|
18.1.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 14/8 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 40/2014
tas-17 ta’ Jannar 2014
li jawtorizza ċerti dikjarazzjonijiet sanitarji dwar l-ikel, ħlief dawk li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 432/2012
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 18(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula li d-dikjarazzjonijiet sanitarji fuq l-ikel huma pprojbiti ħlief meta tawtorizzahom il-Kummissjoni skont dan ir-Regolament u jkunu inklużi f’lista ta’ dikjarazzjonijiet permessi. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 ġie adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012 (2) li jistabbilixxi lista ta’ dikjarazzjonijiet sanitarji fuq l-ikel li huma permessi ħlief dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal. |
|
(3) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula wkoll li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet sanitarji għandhom iressquhom l-operaturi tan-negozji tal-ikel lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ta’ Stat Membru. L-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tibgħat l-applikazzjonijiet validi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA), minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Awtorità” għal valutazzjoni xjentifika, kif ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għall-informazzjoni. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tad-dikjarazzjonijiet sanitarji filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Awtorità. |
|
(5) |
Id-dikjarazzjonijiet sanitarji bbażati fuq evidenza xjentifika li tkun għandha kemm ġiet żviluppata u/jew li jkunu jinkludu talba għall-protezzjoni tad-dejta riżervata għandhom jgħaddu minn tip ta’ awtorizzazzjoni mgħaġġla ħalli tiġi stimulata l-innovazzjoni. |
|
(6) |
Wara applikazzjoni mingħand il-kumpanija Nordic Sugar A/S li tressqet skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet opinjoni dwar dikjarazzjoni sanitarja relatata mal-effetti tal-fibra tal-pitravi u ż-żieda fil-ħin tat-tranżitu intestinali (Mistoqsija bin-numru EFSA-Q-2011-00972) (3). Id-dikjarazzjoni li ppropona l-applikant kienet tgħid hekk: "Il-fibra tal-pitravi żżid il-ħin tat-tranżitu intestinali". |
|
(7) |
Fit-8 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità li kkonkludiet li skont id-dejta mressqa nstabet rabta ta’ kawża u effett bejn il-konsum tal-fibra tal-pitravi u l-effett dikjarat. Għaldaqstant, dikjarazzjoni sanitarja li tirrifletti din il-konklużjoni għandha titqies li tkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u għandha tiddaħħal fil-lista tal-Unjoni tad-dikjarazzjonijiet permessi li stabbilixxa r-Regolament (UE) Nru 432/2012. |
|
(8) |
Wieħed mill-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 hu li jiżgura li d-dikjarazzjonijiet sanitarji jkunu veri, ċari, affidabbli u siewja għall-konsumatur, u li għal dan il-għan, jitqiesu l-mod kif jitqiegħed il-kliem u l-preżentazzjoni. Għalhekk, meta l-kliem li juża l-applikant fid-dikjarazzjonijiet ikollu l-istess tifsira għall-konsumaturi bħal dak ta’ dikjarazzjoni sanitarja awtorizzata, għax ikun juri l-istess relazzjoni li hemm bejn kategorija ta’ ikel, tip ta’ ikel jew xi wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa, dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom ikunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet tal-użu bħal dawk elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
|
(9) |
Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, ir-Reġistru tad-dikjarazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa li fih kull dikjarazzjoni sanitarja awtorizzata għandu jiġi aġġornat biex iqis dan ir-Regolament. |
|
(10) |
Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 432/2012 għandu jiġi emendat skont dan. |
|
(11) |
L-Istati Membri ġew ikkonsultati, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Id-dikjarazzjoni sanitarja stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandha tiddaħħal fil-lista tal-Unjoni tad-dikjarazzjonijiet permessi kif jistabbilixxi l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.
Artikolu 2
L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 432/2012 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Jannar 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012 tas-16 ta’ Mejju 2012 li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU L 136, 25.5.2012, p. 1).
(3) EFSA Journal 2011; 9(12):2468.
ANNESS
Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 432/2012 tiddaħħal din l-annotazzjoni f’ordni alfabetika:
|
Nutrijent, sustanza, tip ta’ ikel jew kategorija ta’ ikel |
Dikjarazzjoni |
Kundizzjonijiet tal-użu tad-dikjarazzjoni |
Kundizzjonijiet u/jew restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ tip ta’ ikel u/jew dikjarazzjoni jew twissija addizzjonali |
Numru tal-EFSA Journal |
Numru tal-annotazzjoni rilevanti fil-Lista Konsolidata mressqa lill-EFSA għall-valutazzjoni tagħha |
|
“Il-fibra tal-pitravi |
Il-fibra tal-pitravi tgħin biex jiżdied il-ħin tat-tranżitu intestinali |
Id-dikjarazzjoni tista’ tintuża biss għal ikel li jkun għani fil-fibra kif jissemma fid-dikjarazzjoni ‘GĦOLI FIL-FIBRA’ kif jelenka l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006. |
|
2011; 9(12):2468” |
|