7.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 2/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 4/2014

tas-6 ta’ Jannar 2014

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 640/2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ ekodiżinn għal muturi tal-elettriku

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Wara li kkonsultat il-Forum ta’ Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn,

Billi:

(1)

L-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 640/2009 (2) uriet il-ħtieġa ta’ emendi f’ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 640/2009 biex jiġu evitati l-impatti mhux intenzjonati fuq is-suq tal-muturi u fuq il-prestazzjoni tal-prodotti koperti b’dak ir-Regolament.

(2)

Żviluppi reċenti fis-suq tal-muturi tal-elettriku wasslu għal bidliet fil-valuri ta’ limitu applikati lill-altitudni, għat-temperaturi massimi u minimi tal-arja ambjentali u t-temperaturi tal-likwidu li jberred l-ilma applikati sabiex mutur jiġi jitqies li jaħdem taħt kundizzjonijiet estremi u allura hemm il-ħtieġa ta’ diżinn. Dawn l-iżviluppi jeħtieġ li jiġu riflessi fir-Regolament.

(3)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2009/125/KE,

ADOTTAT IR-REGOLAMENT LI ĠEJ:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament (KE) Nru 640/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 640/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ ekodiżinn għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta’ muturi, inkluż dawk li huma integrati f’prodotti oħra.

2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

(a)

muturi speċifikati biex joperaw waqt li jkunu kompletament mgħaddsa f’likwidu;

(b)

muturi kompletament integrati fi prodott (pereżempju tagħmir, pompa, fann jew kompressur) fejn il-prestazzjoni tal-enerġija tagħhom ma tistax tiġi ttestjata indipendentement mill-prodott;

(c)

muturi speċifikati sabiex joperaw esklussivament:

(i)

f’altitudnijiet ta’ iktar minn 4 000 metru ‘il fuq mil-livell tal-baħar;

(ii)

fejn it-temperaturi tal-arja ambjentali huma ta’ iktar minn 60 °C;

(iii)

f’temperatura massima waqt il-ħidma ta’ iktar minn 400 °C;

(iv)

fejn it-temperaturi tal-arja ambjentali huma inqas minn – 30 °C għal kwalunkwe mutur jew inqas minn 0 °C għal mutur bit-tkessiħ tal-ilma;

(v)

fejn it-temperatura tal-ilma tat-tkessiħ fil-bokka tal-prodott, hija ta’ inqas minn 0 °C jew ta’ iktar minn 32 °C; jew

(vi)

f’atmosferi potenzjalment esplożivi kif definiti fid-Direttiva 94/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*);

(d)

muturi tal-brejkijiet;

barra fejn għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni fl-Anness I, il-Punti 2(3) sa (6) u (12).

(*)  ĠU L 100, 19.4.1994, p. 1.”"

(2)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 640/2009 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu jiġi applikat sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Jannar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

(2)  ĠU L 191, 23.7.2009, p. 26.


ANNESS

Emendi tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 640/2009

Fl-Anness I, il-Punt 2, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara t-tielet subparagrafu:

“Fejn id-daqs tal-plakka tal-klassifikazzjoni jagħmilha impossibbli li tintwera l-informazzjoni kollha msemmija fil-punt 1, (η) għandha jintwera biss l-effiċjenza nominali tat-tagħbija massima u l-vultaġġ (UN).”.