8.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 39/44


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 119/2014

tas-7 ta’ Frar 2014

li jemenda d-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ħmira arrikkita bil-kromu użata għall-manifattura ta’ supplimenti tal-ikel, u l-lattat tal-kromu (III) triidrat miżjud mal-ikel

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tas-supplimenti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(5) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA),

Billi:

(1)

L-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE jistabbilixxi l-lista ta’ vitamini u sustanzi minerali li jistgħu jintużaw għall-manifattura ta’ supplimenti tal-ikel. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1170/2009 (3) issostitwixxa l-Annessi I u II tad-Direttiva 2002/46/KE. L-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE ġie emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1161/2011 (4).

(2)

Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/46/KE, għandhom jiġu adottati, wara konsultazzjoni mal-EFSA, dispożizzjonijiet dwar il-vitamini u s-sustanzi minerali fis-supplimenti tal-ikel li jistgħu jolqtu ħażin is-saħħa pubblika.

(3)

Fil-31 ta’ Ottubru 2012, l-EFSA adottat opinjoni xjentifika dwar il-ħmira tal-kromu biċ-ċelloli abbinati ChromoPrecise®, miżjuda għal finijiet alimentari, bħala sors ta’ kromu fis-supplimenti tal-ikel, kif ukoll dwar il-bijodisponibbiltà tal-kromu minn dan is-sors (5).

(4)

L-EFSA saħqet li l-konklużjonijiet stipulati fl-opinjoni tagħha japplikaw biss għall-ħmira tal-kromu ChromoPrecise®, u mhux għal ħmejjer oħra arrikkiti bil-kromu. Barra minn hekk, l-EFSA qieset li l-ispeċifikazzjonijiet għall-ħmira tal-kromu ChromoPrecise® għandhom jinkludu speċifikazzjonijiet rigward it-telf mat-tnixxif, kif ukoll rigward il-kontenut massimu tal-kromu (VI).

(5)

Mill-opinjoni adottata mill-EFSA fil-31 ta’ Ottubru 2012, joħroġ ukoll li l-użu tal-ħmira tal-kromu ChromoPrecise® f’supplimenti tal-ikel ma jippreżentax riskju għas-sikurezza, dejjem jekk jiġu rrispettati ċerti kundizzjonijiet iddettaljati fl-opinjoni.

(6)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 jistabbilixxi l-lista tal-vitamini u s-sustanzi minerali li jistgħu jiżdiedu mal-ikel.

(7)

Skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, modifiki lil-lista pprovduta fl-Anness II tal-istess Regolament għandhom jiġu adottati filwaqt li titqies l-opinjoni tal-EFSA.

(8)

Fit-13 ta’ Settembru 2012, l-EFSA adottat opinjoni xjentifika dwar il-lattat tal-kromu (III) triidrat bħala sors ta’ kromu (III) miżjud mal-ikel għal finijiet alimentari (6).

(9)

Mill-opinjoni adottata mill-EFSA fit-13 ta’ Settembru 2012, joħroġ ukoll li ż-żieda tal-lattat tal-kromu (III) triidrat mal-ikel ma tippreżentax riskju għas-sikurezza, dejjem jekk jiġu rrispettati ċerti kundizzjonijiet iddettaljati fl-opinjoni.

(10)

Is-sustanzi li għalihom l-EFSA esprimiet opinjoni favorevoli għandhom jiżdiedu mal-listi stipulati fl-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE u l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006.

(11)

Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati permezz tal-Grupp Konsultattiv dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u tal-Pjanti, u l-kummenti mogħtija ġew ikkunsidrati.

(12)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2002/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 1925/2006 għandhom jiġu emendati kif meħtieġ.

(13)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-punt B tal-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE, tiddaħħal l-entrata li ġejja wara l-entrata “klorur tal-kromu (III)”:

“ħmira arrikkita bil-kromu (*)

Artikolu 2

Fil-punt 2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, tiddaħħal l-entrata li ġejja wara l-entrata “pikolinat tal-kromu”:

“lattat tal-kromu (III) triidrat”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Frar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51.

(2)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26.

(3)  ĠU L 314, 1.12.2009, p. 36.

(4)  ĠU L 296, 15.11.2011, p. 29.

(5)  Il-Bord tal-EFSA dwar l-Addittivi tal-Ikel u s-Sorsi tan-Nutrijenti miżjuda mal-Ikel (ANS); Opinjoni Xjentifika dwar il-ħmira tal-kromu biċ-ċelloli abbinati ChromoPrecise®, miżjuda għal finijiet alimentari, bħala sors ta’ kromu fis-supplimenti tal-ikel, kif ukoll dwar il-bijodisponibbiltà tal-kromu minn dan is-sors. EFSA Journal 2012; 10(11):2951.

(6)  Il-Bord tal-EFSA dwar l-Addittivi tal-Ikel u s-Sorsi tan-Nutrijenti miżjuda mal-Ikel (ANS); Opinjoni Xjentifika dwar il-lattat tal-kromu(III) triidrat bħala sors ta’ kromu miżjud mal-ikel għal finijiet alimentari. EFSA Journal 2012; 10(10):2881.