-Aġġustamenti Ġenerali għar-Riskju ta’ Kreditu għandhom ikunu disponibbli bis-sħiħ, fir-rigward ta’ skedar u ammont, biex jissodisfaw tali telf, tallinqas fuq bażi ta’ negozju avvjat, fejn il-kapital ikun jista’ jassorbi t-telf fl-insolvenza qabel ma jitilfu l-flus id-depożitanti.

(9)

Għandu jkun possibbli li jiġu applikati regoli f’dan il-qasam irrispettivament mill-qafas tal-kontabilità applikabbli. Madankollu, biex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jiddistingwixxu bejn Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu u l-Aġġustamenti Ġenerali għar-Riskju ta’ Kreditu b’mod komuni, għandhom jiġu pprovduti l-kriterji għat-trattament tat-telf mir-riskji ta’ kreditu fi ħdan qafas tal-kontabilità applikabbli għal kull tip ta’ aġġustament għar-riskju ta’ kreditu. Billi t-trattament tat-telf relatat esklussivament mar-riskju tal-kreditu rikonoxxut skont l-oqfsa tal-kontabbiltà applikabbli jiddependi fuq li jiġu ssodisfati dawk il-kriterji, il-maġġoranza l-kbira ta’ dawk l-ammonti għandhom normalment ikunu kklassifikati bħala Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu minħabba n-natura restrittiva tal-kriterji għall-Aġġustamenti Ġenerali għar-Riskju ta’ Kreditu.

(10)

L-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà huma suġġetti għal reviżjoni, li tista’ tqanqal il-ħtieġa ta’ bidliet fil-kriterji għad-distinzjoni bejn Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu u Aġġustamenti Ġenerali għar-Riskju ta’ Kreditu. Fid-dawl tad-diskussjonijiet li għaddejjin, partikolarment fir-rigward tal-mudelli ta’ indeboliment, jidher prematur li jiġi antiċipat dak il-mudell fil-kriterji ta’ aġġustament għar-riskju ta’ kreditu.

(11)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jeħtieġ l-identifikazzjoni tal-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu speċifiku għal skopertura individwali. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi deċiż kif għandhom jiġu trattati l-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu li jirriflettu telf relatat mar-riskju tal-kreditu ta’ grupp sħiħ ta’ skoperturi. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġi deċiż għal liema skoperturi fil-grupp u sa liema limitu l-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu għandhom jiġu rikonoxxuti. L-assenjazzjoni ta’ porzjonijiet minn dan l-ammont li jirriżulta minn Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu bħal dawn għall-iskoperturi fil-grupp għandha ssir proporzjonalment għall-ammonti tal-iskoperturi ponderati għar-riskju. Għal dan l-għan, il-valur tal-iskopertura għandu jiġi ddeterminat bla ma jitqies l-ebda Aġġustament Speċifiku għar-Riskju ta’ Kreditu.

(12)

Għall-fini tad-determinazzjoni ta’ inadempjenza skont il-punt (b) tal-Artikolu 178(3) Regolament (UE) Nru 575/2013, huwa meħtieġ li jiġu inklużi biss l-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu li jsiru individwalment għal skopertura individwali jew obbligant individwali, u l-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu li jsiru għal gruppi sħaħ ta’ skoperturi ma jiġux inklużi. Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu li jkunu saru għal gruppi sħaħ ta’ skoperturi ma jidentifikawx l-obbliganti tal-iskoperturi ta’ gruppi bħal dawn li fil-konfront tagħhom jitqies li jkun seħħ avveniment ta’ inadempjenza. Partikolarment, l-eżistenza ta’ Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu għal grupp ta’ skoperturi mhijiex raġuni biżżejjed biex jiġi konkluż li seħħew avvenimenti ta’ inadempjenza għal kull obbligant jew skopertura ta’ dan il-grupp.

(13)

Huwa meħtieġ li l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu juru kif jintużaw il-kriterji għad-distinzjoni bejn Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu u Aġġustamenti Ġenerali għar-Riskju ta’ Kreditu fil-kuntest tal-qafas tal-kontabbiltà applikabbli. Għalhekk, l-istituzzjonijiet għandhom jiddokumentaw dak il-proċess.

(14)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi abbozzati regolatorji sottomessi mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni.

(15)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi abbozzati regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat l-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Identifikazzjoni tal-Aġġustamenti Ġenerali u Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu għall-finijiet tal-Artikoli 111, 159, 166, 167, 168, 178, 246 u 266 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-ammonti li jeħtieġ li jiġu inklużi fil-kalkolu tal-aġġustamenti ġenerali u speċifiċi għar-riskju ta’ kreditu minn istituzzjoni jkunu ugwali għall-ammonti kollha li bihom jkun tnaqqas il-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni ta’ istituzzjoni biex jirrifletti telf relatat esklussivament mar-riskju tal-kreditu skont il-qafas tal-kontabbiltà applikabbli u rikonoxxut bħala tali fir-rapport tal-profitt u t-telf, irrispettivament minn jekk jirriżultax minn indebolimenti, aġġustamenti tal-valur jew provvedimenti għal entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali.

Kwalunkwe ammont li jirriżulta skont l-ewwel subparagrafu li jkun ġie rikonoxxut matul is-sena finanzjarja, jista’ biss jiġi inkluż fil-kalkolu tal-aġġustamenti ġenerali u speċifiċi għar-riskju ta’ kreditu jekk l-ammonti rispettivi jkunu tnaqqsu mill-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni ta’ istituzzjoni, f’konformità mal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jew, fil-każ ta’ profitti interim jew profitti fi tmiem is-sena li ma jkunux ġew approvati skont l-Artikolu 26(2) ta’ dak ir-Regolament, permezz ta’ tnaqqis immedjat korrispondenti fil-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni għad-determinzzjoni tal-fondi proprji.

2.   L-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 jiġu inklużi fil-kalkolu tal-aġġustamenti ġenerali għar-riskju ta’ kreditu mill-istituzzjoni (l-Aġġustamenti Ġenerali għar-Riskju ta’ Kreditu) meta jissodisfaw iż-żewġ kriterji li ġejjin:

(a)

huma: jkunu disponibbli b’mod ħieles u bis-sħiħ, fir-rigward ta’ tajming u ammont, biex jagħmlu tajjeb għal telf marbut mar-riskju tal-kreditu li jkun għandu ma seħħx;

(b)

jirriflettu telf marbut mar-riskju ta’ kreditu għal grupp ta’ skoperturi li għalihom l-istituzzjoni attwalment ma għandha l-ebda evidenza li seħħ avveniment ta’ telf.

3.   L-ammonti l-oħra kollha msemmija fil-paragrafu 1 jiġu inklużi fil-kalkolu tal-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta’ kreditu (Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu).

4.   Bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kriterji tal-Paragrafu 2, l-istituzzjoni tinkludi t-telf li ġej fil-kalkolu tal-Aġġustamenti Ġenerali għar-Riskju ta’ Kreditu:

(a)

telf rikonoxxut biex ikopri l-esperjenza ta’ telf mill-portafoll ogħla mill-medja matul l-aħħar snin, għalkemm attwalment ma jkunx hemmx evidenza ta’ avvenimenti ta’ telf li ssostni l-livell ta’ telf osservat fil-passat;

(b)

telf minn deterjorazzjoni ta’ kreditu għal grupp ta’ skoperturi li l-istituzzjoni ma tkunx konxja minnu iżda li abbażi tal-esperjenza tal-passat, huwa statistikament probabbli li jkun hemm xi grad ta’ nuqqas ta’ ħlas.

5.   l-istituzzjoni tinkludi dejjem it-telf li ġej fil-kalkolu tal-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu msemmija fil-Paragrafu 3:

(a)

telf rikonoxxut fir-rapport tal-introjtu għal strumenti mkejla bil-valur ġust li jirrappreżenta indeboliment marbut mar-riskju tal-kreditu skont il-qafas tal-kontabbiltà applikabbli;

(b)

telf b’riżultat ta’ avvenimenti attwali jew fil-passat li ħoloq skopertura individwali sinifikanti jew skoperturi li mhumiex individwalment sinifikanti li jiġu vvalutati individwalment jew kollettivament;

(c)

telf li fir-rigward tiegħu l-esperjenza storika, aġġustata abbażi tad-dejta attwalment osservabbli, tindika li jkun seħħ telf iżda l-istituzzjoni tkun għadha mhijiex konxja liema skopertura individwali ġarbet dan it-telf.

Artikolu 2

Assenjazzjoni tal-Aġġustamenti Speċifiċi tar-Riskju ta’ Kreditu għal grupp ta’ skoperturi għall-iskoperturi fil-grupp

1.   Meta Aġġustament Speċifiku għar-Riskju ta’ Kreditu jirrifletti telf relatat mar-riskju ta’ kreditu ta’ grupp ta’ skoperturi, l-istituzzjonijiet jassenjaw dak l-Aġġustament Speċifiku għar-Riskju tal-Kreditu lill-iskoperturi individwali kollha ta’ dak il-grupp b’mod proporzjonali mal-ammonti tal-iskopertura ponderati għar-riskju. Għal dak l-għan, il-valur tal-iskopertura jiġi ddeterminat bla ma jitqies l-ebda Aġġustament Speċifiku għar-Riskju ta’ Kreditu.

2.   Għat-trattament tal-ammonti ta’ telf mistennija msemmi fl-Artikolu 159 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għal grupp ta’ skoperturi li mhumiex fi stat ta’ inadempjenza, l-istituzzjonijiet mhumiex meħtieġa jassenjaw Aġġustament Speċifiku għar-Riskju ta’ Kreditu lill-iskoperturi individwali tal-grupp.

3.   Fejn Aġġustament Speċifiku għar-Riskju ta’ Kreditu jkun marbut ma’ grupp ta’ skoperturi, li r-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju ta’ kreditu tagħhom jiġu parzjalment ikkalkolati skont l-Approċċ Standardizzat u parzjalment skont l-Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjoni Interna, l-istituzzjoni tassenja dak l-Aġġustament Speċifiku għar-Riskju ta’ Kreditu lill-grupp ta’ skoperturi koperti minn kull Approċċ b’mod proporzjonali mal-ammonti tal-iskopertura tal-grupp, ponderati għar-riskju, qabel ma tapplika l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2. Għal dak l-għan, il-valur tal-iskopertura jiġi ddeterminat bla ma jitqies l-ebda Aġġustament Speċifiku għar-Riskju ta’ Kreditu.

4.   Meta jassenjaw l-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu lill-iskoperturi, l-istituzzjonijiet jiżguraw li l-istess porzjon ma jiġix assenjat darbtejn lil skoperturi differenti.

Artikolu 3

Kalkolu tal-aġġustamenti għar-riskju ta’ kreditu għall-fini tad-determinazzjoni tal-valur tal-iskopertura skont l-Artikoli 111, 166, 167, 168, 246 u 266 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur tal-iskopertura skont l-Artikoli 111, 166 sa 168, 246 u 266 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet jikkalkolaw l-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta Kreditu marbuta ma’ skopertura bħala l-ammonti tal-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu għal dik l-iskopertura individwali, jew bħala l-ammonti tal-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu li l-istituzzjoni assenjat lil dik l-iskopertura skont l-Artikolu 2.

Artikolu 4

Kalkolu tal-aġġustamenti ġenerali u speċifiċi għar-riskju ta’ kreditu għall-finijiet tat-trattament tal-ammonti ta’ telf mistennija skont l-Artikolu 159 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

1.   Għall-finijiet tat-trattament tal-ammonti ta’ telf mistennija skont l-Artikolu 159 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjoni tikkalkola t-total tal-Aġġustamenti Ġenerali għar-Riskju ta’ Kreditu relatati mal-iskoperturi inklużi fit-trattament tal-ammonti ta’ telf mistennija bħala s-somma ta’ dawk l-ammonti, identifikati bħala l-Aġġustamenti Ġenerali għar-Riskju ta’ Kreditu skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, li l-istituzzjoni tkun assenjat skont l-Artikolu 110(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

2.   Għall-finijiet tat-trattament tal-ammonti ta’ telf mistennija skont l-Artikolu 159 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-kalkolu tat-total tal-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu relatati mal-iskoperturi inklużi fit-trattament tal-ammonti ta’ telf mistennija jkun is-somma tal-ammonti tal-punti (a) u (b), esklużi l-iskoperturi fi stat ta’ inadempjenza:

(a)

ammonti identifikati bħall-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu skont l-Artikolu 1 li huma relatati mar-riskju tal-kreditu ta’ skopertura individwali;

(b)

ammonti identifikati bħall-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu skont l-Artikolu 1 li huma relatati mar-riskju tal-kreditu ta’ grupp ta’ skoperturi u li ġew assenjati skont l-Artikolu 2.

3.   It-total tal-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu relatati ma’ skopertura fi stat ta’ inadempjenza jiġi kkalkolat bħala s-somma tal-ammonti kollha tal-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu għal dik l-iskopertura individwali, jew bħala l-ammonti tal-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu li l-istituzzjoni tkun assenjat lil dik l-iskopertura skont l-Artikolu 2.

Artikolu 5

Kalkolu tal-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu għar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ inadempjenza skont l-Artikolu 178 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

Għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ inadempjenza skont l-Artikolu 178 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu jiġu kkalkolati bħala l-ammonti tal-Aġġustamenti Speċifiċi għar-Riskju ta’ Kreditu relatati mar-riskju tal-kreditu ta’ skopertura individwali jew obbligant individwali.

Artikolu 6

Dokumentazzjoni

L-istituzzjonijiet jiddokumentaw l-identifikazzjoni u l-kalkolu tal-Aġġustamenti Ġenerali għar-Riskju ta’ Kreditu u l-Aġġustamenti Speċifiċi tar-Riskju ta’ Kreditu.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  http://www.bis.org/publ/bcbs189_dec2010.pdf

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).