6.2.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 36/7 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 107/2014
tal-5 ta’ Frar 2014
dwar l-irtirar mis-suq tal-addittivi tal-għalf il-klorur tal-kobalt essaidrat, in-nitrat tal-kobalt essaidrat u s-sulfat tal-kobalt monoidrat, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1334/2003
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(5) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jistipula l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament jipprevedi l-valutazzjoni mill-ġdid ta’ addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2). |
(2) |
Il-klorur tal-kobalt essaidrat, in-nitrat tal-kobalt essaidrat u s-sulfat tal-kobalt monoidrat bħala addittivi tal-għalf kienu awtorizzati mingħajr limitu ta’ żmien skont id-Direttiva 70/524/KEE bħala komposti tal-oligoelement tal-Kobalt, u l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tagħhom ġew stabbiliti l-aħħar fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1334/2003. (3) Dawk l-addittivi tal-għalf wara ddaħħlu fir-Reġistru tal-Komunità tal-Addittivi tal-Għalf bħala prodotti eżistenti, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
(3) |
L-ebda applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni skont l- Artikolu 10(2) tar- Regolament (KE) Nru 1831/2003 ma ġiet sottomessa qabel l-iskadenza prevista f’dik id-dispożizzjoni għall-użu ta’ dawk l-addittivi tal-għalf li jappartjenu għall-grupp ta’ oligoelementi. |
(4) |
Dawk l-addittivi tal-għalf għandhom għalhekk jiġu rtirati mis-suq. |
(5) |
Bħala konsegwenza tal-irtirar ta’ dawk l-addittivi tal-għalf, jeħtieġ li dawn jitħassru mill-entrata “E3 Cobalt-Co” tal-Anness tar- Regolament (KE) Nru 1334/2003. Ir-Regolament (KE) Nru 1334/2003 għandu jiġi emendat skont dan. |
(6) |
Huwa xieraq li jiġi stabbilit perjodu tranżitorju għall-partijiet interessati li fih il-ħażniet eżistenti tal-addittivi jiġu rtirati mis-suq u l-pretaħlitiet, l-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li jkunu ġew prodotti b’dawk l-addittivi jistgħu jintużaw sakemm jispiċċaw. |
(7) |
L-irtirar mis-suq tat-tliet prodotti huwa mingħajr ħsara għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni li tikkonċernahom jew għall-adozzjoni ta’ miżura li tikkonċerna l-istatus tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
(8) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Irtirar
Il-klorur tal-kobalt essaidrat, in-nitrat tal-kobalt essaidrat u s-sulfat tal-kobalt monoidrat bħala addittivi tal-għalf li jappartjenu għall-grupp “oligoelementi” għandhom jiġu rtirati mis-suq.
Artikolu 2
Emenda għar-Regolament (KE) Nru 1334/2003
Fl-Anness tar- Regolament (KE) Nru 1334/2003, l-entrati “klorur tal-kobalt essaidrat”, “nitrat tal-kobalt eżaidrat” u “sulfat tal-kobalt monoidrat”, marbutin mal-element “E3 Cobalt-Co”, huma mħassra.
Artikolu 3
Miżuri tranżitorji
1. Il-ħażniet eżistenti tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw bħala additivi tal-għalf sas-26 ta’ Awwissu 2014.
2. Il-pretaħlitiet prodotti bl-addittivi msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sas-26 ta’ Frar 2015.
3. L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li ġew ittikkettjati skont ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 sas-26 ta’ Awwissu 2015 u prodotti bl-addittivi msemmija fil-paragrafu 1 jew bil-pretaħlitiet imsemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm il-ħażniet jispiċċaw.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Frar 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta’ Novembru 1970 dwar l-addittivi fl-għalf tal-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1334/2003 tal-25 ta’ Lulju 2003 li jemenda l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ numru ta’ addittivi fi ħwejjeġ tal-ikel li jappartjenu għall-grupp ta’ oligoelementi (ĠU L 187, 26.7.2003, p. 11).