|
4.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 63/3 |
REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 179/2014
tas-6 ta’ Novembru 2013
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ir-reġistru tal-operaturi, l-ammont tal-għajnuna għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti barra r-reġjun, il-logo, l-eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni għal ċerti annimali bovini u l-iffinanzjar ta’ ċerti miżuri relatati ma’ miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(2), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(4), l-Artikolu 21(3), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) u l-Artikolu 30(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 228/2013 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 247/2006 (2). Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-iskema fil-qafas legali l-ġdid, għandhom jiġu adottati ċerti regoli permezz ta’ tali atti. Ir-regoli l-ġodda għandhom jieħdu post ir-regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 793/2006 (3). |
|
(2) |
Sabiex jiġi żgurat li l-operaturi jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom li jieħdu sehem fl-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista, għandhom jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru tal-operaturi. L-operaturi reġistrati għandhom ikunu intitolati li jibbenefikaw mill-arranġamenti, sakemm jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fir-regoli tal-Komunità u dawk nazzjonali. L-applikanti għandhom ikunu intitolati għar-reġistrazzjoni dejjem jekk jilħqu ċertu numru ta' rekwiżiti skont l-għanijiet, imfassla sabiex jiffaċilitaw l-amministrazzjoni tal-iskema. |
|
(3) |
Sabiex jingħata appoġġ lill-bejgħ tal-prodotti barra mir-reġjun tal-produzzjoni tagħhom, il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tal-ammont tal-għajnuna mogħtija fir-rigward ta’ tali prodotti u, fejn xieraq, il-kundizzjonijiet biex jiġu stabbiliti l-kwantitajiet ta’ prodotti soġġetti għal dik l-għajnuna, għandhom jiġu stabbiliti. Konsegwentement, għandhom jiġu stabbiliti regoli addizzjonali relatati mas-sostenn għat-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti lokali li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet biex jiġu stabbiliti l-ammont massimu ta’ għajnuna li għandha tingħata u l-kwantitajiet massimi ta’ prodotti li għandhom ikunu soġġetti għal dik l-għajnuna. |
|
(4) |
Sabiex tiġi żgurata aktar kuxjenza u konsum ta’ prodotti agrikoli ta’ kwalità pproċessati u mhux ipproċessati speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet għall-użu tal-logo, b’mod partikolari l-abbozzar tal-lista ta’ prodotti agrikoli naturali u pproċessati li jista' jkollhom il-logo u d-definizzjoni ta’ karatteristiċi ta’ kwalità, il-metodi ta’ produzzjoni, l-ippakkjar u l-manifattura ta’ prodotti pproċessati, għandhom jiġu proposti mill-organizzazzjonijiet tal-kummerċ fir-reġjuni ultraperiferiċi. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jiġu speċifikati b’referenza għall-istandards eżistenti fir-regoli tal-Unjoni jew, fl-assenza ta’ dawn, b'referenza għall-standards internazzjonali, jew b’referenza għall-metodi tradizzjonali ta’ kultivazzjoni u manifattura. |
|
(5) |
Sabiex isir l-aħjar użu mil-logo disponibbli għall-produtturi u l-manifatturi ta’ prodotti ta’ kwalità speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi, u fl-interess tas-simplifikazzjoni tal-ġestjoni u l-kontroll u sabiex dawn isiru aktar effettivi, id-dritt għall-użu tal-logo għandu jingħata lill-operaturi stabbiliti f’dawk ir-reġjuni li huma responsabbli direttament għall-produzzjoni, għall-ippakkjar, għat-tqegħid fis-suq u għall-manifattura tal-prodotti kkonċernati u li jimpenjaw ruħhom li jissodisfaw ċerti obbligi. |
|
(6) |
Sabiex l-operaturi jitħallew jibbenefikaw mill-eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni ta’ annimali bovini maskili ta’ età żgħira li joriġinaw minn pajjiżi terzi u li huma maħsuba għat-tismin u l-konsum fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej jew f'Madejra, kif imsemmi fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 228/2013, iridu jiġu stabbiliti ċerti kundizzjonijiet għal dik l-eżenzjoni. L-eżenzjoni għandha tkun limitata għal annimali bovini maskili ta’ età żgħira maħsubin għat-tismin matul perjodu minimu ta’ 120 jum fir-reġjun ultraperiferiku kkonċernat, u għandha tkun soġġetta għall-preżentazzjoni ta’ garanzija. |
|
(7) |
Sabiex tkun żgurata allokazzjoni raġonevoli u proporzjonata għall-finanzjament fir-rigward tal-istudji, tal-proġetti dimostrattivi, tat-taħriġ u tal-miżuri ta’ għajnuna teknika, għandu jiġi stabbilit ammont massimu annwali li jista’ jiġi allokat għal dawn il-miżuri. |
|
(8) |
Għal raġunijiet ta’ ċertezza u ċarezza legali, ir-Regolament (KE) Nru 793/2006 għandu jitħassar, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Reġistru tal-operaturi
1. Il-liċenzji tal-importazzjoni, iċ-ċertifikati tal-eżenzjoni u ċ-ċertifikati tal-għajnuna għandhom jinħarġu biss lill-operaturi mdaħħlin f’Reġistru ta' operaturi li qed iwettqu attività ekonomika skont l-arranġamenti ta' provvista speċifiċi, segwiti mill-awtoritajiet kompetenti (minn hawn 'il quddiem “ir-reġistru”).
2. Kull operatur stabbilit fl-Unjoni jista’ japplika biex jiddaħħal fir-reġistru.
Id-dħul fir-reġistru għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
l-operaturi għandu jkollhom il-mezzi, l-istrutturi u l-awtorizzazzjonijiet legali meħtieġa biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom, u b’mod partikolari, għandhom ikunu konformi mal-obbligi tagħhom fir-rigward tal-kontabbiltà tan-negozju u tat-tassazzjoni; |
|
(b) |
l-operaturi għandhom ikunu jistgħu jiggarantixxu li l-attivitajiet tagħhom isiru fir-reġjun jew fir-reġjuni ultraperiferiċi kkonċernati; |
|
(c) |
l-operaturi jibqgħu responsabbli għall-konformità mar-rekwiżiti kollha sottoskritti meta jwettqu operazzjoni tal-arranġamenti tal-provvista sakemm isir il-bejgħ lill-utent aħħari. |
Artikolu 2
L-ammont ta’ għajnuna għat-tqegħid fis-suq barra mir-reġjun tal-produzzjoni
1. L-ammont ta’ għajnuna mogħtija skont il-Kapitolu IV tar-Regolament (KE) Nru 228/2013 għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mir-reġjuni ultraperiferiċi xi mkien ieħor fl-Unjoni ma għandux jaqbeż l-10 % tal-valur tal-produzzjoni mqiegħda fis-suq, ikkunsenjata fiż-żona tad-destinazzjoni, u kkalkulata skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.
Madanakollu, il-limitu stabbilit fl-ewwel subparagrafu ma għandux jaqbeż it-13 % tal-valur tal-produzzjoni mqiegħda fis-suq fejn il-kuntrattur għall-produtturi huwa assoċjazzjoni, unjoni jew organizzazzjoni tal-produtturi.
Il-limiti stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu jistgħu jiżdiedu għal 17 % u 20 % rispettivament mill-valur tal-produzzjoni kkumerċjalizzata għall-prodotti ttrasportati bl-ajruplan.
2. Għall-kalkolu tal-għajnuna, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata, ikkunsenjata liż-żona tad-destinazzjoni, għandu jiġi evalwat abbażi tal-kuntratt annwali (fejn applikabbli), id-dokumenti tat-trasport partikolari, u kull dokument ta' sostenn ieħor sottomess biex jiġġustifika l-applikazzjoni għall-ħlas.
Il-valur tal-prodott imqiegħed fis-suq li jrid jittieħed inkunsiderazzjoni għandu jkun dak tal-kunsinna sal-ewwel port jew ajruport tal-ħatt.
L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu kwalunkwe informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali bħala sostenn kif xieraq għal kalkolu tal-għajnuna.
3. Il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, il-prodotti u l-ammonti kkonċernati għandhom jiġu speċifikati fil-programmi POSEI msemmija fil-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 228/2013.
Artikolu 3
Għajnuna għat-tqegħid fis-suq għat-tadam
Għat-tadam mill-Gżejjer Kanarji li jaqa' taħt il-kodiċi NM 0702 00 00 , l-ammont ta’ għajnuna mogħtija skont il-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 ma għandux jaqbeż it-EUR 3.6/100 kg, sa limitu ta’ 250 000 tunnellata fis-sena.
Artikolu 4
Ghajnuna għat-tqegħid fis-suq għar-ross
Il-kwantità massima ta’ ross maħsud fil-Gujana Franċiża li tista’ tkun eliġibbli għas-sostenn għat-tqegħid fis-suq fi Gwadelup, Martinique u l-bqija tal-Unjoni, skont il-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 228/2013, ma għandhiex taqbeż it-12 000 tunnellata fis-sena ta’ ekwivalenti ta’ ross ipproċessat.
Għat-tqegħid fis-suq fil-bqija tal-Unjoni 'l barra minn Gwadelup u Martinique, dan l-ammont ma għandux jaqbeż l-4 000 tunnellata fis-sena.
Artikolu 5
L-użu tal-logo
1. Il-logo stipulat fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 għandu jintuża biss bil-għan li jżid l-għarfien u l-konsum tal-prodotti agrikoli pproċessati jew mhux ipproċessati speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fuq l-inizjattiva tal-organizzazzjonijiet tal-kummerċ li jirrappreżentaw lill-operaturi fir-reġjuni msemmija.
2. Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkonċernaw l-istandards ta' kwalità u l-konformità mat-tekniki tal-koltivazzjoni, tal-produzzjoni jew tal-manifattura, kif ukoll l-istandards ta' preżentazzjoni u ppakkjar.
Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ddefiniti b’referenza għar-regoli tal-Komunità jew, fl-assenza ta’ dawn ir-regoli, għall-istandards internazzjonali jew, fejn neċessarju, għandhom jiġu adottati speċifikament fir-rigward tal-prodotti mir-reġjuni ultraperiferiċi fuq proposta mill-organizzazzjonijiet tal-kummerċ rappreżentattivi.
Artikolu 6
Dritt għall-użu tal-logo
1. Id-dritt li jintuża l-logo għandu jingħata mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri tal-produzzjoni, jew mill-korpi awtorizzati minnhom għal dak il-għan.
2. Id-dritt li jintuża l-logo għandu jingħata fir-rigward ta’ kull prodott li għalih il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 ġew issodisfati, skont in-natura tal-prodott, lill-operaturi f’waħda mill-kategoriji li ġejjin:
|
(a) |
produtturi individwali jew organizzazzjonijiet jew gruppi ta’ produtturi; |
|
(b) |
kummerċjanti li jippakkjaw il-prodott bl-għan li jqegħduh fis-suq; |
|
(c) |
il-manifatturi tal-prodotti pproċessati li huma stabbiliti fit-territorju tar-reġjuni ultraperiferiċi tagħhom. |
3. Id-dritt li jintuża l-logo għandu jingħata mill-għotja ta' approvazzjoni fir-rigward ta' sena tas-suq waħda jew aktar.
4. L-approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandha tingħata, fuq talba, lill-operaturi msemmija fil-paragrafu 2 li, jekk hemm bżonn, għandhom l-impjant jew it-tagħmir tekniku meħtieġ biex jipproduċu jew jimmanifatturaw il-prodott ikkonċernat, konformi mal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5, u li jimpenjaw ruħhom:
|
(a) |
kif rilevanti, li jipproduċu, jippakkjaw jew jimmanifatturaw prodotti li jissodisfaw dawk il-kundizzjonijiet; |
|
(b) |
li jżommu l-kontijiet li jippermettu l-monitoraġġ, b’mod partikolari tal-produzzjoni, l-ippakkjar jew il-manifattura tal-prodott li huwa eliġibbli għal-logo; |
|
(c) |
li jikkonformaw mal-kontrolli u l-verifiki kollha mitluba mill-awtoritajiet kompetenti. |
5. L-approvazzjoni tista’ tiġi rtirata meta l-awtorità kompetenti tistabbilixxi li l-operatur approvat ikun naqas milli jissodisfa r-rekwiżiti relatati mal-prodott jew l-obbligu li jitnissel mill-impenji stipulati fil-paragrafu 4. L-irtirar tal-approvazzjoni għandu jkun temporanju jew permanenti, skont il-gravità stabbilita tan-nuqqas.
Artikolu 7
Kundizzjonjiet għar-riproduzzjoni u l-użu
Il-logo għandu jiġi riprodott u użat b’konformità mal-Anness I.
Artikolu 8
Eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni ta’ annimali bovini maskili ta’ età żgħira
1. L-eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni ta’ annimali bovini maskili ta’ età żgħira li joriġinaw minn pajjiżi terzi u li huma maħsuba għat-tismin u l-konsum fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej jew f'Madejra li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 0102 29 05 , 0102 29 29 jew 0102 29 49 , għandha tapplika bil-kundizzjoni li l-bhejjem importati jissemmnu għal perjodu ta’ mill-inqas 120 jum fir-reġjun ultraperiferiku li jkun ħareġ il-liċenzja tal-importazzjoni.
2. L-eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni għandha tiġi soġġetta għad-depożitu ta’ garanzija mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għall-ammont kif stipulat għal kull kodiċi NM eliġibbli fl-Anness II.
It-tismin tal-annimali importati fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej u f'Madejra għal tul ta’ żmien minimu ta’ mill-inqas 120 jum mid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tad-dwana għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa, huwa rekwiżit primarju fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 282/2012 (4).
3. Għajr f’każijiet ta’ forza maġġuri, il-garanzija msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi rilaxxata biss jekk tingħata prova lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li l-annimali bovini ta’ età żgħira jkunu ssemmnu fl-azjenda jew fl-azjendi indikati skont il-punt (b) tal-Artikolu [35](1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 180/2014 (5), u
|
(a) |
ma ġewx maqtula qabel ma jkun għadda perjodu ta' 120 jum mid-data tal-importazzjoni; jew |
|
(b) |
ġew maqtula għal raġunijiet ta' saħħa jew mietu b'riżultat ta' mard jew inċident qabel ma dan il-perjodu ta' żmien ikun skada. |
Il-garanzija għandha tiġi rrilaxxata minnufih wara li din il-prova tkun ġiet fornuta.
Artikolu 9
Finanzjament ta’ studji, proġetti ta’ wiri, taħriġ jew miżuri ta’ assistenza teknika
L-ammont meħtieġ biex jiġu ffinanzjati studji, proġetti ta’ wiri, taħriġ u miżuri ta’ assistenza teknika stipulati f’kull Programm POSEI għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-programm ikkonċernat, ma għandux jaqbeż il-1 % tal-ammont totali ta’ finanzjament allokat għal kull programm skont l-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) Nru 228/2013.
Artikolu 10
Revoka
Ir-Regolament (KE) Nru 793/2006 huwa rrevokat.
Artikolu 11
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Novembru 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 tat-30 ta' Jannar 2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 42, 14.2.2006, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 793/2006 tat-12 ta’ April 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni 'l aktar il bogħod tal-Unjoni (ĠU L 145, 31.5.2006, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 282/2012 tas-28 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ titoli għall-prodotti agrikoli (ĠU L 92, 30.3.2012, p. 4).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 180/2014 ta’ mill-20 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (Ara paġna 13 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
ANNESS I
LOGO
VERŻJONIJIET TAL-LOGO
L-ismijiet tar-reġjuni differenti huma miktuba bil-lingwa uffiċjali ta’ kull reġjun ultraperiferiku kkonċernat.
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
SPJEGAZZJONI TAS-SIMBOLI TAL-LOGO
[REGION]
Fuq nett tal-logo hemm xemx kbira u safra li qed tarmi s-sħana, id-dawl u l-ħajja. L-art ħadra u għammiela taħt il-prodotti tissimbolizza l-prodotti agrikoli u l-kulur blu ċar fil-qiegħ jirrappreżenta l-baħar u l-prodotti tiegħu. Ix-xemx, bħala s-simbolu ta’ żoni tropikali u subtropikali, hija l-element dominanti. Il-linji tal-art u tal-baħar jagħtu aktar ħajja lil-Logo u jagħtu ħjiel ta' ambjent eżotiku.
Il-kuluri jindikaw in-naturalezza, l-awtentiċità u l-kwalità.
Taħt il-logo, il-bandiera tal-Unjoni kkombinata bl-isem tar-reġjun, tistipula b’mod ċar li r-reġjuni ultraperiferiċi huma tal-Unjoni.
DESKRIZZJONI TEKNIKA TAL-LOGO
Il-Logo għandu jiġi dejjem stampat fuq sfond abjad u kemm jista’ jkun bil-kulur, kwadrikulur. Eċċezzjonalment jista’ jiġi riprodott ukoll bl-abjad u l-iswed. Fejn il-Logo jifforma parti minn ritratt jew jitqiegħed fuq sfond ikkulurit, dan għandu jitqiegħed f'żona ta' delimitazzjoni bajda.
|
|
Kuluri ta' referenza |
||||
|
|
Kwadrikulur isfar: 00109000 – 10 % maġenta, 90 % isfar |
|
Kwadrikulur tal-bandiera: XX800000 – 100 % cyan, 80 % maġenta |
||
|
|
Kwadrikulur aħdar: XX008000 – 80 % cyan, 80 % isfar |
|
Kwadrikulur tal-istilel: 0000XX00 – 100 % isfar |
||
|
|
Kwadrikulur blu: XX100000 – 100 % maġenta, 10 % |
L-ismijiet tar-reġjuni huma dejjem stabbiliti b'tipi suwed. |
|||
|
|
Referenza abjad u iswed |
||||
|
|
Isfar = 30 % |
|
Bandiera = 100 % |
||
|
|
Aħdar = 80 % |
|
Abjad |
||
|
|
Blu = 60 % |
L-ismijiet tar-reġjuni huma dejjem stabbiliti b'tipi suwed. |
|||
|
|
|
Rata ta’ tnaqqis Il-Logo bil-kulur ma għandux jiġi riprodott u stampat iżgħar minn 25 mm għoli minħabba d-daqs tal-istilel fuq il-bandiera tal-Unjoni. Id-daqs minimu tar-riproduzzjoni bl-abjad u l-iswed huwa għoli 30 mm. Meta l-Logo jitqiegħed f'inkwadru abjad kif deskritt hawn fuq, id-daqs taż-żona tad-delimitazzjoni madwar il-Logo għandu jikkorrispondi għall-għoli tal-bandiera tal-Unjoni. |
|||
TIPOGRAFIJA
|
It-tipografija tat-test hija Linotype Univers Condensed, ikkumpressata għal 65 %. L-ispazjar mill-bandiera man-naħa ta’ quddiem tat-test huwa nofs l-għoli tal-bandiera. |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
KOPJA LESTA BIEX TIĠI PPRINTJATA
|
|
L-oriġinal fuq ix-xellug jista' jintuża għar-riproduzzjoni. Għal riproduzzjoni fuq skala iżgħar, huwa essenzjali li jiġu rrispettati l-istruzzjonijiet mogħtija taħt it-taqsima “Deskrizzjoni teknika tal-Logo”. |
ANNESS II
Ammonti ta' titoli msemmija fl-Artikolu 8(2)
|
Bhejjem bovini maskili ta' età żgħira għat-tismin (Kodiċi NM) |
L-ammont (EUR) għal kull ras |
|
0102 29 05 |
28 |
|
0102 29 29 |
56 |
|
0102 29 49 |
105 |