7.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 38/26


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 116/2014

tas-6 ta’ Frar 2014

dwar in-nonapprovazzjoni tas-sustanza attiva jodur tal-potassju, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 80(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandha tapplika d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (2) fir-rigward tal-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li għalihom ġiet adottata deċiżjoni skont l-Artikolu 6(3) ta’ dik id-Direttiva qabel l-14 ta’ Ġunju 2011. Għall-jodur tal-potassju, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 80(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/751/KE (3).

(2)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, fis-6 ta’ Settembru 2004 l-Pajjiżi l-Baxxi rċevew applikazzjoni minn Koppert Beheer B.V. għall-inklużjoni tal-jodur tal-potassju bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni 2005/751/KE kkonfermat li d-dossier kien “komplut” fis-sens li seta’ jitqies bħala wieħed li fil-prinċipju jissodisfa r-rekwiżiti tad-dejta u tal-informazzjoni tal-Annessi II u III tad-Direttiva 91/414/KEE.

(3)

Għal dik is-sustanza attiva, ġew ivvalutati l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u fuq l-ambjent, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-użi proposti mill-applikant. L-Istat Membru relatur maħtur ressaq abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni fit-27 ta’ Lulju 2007. Skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 188/2011 (4), l-applikant intalab aktar informazzjoni. Fit-30 ta’ Mejju 2011, l-applikant informa li l-ebda informazzjoni addizzjonali ma kienet disponibbli.

(4)

L-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni ġie analizzat mill-Istati Membri u mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ‘il quddiem “l-Awtorità”). L-Awtorità ppreżentat lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha dwar il-valutazzjoni tar-riskju tas-sustanza attiva tal-jodur tal-potassju (5) bħala pestiċida fit-22 ta’ Ottubru 2012. L-Awtorità identifikat bosta nuqqasijiet fid-dejta u kienet meħtieġa kontribuzzjoni akbar mingħand l-applikant. B’ittra tas-27 ta’ Settembru 2013, Koppert B.V. rtirat l-applikazzjoni tagħha għall-approvazzjoni tal-jodur tal-potassju.

(5)

Skont l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 91/414/KEE, l-Istati Membri ngħataw il-possibilità li jagħtu awtorizzazzjonijiet provviżorji għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom il-jodju tal-potassju għal perjodu inizjali ta’ tliet snin. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/457/UE (6) tat permess lill-Istati Membri jestendu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji għall-jodur tal-potassju għal perjodu li jintemm mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2012. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/363/UE (7) tat permess lill-Istati Membri jestendu l-awtorizzazzjonijiet provviżorji għall-jodur tal-potassju għal perjodu li jintemm mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2014.

(6)

Minħabba li ġiet irtirata l-applikazzjoni, il-jodur tal-potassju ma għandux għalhekk jiġi approvat skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(7)

Konsegwentement, l-awtorizzazzjonijiet provviżorji eżistenti għandhom jiġu rtirati u ma jingħatawx aktar awtorizzazzjonijiet.

(8)

L-Istati Membri għandhom jingħataw żmien biex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-jodur tal-potassju.

(9)

Għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-jodur tal-potassju, meta l-Istati Membri jagħtu xi perjodu ta’ grazzja skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dan il-perjodu għandu jiskadi sa mhux aktar tard minn tmintax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(10)

Dan ir-Regolament ma jippreġudikax is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni oħra għall-jodur tal-potassju skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(11)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Nonapprovazzjoni ta’ sustanza attiva

Is-sustanza attiva jodur tal-potassju mhix approvata.

Artikolu 2

Miżuri tranżitorji

L-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-jodur tal-potassju bħala sustanza attiva sa mhux aktar tard mis-27 ta’ Awwissu 2014.

Artikolu 3

Perjodu ta’ grazzja

Kwalunkwe perjodu ta’ grazzja mogħti mill-Istati Membri b’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi sa mhux aktar tard mis-27 ta’ Awwissu 2015.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Frar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/751/KE tal-21 ta’ Ottubru 2005 li tagħraf fil-prinċipju l-kompletezza tad-dossiers imressqa għal eżami dettaljat bil-ħsieb tad-dħul possibbli tal-aċidu assorbiku, il-jodur tal-potassju u t-tijoċjanat tal-potassju fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 282, 26.10.2005, p. 18).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 188/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward tal-proċedura għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li ma kinux fis-suq sentejn (2) wara d-data ta’ notifika ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 53, 26.2.2011, p. 51).

(5)  Il-Ġurnal tal-EFSA 2013;11(6):2923. Jista’ jinstab onlajn: www.efsa.europa.eu

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/457/UE tas-17 ta’ Awwissu 2010 li tippermetti lill-Istati Membri jestendu l-awtorizzazzjonijiet provviżorji mogħtija għas-sustanzi attivi l-ġodda Candida oleophila tip O, il-jodur tal-potassju u t-tijoċjanat tal-potassju (ĠU L 218, 19.8.2010, p. 24).

(7)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/363/UE tal-4 ta’ Lulju 2012 li tippermetti lill-Istati Membri jestendu l-awtorizzazzjonijiet provviżorji mogħtija għas-sustanzi attivi l-ġodda biksafen, Candida oleophila tip O, fluwopiram, ħalosulfuron, jodur tal-potassju u tijoċjanat tal-potassju u spirotetramat (ĠU L 176, 6.7.2012, p. 70).