26.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 56/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 176/2014

tal-25 ta’ Frar 2014

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1031/2010, b’mod partikolari, sabiex jiġu stabbiliti l-volumi ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li għandhom jiġu rkantati fl-2013-2020

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 3d(3) u 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/87/KE tistipula l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta’ rkantar biex ikun żgurat li l-irkant jitmexxa b’mod miftuħ, trasparenti, armonizzat u mhux diskriminatorju. Id-Direttiva tistipula wkoll li l-Kummissjoni għandha tissorvelja l-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 (2) jagħti l-volumi tal-kwoti li għandhom jiġu rkantati kull sena, wara li titnaqqas l-allokazzjoni li tingħata mingħajr ħlas mill-kwantità ta’ kwoti tal-Unjoni kollha maħruġa fl-istess sena. Devjazzjoni minn dan il-profil taż-żmien ġiet deċiża wkoll bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1210/2011 (3) sabiex ikun stabbilit volum ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati kmieni, qabel l-2013, bi tnaqqis korrispondenti fil-volumi ta’ kwoti għall-irkantar tal-2013 u l-2014, bil-għan ewlieni li tkun żgurata tranżizzjoni bla xkiel mit-tieni perjodu ta’ negozjar għat-tielet wieħed, filwaqt li jitqiesu kif meħtieġ il-ħtiġijiet tal-hedging għall-konformità fis-snin bikrin tat-tielet perjodu ta’ negozjar. Dawn il-volumi annwali ġew deċiżi fuq il-bażi tal-fatturi li jiddeterminaw id-domanda għall-kwoti u l-provvista tagħhom fil-mument tal-valutazzjoni u bis-suppożizjoni li jkun għaddej irkupru ekonomiku.

(3)

Għandhom jitqiesu l-bidliet eċċezzjonali fil-fatturi prinċipali li jiddeterminaw il-bilanċ bejn id-domanda għall-kwoti u l-provvista tagħhom, b’mod partikolari perjodu ieħor ta’ staġnar ekonomiku, kif ukoll elementi temporanji relatati direttament mat-tranżizzjoni għall-fażi 3, inkluża żieda fil-volum mhux użat ta’ kwoti validi għat-tieni perjodu ta’ negozjar għall-konformità fil-perjodu msemmi, volumi dejjem jiżdiedu ta’ tnaqqis iċċertifikat tal-emissjonijiet u tal-unitajiet ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet mill-proġetti ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet skont il-Mekkaniżmu ta’ Żvilupp Nadif jew skont id-dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni Konġunta għal ċediment minn operaturi koperti mill-iskema, il-monetizzazzjoni tal-kwoti mir-riżerva tal-istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq (New Entrants Reserve) għat-tielet perjodu ta’ negozjar b’appoġġ għall-proġetti ta’ wiri tal-qbid u s-sekwestru tal-karbonju u tat-teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli (“NER300”) skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE (4) u r-rilaxx ta’ kwoti mhux meħtieġa fir-riżervi tal-istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq għat-tieni perjodu ta’ negozjar. Għalkemm dawn il-fatturi kollha huma soġġetti għal livelli differenti ta’ inċertezza, huwa importanti li l-korrezzjonijiet xierqa fil-volumi annwali li għandhom jiġu rkantati fl-2014-2020 ikunu stabbiliti fi żmien xieraq.

(4)

Konsiderazzjonijiet importanti fil-politika tal-UE dwar il-klima huma t-tnaqqis tar-riskju ta’ rilaxx tal-karbonju (żieda fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’pajjiżi terzi fejn l-industrija ma tkunx soġġetta għal limitazzjonijiet tal-karbonju paragunabbli) u l-ħtieġa li ċerti setturi u subsetturi tal-UE, li huma intensivi fl-enerġija u suġġetti għall-kompetizzjoni internazzjonali, ma jitpoġġewx f’pożizzjoni ta’ żvantaġġ ekonomiku. Għaldaqstant, il-Kummissjoni analizzat l-impatti mistennija mir-reviżjoni tal-profil taż-żmien tal-irkant (5) dwar is-sitwazzjoni kompetittiva tal-industriji intensivi fl-enerġija, bl-użu ta’ suppożizzjonijiet li jibqgħu validi sa Jannar 2014. Il-valutazzjoni tal-impatt innutat li d-Direttiva 2003/87/KE waqfet miżuri, li jinkludu t-tkomplija tal-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet u l-adozzjoni ta’ lista ta’ industriji li jitqiesu f’riskju ta’ rilaxx tal-karbonju, biex jindirizzaw ir-riskju ta’ rilaxx tal-karbonju għal setturi industrijali li huma intensivi fl-enerġija. Ir-reviżjoni taż-żmien tal-irkantijiet ma taffettwax il-livell tal-allokazzjoni mingħajr ħlas maħruġa kull sena jew tal-kwantità totali ta’ kwoti (il-limitu) għall-perjodu li jibda mill-2013. Filwaqt li l-effetti potenzjali fuq l-ispejjeż tal-karbonju jistgħu jitqassmu b’mod differenti matul iż-żmien, il-valutazzjoni tal-impatt wriet li dawn huma mistennija li jibqgħu fil-livelli tal-prezz medju tal-karbonju previsti mill-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni li takkumpanja l-pakkett ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni għall-għanijiet tal-Unjoni dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija rinnovabbli għall-2020 (6) u l-analiżi sussegwenti (7).

(5)

Peress li l-volum li jrid jiġi rkantat kull sena matul il-perjodu 2014-2016 tnaqqas, il-limiti fil-volumi tal-kwoti għall-irkantar għal kull irkant individwali fuq pjattaforma tal-irkant maħtura minn Stat Membru li mhux qed jipparteċipa fl-azzjoni konġunta, iridu jitnaqqsu skont dan.

(6)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 għandu jigi emendat skont dan.

(7)

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien sabiex ikun japplika għall-irkantijiet li jseħħu mill-2014 ‘il quddiem, u sabiex ikunu żgurati l-funzjonament tajjeb tas-suq tal-karbonju u l-irkantijiet prevedibbli.

(8)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

Wara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2), jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Mill-volum ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati f’sena partikolari, stabbilit skont l-ewwel jew it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fl-2014-2016, għandha titnaqqas il-kwantità ta’ kwoti għas-sena rispettiva stipulata fit-tieni kolonna tat-tabella fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.

Billi fl-2014 il-volum ta’ tnaqqis stabbilit fl-Anness IV ma jistax jinfirex fuq perjodu ta’ aktar minn 9 xhur, għandu jitnaqqas b’100 miljun kwota u wara bl-istess ammont għal kull tliet xhur tas-sena. F’dak il-każ, il-volumi ta’ tnaqqis għall-2015 u l-2016 għandhom jiġu aġġustati f’rati ndaqs skont dan.

Mal-volum ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati f’sena partikolari, stabbilit skont l-ewwel jew it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fl-2019-2020 għandha tiżdied il-kwantità ta’ kwoti għas-sena rispettiva stipulata fit-tielet kolonna tat-tabella fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.

Fir-rigward tal-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 10c tad-Direttiva u mingħajr preġudizzju għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 10c(2) tad-Direttiva, il-kwantità totali ta’ kwoti li trid tiġi rkantata f’sena partikolari wara l-aġġustament stabbilit fit-tieni kolonna tat-tabella fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament ma għandhiex tkun inqas mill-kwantità ta’ kwoti li trid tiġi allokata b’mod tranżitorju u mingħajr ħlas għal installazzjonijiet għall-produzzjoni tal-elettriku f’dik l-istess sena.

Jekk ikun meħtieġ, il-kwantità totali ta’ kwoti li trid tiġi rkantata f’sena partikolari fil-perjodu 2014-2016 minn Stat Membru li japplika l-Artikolu 10c tad-Direttiva, għandu jiżdied skont dan. Sakemm tkun f’konformità mas-sentenza ta’ qabel, il-kwantità totali ta’ kwoti li trid tiġi rkantata għandha sussegwentament titnaqqas biex tiżgura l-konformità tat-tqassim skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Il-volumi tal-kwoti li jridu jiġu rkantati msemmija fit-tieni u t-tielet kolonna tat-tabella fl-Anness IV tar-Regolament, għandhom jiġu aġġustati biex jirriflettu kwalunkwe żieda jew tnaqqis bħal dan.”

(2)

L-aħħar sentenza tal-Artikolu 32(1) tinbidel b’dan li ġej:

“Madankollu, il-volum tal-kwoti koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE irkantati f’irkant individwali u kondotti minn pjattaformi tal-irkant fl-2014 sal-2016, ma għandhomx ikunu anqas minn 2 miljun kwota.”

(3)

Jiżdied Anness wara l-Anness III kif ġej:

“ANNESS IV

Aġġustamenti għall-volumi tal-kwoti (f’miljuni) li għandhom jiġu rkantati fl-2013-2020 imsemmija fl-Artikolu 10(2)

Sena

Volum ta’ tnaqqis

Volum ta’ żieda

2013

 

 

2014

400

 

2015

300

 

2016

200

 

2017

 

 

2018

 

 

2019

 

300

2020

 

600 ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 12 ta’ Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta’ rkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU L 302, 18.11.2010, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1210/2011 tat-23 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1031/2010, b’mod partikolari, sabiex jiġi stabbilit il-volum ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li għandhom jiġu rkantati qabel l-2013 (ĠU L 308, 24.11.2011, p. 2).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE tat-3 ta’ Novembru 2010 li tistabbilixxi l-kriterji u l-miżuri għall-finanzjament ta’ proġetti kummerċjali ta’ dimostrazzjoni li l-għan tagħhom huwa l-qbid u l-ħżin ġeoloġiku ta’ CO2, f’kundizzjonijiet ta’ sigurtà għall-ambjent, kif ukoll ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli, fl-ambitu tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 290, 6.11.2010, p. 39).

(5)  Valutazzjoni tal-impatt proporzjonata li takkumpanja d-dokument Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 176/2014 tal-25 ta’ Frar 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1031/2010 b’mod partikolari, sabiex jiġu stabbiliti l-volumi ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li għandhom jiġu rkantati fl-2013-2020 disponibbli fuq http://ec.europa.eu/clima/policies/ets/cap/auctioning/docs/swd_2012_xx2_en.pdf

(6)  http://ec.europa.eu/energy/climate_actions/doc/2008_res_ia_en.pdf

(7)  Komunikazzjoni “Analiżi tal-alternattivi biex isir progress lil hinn mit-tnaqqis ta’ 20 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u valutazzjoni tar-riskju ta’ rilaxx tal-karbonju” (COM(2010) 265 finali).