|
16.10.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 298/16 |
DIRETTIVA TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI 2014/97/UE
tal-15 ta' Ottubru 2014
li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta' fornituri u ta' varjetajiet u l-lista komuni ta' varjetajiet
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE tad-29 ta' Settembru 2008 dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 7(5) u (6) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Jeħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar ir-reġistru tal-fornituri previst fid-Direttiva 2008/90/KE u l-obbligi ta' notifika tal-fornituri. |
|
(2) |
Għall-finijiet ta' trasparenza, l-Istati Membri għandhom jagħmlu dan ir-reġistru disponibbli, fejn jixraq. Id-deċiżjoni dwar jekk dak ir-reġistru, jew partijiet minnu għandhomx jiġu ppubblikati hija f'idejn l-Istati Membri. |
|
(3) |
Għandu jiġi pprovdut reġistru tal-varjetajiet. Dan ir-reġistru għandu jinkludi varjetajiet irreġistrati fid-Direttiva tal-Kunsill 92/34/KEE (2), u għandu jinkludi dawk irreġistrati fid-Direttiva 2008/90/KE. Dan ir-reġistru għandu jindika jekk il-varjetajiet għandhomx deskrizzjoni uffiċjali jew deskrizzjoni rikonoxxuta b'mod uffiċjali. |
|
(4) |
Il-varjetajiet ġenetikament modifikati għandhom jiġu rreġistrati biss jekk l-organiżmu ġenetikament modifikat li l-varjetà tkun tikkonsisti minnu jkun awtorizzat għall-kultivazzjoni skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jew skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
|
(5) |
Għandhom jiġu previsti l-kundizzjonijiet taħt liema l-varjetajiet għandhom ikunu rreġistrati bħala varjetajiet b'deskrizzjoni uffiċjali u l-proċedura għar-reġistrazzjoni tagħhom. L-Istati Membri jistgħu, kif previst fid-Direttiva 2008/90/KE, jistabbilixxu l-kundizzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni ta' varjetà b'deskrizzjoni rikonoxxuta b'mod uffiċjali. |
|
(6) |
Sabiex jirreġistra varjetà bħala varjetà b'deskrizzjoni uffiċjali, il-korp uffiċjali responsabbli għandu jistabbilixxi t-tali deskrizzjoni. |
|
(7) |
Għandhom jiġu previsti l-perjodu ta' validità ta' reġistrazzjoni, it-tiġdid tar-reġistrazzjoni u t-tneħħija ta' varjetà mir-reġistru tal-varjetajiet. |
|
(8) |
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lil xulxin u lill-Kummissjoni b'ċerta informazzjoni dwar varjetajiet reġistrati u applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-varjetajiet. Abbażi ta' dik l-informazzjoni l-Kummissjoni għandha tippubblika lista komuni ta' varjetajiet biex tinħoloq bażi ta' dejta trasparenti u faċilment konsultabbli biex tiżdied il-fiduċja fis-suq. |
|
(9) |
Huwa xieraq li d-Direttiva tal-Kummissjoni 93/79/KEE tiġi mħassra (5). |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Materjal tal-Propagazzjoni u l-Pjanti tal-Ġeneri u l-Ispeċi tal-Frott, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Reġistru ta' fornituri
1. L-Istati Membri għandhom iżommu u jaġġornaw reġistru tal-fornituri, kif previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/90/KE. Dak ir-reġistru minn hawn 'il quddiem għandu jissejjaħ “ir-reġistru tal-fornituri”.
Barra mill-fornituri rreġistrati skont din id-Direttiva, dan ir-reġistru għandu jinkludi l-fornituri akkreditati skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/34/KEE.
Fejn xieraq, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli r-reġistru tal-fornituri.
2. Ir-reġistru tal-fornituri għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
isem, indirizz u dettalji ta' kuntatt tal-fornitur. |
|
(b) |
attivitajiet fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 2008/90/KE li huma eżerċitati mill-fornitur fl-Istat Membru kkonċernat, l-indirizz tal-istabbiliment prinċipali involut u l-ġeneri jew l-ispeċijiet ikkonċernati; kif ukoll |
|
(c) |
numru jew kodiċi ta' reġistrazzjoni |
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp uffiċjali responsabbli jneħħi persuna fiżika jew ġuridika mir-reġistru ta' fornituri, jekk jiġi stabbilit li din il-persuna ma għadha teżerċita ebda attività fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 2008/90/KE.
Artikolu 2
Obbligu ta' notifikazzjoni tal-fornituri
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri jinnotifikaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) u (b).
L-ebda notifika ma għandha, madankollu, tkun meħtieġa minn fornituri akkreditati skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/34/KEE.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri jinfurmaw dwar kwalunkwe bidla fis-sitwazzjoni tagħhom li tikkonċerna l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) u (b).
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri jiġu infurmati dwar ir-reġistrazzjoni tagħhom u dwar kwalunkwe modifika li tista' ssir fiha f'perjodu ta' żmien li għandu jiġi stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Artikolu 3
Reġistru tal-varjetajiet
1. L-Istati Membri għandhom iżommu, jaġġornaw u jippubblikaw reġistru tal-varjetajiet (minn hawn' il quddiem imsejjaħ “reġistru tal-varjetajiet”).
Barra mill-varjetajiet irreġistrati skont din id-Direttiva, ir-reġistru tal-varjetajiet għandu jinkludi varjetajiet irreġistrati qabel it-30 ta' Settembru 2012 skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 92/34/KEE, kif ukoll varjetajiet irreġistrati skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/90/KE.
2. Ir-reġistru tal-varjetajiet għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
id-denominazzjoni tal-varjetà u s-sinonimi; |
|
(b) |
speċijiet li għalihom tappartjeni l-varjetà; |
|
(c) |
l-indikazzjoni “deskrizzjoni uffiċjali” jew “deskrizzjoni rikonoxxuta b'mod uffiċjali”, skont kif xieraq; |
|
(d) |
id-data tar-reġistrazzjoni, jew meta applikabbli, tat-tiġdid tar-reġistrazzjoni; |
|
(e) |
tmiem il-validità tar-reġistrazzjoni. |
3. L-Istati Membri għandhom iżommu fajl għal kull varjetà li jirreġistraw. Dan il-fajl għandu jinkludi deskrizzjoni tal-varjetà u sommarju tal-fatti kollha rilevanti għar-reġistrazzjoni tal-varjetà.
Artikolu 4
Kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-varjetajiet
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li varjetà tiġi rreġistrata bħala varjetà b'deskrizzjoni uffiċjali jekk tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:
|
(a) |
hija distinta, uniformi u stabbli fi ħdan it-tifsira tal-paragrafu 2; |
|
(b) |
huwa disponibbli kampjun tal-varjetà; kif ukoll |
|
(c) |
fir-rigward ta' varjetajiet ġenetikament modifikati, dan l-organiżmu ġenetikament modifikat li l-varjetà tkun tikkonsisti minnu huwa awtorizzat għall-kultivazzjoni skont id-Direttiva 2001/18/KE jew ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003. |
2. Varjetà għandha titqies bħala:
|
(a) |
“distinta” meta tkun tista' tingħaraf b'mod ċar, b'referenza għall-espressjoni tal-karatteristiki li jirriżultaw minn ġenotip partikolari jew minn taħlita ta' ġenotipi, minn kull varjetà oħra magħrufa b'mod komuni fid-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 5; |
|
(b) |
“uniformi” jekk, suġġett għall-varjazzjoni li tista' tkun mistennija mill-karatteristiki partikolari tal-propagazzjoni tagħha, tkun uniformi b'mod suffiċjenti fl-espressjoni ta' dawk il-karatteristiki li jkunu nklużi fl-eżami għad-distintività, kif ukoll ta' kwalunkwe karatteristiki oħra wżati għad-deskrizzjoni tal-varjetajiet; |
|
(c) |
“stabbli” meta l-espressjoni tal-karatteristiki inklużi fl-eżami għad-distintività, kif ukoll xi karatteristiki oħrajn użati għad-deskrizzjoni tal-varjetajiet, jibqgħu mhux mibdula wara propagazzjoni ripetuta jew, fil-każ ta' mikropropagazzjoni, fit-tmiem ta' kull ċiklu. |
Artikolu 5
Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' varjetà
1. Għar-reġistrazzjoni ta' varjetà bħala varjetà b'deskrizzjoni uffiċjali, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li tiġi ppreżentata applikazzjoni bil-miktub lill-korp uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru kkonċernat.
2. Flimkien mal-applikazzjoni għandu jkun hemm dan li ġej:
|
(a) |
l-informazzjoni meħtieġa mill-kwestjonarji tekniċi stabbiliti fiż-żmien tal-applikazzjoni:
|
|
(b) |
informazzjoni dwar jekk il-varjetà hijiex uffiċjalment irreġistrata fi Stat Membru ieħor, jew hijiex is-suġġett ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' dan it-tip fi Stat Membru ieħor; |
|
(c) |
denominazzjoni proposta; |
|
(d) |
fil-każ ta' varjetà ġenetikament modifikata, l-evidenza li l-organiżmu ġenetikament modifikat li l-varjetà tikkonsisti minnu jkun awtorizzat għall-kultivazzjoni skont id- Direttiva 2001/18/KE jew ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003. |
3. L-applikant jista' jissottometti kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin mal-applikazzjoni tiegħu:
|
(a) |
deskrizzjoni uffiċjali stabbilita, skont l-Artikolu 6(5), minn korp uffiċjali responsabbli ta' Stat Membru ieħor; |
|
(b) |
kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti. |
Artikolu 6
Eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta korp uffiċjali responsabbli jirċievi applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' varjetà bħala varjetà b'deskrizzjoni uffiċjali, jitwettaq eżami ta' dik il-varjetà skont il-paragrafi 2, 3 u 4.
2. Għandhom jitwettqu aktar provi ta' kultivazzjoni biex tiġi stabbilita deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà.
Madankollu, meta l-applikant jissottometti informazzjoni skont l-Artikolu 5(3)(a) u l-korp uffiċjali responsabbli jikkunsidra li din l-informazzjoni turi li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 4 ikunu ġew issodisfati, ma għandhom jitwettqu l-ebda provi ta' kultivazzjoni oħra.
Meta jkollhom jitwettqu provi ta' koltivazzjoni, il-korp uffiċjali responsabbli għandu jitlob kampjun tal-materjal tal-varjetà.
3. Il-provi ta' kultivazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jitwettqu minn dawn li ġejjin:
|
(a) |
il-korp uffiċjali responsabbli li jirċievi l-applikazzjoni; jew |
|
(b) |
il-korp uffiċjali responsabbli ta' Stat Membru ieħor wara li jkun qabel li jwettaq dawk il-provi; jew |
|
(c) |
kwalunkwe persuna legali, skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2008/90/KE. |
Kull meta japplika l-punt (c) u l-provi jitwettqu fil-bini ta' intrapriżi privati, il-korp uffiċjali responsabbli għandu jiżgura li ma jiġu applikati ebda miżuri li jistgħu jinterferixxu mal-eżami uffiċjali.
4. Il-provi tal-kultivazzjoni għandhom jitwettqu skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin rigward id-disinn tal-prova, il-kundizzjonijiet ta' tkabbir u l-karatteristiki tal-varjetà li għandhom jiġu koperti bħala minimu:
|
(a) |
il-“Protokolli għall-provi għaċ-ċarezza, l-uniformità u s-stabbiltà” tal-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) applikabbli fil-bidu tal-eżami tekniku; jew, meta ma jkunu ġew ippubblikati ebda protokolli għall-ispeċi rilevanti, |
|
(b) |
il-“Linji gwida għall-eżekuzzjoni ta' provi għaċ-ċarezza, uniformità u stabbilità” tal-Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti (UPOV) applikabbli fil-bidu tal-eżami tekniku; jew, meta ma jkunu ġew ippubblikati ebda linji gwida għall-ispeċijiet rilevanti, |
|
(c) |
dispożizzjonijiet nazzjonali. |
5. Jekk abbażi tal-eżami msemmi fil-paragrafu 1, il-korp uffiċjali responsabbli jikkonkludi li l-varjetà kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5, dan għandu jistabbilixxi deskrizzjoni uffiċjali u jinkludi dik il-varjetà fir-reġistru tal-varjetajiet.
Artikolu 7
Perjodu ta' validità tar-reġistrazzjoni tal-varjetajiet
Il-perjodu massimu ta' validità tar-reġistrazzjoni ta' varjetà għandu jkun ta' 30 sena.
Fil-każ tal-varjetajiet ġenetikament modifikati, il-validità tar-reġistrazzjoni għandha tkun limitata għall-perjodu li fih dan l-organiżmu ġenetikament modifikat li l-varjetà tkun tikkonsisti minnu jkun awtorizzat għall-kultivazzjoni skont id-Direttiva 2001/18/KE jew ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003.
Artikolu 8
Tiġdid ta' reġistrazzjoni tal-varjetajiet
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistrazzjoni ta' varjetà tkun tista' tiġġedded għal perjodi massimi ulterjuri ta' 30 sena, sakemm il-materjal ta' dik il-varjetà jkun għadu disponibbli.
Barra minn hekk, fil-każ ta' varjetà ġenetikament modifikata, it-tiġdid għandu jkun soġġett għall-kundizzjoni li l-organiżmu ġenetikament modifikat rispettiv ikompli jkun awtorizzat għall-kultivazzjoni skont id-Direttiva 2001/18/KE jew ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003. Il-perjodu ta' tiġdid għandu jkun limitat għall-perjodu ta' awtorizzazzjoni tal-organiżmu ġenetikament modifikat ikkonċernat.
2. Fil-każ tat-tiġdid tar-reġistrazzjoni, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li tiġi ppreżentata applikazzjoni bil-miktub lill-korp uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru kkonċernat. Mal-applikazzjoni għandha tingħata evidenza li turi li dawk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ikunu ġew issodisfati.
Madankollu, Stat Membru jista' jġedded ir-reġistrazzjoni ta' varjetà li għaliha ma tkun ġiet sottomessal-ebda applikazzjoni bil-miktub, fejn iqis li t-tiġdid iservi biex tiġi ppreżervata d-diversità ġenetika u l-produzzjoni sostenibbli, jew li jservi interess ġenerali ieħor.
Artikolu 9
It-tneħħija ta' varjetà mir-reġistru tal-varjetajiet
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li varjetà titneħħa mir-reġistru tal-varjetajiet jekk:
|
(a) |
il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 4 ma jkunux għadhom qed jiġu ssodisfati; |
|
(b) |
fiż-żmien tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew matul l-eżami, ikunu ngħataw dettalji foloz jew frawdolenti dwar il-fatti li fuqhom tkun ġiet irreġistrata l-varjetà. |
Artikolu 10
Notifikazzjonijiet
1. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-korpi uffiċjali responsabbli tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex jiġi aċċessat ir-reġistru tal-varjetajiet tal-Istat Membru kkonċernat.
Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni malajr kemm jista' jkun dwar l-inklużjoni ta' varjetà fir-reġistru tal-varjetajiet tiegħu, u dwar kwalunkwe emenda oħra għar-reġistru tal-varjetajiet tiegħu.
2. Kull Stat Membru għandu, fuq talba, jagħmel disponibbli għal Stat Membru ieħor jew għall-Kummissjoni:
|
(a) |
id-deskrizzjoni uffiċjali jew rikonoxxuta b'mod uffiċjali tal-varjetajiet irreġistrati fir-reġistru tal-varjetajiet tal-Istat Membru kkonċernat; |
|
(b) |
ir-riżultati ta' eżamijiet ta' applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta' varjetajiet imwettqa mill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 6; |
|
(c) |
kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli fir-rigward ta' varjetajiet inklużi fir-reġistru tal-varjetajiet tal-Istat Membru kkonċernat jew li jkunu tneħħew minn dak ir-reġistru; |
|
(d) |
il-lista tal-varjetajiet li l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tagħhom ikunu għadhom pendenti fl-Istat Membru kkonċernat. |
Artikolu 11
Lista komuni
Il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tal-informazzjoni li tirċievi skont is-subparagrafu 2 tal-Artikolu 10(1), tistabbilixxi, taġġorna u tippubblika b'mod regolari f'format elettroniku, lista komuni ta' varjetajiet inklużi fir-reġistri tal-varjetajiet tal-Istati Membri.
Artikolu 12
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2016. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih, kif ukoll tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.
Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mit-1 ta' Jannar 2017.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.
Artikolu 13
Revoka
Id-Direttiva 93/79/KEE hi rrevokata b'effett mill-1 ta' Jannar 2017.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 15
Indirizzi
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Ottubru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 267, 8.10.2008, p. 8.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/34/KEE tat-28 ta' April 1992 dwar il- marketing tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott (ĠU L 157, 10.6.1992, p. 10).
(3) Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx deliberat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, tas-17.4.2001, p. 1).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1).
(5) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/79/KEE tal-21 ta' Settembru 1993 li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet addizzjonali ta' implimentazzjoni għal listi tal-varjetajiet tal-materjal għall-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u l-pjanti tal-frott, kif miżmuma mil-fornituri permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 92/34/KEE (ĠU L 256, 14.10.1993, p. 25).