|
20.5.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 148/78 |
DIRETTIVA TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI 2014/72/UE
tat-13 ta' Marzu 2014
li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għaċ-ċomb fl-issaldjar u fix-xogħlijiet tal-aħħar ta' komponenti elettriċi u elettroniċi u fix-xogħlijiet tal-aħħar tal-unitajiet ta' ċirkwit stampati użati fil-moduli ta' ignixin u f'sistemi oħrajn ta' kontroll, kemm elettriċi kif ukoll elettroniċi, tal-magna
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku, (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva 2011/65/UE tipprojbixxi l-użu taċ-ċomb fit-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq. |
|
(2) |
Il-moduli ta' ignixin u sistemi oħrajn ta' kontroll, kemm elettriċi kif ukoll elettroniċi, tal-magna tal-kombustjoni li għandhom jiġu mmuntati qrib il-partijiet li jiċċaqilqu ta' għodod li jinżammu fl-idejn u li huma indispensabbli għat-tħaddim tal-magna, huma esposti għal vibrazzjonijiet għoljin u stress termali intens. Dawn il-kundizzjonijiet ambjentali ħarxa jeħtieġu l-użu taċ-ċomb. La s-sostituzzjoni u lanqas l-eliminazzjoni taċ-ċomb f'dawn il-komponenti mhija prattika mil-lat tekniku. |
|
(3) |
Il-manifatturi jeħtieġu żmien addizzjonali biex jagħmlu alternattivi mingħajr ċomb li jkunu prattiċi mil-lat tekniku u li jkunu affidabbli. Għaldaqstant, l-użu taċ-ċomb fl-issaldjar u fix-xogħlijiet tal-aħħar ta' komponenti elettriċi u elettroniċi u fix-xogħlijiet tal-aħħar tal-unitajiet ta' ċirkwit stampati użati fil-moduli ta' ignixin u f'sistemi oħrajn ta' kontroll, kemm elettriċi kif ukoll elettroniċi, tal-magna għandu jiġi eżentat mill-projbizzjoni sal-31 ta' Diċembru 2018. Dan huwa perjodu ta' tranżizzjoni relattivament qasir li probabbli ma jkollu l-ebda impatt negattiv fuq l-innovazzjoni. |
|
(4) |
Għaldaqstant, id-Direttiva 2011/65/UE għandha tiġi emendata skont dan, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-aħħar jum tas-sitt xahar wara d-dħul fis-seħħ. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
ANNESS
Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, jiżdied il-punt 41 li ġej:
|
“41 |
Iċ-ċomb fl-issaldjar u fix-xogħlijiet tal-aħħar ta' komponenti elettriċi u elettroniċi u fix-xogħlijiet tal-aħħar tal-unitajiet ta' ċirkwit stampati użati fil-moduli ta' ignixin u f'sistemi oħrajn ta' kontroll, kemm elettriċi kif ukoll elettroniċi, tal-magna, li għal raġunijiet tekniċi għandhom jiġu mmuntati direttament fuq il-kaxxa tal-krank jew fuq iċ-ċilindru ta' magni tal-kombustjoni li jinżammu fl-idejn (il-klassijiet SH:1, SH:2, SH:3 tad-Direttiva 97/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) |
Tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2018 |
(*1) Id-Direttiva 97/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1997 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri kontra l-emissjoni ta' inkwinanti ta' gass u partikolati minn magni tal-kombustjoni interna li għandhom jiġu installati f'makkinarju mobbli mhux tat-triq, (ĠU L 59, 27.2.1998, p. 1).”