14.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 206/52


ISTRUZZJONIJIET PRATTIĊI LILL-PARTIJIET FUQ IL-PROĊEDURA ĠUDIZZJARJA QUDDIEM IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

tal-21 ta' Mejju 2014

Werrej

I.

DEFINIZZJONIJIET 53

II.

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR IL-PREŻENTATA U N-NOTIFIKA TAL-ATTI PROĊEDURALI 53

A.

It-trażmissjoni elettronika permezz tal-applikazzjoni e-Curia 53

B.

It-trażmissjoni fil-forma ta' dokument stampat 54

III.

FUQ IL-PROĊEDURA BIL-MIKTUB 54

A.

Ir-rikors 54

1.

Il-preżentata tar-rikors 54

2.

Informazzjoni obbligatorja u r-regoli dwar il-preżentata tar-rikors 55

3.

Ir-regolarizzazzjoni tar-rikors 56

4.

Miżuri provviżorji/Proċeduri għal miżuri provviżorji 57

B.

Risposta u atti proċedurali oħra relatati mal-proċedura bil-miktub 57

C.

Fuq it-trażmissjoni ta' oriġinal fil-forma ta' dokument stampat wara t-trażmissjoni ta' faks 57

D.

Fuq it-talbiet għal trattament kunfidenzjali 58

E.

Fuq it-talbiet għal għajnuna legali 58

F.

Tul tal-atti proċedurali 59

IV.

FUQ IL-PROĊEDURA ORALI 59

A.

Post 59

B.

Preparazzjoni għas-seduta 59

C.

L-iżvolġiment tas-seduta 59

D.

Karatteristiċi partikolari tal-interpretazzjoni simultanja 60

E.

Sospensjoni tas-seduta sabiex jiġi ffaċilitat ftehim bonarju 60

F.

Għeluq tas-seduta 60

V.

DĦUL FIS-SEĦĦ TA' DAWN L-ISTRUZZJONIJIET 61

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu;

wara li kkunsidra li, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ li r-rappreżentanti tal-partijiet jingħataw istruzzjonijiet prattiċi dwar il-mod kif għandhom jippreżentaw l-atti proċedurali tagħhom u sabiex jiġi ggarantit l-iżvolġiment tajjeb tas-seduta;

wara li kkunsidra li l-osservanza ta' dawn l-istruzzjonijiet tnaqqas in-numru ta' talbiet għal regolarizzazzjoni u r-riskji ta' inammissibbiltà marbuta mal-inosservanza tar-regoli formali;

wara li kkunsidra li l-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija kkaratterizzata mill-fatt li hija suġġetta għal sistema lingwistika xierqa għal Unjoni multilingwi;

wara li kkunsidra li huwa fl-interess tal-partijiet fil-kawżi li jitressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li dan jagħti tweġibiet preċiżi għall-mistoqsijiet li dwarhom ir-rappreżentanti tal-partijiet ta' spiss ikunu jixtiequ iktar informazzjoni, u jqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom għodda li jiggwidawhom fir-redazzjoni tajba tal-atti proċedurali tagħhom;

wara li kkunsidra li, fl-interess tal-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-partijiet ikkonċernati għandhom jingħataw istruzzjonijiet prattiċi dwar it-tressiq tat-talbiet għal għajnuna legali kif ukoll dwar l-iżvolġiment tal-proċedura orali;

wara li kkunsidra li, fl-interess kemm tal-partijiet stess kif ukoll tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, u sabiex jingħata lit-Tribunal il-mezz li bih jiżgura li kull parti tingħata parti ekwa mill-ħin li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu għat-trattament tal-kawża, l-atti proċedurali għandhom ikunu l-iktar konċiżi possibbli fid-dawl tan-natura tal-fatti u tal-kumplessità tal-kwistjonijiet imqajma. Għaldaqstant, għandu jiġi ffissat it-tul massimu tal-atti proċedurali ppreżentati quddiem it-Tribunal. Madankollu, it-tul tal-atti proċedurali għandu jkun flessibbli biżżejjed sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi ta' ċerti kawżi;

iddeċieda li jadotta dawn l-Istruzzjonijiet prattiċi:

I.   DEFINIZZJONIJIET

1.

Id-definizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regoli tal-Proċedura japplikaw bl-istess mod għal dawn l-istruzzjonijiet.

II.   DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR IL-PREŻENTATA U N-NOTIFIKA TAL-ATTI PROĊEDURALI

2.

Il-preżentata u n-notifika (trażmissjoni) tal-atti proċedurali bejn il-partijiet u t-Tribunal jistgħu jsiru:

b'mod esklużivament elettroniku permezz tal-applikazzjoni e-Curia, jew

bi trażmissjoni ta' dokument stampat.

A.   It-trażmissjoni elettronika permezz tal-applikazzjoni e-Curia

3.

It-trażmissjoni elettronika permezz tal-applikazzjoni e-Curia hija kkaratterizzata:

a)

mill-ħolqien ta' kont personali li jagħti aċċess u li għalih ir-rappreżentanti tal-partijiet jista' jkollhom aċċess permezz ta' isem ta' utent u ta' password;

b)

mill-assenza ta' kwalunkwe trażmissjoni tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom mill-partijiet fil-forma ta' dokumenti stampati; dokument jitqies li huwa l-oriġinal jekk jasal fit-Tribunal b'dan il-mod, mingħajr ma tkun meħtieġa l-firma bil-miktub tar-rappreżentanti u mingħajr ma jkun meħtieġ li jintbagħtu kopji awtentiċi;

c)

min-notifika tal-atti proċedurali tal-partijiet l-oħra kif ukoll tad-deċiżjonijiet tat-Tribunal u ta' kull korrispondenza oħra permezz ta' dan il-mod; in-notifika sseħħ meta jkun hemm aċċess għal dan l-att permezz tal-applikazzjoni jew, jekk ma jkunx hemm tali aċċess, in-notifika titqies li saret meta jgħaddi s-seba' jum wara dak li fih tintbagħat l-ittra elettronika ta' avviż;

d)

ir-regoli applikabbli huma ddefiniti fid-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku Nru 3/2011, meħuda matul il-laqgħa plenarja tal-20 ta' Settembru 2011, dwar il-preżentata u r-riċezzjoni ta' atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia (ĠU C 289, p. 11) kif ukoll fil-Kundizzjonijiet tal-użu tal-applikazzjoni e-Curia u fil-Gwida għall-użu ta' e-Curia, li tippreċiża wkoll l-mod kif għandha tintuża l-għajnuna disponibbli (dawn id-dokumenti kollha huma disponibbli fuq is-sit www.curia.europa.eu).

B.   It-trażmissjoni fil-forma ta' dokument stampat

4.

It-trażmissjoni fil-forma ta' dokument stampat timplika:

a)

il-ħtieġa li jiġu ppreżentati f'forma ta' dokumenti stampati l-atti proċedurali kollha u l-annessi tagħhom, debitament iffirmati mir-rikorrent; kull att proċedurali kif ukoll l-annessi tiegħu għandhom jiġu ppreżentati flimkien ma' seba' settijiet ta' kopji awtentikati; għall-finijiet tal-osservanza ta' terminu, it-trażmissjoni fil-forma ta' dokument stampat tista' ssir wara trażmissjoni permezz ta' faks li tittieħed inkunsiderazzjoni meta l-oriġinal fil-forma ta' dokument stampat jasal fit-Tribunal fi żmien għaxart ijiem mit-trażmissjoni tal-faks (ara l-punti 36 et seq ta' dawn l-Istruzzjonijiet);

b)

in-notifika tal-atti proċedurali tal-partijiet l-oħra kif ukoll tad-deċiżjonijiet tat-Tribunal u ta' kull korrispondenza bejn ir-Reġistru u l-partijiet permezz tal-mod ta' notifika magħżul: permezz ta' ittra postali rreġistrata b'dikjarazzjoni ta' rċevuta (f'dan il-każ in-notifika titqies li saret permezz tal-preżentata tal-ittra rreġistrata fil-posta tal-Lussemburgu), permezz ta' faks jew permezz tal-applikazzjoni e-Curia.

III.   FUQ IL-PROĊEDURA BIL-MIKTUB

A.   Ir-rikors

1.   Il-preżentata tar-rikors

5.

Kull rikors għandu jiġi indirizzat lir-Reġistru tat-Tribunal. Ir-rikors għandu josserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 45 u 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

6.

L-informazzjoni li għandha tidher fir-rikors kif ukoll id-dokumenti li għandhom jiġu annessi miegħu huma msemmija fl-Artikolu 45(1), fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi tal-Artikolu 45(2), u fl-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

7.

L-Artikolu 31(2), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura jirrigwardaw id-dokument li għandu jiġi ppreżentat fir-Reġistru mill-kunsillier jew l-avukat tar-rikorrent u mill-avukat li eventwalment jassisti l-aġent tal-konvenut. Qed jiġi mfakkar li l-prinċipju ta' rappreżentanza obbligatorja quddiem it-Tribunal huwa impost mill-Artikolu 19 tal-Istatut. Bl-eċċezzjoni tal-Istati Membri u ta' Stati oħra li huma parti mill-Ftehim ŻEE (in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein) kif ukoll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li huma rrappreżentati mill-aġenti tagħhom, il-partijiet għandhom għaldaqstant ikunu rrappreżentati minn avukat awtorizzat li jipprattika quddiem qorti ta' Stat Membru jew ta' Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim ŻEE. Barra minn hekk, ir-rappreżentazzjoni obbligatorja minn avukat ma tapplikax għall-proċedura intiża li jinkiseb il-benefiċċju tal-għajnuna legali (ara f'dan ir-rigward il-Kapitolu E tat-Titolu III ta' dawn l-Istruzzjonijiet).

8.

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm ebda mandat bil-miktub, mogħti mir-rikorrent lill-avukat responsabbli li jirrappreżentah, ma huwa meħtieġ mal-preżentata tar-rikors, kull bidla dwar in-numru u l-identità tal-avukat(i) (eż., is-sostituzzjoni ta' avukat b'ieħor, il-preżenza ta' avukat supplementari, l-irtirar tal-mandat mogħti lil wieħed mill-avukati li kienu ppreżentaw ir-rikors) għandha tiġi kkomunikata minnufih lir-Reġistru bil-miktub. Fil-każ li avukat jiġi ssostitwit b'ieħor, huwa meħtieġ mandat bil-miktub tal-avukat il-ġdid.

9.

L-avukat tar-rikorrent għandu jindika b'mod ċar fuq l-ewwel paġna tar-rikors l-indirizz tiegħu, l-isem tal-uffiċċju tiegħu, jekk ikun il-każ, in-numri tat-telefon u tal-faks tiegħu kif ukoll l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu. Bidliet sussegwenti ta' din l-informazzjoni għandhom jiġu kkomunikati minnufih lit-Tribunal. F'ebda każ ma huwa permess li l-indirizz għan-notifika jkun l-indirizz tar-rikorrent stess.

10.

Ma huwiex meħtieġ li rikors ippreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia jkollu firma bil-miktub. Għall-kuntrarju, fil-każ ta' rikors ippreżentat fil-forma ta' dokument stampat, il-firma bil-miktub tal-avukat għandha tidher b'mod li tkun tista' tinqara fl-aħħar tar-rikors. L-assenza ta' firma ma tistax tiġi rregolarizzata. Ma hija aċċettata ebda riproduzzjoni, bħal timbru, firma skannjata, fotokopja eċċ. Fil-każ ta' numru ta' rappreżentanti, il-firma ta' wieħed minnhom hija biżżejjed. Il-firma b'awtorizzazzjoni ta' persuna oħra li ma tkunx ir-rappreżentant(i) tar-rikorrent ma hijiex ammessa, u dan lanqas fil-każ fejn dan il-firmatarju jkun kollaboratur tal-uffiċċju li jagħmlu parti minnu r-rappreżentanti.

2.   Informazzjoni obbligatorja u r-regoli dwar il-preżentata tar-rikors

11.

Il-lingwa tal-kawża hija dik li tkun intgħażlet għar-redazzjoni tar-rikors skont l-Artikolu 7(2) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jirreferi għad-dispożizzjonijiet applikabbli għas-sistema lingwistika tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

12.

Fl-interess kemm tal-partijiet stess kif ukoll tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-atti proċedurali għandhom ikunu kemm jista' jkun konċiżi fid-dawl tan-natura tal-fatti u tal-kumplessità tal-punti mqajma. Rikors għaldaqstant għandu jkollu, skont l-Artikolu 50(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura, espożizzjoni ċara tal-fatti rilevanti ppreżentati f'ordni kronoloġiku, kif ukoll espożizzjoni distinta, preċiża u strutturata tal-motivi u tal-argumenti fid-dritt invokati. Għal dak li jirrigwarda t-tul tar-rikors, għandu jsir riferiment għall-Kapitolu F, punt 49.

13.

It-talbiet tar-rikors għandhom jiġu fformulati bi preċiżjoni, fil-bidu jew fit-tmiem tar-rikors, u għandhom ikunu nnumerati.

14.

Il-paragrafi tat-test għandhom ikunu nnumerati b'mod kontinwu.

15.

Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu sussegwenti mit-Tribunal, fil-każ li n-numru tar-rikorrenti jkun ta' 4 jew iktar, lista li tinkludi l-ismijiet u l-indirizzi kollha, prodotta permezz ta' softwer għall-ipproċessar ta' kliem, għandha tiġi annessa mar-rikors u għandha tintbagħat flimkien mar-rikors lir-Reġistru bil-posta elettronika fl-indirizz tfp.greffe@curia.europa.eu, b'indikazzjoni ċara tal-kawża li għaliha tirreferi l-lista. Din il-lista għandha tiġi annessa mal-oriġinal tad-deċiżjoni li ġġib l-istanza fi tmiemha.

16.

Kull rikors għandu jkollu miegħu sunt tal-kawża, intiż li jiffaċilita r-redazzjoni tal-avviż previst fl-Artikolu 51(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jiġi ppreparat mir-Reġistru. Dan is-sunt għandu jiġi prodott b'mod separat mill-annessi msemmija fit-test tar-rikors. Is-sunt, li għandu jkun inkluż f'dokument prodott b'softwer għall-ipproċessar ta' kliem, ma għandux ikun itwal minn żewġ paġni u għandu jintbagħat ukoll bil-posta elettronika lill-indirizz tfp.greffe@curia.europa.eu, b'indikazzjoni ċara tal-kawża li għaliha jirreferi. Is-sunt ser ikun disponibbli, bħala regola ġenerali kollu kemm hu, f'paġna speċjali tas-sit www.curia.europa.eu, sabiex jippermetti lil kull persuna kkonċernata twettaq ir-riċerki. Għal dan il-għan, is-sunt tal-kawża għandu josserva ċerti rekwiżiti stilistiċi li huma indikati fil-paġna inkwistjoni tal-imsemmi sit.

17.

Kull talba li, fuq il-bażi tal-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura, tkun intiża li jitħallew barra, fil-pubblikazzjonijiet dwar il-kawża, l-isem tar-rikorrent (anonimat), l-ismijiet ta' persuni oħra, jew ċerta informazzjoni, għandha titressaq b'att separat u għandha tiġi debitament motivata.

18.

Jekk ir-rikors jiġi ppreżentat wara l-preżentata ta' talba għal għajnuna legali (ara l-Kapitolu E tat-Titolu III ta' dawn l-Istruzzjonijiet), liema talba għandha l-effett li tissospendi t-terminu għall-preżentata tar-rikors skont l-Artikolu 112(5) tar-Regoli tal-Proċedura, din l-informazzjoni għandha tiġi indikata fil-bidu tar-rikors. Jekk ir-rikors jiġi ppreżentat wara n-notifika tad-digriet li jiddeċiedi dwar talba għal għajnuna legali, fir-rikors għandha tiġi indikata wkoll id-data li fiha d-digriet ikun ġie nnotifikat lir-rikorrent.

19.

Ir-rikors ippreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia għandu jiġi ppreżentat fil-forma ta' fajls. Sabiex jiġi ffaċilitat l-ipproċessar ta' dan ir-rikors mir-Reġistru, huwa rrakkomandat li tiġi segwita l-gwida prattika fformulata fil-Gwida għall-użu ta' e-Curia [ara l-punt 3(d) ta' dawn l-Istruzzjonijiet], jiġifieri:

a)

il-fajls għandhom jinkludu l-ismijiet li jidentifikaw l-att (rikors, annessi parti 1, annessi parti 2, ittra ta' introduzzjoni, eċċ);

b)

it-test tar-rikors jista' jitqiegħed direttament f'format PDF (immaġni u test) bl-użu tas-softwer għall-ipproċessar ta' kliem, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi ddiġitalizzat.

20.

Kull rikors ippreżentat fil-forma ta' dokument stampat għandu jiġi ppreżentat b'mod li jippermetti l-amministrazzjoni elettronika tad-dokumenti mit-Tribunal, b'mod partikolari, li jiġu ddiġitalizzati d-dokumenti u li jiġu rrikonoxxuti l-karattri. B'hekk, minbarra r-rekwiżiti deskritti fil-punt 12 ta' dawn l-Istruzzjonijiet, għandhom jiġu osservati r-rekwiżiti segwenti:

a)

it-test għandu jkun jista' jinqara' faċilment u jidher biss f'naħa waħda tal-paġna (“recto” u mhux “recto verso”);

b)

id-dokumenti ma għandhomx ikollhom legatura jew metodi oħra sabiex jinġabru (bħal kolla, stejpils, eċċ);

21.

Il-paġni tar-rikors u tal-annessi għandhom ikunu, barra minn hekk, innumerati, fin-naħa ta' fuq fil-lemin, b'mod kontinwu, annessi u paġni diviżuri eventwalment inklużi.

22.

Ir-rikors u l-eventwali annessi kollha tiegħu li jkunu ppreżentati fil-forma ta' dokumenti stampati għandhom, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tar-Regoli tal-Proċedura, bħal fil-każ tal-atti proċedurali l-oħra kollha, jiġu ppreżentati flimkien ma' ħames kopji fiżiċi għat-Tribunal u b'numru ta' kopji daqs in-numru ta' partijiet fil-kawża (għalhekk, normalment, seba' kopji fiżiċi). Fl-ewwel paġna ta' kull sett ta' kopji, l-avukat għandu jikteb l-indikazzjoni, iffirmata jew inizjalata minnu, li tiċċertifika li l-kopji huma konformi mal-oriġinali.

23.

Għal dak li jikkonċerna l-annessi, il-partijiet għandhom iwettqu għażla rigoruża tad-dokumenti rilevanti għall-ħtiġijiet tal-kawża fid-dawl tal-limiti materjali u lingwistiċi li t-Tribunal u l-partijiet ikollhom jiffaċċaw. Fil-każ ta' abbuż, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 108 tar-Regoli tal-Proċedura. B'mod partikolari, l-informazzjoni li għaliha t-Tribunal jista' jkollu aċċess (eż., il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni Ewropea, iċċitata fl-atti proċedurali) ma għandhiex tiġi prodotta. Ir-rekwiżiti formali segwenti għandhom jiġu osservati:

a)

l-annessi għandhom ikunu nnumerati, għandhom jinkludu referenza għan-nota li magħha huma annessi (għar-rikors, eż., “A.1, A.2” eċc.; għar-risposta “B.1, B.2”; għar-replika “C.1, C.2”; għall-kontroreplika “D.1, D.2”) u għandhom preferibbilment jiġu ppreżentati, meta jkunu iktar minn tlieta, b'paġni diviżuri;

b)

l-annessi għandhom ikunu jistgħu jinqraw faċilment; anness li l-istampar tiegħu ma jkunx ta' kwalità tajba ma jiġix aċċettat;

c)

l-annessi għandhom ikunu fformulati fil-lingwa tal-kawża jew għandhom ikollhom magħhom traduzzjoni; l-annessi li ma josservawx dawn il-kriterji, bħala regola ġenerali, ma jistgħux jiġu aċċettati [ara l-Artikolu 7(2) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jirreferi għad-dispożizzjonijiet applikabbli għas-sistema lingwistika tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea]. Bis-saħħa tal-Artikolu 8(5) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur, ma huwiex possibbli li ssir eċċezzjoni għal din ir-regola ħlief f'każijiet debitament ġustifikati;

d)

l-annessi għandhom jiġu introdotti permezz ta' skeda li telenka l-annessi, li għandha tinkludi, għal kull wieħed minnhom, in-numru tiegħu (eż., A.1), deskrizzjoni tan-natura tiegħu (eż., “ittra ta' [data] tas-Sur X lis-Sinjura Z”), l-indikazzjoni tal-paġna u tal-paragrafu tar-rikors li fih dan l-anness jissemma (eż., “p. 7, § 17”), in-numru ta' paġni tiegħu, u r-referenza għall-impaġnar kontinwu li fih jibda l-anness; eżempju tan-nota tal-annessi jidher fil-“Mudell ta' Rikors”, disponibbli fis-sit www.curia.europa.eu;

e)

l-annessi ta' rikors ippreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia għandhom jitqiegħdu ġewwa fajl jew ġewwa fajls separati mill-fajl li jkun fih ir-rikors. Fajl jista' jkun fih, bħala regola ġenerali, l-annessi kollha. Ma huwiex mixtieq li jinħoloq fajl għal kull anness;

f)

l-annessi ta' rikors ippreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia, imsemmija fit-test ta' dan ir-rikors, li minħabba n-natura tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu ppreżentati permezz tal-applikazzjoni e-Curia, jistgħu jiġu trażmessi fiżikament b'mod separat skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 45(2) tar-Regoli tal-Proċedura bil-kundizzjoni li jissemmew fl-iskeda li telenka l-annessi ta' dan ir-rikors ippreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia. L-iskeda li telenka l-annessi għandha tidentifika dawk l-annessi li jkunu ser jiġu ppreżentati separatament. Dawn l-annessi għandhom jaslu fir-Reġistru sa mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara l-preżentata tar-rikors ippreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia.

3.   Ir-regolarizzazzjoni tar-rikors

24.

Sabiex tingħata l-possibbiltà lill-partijiet li jirranġaw irregolaritajiet formali li jinsabu f'rikors, f'ċerti każijiet tintalab regolarizzazzjoni. Tintalab dejjem regolarizzazzjoni mir-Reġistratur meta l-elementi indikati fl-Artikolu 50(6) tar-Regoli tal-Proċedura u l-Artikolu 8(1) tal-istruzzjonijiet lir-Reġistratur ikunu nieqsa. L-assenza ta' tali regolarizzazzjoni tista' twassal għaċ-ċaħda tar-rikors minħabba inammissibbiltà.

25.

Skont l-Artikolu 8(1) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur, regolarizzazzjoni tista' tintalab ukoll, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, meta rikors ma jkunx konformi ma' dawn l-Istruzzjonijiet prattiċi.

26.

Ir-Reġistratur għandu jistabbilixxi terminu għar-rikorrent għall-finijiet tar-regolarizzazzjoni, skont l-Artikolu 50(6) tar-Regoli tal-Proċedura.

27.

Fil-każijiet previsti fil-punt 24 iktar 'il fuq, ir-rikors ma jiġix innotifikat lill-konvenut. Meta r-regolarizzazzjoni sseħħ fit-terminu previst, il-proċedura tiżvolġi normalment. Fin-nuqqas ta' regolarizzazzjoni, it-Tribunal għandu jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors.

28.

Fil-każijiet previsti fil-punt 25 iktar 'il fuq, ir-Reġistratur għandu jiddeċiedi jekk in-notifika għandhiex tiġi sospiża jew le. Fin-nuqqas ta' regolarizzazzjoni jew fil-każ ta' kontestazzjoni, ir-Reġistratur għandu jitlob lill-President, skont l-Artikolu 8(7) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur, sabiex tittieħed deċiżjoni.

4.   Miżuri provviżorji/Proċeduri għal miżuri provviżorji

29.

Kull talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat u għal miżuri provviżorji oħra permezz ta' proċedura għal miżuri provviżorji għandha titressaq b'osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 115 tar-Regoli tal-Proċedura.

B.   Risposta u atti proċedurali oħra relatati mal-proċedura bil-miktub

30.

L-ispjegazzjonijiet u l-pariri mogħtija fir-rigward tar-rikorsi fil-Kapitolu A ta' dan it-titolu huma validi mutatis mutandis għall-atti proċedurali l-oħra indirizzati lit-Tribunal.

31.

L-indikazzjonijiet li għandhom jidhru fir-risposta huma msemmija fl-Artikolu 53(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura. Is-setgħa(t) li l-istituzzjoni konvenuta tagħti lill-aġent(i), kunsillier(a), tagħha u/jew eventwalment lil avukat, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, għandhom jiġu ppreżentati l-iktar tard flimkien mar-risposta, iżda separatament mill-annessi eventwali.

32.

Fir-rigward tat-tul tar-risposta, għandu jsir riferiment għall-Kapitolu F, punt 49.

33.

Bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet għandhom jannettu sistematikament mar-risposta l-atti ta' portata ġenerali ċċitati fl-osservazzjonijiet tagħhom li ma jkunux is-suġġett ta' pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, b'indikazzjoni tad-data tal-preżentata tagħhom, tad-dħul tagħhom fis-seħħ u, jekk ikun il-każ, tat-tħassir tagħhom.

34.

Barra minn hekk, l-indikazzjonijiet segwenti għandhom jidhru fuq l-ewwel paġna ta' kull att proċedurali:

a)

l-isem tal-att (risposta, replika, kontroreplika, talba għal intervent, nota ta' intervent, eċċezzjoni ta' inammissibbiltà, osservazzjonijiet dwar …, tweġibiet għal mistoqsijiet, eċċ.);

b)

in-numru tal-kawża (F-…/…) sa fejn dan ikun diġà ġie kkomunikat mir-Reġistru.

35.

Ir-regoli msemmija fil-Kapitolu A ta' dan it-titolu, li jirregolaw il-każijiet fejn ir-regolarizzazzjoni tar-rikors tintalab jew tkun tista' tintalab, huma applikabbli mutatis mutandis għar-risposta u għall-atti proċedurali l-oħra

C.   Fuq it-trażmissjoni ta' oriġinal fil-forma ta' dokument stampat wara t-trażmissjoni ta' faks

36.

L-oriġinal ta' kull att proċedurali, u b'mod ġenerali l-korrispondenza kollha indirizzata lit-Tribunal, inklużi t-talbiet għall-proroga ta' termini, li ma jkunx trażmess lit-Tribunal permezz tal-applikazzjoni e-Curia, għandu jiġi ppreżentat fir-Reġistru fil-forma ta' dokument stampat.

Sabiex jiġu osservati t-termini proċedurali, kopja ta' dokument tista' tintbagħat lir-Reġistru tat-Tribunal permezz ta' faks (numru tal-faks: +352 4303-4453) qabel il-preżentata tal-oriġinal ta' dan l-att [possibbiltà mogħtija mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tar-Regoli tal-Proċedura].

F'dan il-każ, fuq l-ewwel paġna tal-oriġinal għandu jiġi indikat “trażmissjoni preċedenti permezz ta' faks fil-[data]” sabiex id-dokumenti korrispondenti jkunu jistgħu jiġu identifikati faċilment.

37.

Inkonformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta att proċedurali jkun jinkludi annessi, il-kopja mibgħuta lit-Tribunal permezz ta' faks tista' tkun tinkludi biss l-att innifsu u l-iskeda li telenka l-annessi.

38.

Għall-finijiet tal-osservanza tat-termini proċedurali, il-preżentata ta' nota jew ta' att proċedurali permezz ta' faks tkun valida biss jekk l-oriġinal iffirmat jasal fir-Reġistru sa mhux iktar tard mit-terminu, previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ta' għaxart ijiem wara din il-preżentata. Għandu jitfakkar li t-terminu għal raġunijiet ta' distanza ta' għaxart ijiem previst fl-Artikolu 38 tar-Regoli tal-Proċedura ma japplikax għal dan it-terminu.

39.

L-oriġinal iffirmat ta' kull att proċedurali għandu jintbagħat minnufih, immedjatament wara t-trażmissjoni permezz ta' faks, mingħajr ma jsirulu korrezzjonijiet jew emendi. Fil-każ ta' diverġenza bejn l-oriġinal iffirmat u l-kopja ppreżentata qabel, hija biss id-data tal-preżentata tal-oriġinal iffirmat li tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-termini proċedurali.

D.   Fuq it-talbiet għal trattament kunfidenzjali

40.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, it-Tribunal għandu jieħu inkunsiderazzjoni biss id-dokumenti li r-rappreżentanti tal-partijiet ikunu setgħu jikkonsultaw u li fuqhom ikunu setgħu jesprimu ruħhom [Artikolu 47(1) tar-Regoli tal-Proċedura].

41.

Madankollu, parti tista' titlob li ċerti siltiet mill-inkartament li jkunu ta' natura sigrieta jew kunfidenzjali:

ma jkunux aċċessibbli għal parti f'kawża magħquda [Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura];

jiġu esklużi mill-komunikazzjoni lil intervenjenti [Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura).

42.

Kull talba għal trattament kunfidenzjali skont l-Artikolu 44(3) jew skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura għandha titressaq permezz ta' att separat.

43.

Tali talba għandha tkun preċiża u t-trattament kunfidenzjali għandu jkun limitat għal dak li jkun strettament neċessarju. Din f'ebda każ ma tista' tkopri l-atti proċedurali kollha u huwa biss f'każijiet eċċezzjonali li tista' tkopri anness kollu.

44.

Talba għal trattament kunfidenzjali għandha tindika b'mod preċiż l-elementi jew is-siltiet ikkonċernati u għandha tinkludi motivazzjoni fil-qosor tan-natura sigrieta jew kunfidenzjali ta' kull wieħed jew waħda minn dawn l-elementi jew siltiet.

45.

Mat-talba għal trattament kunfidenzjali għandha tkun annessa verżjoni mhux kunfidenzjali tan-nota jew tal-att proċedurali inkwistjoni li fiha jkunu tħallew barra l-elementi jew is-siltiet li għalihom tirreferi t-talba. Jekk it-talba tkun tikkonċerna biss anness ta' att proċedurali, dan l-att għandu jiġi anness kollu kemm hu mat-talba għal kunfidenzjalità. Fil-każ ta' preżentata permezz tal-applikazzjoni e-Curia, l-anness li jkun is-suġġett ta' talba għal kunfidenzjalità għandu jintbagħat f'fajl separat.

E.   Fuq it-talbiet għal għajnuna legali

46.

Skont l-Artikoli 110 et seq tar-Regoli tal-Proċedura, għajnuna legali tista' tingħata sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja. Inkonformità mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 111(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ma huwiex meħtieġ li tali talba titressaq permezz ta' avukat.

47.

L-użu tal-mudell anness ma' dawn l-Istruzzjonijiet prattiċi huwa obbligatorju sabiex titressaq talba għal għajnuna legali. Talba għal għajnuna legali mressqa b'mezz ieħor u mhux permezz tal-mudell tingħata risposta mir-Reġistratur fejn titfakkar in-natura obbligatorja tal-użu tal-mudell, li r-Reġistratur jehmeż f'anness mar-risposta tiegħu. Il-mudell jista' jitniżżel mis-sit www.curia.europa.eu.

48.

It-talba għal għajnuna legali, flimkien mad-dokumenti ta' sostenn, għandha tkun iffirmata minn min jagħmel it-talba jew mill-avukat tiegħu. Madankollu, fil-każ li t-talba titressaq permezz tal-applikazzjoni e-Curia mill-avukat ta' min jagħmel it-talba, il-firma tal-avukat ma hijiex meħtieġa. Huwa biss l-avukat li jirrappreżenta lill-parti li titlob l-għajnuna legali li jista' jressaq it-talba għal għajnuna legali permezz tal-applikazzjoni e-Curia.

F.   Tul tal-atti proċedurali

49.

Skont l-Artikolu 46 tar-Regoli tal-Proċedura, l-atti proċedurali ppreżentati quddiem it-Tribunal fil-prinċipju ma għandhomx jaqbżu:

a)

30 paġna għar-rikors u għar-risposta,

b)

15-il paġna għall-atti proċedurali l-oħra.

In-numru massimu ta' paġni għandu jinftiehem li tintuża karta tal-format A4, ta' daqs ta' karattri 12 f'format ekwivalenti għal “Times New Roman”, bi spazju bejn il-linji ta' 1.5 u b'marġni ta' mill-inqas 2.5 ċentimetri. In-nuqqas ta' osservanza ta' dan in-numru massimu ta' paġni jiġi ammess biss fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta' kawża, dovuti għall-kumplessità tagħha fil-fatt u fid-dritt. Is-sanzjoni għal din l-inosservanza tkun, f'dan il-każ, dik imsemmija fl-Artikoli 50(6), 53(4), 55(3), 86(6), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 124(5), ir-raba' subparagrafu tal-Artikolu 125(3), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 127(4), jew l-Artikolu 130(7) tar-Regoli tal-Proċedura.

IV.   FUQ IL-PROĊEDURA ORALI

A.   Post

50.

Il-konvokazzjoni għas-seduta pubblika għandha tindika dejjem id-data, is-siegħa, il-post u l-awla fejn tkun ser tinżamm. Jekk il-preżenza ta' interpreti għas-seduta kollha jew għal ċerti ħtiġijiet titqies li hija indispensabbli minn parti għal raġunijiet partikolari (eż., jekk it-Tribunal ikun ordna d-dehra personali ta' parti li ma tkunx tista' tesprimi ruħha fil-lingwa tal-kawża), talba motivata f'dan is-sens għandha ssir lit-Tribunal hekk kif tiġi riċevuta l-konvokazzjoni għas-seduta sabiex tkun tista' tiġi organizzata l-preżenza ta' interpreti.

51.

Fuq is-sit www.curia.europa.eu wieħed jista' jsib mappa tal-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-parkeġġi aċċessibbli.

52.

L-aċċess għall-bini huwa ssorveljat minħabba sigurtà. Il-partijiet u r-rappreżentanti tagħhom huma mistiedna jippreżentaw il-kartà ta' identità tagħhom, il-passaport tagħhom, karta professjonali jew kull dokument ieħor li jkun jinkludi ritratt. Huwa għaldaqstant irrakkomandat li wieħed jasal suffiċjentement qabel il-ħin.

B.   Preparazzjoni għas-seduta

53.

Ir-rappreżentanti tal-partijiet jiġu kkonvokati għas-seduta mir-Reġistru numru ta' ġimgħat qabel ma tkun ser tinżamm. Talbiet għad-differiment ta' data ta' seduta jintlaqgħu biss f'ċirkustanzi verament eċċezzjonali. Tali talbiet għandhom jiġu debitament motivati fir-rigward tar-rappreżentanti kollha tal-parti, għandhom jintbagħtu flimkien ma' dokumenti ta' sostenn adegwati u għandhom jintbagħtu lit-Tribunal malajr kemm jista' jkun.

54.

Fi żmien adegwat qabel is-seduta, il-partijiet jirċievu rapport preparatorju għas-seduta li jkun redatt mill-Imħallef Relatur. F'dan ir-rapport normalment jiġu indikati s-suġġett tal-kawża, it-talbiet tal-partijiet, l-aspetti li fuqhom il-partijiet huma mistiedna jikkonċentraw is-sottomissjonijiet orali tagħhom, il-punti ta' fatt u ta' liġi li jkun meħtieġ li jiġu analizzati fid-dettall, eċċ., kif ukoll indikazzjonijiet dwar it-tul tas-sottomissjonijiet orali introduttivi tar-rappreżentanti tal-partijiet; it-Tribunal jista' jindika wkoll l-intenzjoni tiegħu li jeżamina l-possibbiltajiet ta' ftehim bonarju għat-tilwima matul is-seduta.

55.

Jekk ir-rappreżentant ta' parti jkollu l-intenzjoni li ma jattendix għas-seduta, dan huwa mitlub li jinforma lit-Tribunal malajr kemm jista' jkun. F'dan il-każ, is-seduta tinżamm fl-assenza tiegħu. Dan jgħodd ukoll meta t-Tribunal jikkonstata l-assenza ta' parti matul is-seduta mingħajr ma jkun ġie debitament informat minn qabel dwar dan.

56.

Jekk ir-rappreżentant ta' parti jkollu l-intenzjoni li jiġi rrappreżentat minn persuna awtorizzata oħra li ma kinitx inizjalment imqabbda mill-klijent tiegħu, huwa għandu jinforma b'dan lit-Tribunal malajr kemm jista' jkun u għandu jiżgura li qabel is-seduta jiġi ppreżentat mandat bil-miktub għal din il-persuna ffirmat mill-klijent kif ukoll, jekk ikun il-każ, ċertifikat ta' iskrizzjoni tal-avukat jew tal-konsulent li jkun qiegħed jissostitwixxih.

C.   L-iżvolġiment tas-seduta

57.

Ir-rappreżentanti tal-partijiet għandhom jagħmlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom libsin it-toga. It-Tribunal dejjem ikollu xi togi fil-każ ta' bżonn; wieħed għandu jikkuntattja lill-Marixxal inkarigat għas-seduta f'dan ir-rigward.

58.

Ftit minuti qabel tibda s-seduta, ir-rappreżentanti tal-partijiet jittieħdu mill-Marixxal inkarigat għas-seduta fil-kamra li tinsab fuq wara tal-awla fejn jintlaqgħu mill-Imħallfin tal-kulleġġ ġudikanti sabiex jiġi organizzat l-iżvolġiment tas-seduta.

59.

Wieħed għandu jqum bil-wieqfa meta l-Membri tat-Tribunal jidħlu fl-awla. Is-seduta mbagħad tibda bis-sejħa tal-kawża mir-Reġistratur.

60.

Peress li l-Imħallfin ikollhom diġà konoxxenza tal-osservazzjonijiet bil-miktub, ir-rappreżentanti tal-partijiet huma mitluba sabiex fis-sottomissjonijiet orali tagħhom ma jirrepetux il-kontenut tal-atti proċedurali skambjati iżda huma mitluba jikkonċentraw fuq il-punti mqajma fir-rapport preparatorju għas-seduta u jwieġbu għall-mistoqsijiet tal-Imħallfin. Dan jgħodd ukoll, jekk ikun il-każ, għall-partijiet stess fl-eventwalità li t-Tribunal jistedinhom jitkellmu huma stess. Sa fejn l-iskop tas-seduta huwa li jiġu ċċarati l-punti ta' liġi u ta' fatt neċessarji sabiex tiġi deċiża l-kawża, is-seduta għandha tiżvolġi fil-forma ta' djalogu bejn l-Imħallfin u l-partijiet u r-rappreżentanti tagħhom.

61.

Fi kwalunkwe każ, ir-rappreżentanti tal-partijiet għandhom il-possibbiltà li jippreżentaw sottomissjoni orali introduttiva, li fir-rigward tagħha r-rapport preparatorju għas-seduta jagħti indikazzjonijiet dwar it-tul ta' żmien tagħha (normalment 20 minuta). Dan iż-żmien ma jinkludix iż-żmien użat sabiex jitwieġbu l-mistoqsijiet magħmula mill-Imħallfin jew sabiex issir replika għas-sottomissjonijiet orali tal-parti avversarja.

62.

Peress li l-awli huma mgħammra b'sistema awtomatika ta' mikrofoni, kull persuna li titkellem hija mitluba tagħfas il-buttuna tal-mikrofonu qabel ma tibda titkellem. Għandu jiġi evitat li tingħafas il-buttuna waqt li Mħallef jew persuna oħra jkunu qegħdin jitkellmu, sabiex ma jintfilhomx il-mikrofonu. Ir-rappreżentanti tal-partijiet huma mitluba wkoll, meta jiċċitaw sentenza ta' qorti, jindikaw l-isem tal-partijiet u r-referenzi li jippermettu li tiġi identifikata faċilment.

63.

Qiegħed jiġi mfakkar li l-produzzjoni ta' dokumenti quddiem it-Tribunal għandha ssir fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub. Huwa biss f'ċirkustanzi verament eċċezzjonali li t-Tribunal jista' jaċċetta dokumenti prodotti fis-seduta. L-istess regola tapplika għal kull offerta ta' prova magħmula fis-seduta. Jekk ikun il-każ, tajjeb li wieħed iġib miegħu numru biżżejjed ta' kopji.

D.   Karatteristiċi partikolari tal-interpretazzjoni simultanja

64.

Fil-kawżi li jeħtieġu interpretazzjoni simultanja, ir-rappreżentanti tal-partijiet qegħdin jiġu mfakkra li huwa ġeneralment ippreferut li huma jitkellmu liberament fuq il-bażi ta' noti minflok jaqraw test. Bl-istess mod, serje ta' sentenzi qosra huma ppreferuti minn argument twil u kkumplikat.

65.

Madankollu, jekk is-sottomissjoni orali tiġi ppreparata bil-miktub, huwa rrakkomandat li, fir-redazzjoni tat-test, jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan għandu jiġi ppreżentat oralment u għandu għalhekk ikun jixbah kemm jista' jkun preżentazzjoni orali.

66.

Sabiex tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni, ir-rappreżentanti tal-partijiet huma mistiedna jipprovdu minn qabel it-test eventwali jew forma miktuba tas-sottomissjonijiet orali tagħhom, tan-noti tagħhom jew kull kitba oħra, lid-dipartiment ta' interpretazzjoni, sabiex l-interpreti jkunu jistgħu jinkluduhom fl-istudju minn qabel tagħhom tal-inkartament (Diviżjoni tal-interpretazzjoni, numru tal-faks + 352 4303-3697, posta elettronika: interpret@curia.europa.eu). Dan it-test naturalment ma jingħatax lill-partijiet l-oħra u lanqas lill-Imħallfin li jiffurmaw parti mill-kulleġġ ġudikanti.

E.   Sospensjoni tas-seduta sabiex jiġi ffaċilitat ftehim bonarju

67.

Fuq talba tar-rappreżentanti tal-partijiet jew fuq inizjattiva tiegħu stess, it-Tribunal jista' jiddikjara s-sospensjoni tas-seduta għal perijodu qasir meta r-rappreżentanti tal-partijiet jkunu jixtiequ jiddiskutu proposta ta' ftehim bonarju mal-klijenti tagħhom jew mar-rappreżentant tal-parti avversarja, jekk ikun il-każ, fil-preżenza tal-Imħallef relatur. Jekk tkun mixtieqa diskussjoni in camera, tista' titqiegħed għad-dispożizzjoni sala partikolari. Għal kull talba f'dan ir-rigward, wieħed għandu jikkuntattja lir-Reġistratur jew lill-Marixxal inkarigat għas-seduta.

F.   Għeluq tas-seduta

68.

Il-president tal-kulleġġ ġudikanti għandu jiddikjara t-tmiem tas-seduta. Il-partijiet sussegwentement jirċievu proċess verbali qasir tagħha. Bl-istess mod, huma jiġu informati bil-miktub dwar il-pass li jmiss fil-proċedura, b'mod partikolari dwar id-data tal-għoti tas-sentenza.

V.   DĦUL FIS-SEĦĦ TA' DAWN L-ISTRUZZJONIJIET

69.

Dawn l-Istruzzjonijiet prattiċi għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tielet xahar wara l-pubblikazzjoni tagħhom. Madankollu, il-punt 49, fuq it-tul tal-atti proċedurali u li jifforma d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 46 tar-Regoli tal-Proċedura, huwa applikabbli biss għall-atti proċedurali li għall-preżentata tagħhom it-terminu ma jkunx beda jiddekorri fid-dħul fis-seħħ ta' dawn l-istruzzjonijiet prattiċi. Għal dawk l-atti proċedurali li t-terminu għall-preżentata tagħhom ikun beda jiddekorri, l-indikazzjonijiet li jidhru fl-istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet tal-11 ta' Lulju 2012 jibqgħu bħala riferiment.

70.

Dawn l-Istruzzjonijiet iħassru u jissostitwixxu l-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet tal-11 ta' Lulju 2012 (ĠU L 260, p. 6).

71.

Barra minn hekk, sabiex jgħin lill-partijiet f'dak li għandhom jagħmlu, ir-Reġistru tat-Tribunal għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom diversi “Check lists” u “Mudelli” fuq is-sit www.curia.europa.eu.

Magħmula l-Lussemburgu, fil-11 ta' Lulju 2012.

W. HAKENBERG

Reġistratur

S. VAN RAEPENBUSCH

President


ANNESS

GWIDA GĦAL MIN JAGĦMEL TALBA GĦAL GĦAJNUNA LEGALI U MUDELL TA' TALBA GĦAL GĦAJNUNA LEGALI

TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

Image 1

TALBA GĦAL GĦAJNUNA LEGALI

GWIDA GĦAL MIN JAGĦMEL IT-TALBA U MUDELL TA' TALBA GĦAL GĦAJNUNA LEGALI

I.   GWIDA GĦAL MIN JAGĦMEL IT-TALBA GĦAL GĦAJNUNA LEGALI (1)

A.   Il-kuntest ġuridiku

1.   Il-kompetenza tat-Tribunal

Ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati quddiem it-Tribunal

Qed tinġibed l-attenzjoni ta' min jagħmel it-talba għal għajnuna legali għad-dispożizzjonijiet:

tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, kif ukoll tal-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, dwar il-kompetenza tat-Tribunal;

tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jippreċiżaw ċerti kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati quddiem it-Tribunal.

2.   Il-kuntest ġuridiku fil-qasam tal-għajnuna legali

Id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna legali jinsabu fir-Regoli tal-Proċedura.

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta b'mod partikolari dan li ġej:

a.   Kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna legali

Kull persuna fiżika li, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, ma tistax, totalment jew parzjalment, tkopri l-ispejjeż marbuta mal-assistenza u mar-rappreżentanza fil-qorti quddiem it-Tribunal għandha d-dritt li tibbenefika mill-għajnuna legali [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 110(1) tar-Regoli tal-Proċedura].

Is-sitwazzjoni ekonomika għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi oġġettivi bħad-dħul, il-kapital u s-sitwazzjoni familjari [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 110(1) tar-Regoli tal-Proċedura].

Flimkien mat-talba għal għajnuna legali għandu jkun hemm l-informazzjoni u d-dokumenti ta' sostenn kollha li permezz tagħhom tkun tista' tiġi evalwata s-sitwazzjoni ekonomika ta' min jagħmel it-talba, bħal ċertifikat mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jagħti prova ta' din is-sitwazzjoni ekonomika [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 111(3) tar-Regoli tal-Proċedura].

L-għajnuna legali tista' tintalab qabel il-preżentata tar-rikors jew waqt li dan ikun pendenti. Ma huwiex meħtieġ li t-talba ssir permezz ta' avukat [Artikolu 111(1) tar-Regoli tal-Proċedura].

Jekk it-talba titressaq qabel ma jiġi ppreżentat ir-rikors, min jagħmel it-talba għandu jesponi, fil-qosor, is-suġġett tar-rikors li jkollu l-intenzjoni jippreżenta, il-fatti tal-kawża u l-argumenti insostenn tar-rikors. Mat-talba għandu jkun hemm dokumenti ta' sostenn f'dan ir-rigward [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 110(3) tar-Regoli tal-Proċedura].

L-għajnuna legali tiġi rrifjutata jekk l-azzjoni li għaliha tintalab tidher manifestament inammissibbli jew manifestament infondata jew jekk it-Tribunal manifestament ma jkollux il-kompetenza sabiex jieħu konjizzjoni tagħha [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 110(2) tar-Regoli tal-Proċedura].

Jekk il-kundizzjonijiet li wasslu sabiex tingħata l-għajnuna legali jinbidlu matul il-kawża, il-President jista' jirrevoka dan il-benefiċċju, kemm ex officio kif ukoll fuq talba, wara li tinstema' l-parti kkonċernata [Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura].

It-talba għal għajnuna legali għandha tiġi ppreżentata skont il-mudell disponibbli fis-sit internet tat-Tribunal, u li huwa parti minn din il-gwida [Artikolu 111(2) tar-Regoli tal-Proċedura].

b.   Il-proċedura

Jekk il-parti kkonċernata ma tkunx ipproponiet avukat hija stess jew jekk ma jkunx hemm lok li tiġi kkonfermata l-għażla tagħha, ir-Reġistratur għandu jibgħat kopja tad-digriet li jawtorizza l-għajnuna legali u kopja tat-talba lill-awtorità kompetenti tal-Istat ikkonċernat imsemmija fir-Regoli Addizzjonali għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-avukat inkarigat li jirrappreżenta lil min ikun għamel it-talba għandu jiġi nnominat fid-dawl tal-proposti trażmessi minn din l-awtorità [it-tieni subparagrafu ta' Artikolu 112(3) tar-Regoli tal-Proċedura].

It-tressiq ta' talba għal għajnuna legali jissospendi t-terminu previst għall-preżentata tar-rikors sad-data tan-notifika tad-digriet li jiddeċiedi dwar din it-talba jew, meta f'dan id-digriet ma jkunx innominat avukat sabiex jirrappreżenta lill-parti kkonċernata, sad-data tan-notifika tad-digriet li jinnomina avukat sabiex jirrappreżenta lil min ikun għamel it-talba [Artikolu 112(5) tar-Regoli tal-Proċedura].

c.   Għajnuna legali parzjali

Id-digriet li jawtorizza l-għajnuna legali jista' jistabbilixxi somma li tingħata lill-avukat inkarigat sabiex jirrappreżenta lill-parti kkonċernata, jew jista' jistabbilixxi limitu massimu li, bħala prinċipju, ma jkunx jista' jinqabeż mill-ispejjeż u mill-onorarju tal-avukat. Id-digriet jista' jipprevedi kontribuzzjoni mill-parti kkonċernata għall-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 110(1) tar-Regoli tal-Proċedura, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika tagħha [it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 112(4) tar-Regoli tal-Proċedura].

d.   Responsabbiltà għall-ispejjeż

Meta, bis-saħħa tad-deċiżjoni li taqta' l-kawża, il-parti li bbenefikat mill-għajnuna legali tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha, il-President għandu jistabbilixxi l-ispejjeż u l-onorarji tal-avukat li għandhom jitħallsu mill-kaxxier tat-Tribunal permezz ta' digriet motivat li ma jistax jiġi kkontestat [Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura].

Meta, fid-deċiżjoni li taqta' l-kawża, it-Tribunal jikkundanna parti oħra tieħu r-responsabbiltà għall-ispejjeż tal-parti li bbenefikat mill-għajnuna legali, din il-parti l-oħra tkun marbuta tħallas lura lill-kaxxier tat-Tribunal dawk l-ammonti li jkunu tħallsu bħala għajnuna [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 113(3) tar-Regoli tal-Proċedura].

Meta l-parti li tibbenefika mill-għajnuna legali titlef, it-Tribunal jista', jekk dan ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' ekwità, fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż fid-deċiżjoni li taqta' l-kawża, jordna li waħda jew iktar mill-partijiet l-oħra jbatu l-ispejjeż tagħhom jew li l-ispejjeż kollha jew parti minnhom jitħallsu mill-kaxxier tat-Tribunal bħala għajnuna legali [Artikolu 113(4) tar-Regoli tal-Proċedura].

B.   Modalitajiet tat-tressiq tat-talba għal għajnuna legali

Skont il-punt 47 tal-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet, l-użu tal-preżenti mudell ta' talba għal għajnuna legali huwa obbligatorju sabiex titressaq talba għal għajnuna legali. Talba għal għajnuna legali mressqa b'mezz ieħor u mhux bil-mudell ma tittiħidx inkunsiderazzjoni.

Kif indikat fil-punt 48 tal-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet, it-talba għal għajnuna legali tista' titressaq permezz tal-applikazzjoni e-Curia biss mill-avukat li jkun qiegħed jirrappreżenta lill-parti li titlob l-għajnuna legali.

Fil-każ li tintbagħat fil-forma ta' dokument stampat, it-trażmissjoni tal-oriġinal tista' ssir wara t-trażmissjoni permezz ta' faks. F'dan il-każ, id-data tat-trażmissjoni tal-faks tittieħed inkunsiderazzjoni għas-sospensjoni tat-terminu għall-preżentata ta' rikors, bil-kundizzjoni li l-oriġinal jasal għand it-Tribunal fi żmien għaxart ijiem mit-trażmissjoni tal-faks.

L-oriġinal tat-talba għal għajnuna legali għandu jiġi ffirmat minn min jagħmel it-talba stess jew mill-avukat tiegħu. Fin-nuqqas ta' dan, it-talba ma tittiħidx inkunsiderazzjoni u d-dokument jerġa' jintbagħat lura. Madankollu, fil-każ li t-talba titressaq permezz tal-applikazzjoni e-Curia mill-avukat ta' min jagħmel it-talba, il-firma tal-avukat ma tkunx meħtieġa.

Jekk it-talba għal għajnuna legali titressaq mill-avukat ta' min jagħmel it-talba qabel il-preżentata tar-rikors, din it-talba għandu jkollha magħha d-dokumenti li jiċċertifikaw li l-avukat huwa awtorizzat li jipprattika quddiem qorti ta' Stat Membru jew ta' Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim ŻEE.

C.   Konsegwenza tat-tressiq regolari ta' talba għal għajnuna legali qabel il-preżentata tar-rikors

Il-talba għal għajnuna legali mressqa b'mod regolari qabel il-preżentata tar-rikors tissospendi t-terminu previst għall-preżentata ta' dan ir-rikors sad-data tan-notifika tad-digriet li jiddeċiedi dwar it-talba jew tad-digriet li jinnomina avukat sabiex jirrappreżenta lil min ikun għamel it-talba. Għaldaqstant, it-terminu għall-preżentata tar-rikors ma jiddekorrix matul il-perijodu tal-eżami tat-talba għal għajnuna legali mit-Tribunal. Ikun prudenti jekk din it-talba titressaq kmieni sabiex jiġi evitat li t-terminu li jkun fadal għall-preżentata tar-rikors ma jkunx qasir wisq.

D.   Kontenut tat-talba għal għajnuna legali u dokumenti ta' sostenn

1.   Sitwazzjoni ekonomika ta' min jagħmel it-talba

It-talba għandha jkollha magħha l-informazzjoni u d-dokumenti ta' sostenn kollha li jippermettu li tiġi evalwata s-sitwazzjoni ekonomika ta' min jagħmel it-talba fil-mument li din tkun qed issir, bħal ċertifikat ta' awtorità nazzjonali kompetenti li jagħti prova ta' din is-sitwazzjoni ekonomika.

Dawn id-dokumenti jistgħu jkunu, pereżempju:

ċertifikati minn uffiċċju ta' għajnuna soċjali jew tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad;

dikjarazzjonijiet tad-dħul jew avviż ta' taxxa;

dikjarazzjonijiet tal-paga;

estratti ta' rendikonti bankarji.

Dikjarazzjonijiet ġuramentati mimlija u ffirmati minn min jagħmel it-talba stess ma humiex prova suffiċjenti tal-inkapaċità totali jew parzjali li wieħed ikopri l-ispejjeż tal-kawża.

L-informazzjoni mogħtija fit-talba għal għajnuna legali dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta' min jagħmel it-talba u d-dokumenti ta' sostenn ippreżentati insostenn ta' din l-informazzjoni għandhom l-għan li jagħtu stampa kompleta tas-sitwazzjoni ekonomika tiegħu.

Qed tinġibed l-attenzjoni ta' min jagħmel it-talba għall-fatt li huwa ma għandux jagħti biss lit-Tribunal informazzjoni dwar ir-riżorsi tiegħu, iżda għandu jagħtih ukoll informazzjoni li tippermettilu jevalwa l-kapital li huwa għandu.

Talba li ma tiġġustifikax b'mod suffiċjenti skont il-liġi l-inkapaċità ta' min jagħmel it-talba li jkopri l-ispejjeż tal-kawża tiġi miċħuda.

Min jagħmel it-talba huwa obbligat jinforma lit-Tribunal minnufih b'kull bidla fis-sitwazzjoni ekonomika tiegħu li tista' tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, li jgħid li jekk il-kundizzjonijiet li wasslu għall-għoti tal-għajnuna legali jinbidlu fil-mori tal-kawża, il-President jista' jwaqqaf l-għajnuna, kemm ex officio, kif ukoll fuq talba, wara li tinstema' l-parti kkonċernata.

2.   Suġġett tar-rikors ippjanat, fatti tal-kawża u l-argumenti insostenn tar-rikors

Jekk it-talba għal għajnuna legali titressaq qabel ma jiġi ppreżentat ir-rikors, min jagħmel it-talba għandu jispjega fil-qosor is-suġġett tar-rikors tiegħu, il-fatti tal-kawża u l-argumenti li huwa jkun ser iressaq insostenn tar-rikors tiegħu. Fil-mudell ta' talba għal għajnuna legali hija prevista taqsima għal dan il-għan.

Għandha tiġi annessa kopja ta' kull dokument ta' sostenn rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà u tal-fondatezza tar-rikors li jkun ser jiġi ppreżentat. Dan jista' jkun, pereżempju:

jekk ikun il-każ, l-att li min jagħmel it-talba jkollu l-intenzjoni jitlob l-annullament tiegħu;

jekk ikun il-każ, l-ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u d-deċiżjoni li tagħti risposta għall-ilment b'indikazzjoni tad-dati tat-tressiq tal-ilment u tan-notifika tad-deċiżjoni;

jekk ikun il-każ, it-talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u d-deċiżjoni li tagħti risposta għall-imsemmija talba b'indikazzjoni tad-dati tat-tressiq tat-talba u tan-notifika tad-deċiżjoni;

il-korrispondenza li tkun saret mal-eventwali konvenut.

3.   Dettalji oħra utli

L-ebda oriġinal ma jingħata lura. Huwa b'hekk irrakkomandat li min jagħmel it-talba jipprovdi kopji tad-dokumenti ta' sostenn.

Talba ma tistax tiġi kkompletata permezz tal-preżentata ta' addenda ulterjuri. Addenda bħal dawn jiġu rritornati jekk jiġu ppreżentati mingħajr ma jkunu ntalbu mit-Tribunal. Huwa b'hekk essenzjali li tingħata l-informazzjoni kollha meħtieġa fit-talba għal għajnuna legali u li tiġi annessa kopja ta' kull dokument li huwa prova ta' din l-informazzjoni. F'każijiet eċċezzjonali, dokumenti li huma prova tal-inkapaċità totali jew parzjali li wieħed ikopri l-ispejjeż tal-kawża jistgħu madankollu jiġu aċċettati iktar tard, permezz ta' ġustifikazzjoni tad-dewmien fil-preżentata tagħhom.

Jekk l-ispazju disponibbli f'taqsima tal-mudell ta' talba għal għajnuna legali ma jkunx suffiċjenti, l-imsemmija taqsima tista' tiġi kkompletata fuq karta separata annessa mat-talba.

II.   MUDELL TA' TALBA GĦAL GĦAJNUNA LEGALI

Image 2

Test ta 'immaġni

Image 3

Test ta 'immaġni

Image 4

Image 5

Test ta 'immaġni

Image 6

Test ta 'immaġni

Image 7

Test ta 'immaġni

Image 8

Test ta 'immaġni

Image 9

Test ta 'immaġni

Image 10

Test ta 'immaġni

Image 11

Test ta 'immaġni

(1)  Din il-gwida tifforma parti integrali mal-mudell ta' talba għal għajnuna legali. L-informazzjoni f'din il-gwida toħroġ mir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal u mill-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet.