4.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 33/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 97/2014

tat-3 ta’ Frar 2014

li jemenda l-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(8) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Asociación Nacional de Fabricantes de Alcoholes y Licores, korp tal-Gwatemala li ġie stabbilit b’konformità mal-liġi tal-Gwatemala, applika biex ir-“Ron de Guatemala” jiġi rreġistrat bħala indikazzjoni ġeografika fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(1) tal-istess Regolament. Ir-“Ron de Guatemala” huwa tip ta’ rum li tradizzjonalment jiġi prodott il-Gwatemala.

(2)

B’konformità mal-Artikolu 17(6) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, l-ispeċifikazzjonijiet ewlenin tal-fajl tekniku għar-‘Ron de Guatemala’ ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) għall-iskopijiet relatati mal-proċedura ta’ oġġezzjoni.

(3)

B’konformità mal-Artikolu 17(7) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, Franza u diversi produtturi Franċiżi tar-rum ressqu l-oġġezzjonijiet tagħhom rigward ir-reġistrazzjoni tar-“Ron de Guatemala” bħala indikazzjoni ġeografika abbażi tal-fatt li l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott u d-definizzjoni ta’ rum skont il-liġi tal-Gwatemala, li għalihom jirreferi l-fajl tekniku, ma jistgħux jitqiesu bħala li huma konformi mad-definizzjoni ta’ rum skont il-kategorija 1 tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament, u lanqas ma jistgħu jitqiesu bħala li huma konformi mar-rekwiżiti l-oħra ta’ dak ir-Regolament, l-iktar f’dak li għandu x’jaqsam mal-projbizzjoni tal-użu ta’ sustanzi għat-taħwir, ta’ sustanzi koloranti u ta’ sustanzi li jagħtu l-ħlewwa għall-produzzjoni tar-rum, fil-kuntest tar-regoli dwar il-materja prima li għandha tintuża u dwar il-kwalità tal-ilma li għandu jiżdied u fil-kuntest tal-indikazzjoni tal-maturazzjoni fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikkettar tal-prodott.

(4)

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tar-“Ron de Guatemala” tinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-prodott, li hija konformi mad-definizzjoni ta’ rum fil-kategorija 1 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 u mar-rekwiżiti l-oħra tal-istess Regolament. Din id-deskrizzjoni turi li r-regoli dwar il-produzzjoni li japplikaw għar-“Ron de Guatemala” huma aktar stretti minn dawk li japplikaw għar-rum ta’ kwalità standard li jiġi prodott f’dak il-pajjiż.

(5)

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tar-“Ron de Guatemala” bħala indikazzjoni ġeografika tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 110/2008. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-fajl tekniku, il-prodott huwa konformi mar-rekwiżiti rilevanti tal-liġijiet tal-Unjoni.

(6)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li r-raġunijiet li ġew ippreżentati fl-oġġezzjonijiet kontra r-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Ron de Guatemala” fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 rigward in-nuqqas li jiġu sodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament, huma bla bażi.

(7)

L-isem “Ron de Guatemala” għandu jiġi rreġistrat bħala indikazzjoni ġeografika fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008.

(8)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 għandu jiġi emendat kif xieraq.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Implimentazzjoni tax-Xorb Spirituż,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, fil-kategorija ta’ prodott Nru “1. Rum”, tiżdied l-entrata li ġejja:

 

Ron de Guatemala

Il-Gwatemala”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Frar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.

(2)  ĠU C 168, 14.6.2012, p. 9.