12.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 355/42


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2014/106/UE

tal-5 ta' Diċembru 2014

li temenda l-Annessi V u VI tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 30(3) tagħha,

Billi:

(1)

Il-kamp ta' applikazzjoni u l-kontenut tad-dikjarazzjoni ta' verifika “KE” għas-sottosistemi għandhom jiġu definiti aħjar fl-Anness V tad-Direttiva 2008/57/KE. B'mod partikolari, ir-responsabbiltà tal-firmatarju ta' dikjarazzjoni bħal din għandha tiġi ddikjarata b'mod ċar.

(2)

Il-proċeduri li jikkonċernaw id-dikjarazzjoni ta' verifika fil-każ ta' modifiki ta' sottosistemi eżistenti u f'każ ta' verifiki addizzjonali mwettqa mill-korpi nnotifikati, għandhom jiġu ċċarati fl-Anness V tad-Direttiva 2008/57/KE;

(3)

L-għan tal-proċedura ta' verifika għas-sottosistemi għandu jiġi ċċarat fl-Anness VI tad-Direttiva 2008/57/KE. Barra minn hekk, il-prinċipji li jikkonċernaw il-proċedura ta' verifika f'każ ta' modifiki ta' sottosistemi eżistenti għandhom jiġu definiti fl-istess Anness.

(4)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2008/57/KE.

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Annessi V u VI tad-Direttiva 2008/57/KE qed jiġu sostitwiti bit-test stabbilit fl-Annessi I u II ta' din id-Direttiva rispettivament.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2016. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk l-atti.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk l-atti, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

3.   L-obbligi għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għar-Repubbika ta' Ċipru u r-Repubblika ta' Malta sakemm ma tiġix stabbilita sistema ferrovjarja fit-territorji tagħhom.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.


ANNESS I

“ANNESS V

DIKJARAZZJONI TA' VERIFIKA ‘KE’ TAS-SOTTOSISTEMI

1.   DIKJARAZZJONI TA' VERIFIKA ‘KE’ TAS-SOTTOSISTEMI

Id-dikjarazzjoni ta' verifika ‘KE’ ta' sottosistema hija dikjarazzjoni stabbilita mill-'applikant' skont it-tifsira tal-Artikolu 18 fejn jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu, li s-sottosistema kkonċernata, li kienet suġġetta għall-proċeduri ta' verifika rilevanti, tissodisfa r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, inkluża kwalunkwe regola nazzjonali rilevanti.

Id-dikjarazzjoni ta' verifika ‘KE’ u d-dokumenti li jakkumpanjawha għandhom ikunu datati u ffirmati.

Id-dikjarazzjoni ta' verifika ‘KE’ għandha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni li tirriżulta mill-proċedura tal-verifika ‘KE’ għas-sottosistemi stabbilita fl-Anness VI. Għandha tinkiteb bl-istess lingwa tal-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni ta' verifika ‘KE’ u għandu jkollha fiha għall-inqas dan li ġej:

(a)

ir-referenza għal din id-Direttiva, it-TSIs u r-regoli nazzjonali applikabbli,

(b)

ir-referenza għat-TSI(s) jew il-partijiet tagħhom li għalihom ma tkunx ġiet eżaminata l-proċedura ta' verifika ‘KE’ u għar-regoli tekniċi nazzjonali li ġew applikati f'każ ta' deroga, l-applikazzjoni parzjali tat-TSIs għall-aġġornament jew għar-rinnovazzjoni, il-perjodu tranżitorju f'TSI jew f'każ speċifiku,

(c)

l-isem u l-indirizz tal-‘applikant’ skont it-tifsira tal-Artikolu 18 (filwaqt li jiġu speċifikati l-isem kummerċjali u l-indirizz sħiħ; fil-każ ta' rappreżentant awtorizzat, għandu jiġi speċifikat ukoll l-isem kummerċjali tal-entità kontraenti jew tal-manifattur),

(d)

deskrizzjoni qasira tas-sottosistema,

(e)

l-isem/l-ismijiet u l-indirizz(i) u n-numru/in-numri tal-identifikazzjoni tal-korp(i) notifikat(i) li jkunu wettqu l-verifika/il-verifiki ‘KE’ msemmija fl-Artikolu 18,

(f)

l-isem/l-ismijiet u l-indirizz(i) u n-numru/in-numri tal-identifikazzjoni tal-korp(i) notifikat(i) li jkunu wettqu l-valutazzjoni ta' konformità ma' regolamenti oħra li joriġinaw mit-Trattat,

(g)

l-isem/l-ismijiet u l-indirizz(i) tal-korp(i) maħtur(a) li jkunu wettqu l-verifika/il-verifiki ta' konformità mar-regoli nazzjonali msemmija fl-Artikolu 17(3),

(h)

l-isem u l-indirizz tal-korp(i) ta' valutazzjoni li stabbilixxa/stabbilixxew ir-rapporti tal-valutazzjoni tas-sikurezza relatati mal-użu tas-CSM dwar il-valutazzjoni tar-riskju fejn meħtieġ minn din id-Direttiva,

(i)

ir-referenzi tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni ta' verifika ‘KE’,

(j)

id-dispożizzjonijiet kollha rilevanti temporanji jew finali li għandhom jitħarsu mis-sottosistemi u b'mod partikolari, fejn ikun xieraq, kwalunkwe restrizzjoni jew kundizzjoni operatorja;

(k)

l-identità tal-firmatarju (jiġifieri l-persuna jew il-persuni fiżiċi awtorizzati li jiffirmaw id-dikjarazzjoni)

Meta ssir referenza fl-Anness VI għad-‘dikjarazzjoni ta' verifika intermedja’ (ISV), id-dispożizzjonijiet ta' din it-Taqsima għandhom japplikaw għal dik id-dikjarazzjoni.

2.   DIKJARAZZJONI TA' VERIFIKA ‘KE’ TAS-SOTTOSISTEMI FIL-KAŻ TA' MODIFIKI

F'każ ta' modifika, li mhijiex sostituzzjoni fil-qafas tal-manutenzjoni, ta' sottosistema koperta minn dikjarazzjoni tal-verifika ‘KE’, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2.1.   Jekk l-entità li tintroduċi l-modifika turi li l-modifika ma taffettwax il-karatteristiċi bażiċi tad-disinn tas-sottosistema li huma rilevanti għall-konformità mar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-parametri bażiċi:

(a)

l-entità li tintroduċi l-modifika għandha taġġorna r-referenzi tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni ta' verifika ‘KE’;

(b)

ma trid tiġi stabbilita l-ebda dikjarazzjoni tal-verifika ‘KE’ ġdida.

2.2.   Jekk l-entità li tintroduċi l-modifika turi li l-modifika taffettwa l-karatteristiċi bażiċi tad-disinn tas-sottosistema li huma rilevanti għall-konformità mar-rekwiżiti li jikkonċernaw xi parametri bażiċi:

(a)

l-entità li tintroduċi l-modifika għandha tistabbilixxi dikjarazzjoni ta' verifika ‘KE’ komplementari b'referenza għall-parametri bażiċi kkonċernati;

(b)

id-dikjarazzjoni ta' verifika ‘KE’ komplementari għandha tkun akkumpanjata b'lista ta' dokumenti tal-fajl tekniku oriġinali li jakkumpanja d-dikjarazzjoni ta' verifika ‘KE’ oriġinali, li ma jkunux aktar validi;

(c)

il-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni ta' verifika ‘KE’ għandu jinkludi prova li l-impatt tal-modifiki huwa limitat għall-parametri bażiċi msemmija fil-punt a);

(d)

id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 1 ta' dan l-Anness għandhom japplikaw mutatis mutandis għal din id-dikjarazzjoni tal-verifika ‘KE’ komplementari;

(e)

id-dikjarazzjoni tal-verifika ‘KE’ oriġinali għandha titqies valida għall-parametri bażiċi mhux ikkonċernati mill-modifika.

3.   DIKJARAZZJONI TAL-VERIFIKA ‘KE’ TAS-SOTTOSISTEMI FIL-KAŻ TA' VERIFIKI ADDIZZJONALI

Dikjarazzjoni tal-verifika ‘KE’ ta' sottosistema tista' tiġi kkumplimentata fil-każ ta' verifiki addizzjonali mwettqa, b'mod partikolari meta tali verifiki addizzjonali huma meħtieġa għal awtorizzazzjoni addizzjonali għat-tqegħid fis-servizz. F'dan il-każ il-kamp ta'applikazzjoni tad-dikjarazzjoni komplementari għandu jkun limitat għall-kamp ta' applikazzjoni tal-verifiki addizzjonali.”


ANNESS II

“ANNESS VI

PROĊEDURA TAL-VERIFIKA ‘KE’ GĦAS-SOTTOSISTEMI

1.   PRINĊIPJI ĠENERALI

‘Verifika KE’ tfisser proċedura mwettqa mill-applikant skont it-tifsira tal-Artikolu 18 biex turi li r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, inkluża kwalunkwe regola nazzjonali rilevanti li għandha x'taqsam ma' sottosistema, ikunu ġew issodisfati u s-sottosistema tista' tiġi awtorizzata biex titqiegħed fis-servizz.

2.   ĊERTIFIKAT TA' VERIFIKA MAĦRUĠ MINN KORP NOTIFIKAT

2.1.   Introduzzjoni

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, il-verifika b'referenza għat-TSIs hija l-proċedura li permezz tagħha korp notifikat jiċċekkja u jiċċertifika li s-sottosistema tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti għall-interoperabbiltà (TSI).

Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-entità kontraenti jew tal-manifattur (jiġifieri l-applikant skont l-Artikolu 18) li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni applikabbli l-oħra li toriġina mit-Trattat, inkluża kwalunkwe verifika mill-korpi tal-valutazzjoni meħtieġa mil-leġiżlazzjoni l-oħra.

2.2.   Dikjarazzjoni ta' verifika intermedja (ISV)

2.2.1.   Prinċipji

Fuq talba tal-entità kontraenti jew tal-manifattur (jiġifieri l-applikant skont it-tifsira tal-Artikolu 18), il-verifiki jistgħu jsiru għal partijiet ta' sottosistema jew jistgħu jkunu limitati għal ċerti stadji tal-proċedura ta' verifika. F'dawn il-każijiet, ir-riżultati tal-verifika jistgħu jiġu ddokumentati f'‘dikjarazzjoni ta' verifika intermedja’ (ISV) maħruġa mill-korp notifikat magħżul mill-entità kontraenti jew mill-manifattur (jiġifieri l-applikant skont it-tifsira tal-Artikolu 18).

L-ISV trid tirreferi għat-TSIs li magħhom ġiet evalwata l-konformità.

2.2.2.   Partijiet tas-sottosistema

L-applikant skont it-tifsira tal-Artikolu 18 jista' japplika għal ISV għal kull parti li fiha jiddeċiedi li jaqsam is-sottosistema. Kull parti għandha tiġi ċċekkjata f'kull stadju kif stabbilit fil-punt 2.2.3.

2.2.3.   L-istadji tal-proċedura ta' verifika

Is-sottosistema, jew ċerti partijiet tas-sottosistema, għandhom jiġu ċċekkjati f'kull wieħed minn dawn l-istadji:

(a)

id-disinn globali,

(b)

il-produzzjoni: il-kostruzzjoni, inklużi, b'mod partikolari, l-attivitajiet ta' inġinerija ċivili, il-manifattura, l-assemblaġġ tal-kostitwenti u l-aġġustament globali,

(c)

l-ittestjar finali.

L-applikant (skont it-tifsira tal-Artikolu 18) jista' japplika għal ISV għall-istadju ta' disinn (inklużi t-testijiet tat-tip) u għall-istadju ta' produzzjoni għas-sottosistema kollha jew għal kull parti li fiha l-applikant jiddeċiedi li jaqsamha (ara l-paragrafu 2.2.2).

2.3.   Ċertifikat ta' verifika

2.3.1.   Il-korpi notifikati responsabbli għall-verifika jevalwaw id-disinn, il-produzzjoni u l-ittestjar finali tas-sottosistema u jfasslu ċ-ċertifikat tal-verifika maħsub għall-entità kontraenti jew għall-manifattur (jiġifieri l-applikant skont it-tifsira tal-Artikolu 18), li min-naħa tiegħu jfassal id-dikjarazzjoni tal-verifika ‘KE’. Iċ-ċertifikat tal-verifika jrid jirreferi għat-TSIs li magħhom ġiet evalwata l-konformità.

Meta sottosistema ma tiġix evalwata għall-konformità tagħha mat-TSI(s) kollha rilevanti (pereżempju fil-każ ta' deroga, applikazzjoni parzjali tat-TSIs għal aġġornament jew tiġdid, perjodu tranżitorju f'TSI jew każ speċifiku), iċ-ċertifikat tal-verifika għandu jagħti r-referenza preċiża għat-TSI(s) jew il-partijiet tagħhom li l-konformità tagħhom ma ġietx eżaminata mill-korp notifikat matul il-proċedura tal-verifika.

2.3.2.   Fejn ikunu nħarġu ISV, il-korp notifikat responsabbli għall-verifika tas-sottosistema jqis dawn l-ISV u, qabel ma joħroġ iċ-ċertifikat tal-verifika tiegħu:

(a)

jivverifika li l-ISV ikopru b'mod korrett ir-rekwiżiti rilevanti tat-TSI(s),

(b)

jiċċekkja l-aspetti kollha li mhumiex koperti mill-ISV, u

(c)

jiċċekkja l-ittestjar finali tas-sottosistema kollha kemm hi.

2.3.3.   Fil-każ ta' modifika ta' sottosistema diġà koperta minn ċertifikat ta' verifika, il-korp notifikat għandu jwettaq biss dawk l-eżamijiet u t-testijiet li huma rilevanti u meħtieġa, jiġfieri l-valutazzjoni għandha tikkonċerna biss il-partijiet tas-sottosistema li huma mibdula u l-interfaċċi tagħhom mal-partijiet mhux mibdula tas-sottosistema.

2.3.4.   Kull korp notifikat mibdul involut fil-verifika ta' sottosistema għandu jħejji fajl tekniku skont l-Artikolu 18(3) li jkopri l-ambitu tal-attivitajiet tiegħu.

2.4.   Il-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni ta' verifika KE

Il-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni ta' verifika KE għandu jiġi kkompilat mill-applikant (skont it-tifsira tal-Artikolu 18) u għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

il-karatteristiċi tekniċi marbuta mad-disinn li jinkludu disinji ġenerali u dettaljati konformi mal-eżekuzzjoni, dijagrammi elettriċi u idrawliċi, dijagrammi ta' ċirkwiti kkontrollati, deskrizzjoni ta' sistemi għall-ipproċessar ta' dejta u sistemi awtomatiċi sal-livell ta' dettall biżżejjed għad-dokumentazzjoni tal-verifika tal-konformità mwettqa, dokumentazzjoni dwar l-operat u l-manutenzjoni, eċċ., rilevanti għas-sottosistema kkonċernata,

(b)

lista ta' kostitwenti tal-interoperabbiltà, kif imsemmija fl-Artikolu 5(3)(d), inkorporati fis-sottosistema,

(c)

il-fajls tekniċi msemmija fl-Artikolu 18(3) ikkompilati minn kull wieħed mill-korpi notifikati involuti fil-verifika tas-sottosistema, li għandhom jinkludu:

kopji tad-dikjarazzjonijiet ta' konformità ‘KE’ u fejn applikabbli d-dikjarazzjonijiet ‘KE’ tal-idoneità għall-użu stabbiliti għall-kostitwenti tal-interoperabbiltà msemmija fl-Artikolu 5(3)(d) u akkumpanjati, fejn ikun xieraq, b'noti tal-kalkolu li jikkorrispondu magħhom u kopja tar-rekords tat-testijiet u l-eżamijiet li jkunu saru mill-korpi notifikati fuq il-bażi ta' speċifikazzjonijiet tekniċi komuni,

fejn tkun disponibbli, l-ISV li takkumpanja ċ-ċertifikat ta' verifika, inkluż ir-riżultat tal-verifika mill-korp notifikat tal-validità tal-ISV,

iċ-ċertifikat tal-verifika, akkumpanjat b'noti ta' kalkolu korrispondenti u ffirmat mill-korp notifikat responsabbli għall-verifika, li jiddikjara li s-sottosistema tikkonforma mar-rekwiżiti tat-TSI(s) rilevanti u jsemmi xi riservi rreġistrati matul l-operat tal-attivitajiet u mhux irtirati; iċ-ċertifikat tal-verifika għandu jkollu miegħu wkoll ir-rapporti tal-ispezzjoni u tal-verifika mfassla mill-istess korp b'rabta mal-ħidma tiegħu, kif speċifikat fil-punti 2.5.2 u 2.5.3,

(d)

iċ-ċertifikati tal-verifika maħruġa skont leġiżlazzjoni oħra li toriġina mit-Trattat,

(e)

meta tkun meħtieġa l-verifika tal-integrazzjoni sikura skont l-Artikolu 15, il-fajl tekniku rilevanti għandu jinkludi r-rapport(i) tal-assessuri dwar il-metodi komuni ta' sikurezza (CSM) dwar il-valutazzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2004/49/KE.

2.5.   Sorveljanza minn korpi notifikati

2.5.1.   Il-korp notifikat responsabbli biex jiċċekkja l-produzzjoni għandu jkollu aċċess permanenti għas-siti tal-bini, il-workshops tal-produzzjoni, iż-żoni tal-ħażna u, fejn ikun xieraq, il-faċilitajiet tal-prefabbrikazzjoni jew tal-ittestjar u, b'mod aktar ġenerali, l-istabbilimenti kollha li huwa jqis meħtieġa għall-ħidma tiegħu. Il-korp notifikat għandu jirċievi mill-entità kontraenti jew mill-manifatturi (jiġifieri l-applikant skont it-tifsira tal-Artikolu 18) id-dokumenti kollha meħtieġa għal dak l-iskop u, b'mod partikolari, il-pjanijiet ta' implimentazzjoni u d-dokumentazzjoni teknika rigward is-sottosistema.

2.5.2.   Il-korp notifikat responsabbli biex jiċċekkja l-implimentazzjoni għandu jwettaq verifiki perjodikament biex jikkonferma l-konformità mat-TSI(s) rilevanti. Dan għandu jipprovdi rapport tal-verifika lil dawk responsabbli għall-implimentazzjoni. Il-preżenza tiegħu tista' tkun meħtieġa f'ċerti stadji tal-operazzjonijiet tal-bini.

2.5.3.   Barra minn hekk, il-korp notifikat jista' jżur għall-għarrieda l-post tax-xogħol jew il-workshops tal-produzzjoni. Waqt żjarat bħal dawn, il-korp notifikat jista' jwettaq verifiki kompleti jew parzjali. Dan għandu jipprovdi rapport ta' spezzjoni lil dawk responsabbli għall-implimentazzjoni u, jekk ikun xieraq, rapport tal-verifika.

2.5.4.   Il-korp notifikat għandu jkun kapaċi jimmonitorja sottosistema li fuqha jiġi mmuntat kostitwent tal-interoperabilità sabiex tiġi vvalutata, fejn meħtieġ mit-TSI korrispondenti, l-idoneità tagħha għall-użu fl-ambjent ferrovjarju li huwa maħsub li tintuża fih.

2.6.   Sottomissjoni

Kopja tal-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni ta' verifika KE trid tinżamm mill-manifattur jew mill-entità kontraenti (jiġifieri mill-applikant skont it-tifsira tal-Artikolu 18) tul il-ħajja operattiva kollha tas-sottosistema. Din għandha tintbagħat lil kwalunkwe Stat Membru li jitlob dan.

Id-dokumentazzjoni mressqa għal applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità ta' sikurezza nazzjonali tal-Istat Membru fejn tintalab l-awtorizzazzjoni. L-awtorità ta' sikurezza nazzjonali tista' titlob li parti(jiet) mid-dokumenti ppreżentati flimkien mal-awtorizzazzjoni tiġi/jiġu tradotta/tradotti għal-lingwa tagħha stess.

2.7.   Pubblikazzjoni

Kull korp notifikat għandu perjodikament jippubblika l-informazzjoni rilevanti rigward:

(a)

it-talbiet tal-verifika u ISV li rċieva,

(b)

it-talba għal valutazzjoni tal-konformità u l-idoneità għall-użu tal-ICs,

(c)

l-ISV maħruġa jew miċħuda,

(d)

iċ-ċertifikati ta' konformità u ċ-ċertifikati ‘KE’ għall-idoneità għall-użu, maħruġa jew miċħuda,

(e)

iċ-ċertifikati tal-verifika maħruġa jew miċħuda.

2.8.   Lingwa

Il-fajls u l-korrispondenza marbuta mal-proċedura tal-verifika ‘KE’ għandhom jinkitbu b'lingwa uffiċjali tal-Unjoni tal-Istat Membru li fih l-entità kontraenti jew il-manifatturi (jiġifieri l-applikant skont it-tifsira tal-Artikolu 18) huma stabbiliti jew b'lingwa uffiċjali tal-Unjoni aċċettata mill-entità kontraenti jew mill-manifatturi (jiġifieri l-applikant skont it-tifsira tal-Artikolu 18).

3.   ĊERTIFIKAT TA' VERIFIKA MAĦRUĠ MINN KORP NOTIFIKAT

3.1.   Introduzzjoni

Fil-każ fejn japplikaw ir-regoli nazzjonali, il-verifika għandha tinkludi proċedura li biha l-korp maħtur skont it-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 17(3), (il-korp maħtur) jiċċekkja u jiċċertifika li s-sottosistema tikkonforma mar-regoli nazzjonali nnotifikati skont l-Artikolu 17(3) għal kull Stat Membru li fih hu maħsub li jiġi awtorizzat it-tqegħid fis-servizz tas-sottosistema.

3.2.   Ċertifikat ta' verifika

Il-korp maħtur ifassal iċ-ċertifikat ta' verifika maħsub għall-entità kontraenti jew għall-manifatturi (jiġifieri l-applikant skont it-tifsira tal-Artikolu 18).

Iċ-ċertifikat għandu jinkludi referenza preċiża għar-regola/regoli nazzjonali li l-konformità tagħhom ġiet eżaminata mill-korp maħtur fil-proċess ta' verifika.

Fil-każ ta' regoli nazzjonali relatati mas-sottosistemi li jifformaw vettura, il-korp maħtur għandu jaqsam iċ-ċertifikat f'żewġ partijiet, parti waħda tkun tinkludi r-referenzi għal dawk ir-regoli nazzjonali relatati b'mod strett mal-kompatibbiltà teknika bejn il-vettura u n-netwerk ikkonċernat, u l-parti l-oħra tkun tinkludi r-referenzi għar-regoli nazzjonali l-oħra kollha.

3.3.   Fajl tekniku

Il-fajl tekniku kkompilat mill-korp maħtur u li jakkumpanja ċ-ċertifikat ta' verifika fil-każ ta' regoli nazzjonali għandu jiġi inkluż fil-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni ta' verifika ‘KE’ msemmi fil-punt 2.4 u għandu jkun fih id-dejta teknika rilevanti għall-valutazzjoni tal-konformità tas-sottosistema mar-regoli nazzjonali.

3.4.   Lingwa

Il-fajls u l-korrispondenza marbuta mal-proċedura tal-verifika ‘KE’ għandhom jinkitbu b'lingwa uffiċjali tal-Unjoni tal-Istat Membru li fih l-entità kontraenti jew il-manifatturi (jiġifieri l-applikant skont it-tifsira tal-Artikolu 18) huma stabbiliti jew b'lingwa uffiċjali tal-Unjoni aċċettata mill-entità kontraenti jew mill-manifatturi (jiġifieri l-applikant skont it-tifsira tal-Artikolu 18).

4.   VERIFIKA TAL-PARTIJIET TAS-SOTTOSISTEMI SKONT L-ARTIKOLU 18(5)

Jekk irid jinħareġ ċertifikat tal-verifika għal ċerti partijiet ta' sottosistema, id-dispożizzjonijiet għal dan l-Anness għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dawk il-partijiet.”