28.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/12


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 69/2014

tas-27 ta’ Jannar 2014

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 748/2012 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta’ inġenji tal-ajru u ta’ prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 li jittratta l-ajrunavigabbiltà ġie estiż sabiex jinkludi l-elementi tal-evalwazzjoni tal-adegwatezza operattiva fir-regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tat-tip.

(2)

L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) sabet li kien meħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (2) sabiex l-Aġenzija tkun tista’ tapprova d-dejta tal-adegwatezza operattiva bħala parti mill-proċess taċ-ċertifikazzjoni tat-tip.

(3)

L-Aġenzija ħejjiet abbozz ta’ regoli ta’ implimentazzjoni dwar il-kunċett tad-dejta tal-adegwatezza operattiva u ressqithom bħala opinjoni (3) lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(4)

L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 748/2012 ġej mill-Artikolu 2c tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1702/2003 (4). L-Artikolu 2c tar-Regolament (KE) Nru 1702/2003 ġie introdott għal xi żmien biex issir salvagwardja temporanja ta’ tipi li ma kinux salvagwardjati fl-Artikolu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1702/2003. Billi dan ir-reġim tranżitorju spiċċa definittivament fit-28 ta’ Settembru 2009, l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 748/2012 għandu jitħassar.

(5)

Sabiex jiġu evitati l-konfużjoni u l-inċertezza legali fir-rigward tal-Artikolu 3, il-punti 21.A.16 A, 21.A.16B, 21.A.17, 21.A.31, 21.A.101 u 21.A.174 (tal-Parti 21) tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012, huwa neċessarju li r-referenzi għall-“kodiċijiet tal-ajrunavigabbiltà” jinbidlu b’referenzi għall-“ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni”.

(6)

Sabiex jiġu evitati l-konfużjoni u l-inċertezza legali fir-rigward tal-punti 21.A.4, 21.A.90 A, 21.A.90B, 21.A.91, 21.A.92, 21.A.93, 21.A.95, 21.A.97, 21.A.103, 21.A.107, 21.A.109, 21.A.111, 21.A.263 u 21.A.435 (tal-Parti 21) tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012, huwa neċessarju li r-referenzi għad-“disinn tat-tip” jinbidlu b’referenzi għaċ-“ċertifikazzjoni tat-tip”.

(7)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 748/2012 għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 748/2012 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu (1)(a), il-punt (i) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(i)

il-bażi taċ-ċertifikazzjoni tat-tip tiegħu kienet:

il-bażi taċ-ċertifikazzjoni tat-tip tal-JAA, għal prodotti li jkunu ġew iċċertifikati skont il-proċeduri tal-JAA, kif iddefinit fl-iskeda informattiva tal-JAA tagħhom, jew

għal prodotti oħrajn, il-bażi taċ-ċertifikazzjoni tat-tip kif iddefinita fl-iskeda informattiva taċ-ċertifikat tat-tip tal-Istat tad-disinn, jekk dak l-Istat tad-disinn kien:

Stat Membru, sakemm l-Aġenzija ma tiddeterminax, filwaqt li jitqiesu, b’mod partikolari, l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikati u l-esperjenza fis-servizz, li din il-bażi ta’ ċertifikazzjoni tat-tip ma tipprevedix livell ta’ sigurtà ekwivalenti għal dak meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u dan ir-Regolament, jew

Stat li miegħu Stat Membru kien ikkonkluda ftehim bilaterali dwar l-ajrunavigabbiltà jew arranġament simili li taħtu dawn il-prodotti jkunu ġew iċċertifikati fuq il-bażi tal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni ta’ dak l-Istat tad-disinn, sakemm l-Aġenzija ma tiddeterminax li dawn l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni jew l-esperjenza fis-servizz jew is-sistema ta’ sigurtà ta’ dak l-Istat tad-disinn ma jipprevedux livell ta’ sigurtà ekwivalenti għal dak meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u dan ir-Regolament.

L-Aġenzija għandha tagħmel l-ewwel evalwazzjoni tal-implikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tieni inċiż bil-ħsieb li tgħaddi opinjoni lill-Kummissjoni inklużi emendi possibbli għal dan ir-Regolament;”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punti (c) u (d) għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“(c)

b’deroga mill-punt 21.A.17 A tal-Anness I (il-Parti 21), il-bażi taċ-ċertifikazzjoni tat-tip għandha tkun dik stabbilita mill-JAA jew, fejn ikun applikabbli, l-Istat Membru fid-data tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni;

(d)

konstatazzjonijiet ta’ konformità li jkunu saru skont il-proċeduri tal-JAA jew tal-Istat Membru għandhom jitqiesu li tkun għamlithom l-Aġenzija għall-iskop ta’ konformità mal-punti 21.A.20(a) u (d) tal-Anness I (il-Parti 21).”;

(2)

l-Artikolu 5 għandu jitħassar;

(3)

għandu jiddaħħal l-Artikolu 7a li ġej:

“Artikolu 7a

Dejta tal-adegwatezza operattiva

1.   Id-detentur ta’ ċertifikat tat-tip ta’ inġenju tal-ajru maħruġ qabel is-17 ta’ Frar 2014 li beħsiebu jikkunsinna inġenju tal-ajru ġdid lil operatur stabbilit fl-UE fis-17 ta’ Frar 2014 jew wara dik id-data, għandu jikseb approvazzjoni skont il-punt 21.A.21(e) tal-Anness I (il-Parti 21), ħlief fir-rigward tas-sillabu minimu tat-taħriġ għall-klassifikazzjoni tat-tip tal-persunal awtorizzat li jiċċertifika l-manutenzjoni u ħlief fir-rigward tad-dejta li sservi ta’ sors għall-validazzjoni tal-inġenji tal-ajru li tappoġġa l-kwalifikazzjoni oġġettiva tas-simulatur(i). L-approvazzjoni għandha tinkiseb sa mhux aktar tard mit-18 ta’ Diċembru 2015 jew qabel ma l-inġenju tal-ajru jitħaddem minn operatur stabbilit fl-UE, skont liema waħda minnhom taħbat l-aħħar. Id-dejta tal-adegwatezza operattiva tista’ tkun limitata għall-mudell li jiġi kkunsenjat.

2.   L-applikant għal ċertifikat tat-tip ta’ inġenju tal-ajru li jkun applika qabel is-17 ta’ Frar 2014 u li ma jkunx inħariġlu ċertifikat tat-tip qabel is-17 ta’ Frar 2014 għandu jikseb approvazzjoni skont il-paragrafu 21.A.21(e) tal-Anness I (il-Parti 21), ħlief fir-rigward tas-sillabu minimu tat-taħriġ għall-klassifikazzjoni tat-tip tal-persunal awtorizzat li jiċċertifika l-manutenzjoni u ħlief fir-rigward tad-dejta li sservi ta’ sors għall-validazzjoni tal-inġenji tal-ajru li tappoġġa l-kwalifikazzjoni oġġettiva tas-simulatur(i). L-approvazzjoni għandha tinkiseb sa mhux aktar tard mit-18 ta’ Diċembru 2015 jew qabel ma l-inġenju tal-ajru jitħaddem minn operatur stabbilit fl-UE, skont liema waħda minnhom taħbat l-aħħar. Il-konstatazzjonijiet ta’ konformità li jsiru mill-awtoritajiet fil-kuntest tal-proċeduri mwettqin mill-Bord tal-Evalwazzjoni Operattiva taħt ir-responsabbiltà tal-JAA jew tal-Aġenzija qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu aċċettati mill-Aġenzija mingħajr aktar verifiki.

3.   Ir-rapporti tal-Bord tal-Evalwazzjoni Operattiva u l-listi tat-tagħmir minimu ta’ referenza maħruġin skont il-proċeduri tal-JAA jew mill-Aġenzija qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu d-dejta tal-adegwatezza operattiva approvata skont il-punt 21.A.21(e) tal-Anness I (il-Parti 21) u għandhom jiġu inklużi fiċ-ċertifikat tat-tip rilevanti. Qabel it-18 ta’ Ġunju 2014, id-detenturi taċ-ċertifikati tat-tip rilevanti għandhom jipproponu lill-Aġenzija t-tqassim tad-dejta tal-adegwatezza operattiva f’dejta obbligatorja u f’dejta li mhix obbligatorja.

4.   Id-detenturi ta’ ċertifikat tat-tip li jinkludi fih dejta tal-adegwatezza operattiva għandhom ikunu obbligati jiksbu, qabel it-18 ta’ Diċembru 2015, approvazzjoni għal estensjoni tal-kamp tal-applikazzjoni tal-approvazzjoni tal-organizzazzjoni tad-disinn tagħhom jew għal proċeduri alternattivi għall-approvazzjoni tal-organizzazzjoni tad-disinn, kif ikun applikabbli, biex jinkludu l-aspetti tal-adegwatezza operattiva.”;

(4)

l-Anness I (il-Parti 21) għandu jiġi emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punti 16 sa 34 u l-punt 43 tal-Anness għandhom japplikaw għal min japplika għall-approvazzjoni ta’ tibdila fiċ-ċertifikat tat-tip kif ukoll għal min japplika għal ċertifikat tat-tip supplementari mid-19 ta’ Diċembru 2016 ’il quddiem.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1.

(3)  Opinjoni Nru 07/2011 tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni tat-13 ta’ Diċembru 2011, li hija disponibbli mis-sit tal-Internet li ġej: http://easa.europa.eu/official-publication/agency-opinions.php

(4)  ĠU L 243, 27.9.2003, p. 6.


ANNESS

L-Anness I (il-Parti 21) tar-Regolament (UE) Nru 748/2012 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

il-punt 21.A.4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.4   Koordinazzjoni bejn id-disinn u l-produzzjoni

Kull detentur ta’ ċertifikat tat-tip, ċertifikat tat-tip ristrett, ċertifikat tat-tip supplementari, awtorizzazzjoni tal-ETSO, approvazzjoni ta’ tibdila fiċ-ċertifikat tat-tip jew approvazzjoni ta’ disinn ta’ tiswija, għandu jikkollabora mal-organizzazzjoni tal-produzzjoni kif ikun meħtieġ biex ikunu żgurati:

(a)

il-koordinazzjoni sodisfaċenti tad-disinn u l-produzzjoni meħtieġa mill-punti 21 A.122, 21 A.130(b)(3) and (4), 21 A.133 and 21 A.165(c)(2) u (3), kif xieraq; u

(b)

l-appoġġ xieraq tal-ajrunavigabbiltà kontinwa tal-prodott, parti jew tagħmir.”;

(2)

fil-punt 21.A.15, għandu jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

Applikazzjoni għal ċertifikat tat-tip jew ċertifikat tat-tip ristrett għal inġenju tal-ajru għandha tinkludi, wara l-applikazzjoni inizjali, l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tad-dejta tal-adegwatezza operattiva, jew tkun issupplimentata biha, u din id-dejta għandha tikkonsisti minn, kif applikabbli:

1.

is-sillabu minimu tat-taħriġ għall-klassifikazzjoni tat-tip tal-bdoti, inkluża d-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni tat-tip;

2.

id-definizzjoni tal-kamp tal-applikazzjoni tad-dejta li sservi ta’ sors għall-validazzjoni tal-inġenji tal-ajru li tappoġġa l-kwalifikazzjoni oġġettiva tas-simulatur(i) assoċjati mat-taħriġ għall-klassifikazzjoni tat-tip tal-bdoti, jew tad-dejta provviżorja li tappoġġa l-kwalifika intermedja tagħhom;

3.

is-sillabu minimu tat-taħriġ għall-klassifikazzjoni tat-tip tal-persunal awtorizzat li jiċċertifika l-manutenzjoni, inkluża d-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni tat-tip;

4.

id-determinazzjoni tat- tip jew tal-varjant għall-ekwipaġġ tal-kabina u d-dejta speċifika għat-tip għall-ewkipaġġ tal-kabina;

5.

il-lista tat-tagħmir minimu ta’ referenza; kif ukoll

6.

elementi oħra tal-adegwatezza operattiva relatati mat-tip.”;

(3)

il-punt 21.A.16 A għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.16A   Speċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni

L-Aġenzija għandha toħroġ f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 speċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni, inklużi speċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni għad-dejta tal-adegwatezza operattiva, bħala mezz standard biex tintwera l-konformità ta’ prodotti, partijiet u tagħmir mar-rekwiżiti essenzjali rilevanti tal-Annessi I, III u IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2008. Dawn il-kodiċijiet għandhom ikunu dettaljati u speċifiċi b’mod suffiċjenti biex juru lill-applikanti l-kundizzjonijiet li taħthom jinħarġu, jiġu emendati jew jiġu ssupplimentati ċ-ċertifikati.”;

(4)

il-punt 21.A.16B għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.16B   Kundizzjonijiet speċjali

(a)

L-Aġenzija għandha tippreskrivi speċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati speċjali, imsejħa kundizzjonijiet speċjali, għal prodott, jekk l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni relatati ma jkunx fihom standards ta’ sikurezza adegwati jew xierqa għall-prodott, jew għax:

1.

il-prodott, b’rabta mal-prattiki tad-disinn li fuqhom l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli jkunu bbażati, ikollu karatteristiċi ta’ disinn ġodda jew mhux tas-soltu; jew għax

2.

l-użu maħsub tal-prodott ma jkunx wieħed konvenzjonali; jew għax

3.

l-esperjenza minn prodotti simili oħra fis-servizz jew minn prodotti li jkollhom karatterisitiċi tad-disinn simili, tkun uriet li jistgħu jiżviluppaw xi kundizzjonijiet ta’ nuqqas ta’ sikurezza.

(b)

Il-kundizzjonijiet speċjali għandhom jinkludu t-tali standards ta’ sikurezza li l-Aġenzija jidhrilha li jkunu meħtieġa sabiex tistabbilixxi livell ta’ sikurezza li jkun ekwivalenti għal dak stabbilit fl-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli.”;

(5)

il-punt 21.A.17 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

it-titolu għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.17A   Bażi taċ-ċertifikazzjoni tat-tip”;

(b)

fil-punt (a), il-punt (1) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.

l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli stabbiliti mill-Aġenzija li jkunu effettivi fid-data tal-applikazzjoni għal dak iċ-ċertifikat sakemm:

(i)

ma jkunx speċifikat mod ieħor mill-Aġenzija; jew

(ii)

il-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni ta’ emendi li jsiru effettivi aktar tard ma tkunx ġiet magħżula mill-applikant jew ma tkunx meħtieġa taħt il-punti (c) u (d);”;

(c)

fil-punt (c), il-punt (2) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.

japplika għal estensjoni tal-applikazzjoni oriġinali u jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli li kienu effettivi f’data, li għandha tingħażel mill-applikant, mhux qabel id-data li tippreċedi d-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat tat-tip bil-limitu taż-żmien stabbilit taħt il-punt (b) għall-applikazzjoni oriġinali.”;

(6)

għandu jiddaħħal il-punt 21.A.17B li ġej:

21.A.17B   Bażi taċ-ċertifikazzjoni tad-dejta tal-adegwatezza operattiva

(a)

L-Aġenzija għandha tinnotifika lill-applikant bil-bażi taċ-ċertifikazzjoni tad-dejta tal-adegwatezza operattiva. Din għandha tikkonsisti:

1.

mill-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli għad-dejta tal-adegwatezza operattiva maħruġin skont il-punt 21.A.16 A li jkunu fis-seħħ fid-data tal-applikazzjoni jew tas-suppliment tal-applikazzjoni, sakemm:

(i)

l-Aġenzija taċċetta mezzi oħra biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali rilevanti tal-Annessi I, III u IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2008; jew

(ii)

il-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni ta’ emendi li jsiru effettivi aktar tard ma tingħażilx mill-applikant;

2.

minn kwalunkwe kundizzjoni speċjali preskritta skont il-punt 21.A.16B(a).

(b)

Jekk l-applikant jagħżel li jikkonforma ma’ emenda għall-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni li tkun effettiva wara li japplika għal ċertifikat tat-tip, huwa għandu jikkonforma wkoll ma’ kwalunkwe speċifikazzjoni taċ-ċertifikazzjoni oħra li l-Aġenzija jidhrilha li hija relatata b’mod dirett magħha.”;

(7)

il-punt 21.A.20 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

it-titolu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Konformità mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni tat-tip, mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni tad-dejta tal-adegwatezza operattiva u mar-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali”;

(b)

il-punt (a) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

L-applikant għal ċertifikat tat-tip jew għal ċertifikat tat-tip ristrett għandu juri konformità mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni tat-tip applikabbli, mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni tad-dejta tal-adegwatezza operattiva applikabbli, kif ukoll mar-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali, u għandu jipprovdi lill-Aġenzija l-mezzi li permezz tagħhom tkun intweriet din il-konformità.”;

(8)

il-punt 21.A.21 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (c), il-punt (1) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.

il-prodott li jkun se jiġi ċċertifikat ikun jissodisfa l-bażi taċ-ċertifikazzjoni tat-tip applikabbli kif ukoll ir-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali magħżula f’konformità mal-punti 21.A.17 A u 21.A.18;”;

(b)

għandhom jiżdiedu l-punti (e) u (f) li ġejjin:

“(e)

Fil-każ ta’ ċertifikat tat-tip ta’ inġenju tal-ajru, għandu jintwera li d-dejta tal-adegwatezza operattiva tissodisfa l-bażi taċ-ċertifikazzjoni tad-dejta tal-adegwatezza operattiva applikabbli magħżula f’konformità mal-punt 21.A.17B.

(f)

B’deroga mill-punt (e), u fuq talba tal-applikant inkluża fid-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 21.A.20(d), ċertifikat tat-tip ta’ inġenju tal-ajru jista’ jinħareġ qabel ma tintwera l-konformità mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni tad-dejta tal-adegwatezza operattiva applikabbli, dejjem jekk l-applikant juri l-konformità mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni tad-dejta tal-adegwatezza operattiva qabel ma tkun trid tintuża d-dejta tal-adegwatezza operattiva fir-realtà.”;

(9)

il-punt 21.A.23 għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.23   Ħruġ ta’ ċertifikat tat-tip ristrett

(a)

Għal inġenju tal-ajru li ma jissodisfax id-dispożizzjonijiet tal-punt 21.A.21(c), l-applikant għandu jkun intitolat li jkollu ċertifikat tat-tip ristrett maħruġ mill-Aġenzija wara:

1.

li jkun ikkonforma mal-bażi x-xierqa taċ-ċertifikazzjoni tat-tip stabbilita mill-Aġenzija biex tkun żgurata s-sikurezza adegwata tal-użu li għalih l-inġenju tal-ajru huwa maħsub, kif ukoll mar-rekwiżiti applikabbli tal-protezzjoni ambjentali;

2.

li jkun stqarr espressament li huwa lest jikkonforma mal-punt 21.A.44;

3.

li jintwera, fil-każ ta’ ċertifikat tat-tip ristrett ta’ inġenju tal-ajru, li d-dejta tal-adegwatezza operattiva tissodisfa l-bażi taċ-ċertifikazzjoni tad-dejta tal-adegwatezza operattiva applikabbli magħżula f’konformità mal-punt 21.A.17B.

(b)

B’deroga mill-punt (3) tal-punt (a), u fuq talba tal-applikant inkluża fid-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 21.A.20(d), ċertifikat tat-tip ristrett jista’ jinħareġ qabel ma tintwera l-konformità mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni tad-dejta tal-adegwatezza operattiva applikabbli, dejjem jekk l-applikant juri l-konformità mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni tad-dejta tal-adegwatezza operattiva qabel ma tkun trid tintuża d-dejta tal-adegwatezza operattiva fir-realtà.

(c)

Il-magna jew l-iskrun installat(a) fuq l-ajruplan, jew it-tnejn, għandhom:

1.

ikollhom ċertifikat tat-tip maħruġ jew stabbilit f’konformità ma’ dan ir-Regolament; jew

2.

ikunu wrew konformità mal-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa taċ-ċertifikazzjoni biex ikunu żgurati titjiriet mingħajr periklu.”;

(10)

fil-punt 21.A.31(a), il-punt 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“3.

taqsima approvata tal-limitazzjonijiet tal-ajrunavigabbiltà tal-istruzzjonijiet għall-ajrunavigabbiltà kontinwa, kif iddefinit fl-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli; u”;

(11)

il-Punt 21.A.41 għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.41   Ċertifikat tat-tip

Iċ-ċertifikat tat-tip u ċ-ċertifikat tat-tip ristrett għandhom jinkludu d-disinn tat-tip, il-limitazzjonijiet tat-tħaddim, l-iskeda informattiva taċ-ċertifikat tat-tip dwar l-ajrunavigabbiltà u l-emissjonijiet, il-bażi applikabbli taċ-ċertifikazzjoni tat-tip u r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali li magħhom l-Aġenzija tirreġistra l-konformità, u kwalunkwe kundizzjoni jew limitazzjoni oħra preskritta għall-prodott fl-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni u r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali applikabbli. Barra minn hekk, iċ-ċertifikat tat-tip u ċ-ċertifikat tat-tip ristrett ta’ inġenju tal-ajru t-tnejn għandhom jinkludu l-bażi taċ-ċertifikazzjoni tad-dejta tal-adegwatezza operattiva applikabbli, id-dejta tal-adegwatezza operattiva, kif ukoll l-iskeda informattiva taċ-ċertifikat tat-tip tal-ħoss. L-iskeda informattiva taċ-ċertifikat tat-tip tal-magna għandha tinkludi r-rekord ta’ konformità tal-emissjonijiet.”;

(12)

fil-punt 21.A.44, il-punt (a) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

jassumi l-obbligi stabbiliti fil-punti 21.A.3 A, 21.A.3B, 21.A.4, 21.A.55, 21.A.57, 21.A.61 u 21.A.62; u, għal dan il-għan, għandu jkompli jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kwalifika għall-eliġibbiltà taħt il-punt 21.A.14; u”;

(13)

il-punt 21.A.55 għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.55   Żamma tar-rekords

L-informazzjoni rilevanti kollha tad-disinn, it-tpinġijiet u r-rapporti tat-test, inklużi r-rekords tal-ispezzjoni dwar il-prodott ittestjat, għandhom jinżammu mid-detentur taċ-ċertifikat tat-tip jew taċ-ċertifikat tat-tip ristrett għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija u għandhom jinżammu biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu żgurati l-ajrunavigabbilità kontinwa, il-validità kontinwa tad-dejta tal-adegwatezza operattiva u l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli tal-protezzjoni ambjentali tal-prodott.”;

(14)

il-punt 21.A.57 għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.57   Manwali

Id-detentur taċ-ċertifikat tat-tip jew taċ-ċertifikat tat-tip ristrett għandu jipproduċi, iżomm u jaġġorna l-kopji oriġinali tal-manwali kollha li huma meħtieġa mill-bażi taċ-ċertifikazzjoni tat-tip applikabbli, mill-bażi taċ-ċertifikazzjoni tad-dejta tal-adegwatezza operattiva applikabbli u mir-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali għall-prodott, u għandu jipprovdi kopji tagħhom, jekk jintalab, lill-Aġenzija.”;

(15)

il-punt 21.A.62. li ġej għandu jiddaħħal wara s-subparti B:

21.A.62   Disponibbiltà tad-dejta tal-adegwatezza operattiva

Id-detentur taċ-ċertifikat tat-tip jew taċ-ċertifikat tat-tip ristrett għandu:

(a)

iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru magħrufa kollha stabbiliti fl-UE tal-anqas sett wieħed komplut tad-dejta tal-adegwatezza operattiva mħejji skont il-bażi taċ-ċertifikazzjoni tal-adegwatezza operattiva applikabbli, qabel ma d-dejta tal-adegwatezza operattiva tkun trid tintuża minn organizzazzjoni tat-taħriġ jew minn operatur stabbilit fl-UE; kif ukoll

(b)

iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru magħrufa kollha stabbiliti fl-UE kwalunkwe tibdil fid-dejta tal-adegwatezza operattiva; kif ukoll

(c)

fuq talba, iqiegħed id-dejta rilevanti msemmija fil-punti (a) u (b) t’hawn fuq għad-dispożizzjoni:

1.

tal-awtorità kompetenti responsabbli għall-verifika tal-konformità ma’ wieħed mill-elementi jew aktar ta’ dan is-sett ta’ dejta tal-adegwatezza operattiva; kif ukoll

2.

ta’ kwalunkwe persuna li hija meħtieġa tikkonforma ma’ wieħed mill-elementi jew aktar ta’ dan is-sett ta’ dejta tal-adegwatezza operattiva.”;

(16)

il-punt 21.A.90 A għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.90A   Kamp ta’ applikazzjoni

Din is-Subparti tistabbilixxi l-proċedura għall-approvazzjoni ta’ tibdiliet fiċ-ċertifikati tat-tip, kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi tal-applikanti għal, u tad-detenturi ta’, dawk l-approvazzjonijiet. Din is-Subparti tiddefinixxi wkoll it-tibdil standard li mhux suġġett għal proċess ta’ approvazzjoni skont din is-Subparti. F’din is-Subparti, ir-referenzi għaċ-ċertifikati tat-tip jinkludu ċ-ċertifikati tat-tip kif ukoll iċ-ċertifikati tat-tip ristretti.”;

(17)

fil-punt 21.A.90B, il-punt (a) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

It-tibdil standard huwa tibdil f’disinn tat-tip:

1.

marbut ma’:

(i)

ajruplani b’massa ta’ tluq massima ta’ 5 700 kilogramm jew inqas;

(ii)

inġenji tal-ajru li jaħdmu bir-rotors b’massa ta’ tluq massima ta’ 3 175 kilogramma jew inqas;

(iii)

gliders, gliders bil-magna, blalen tal-arja u iġfna tal-ajru, kif iddefiniti għat-tip ‘ELA1’ jew ‘ELA2’;

2.

li jsegwi dejta tad-disinn inkluża fl-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni maħruġin mill-Aġenzija, li jkun fihom metodi, tekniki u prattiki aċċettabbli biex jitwettaq u jiġi identifikat it-tibdil standard, inklużi l-istruzzjonijiet assoċjati għall-ajrunavigabbiltà kontinwa; u

3.

li ma jkunx f’kunflitt mad-dejta tad-detenturi ta’ ċertifikat tat-tip.”;

(18)

il-punt 21.A.91 għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.91   Klassifikazzjoni ta’ tibdiliet f’ċertifikat tat-tip

It-tibdiliet f’ċertifikat tat-tip huma kklassifikati bħala minuri u maġġuri. ‘Tibdila minuri’ hija waħda li ma jkollha l-ebda effett apprezzabbli fuq il-massa, il-bilanċ, is-saħħa strutturali, l-affidabbiltà, il-karatteristiċi tat-tħaddim, il-ħoss, l-ivventjar għall-fjuwil, l-emissjoni ta’ duħħan, id-dejta tal-adegwatezza operattiva jew kwalunkwe karatteristika oħra li tista’ taffettwa l-ajrunavigabbiltà tal-prodott. Mingħajr preġudizzju għall-punt 21.A.19, it-tibdiliet l-oħra kollha huma ‘tibdiliet maġġuri’ taħt din is-Subparti. It-tibdiliet maġġuri u minuri għandhom ikunu approvati f’konformità mal-punti 21.A.95 jew 21.A.97 kif xieraq, u għandhom ikunu identifikati b’mod adegwat.”;

(19)

il-punt 21.A.92 għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.92   Eliġibbiltà

(a)

Id-detentur taċ-ċertifikat tat-tip biss jista’ japplika għall-approvazzjoni ta’ tibdila maġġuri fiċ-ċertifikat tat-tip taħt din is-Subparti; l-applikanti l-oħra kollha għal tibdila maġġuri fiċ-ċertifikat tat-tip għandhom japplikaw taħt is-Subparti E.

(b)

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tapplika għall-approvazzjoni ta’ tibdila minuri fiċ-ċertifikat tat-tip taħt din is-Subparti.”;

(20)

il-punt 21.A.93 għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.93   Applikazzjoni

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ tibdila fiċ-ċertifikat tat-tip għandha ssir f’forma u manjiera stabbilita mill-Aġenzija u għandha tinkludi:

(a)

Deskrizzjoni tat-tibdila li tidentifika:

1.

il-partijiet kollha tad-disinn tat-tip u l-manwali approvati affettwati mit-tibdila; u

2.

l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni u r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali li magħhom it-tibdila tkun tfasslet li tikkonforma skont il-punt 21.A.101.

(b)

L-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe investigazzjoni mill-ġdid li tkun meħtieġa biex turi l-konformità tal-prodott mibdul mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni u mar-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali applikabbli.

(c)

Meta t-tibdila tkun taffettwa lid-dejta tal-adegwatezza operattiva, l-applikazzjoni għandha tinkludi t-tibdiliet meħtieġa fid-dejta tal-adegwatezza operattiva, jew dawn it-tibdiliet għandhom jintbagħtu wara l-applikazzjoni inizjali biex jiżdiedu magħha.”;

(21)

il-punt 21.A.95 għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.95   Tibdiliet minuri

Tibdiliet minuri fiċ-ċertifikat tat-tip għandhom ikunu kklassifikati u approvati jew:

(a)

mill-Aġenzija; jew

(b)

minn organizzazzjoni tad-disinn approvata kif xieraq taħt proċedura miftehma mal-Aġenzija.”;

(22)

fil-punt 21.A.97, il-punt (b) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(b)

Approvazzjoni ta’ tibdila maġġuri fiċ-ċertifikat tat-tip hija limitata għal dik jew dawk il-konfigurazzjoni(jiet) speċifika/speċifiċi fiċ-ċertifikat tat-tip li fuqhom tkun saret it-tibdila.”;

(23)

il-punt 21.A.101 għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.101   Għażla tal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni u tar-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali applikabbli

(a)

L-applikant għal tibdila fiċ-ċertifikat tat-tip għandu juri li l-prodott mibdul ikun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli għall-prodott mibdul, u li jkunu effettivi fid-data tal-applikazzjoni għat-tibdila, sakemm l-applikant ma jagħżilx il-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni ta’ emendi li jidħlu fis-seħħ wara, jew sakemm din it-tip ta’ konformità ma tkunx meħtieġa skont il-punti (e) u (f), kif ukoll li dan ikun konformi mar-rekwiżiti applikabbli tal-protezzjoni ambjentali stabbiliti fil-punt 21.A.18.

(b)

B’deroga mill-punt (a), applikant jista’ juri li l-prodott mibdul ikun konformi ma’ emenda li tkun saret qabel fl-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni msemmija fil-punt (a), kif ukoll fi kwalunkwe speċifikazzjoni taċ-ċertifikazzjoni oħra li l-Aġenzija jidhrilha li tkun relatata b’mod dirett. Madankollu, l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni emendati qabel ma għandhomx jippreċedu l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni korrispondenti inkorporati b’referenza fiċ-ċertifikat tat-tip. L-applikant jista’ juri konformità ma’ emenda li tkun saret qabel fl-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni għal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

1.

Tibdila li l-Aġenzija jidhrilha li mhijiex sinifikanti. Fid-determinazzjoni ta’ jekk tibdila speċifika hijiex sinifikanti jew le, l-Aġenzija tikkonsidra t-tibdila fil-kuntest tagħha flimkien mat-tibdiliet kollha li jkunu saru qabel fid-disinn rilevanti u fir-reviżjonijiet kollha relatati mal-ispeċifikazzjonijiet applikabbli taċ-ċertifikazzjoni inkorporati fiċ-ċertifikat tat-tip għall-prodott. It-tibdiliet li jissodisfaw wieħed minn dawn il-kriterji li ġejjin huma kkonsidrati awtomatikament bħala sinifikanti:

(i)

il-konfigurazzjoni ġenerali jew il-prinċipji ta’ kostruzzjoni ma jinżammux;

(ii)

is-suppożizzjonijiet użati għaċ-ċertifikazzjoni tal-prodott li se jinbidel ma jibqgħux validi.

2.

Kull żona, sistema, parti jew tagħmir li l-Aġenzija jidhrilha li ma jkunx affettwat mit-tibdila.

3.

Kull żona, sistema, parti jew tagħmir li jkun affettwat mit-tibdila, li għalih l-Aġenzija jidhrilha li l-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni msemmija fil-punt (a) ma tikkontribwixxix materjalment għal-livell ta’ sikurezza tal-prodott mibdul, jew inkella ma tkunx prattika.

(c)

Applikant li japplika għal tibdila f’inġenju tal-ajru (għajr inġenju tal-ajru bir-rotors) ta’ toqol massimu ta’ 2 722 kg (6 000 lbs) jew inqas jew f’inġenji tal-ajru bir-rotors mingħajr turbina ta’ toqol massimu ta’ 1 361 kg (3 000 lbs) jew inqas, jista’ juri li l-prodott mibdul jikkonforma mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni tat-tip inkorporata b’referenza fiċ-ċertifikat tat-tip. Madankollu, jekk l-Aġenzija jidhrilha li t-tibdila hija sinifikanti f’xi żona, l-Aġenzija tista’ tagħżel li jkun hemm konformità ma’ emenda fil-bażi taċ-ċertifikazzjoni tat-tip inkorporata b’referenza fiċ-ċertifikat tat-tip, li tkun fis-seħħ fid-data tal-applikazzjoni, u ma’ kwalunkwe speċifikazzjoni oħra taċ-ċertifikazzjoni li l-Aġenzija jidhrilha li hija relatata direttament, sakemm l-Aġenzija ma jidhrilhiex ukoll li l-konformità ma’ dik l-emenda jew ma’ dik l-ispeċifikazzjoni taċ-ċertifikazzjoni ma tikkontribwixxix materjalment għal-livell ta’ sikurezza tal-prodott mibdul, jew inkella ma tkunx prattika.

(d)

Jekk l-Aġenzija jidhrilha li l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni li jkunu fis-seħħ fid-data tal-applikazzjoni għat-tibdila ma jkunux jipprovdu livelli adegwati fir-rigward tat-tibdila proposta, l-applikant għandu jikkonforma wkoll ma’ kwalunkwe kundizzjoni speċjali oħra, u ma’ emendi għal dawk il-kundizzjonijiet speċjali, preskritti taħt id-dispożizzjonijiet tal-punt 21.A.16B, sabiex jipprovdi livell ta’ sikurezza ekwivalenti għal dak stabbilit fl-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni fis-seħħ fid-data tal-applikazzjoni għat-tibdila.

(e)

Applikazzjoni għal tibdila fiċ-ċertifikat tat-tip ta’ ajruplani kbar u ta’ inġenji tal-ajru kbar bir-rotors tkun effettiva għal ħames snin, u applikazzjoni għal tibdila fi kwalunkwe tip ieħor ta’ ċertifikat tat-tip tkun effettiva għal tliet snin. F’każ fejn it-tibdila ma tkunx ġiet approvata, jew fejn ikun ċar li din mhux se tkun approvata fil-limitu ta’ żmien stabbilit taħt dan il-punt, l-applikant jista:

1.

jissottometti applikazzjoni ġdida għal tibdila fiċ-ċertifikat tat-tip u jikkonforma mad-dispożizzjonijiet kollha tal-punt (a) applikabbli għal applikazzjoni oriġinali għal tibdila; jew

2.

japplika għal estensjoni tal-applikazzjoni oriġinali u jikkonforma mad-dispożizzjonijiet kollha tal-punt (a) għal data effettiva tal-applikazzjoni, li għandha tintgħażel mill-applikant, li ma tkunx aktar kmieni mid-data li tippreċedi lil dik tal-approvazzjoni tat-tibdila saż-żmien stabbilit taħt dan il-punt għall-applikazzjoni oriġinali għat-tibdila.

(f)

Jekk applikant jagħżel li jikkonforma ma’ speċifikazzjoni taċ-ċertifikazzjoni ta’ emenda għall-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni li tkun effettiva wara t-tressiq tal-applikazzjoni għal tibdil fit-tip, huwa għandu jikkonforma wkoll ma’ kwalunkwe speċifikazzjoni taċ-ċertifikazzjoni oħra li l-Aġenzija jidhrilha li hija relatata b’mod dirett magħha.

(g)

Meta applikazzjoni għal tibdila fiċ-ċertifikat tat-tip ta’ inġenju tal-ajru tkun tinkludi tibdil fid-dejta tal-adegwatezza operattiva, jew dan it-tibdil jintbagħat wara l-applikazzjoni inizjali biex jiżdied magħha, il-bażi taċ-ċertifikazzjoni tad-dejta tal-adegwatezza operattiva għandha tiġi stabbilita skont il-punti (a), (b), (c), (d) u (f) t’hawn fuq.”;

(24)

il-punt 21.A.103 għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.103   Ħruġ tal-approvazzjoni

(a)

L-applikant għandu jkun intitolat ikollu tibdila maġġuri fiċ-ċertifikat tat-tip approvata mill-Aġenzija wara li:

1.

jissottometti d-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 21.A.20(d); u

2.

jintwera li:

(i)

il-prodott mibdul ikun jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni u r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali applikabbli, kif speċifikat fil-punt 21.A.101;

(ii)

kwalunkwe dispożizzjoni tal-ajrunavigabbiltà li ma jkunx hemm konformità magħha tiġi kkumpensata b’fatturi li jipprovdu livell ekwivalenti ta’ sikurezza; u

(iii)

l-ebda karatteristika ma tikkomprometti s-sikurezza tal-prodott għall-użi li għalihom tkun qed tintalab iċ-ċertifikazzjoni;

3.

jintwera, fil-każ ta’ bidla li taffettwa d-dejta tal-adegwatezza operattiva, li l-bidliet meħtieġa fid-dejta tal-adegwatezza operattiva jissodisfaw il-bażi taċ-ċertifikazzjoni tad-dejta tal-adegwatezza operattiva applikabbli stabbilita skont il-punt 21.A.101(g);

4.

b’deroga mill-punt 3, u fuq talba tal-applikant inkluża fid-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 21.A.20(d), tibdila maġġuri f’ċertifikat tat-tip ta’ inġenju tal-ajru tista’ tiġi approvata qabel ma tintwera l-konformità mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni tad-dejta tal-adegwatezza operattiva applikabbli, dejjem jekk l-applikant juri l-konformità mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni tad-dejta tal-adegwatezza operattiva qabel ma tkun trid tintuża d-dejta tal-adegwatezza operattiva fir-realtà.

(b)

Tibdila minuri f’ċertifikat tat-tip għandha tiġi approvata biss f’konformità mal-punt 21.A.95 jekk jintwera li l-prodott mibdul jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet applikabbli taċ-ċertifikazzjoni, kif speċifikat fil-punt 21.A.101.”;

(25)

il-punt 21.A.105 għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.105   Żamma tar-rekords

Għal kull tibdila, l-informazzjoni kollha tad-disinn li hija rilevanti, it-tpinġijiet u r-rapporti tat-test, inklużi r-rekords tal-ispezzjoni dwar il-prodott mibdul li jkun ġie ttestjat, għandhom jinżammu mill-applikant għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija u għandhom jinżammu biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu żgurati l-ajrunavigabbiltà kontinwa, il-validità kontinwa tad-dejta tal-adegwatezza operattiva u l-konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali applikabbli tal-prodott mibdul.”;

(26)

fil-punt 21.A.107, il-punt (a) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

Id-detentur ta’ approvazzjoni ta’ tibdila minuri fiċ-ċertifikazzjoni tat-tip għandu jipprovdi tal-anqas sett wieħed tal-varjazzjonijiet assoċjati, jekk ikun hemm, tal-istruzzjonijiet għall-ajrunavigabbiltà kontinwa tal-prodott li fuqu tkun se ssir it-tibdila minuri, imħejjija f’konformità mal-bażi applikabbli taċ-ċertifikazzjoni tat-tip, lil kull sid magħruf ta’ inġenju tal-ajru, magna jew skrun wieħed jew aktar li jkun jinkorpora t-tibdila minuri, jew mal-kunsinna, jew mal-ħruġ tal-ewwel ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà għall-inġenju tal-ajru affettwat, liema minnhom jiġi l-aħħar, u sussegwentement għandu jagħmel dawk il-varjazzjonijiet fl-istruzzjonijiet disponibbli, jekk jintalab, lil kwalunkwe persuna oħra li tkun meħtieġa tikkonforma ma’ kwalunkwe wieħed mit-termini ta’ dawk l-istruzzjonijiet.”;

(27)

għandu jiddaħħal il-punt 21.A.108 li ġej:

21.A.108   Disponibbiltà tad-dejta tal-adegwatezza operattiva

Fil-każ ta’ bidla li taffettwa d-dejta tal-adegwatezza operattiva, id-detentur ta’ approvazzjoni ta’ bidla minuri għandu:

(a)

iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru mibdulin magħrufa stabbiliti fl-UE tal-anqas sett wieħed ta’ bidliet fid-dejta tal-adegwatezza operattiva mħejji skont il-bażi taċ-ċertifikazzjoni tal-adegwatezza operattiva applikabbli, qabel ma d-dejta tal-adegwatezza operattiva tkun trid tintuża minn organizzazzjoni tat-taħriġ jew minn operatur stabbilit fl-UE; kif ukoll

(b)

iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru mibdulin magħrufa stabbiliti fl-UE kwalunkwe tibdil ieħor fid-dejta tal-adegwatezza operattiva affettwata; kif ukoll

(c)

fuq talba, iqiegħed il-partijiet rilevanti tat-tibdil imsemmi fil-punti (a) u (b) t’hawn fuq għad-dispożizzjoni:

1.

tal-awtorità kompetenti responsabbli għall-verifika tal-konformità ma’ wieħed mill-elementi jew aktar tad-dejta tal-adegwatezza operattiva affettwata; kif ukoll

2.

ta’ kwalunkwe persuna li hija meħtieġa tikkonforma ma’ wieħed mill-elementi jew aktar ta’ dan is-sett ta’ dejta tal-adegwatezza operattiva.”;

(28)

il-punt 21.A.109 għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.109   Obbligi u mmarkar tal-EPA

Id-detentur ta’ approvazzjoni ta’ tibdila minuri fiċ-ċertifikat tat-tip għandu:

(a)

jassumi l-obbligi stabbiliti fil-punti 21.A.4, 21.A.105, 21.A.107 u 21.A.108; u

(b)

jispeċifika l-immarkar, inklużi l-ittri EPA (l-Approvazzjoni Ewropea tal-Parti), f’konformità mal-punt 21.A.804(a).”;

(29)

il-punt 21.A.111 għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.111   Kamp ta’ applikazzjoni

Din is-Subparti tistabbilixxi l-proċedura għall-approvazzjoni ta’ tibdiliet maġġuri fiċ-ċertifikat tat-tip taħt il-proċeduri ta’ ċertifikat tat-tip supplementari, u tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-applikanti għal, u tad-detenturi ta’, dawk iċ-ċertifikati.”;

(30)

fil-punt 21.A.113, il-punt (b) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(b)

Applikazzjoni għal ċertifikat tat-tip supplementari għandha tinkludi d-deskrizzjonijiet, l-identifikazzjoni u t-tibdiliet fid-dejta tal-adegwatezza operattiva meħtieġa mill-punt 21.A.93. Barra minn hekk, din l-applikazzjoni għandha tinkludi ġustifikazzjoni li l-informazzjoni li fuqha jkunu bbażati dawk l-elementi tkun adegwata jew mir-riżorsi tal-applikant stess, jew inkella permezz ta’ arranġament mad-detentur taċ-ċertifikat tat-tip.”;

(31)

fil-punt 21.A.118 A, il-punt (a) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

jassumi l-obbligi:

1.

stabbiliti fil-punti 21.A.3 A, 21.A.3B, 21.A.4, 21.A.105, 21.A.119, 21.A.120 A u 21.A.120B;

2.

li huma impliċiti fil-kollaborazzjoni mad-detentur taċ-ċertifikat tat-tip taħt il-punt 21.A.115(d)(2);

u għal dan il-għan ikompli jissodisfa l-kriterji tal-punt 21.A.112B;”;

(32)

il-punt 21.A.119 għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.119   Manwali

Id-detentur ta’ ċertifikat tat-tip supplementari għandu jipproduċi, iżomm, u jaġġorna l-kopji oriġinali tal-varjazzjonijiet fil-manwali meħtieġa mill-bażi taċ-ċertifikazzjoni tat-tip applikabbli, mill-bażi taċ-ċertifikazzjoni tad-dejta tal-adegwatezza operattiva applikabbli u mir-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali għall-prodott, liema varjazzjonijiet huma meħtieġa biex ikopru t-tibdiliet introdotti taħt iċ-ċertifikat tat-tip supplementari, u għandu jipprovdi kopji ta’ dawn il-manwali lill-Aġenzija, jekk ikun hemm talba għalihom.”;

(33)

fil-punt 21.A.120, it-titolu għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.120A   Struzzjonijiet għall-ajrunavigabbiltà kontinwa”;

(34)

il-punt 21.A.120B li ġej għandu jiddaħħal wara s-Subparti E:

21.A.120B   Disponibbiltà tad-dejta tal-adegwatezza operattiva

Fil-każ ta’ bidla li taffettwa d-dejta tal-adegwatezza operattiva, id-detentur taċ-ċertifikat tat-tip supplementari għandu:

(a)

iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru mibdulin magħrufa stabbiliti fl-UE tal-anqas sett wieħed ta’ bidliet fid-dejta tal-adegwatezza operattiva mħejji skont il-bażi taċ-ċertifikazzjoni tal-adegwatezza operattiva applikabbli, qabel ma d-dejta tal-adegwatezza operattiva tkun trid tintuża minn organizzazzjoni tat-taħriġ jew minn operatur stabbilit fl-UE; kif ukoll

(b)

iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru mibdulin magħrufa stabbiliti fl-UE kwalunkwe tibdil ieħor fid-dejta tal-adegwatezza operattiva affettwata; kif ukoll

(c)

fuq talba, iqiegħed il-partijiet rilevanti tat-tibdil imsemmi fil-punti (a) u (b) t’hawn fuq, għad-dispożizzjoni:

1.

tal-awtorità kompetenti responsabbli għall-verifika tal-konformità ma’ wieħed mill-elementi jew aktar tad-dejta tal-adegwatezza operattiva affettwata; kif ukoll

2.

ta’ kwalunkwe persuna li hija meħtieġa tikkonforma ma’ wieħed mill-elementi jew aktar ta’ dan is-sett ta’ dejta tal-adegwatezza operattiva.”;

(35)

fil-punt 21.A.174(b)(2), il-punt (iii) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(iii)

il-manwal tat-titjira, meta dan ikun meħtieġ mill-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli għal dak l-inġenju tal-ajru partikolari;”;

(36)

fil-punt 21.A.239(a), il-punt 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.

tiżgura li d-disinn tal-prodotti, l-partijiet u t-tagħmir, jew it-tibdila fid-disinn tagħhom, ikun konformi mal-bażi applikabbli taċ-ċertifikazzjoni tat-tip, mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni tad-dejta tal-adegwatezza operattiva applikabbli u mar-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali; u”;

(37)

il-punt 21.A.245 għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.245   Rekwiżiti għall-approvazzjoni

L-organizzazzjoni tad-disinn għandha turi, fuq il-bażi tal-informazzjoni sottomessa f’konformità mal-punt 21.A.243 li, barra milli tkun konformi mal-punt 21.A.239:

(a)

il-persunal fid-dipartimenti tekniċi kollha jkun ta’ numru u ta’ esperjenza suffiċjenti, u jkun ingħata l-awtorità x-xierqa biex ikun jista’ jwettaq ir-responsabbiltajiet allokati lilu u dawn, flimkien mal-akkomodazzjoni, il-faċilitajiet u t-tagħmir, ikunu adegwati biex il-persunal ikun jista’ jilħaq l-objettivi relatati mal-ajrunavigabbiltà, mal-adegwatezza operattiva u mal-protezzjoni ambjentali tal-prodott;

(b)

ikun hemm koordinazzjoni sħiħa u effiċjenti bejn id-dipartimenti u fi ħdan id-dipartimenti fejn jidħlu materji marbutin mal-ajrunavigabbiltà, mal-adegwatezza operattiva u mal-protezzjoni ambjentali.”;

(38)

il-punt 21.A.247 għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.247   Tibdiliet fis-sistema tal-assigurazzjoni tad-disinn

Wara l-ħruġ ta’ approvazzjoni ta’ organizzazzjoni tad-disinn, kull tibdila fis-sistema tal-assigurazzjoni tad-disinn li tkun sinifikanti għat-turija ta’ konformità jew għall-ajrunavigabbiltà, għall-adegwatezza operattiva u għall-protezzjoni ambjentali tal-prodott, għandha tiġi approvata mill-Aġenzija. Applikazzjoni għall-approvazzjoni għandha tiġi sottomessa bil-miktub lill-Aġenzija u l-organizzazzjoni tad-disinn għandha turi lill-Aġenzija, fuq il-bażi tas-sottomissjoni tat-tibdiliet proposti fil-manwal, u qabel l-implimentazzjoni tat-tibdila, li din se tkompli tikkonforma ma’ din is-Subparti wara l-implimentazzjoni tagħha.”;

(39)

il-punt 21.A.251 għandu jinbidel b’dan li ġej:

21.A.251   Termini tal-approvazzjoni

It-termini tal-approvazzjoni għandhom jidentifikaw it-tipi ta’ xogħol tad-disinn, il-kategoriji tal-prodotti, partijiet u tagħmir li għalihom l-organizzazzjoni tad-disinn għandha approvazzjoni ta’ organizzazzjoni tad-disinn, u l-funzjonijiet u d-dmirijiet li l-organizzazzjoni hija approvata twettaq dwar l-ajrunavigabbiltà, l-adegwatezza operattiva u l-karatteristiċi tal-ħoss, l-ivventjar għall-fjuwil u l-emissjonijiet ta’ duħħan tal-prodotti. Għall-approvazzjoni ta’ organizzazzjoni tad-disinn li tkopri ċertifikazzjoni tat-tip jew awtorizzazzjoni tal-ETSO għal Unità ta’ Qawwa Awżiljarja (APU), it-termini tal-approvazzjoni għandu jkun fihom ukoll il-lista tal-prodotti jew tal-APUs. Dawk it-termini għandhom jinħarġu bħala parti minn approvazzjoni ta’ organizzazzjoni tad-disinn.”;

(40)

il-punt 21.A.263 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt 2 tal-punt (b) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.

ċertifikat tat-tip jew approvazzjoni ta’ tibdila maġġuri f’ċertifikat tat-tip; jew”;

(b)

il-punti (1) u (2) tal-punt (c) għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“1.

jikklassifika t-tibdiliet fiċ-ċertifikat tat-tip u t-tiswijiet bħala ‘maġġuri’ jew ‘minuri’;

2.

japprova tibdiliet minuri fiċ-ċertifikat tat-tip u tiswijiet minuri;”;

(41)

fil-punt 21.A.435, il-punt (a) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

Tiswija tista’ tkun ‘maġġuri’ jew ‘minuri’. Il-klassifikazzjoni għandha ssir f’konformità mal-kriterji tal-punt 21.A.91 għal tibdila fiċ-ċertifikat tat-tip.”;

(42)

fil-punt 21.A.604, il-punt (a) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

il-punti 21.A.15, 21.A.16B, 21.A.17 A, 21.A.17B, 21.A.20, 21.A.21, 21.A.31, 21.A.33 u 21.A.44 għandhom japplikaw b’deroga mill-punti 21.A.603, 21.A.606(c), 21.A.610 u 21.A.615, ħlief li Awtorizzazzjoni tal-ETSO għandha tinħareġ f’konformità mal-punt 21.A.606 minflok iċ-ċertifikat tat-tip;”;

(43)

fit-Taqsima B tal-Anness I (il-Parti 21), is-Subparti D għandha tiġi emendata kif ġej:

(a)

għandha titħassar id-dikjarazzjoni eżistenti “Għandhom japplikaw il-proċeduri amministrattivi stabbiliti mill-Aġenzija.”;

(b)

għandu jiżdied il-punt 21.B.70 li ġej:

21.B.70   Approvazzjoni ta’ bidliet fiċ-ċertifikati tat-tip

L-approvazzjoni ta’ bidliet fid-dejta tal-adegwatezza operattiva hija inkluża fl-approvazzjoni ta’ bidla fiċ-ċertifikat tat-tip. Madankollu, l-Aġenzija għandha tuża proċess ta’ klassifikazzjoni u ta’ approvazzjoni separat biex tittratta t-tibdil fid-dejta tal-adegwatezza operattiva.”;

(44)

fil-punt 21.B.326(b)(1), il-punt (iii) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(iii)

l-inġenju tal-ajru jkun ġie spezzjonat f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Anness I (il-Parti M) tar-Regolament (KE) Nru 2042/2003;”;

(45)

fil-punt 21.B.327(a)(2)(i), il-punt (C) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(C)

l-inġenju tal-ajru jkun ġie spezzjonat f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Anness I (il-Parti M) tar-Regolament (KE) Nru 2042/2003;”;

(46)

fl-Appendiċi I, il-kaxxi 14a, 14b, 14c, 14d u 14e tal-Formola 1 tal-EASA għandhom ikunu fi sfond griż;

(47)

fl-Appendiċi I, il-paragrafu introduttorju tal-istruzzjonijiet għall-użu tal-Formola 1 tal-EASA għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Dawn l-istruzzjonijiet jirrigwardaw biss l-użu tal-Formola 1 tal-EASA għal skopijiet ta’ produzzjoni. Issir referenza għall-Appendiċi II tal-Anness I (il-Parti M) tar-Regolament (KE) Nru 2042/2003 li jkopri l-użu tal-Formola 1 tal-EASA għal skopijiet ta’ manutenzjoni.”.