17.4.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 115/28 |
DIRETTIVA TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI 2014/58/UE
tas-16 ta' April 2014
li tistabbilixxi, skont id-Direttiva 2007/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sistema ta' traċċabilità ta' oġġetti pirotekniċi
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2007/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2007 dwar it-tqegħid fis-suq ta' oġġetti pirotekniċi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(2)(a) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2007/23/KE tistipula regoli għas-sikurezza ta' oġġetti pirotekniċi fis-suq tal-Unjoni u tipprovdi għat-twaqqif ta' sistema ta' traċċabilità fil-livell tal-Unjoni. |
(2) |
Sabiex tiġi żgurata t-traċċabilità ta' oġġetti pirotekniċi, dawn għandhom ikunu ttikkettjati b'numru ta' reġistrazzjoni abbażi ta' sistema ta' numerazzjoni uniformi. Korpi notifikati għandhom iżommu reġistru bin-numri tar-reġistrazzjoni li jassenjaw meta jwettqu l-valutazzjoni ta' konformità. Sistema bħal din se tiggarantixxi l-identifikazzjoni ta' oġġetti pirotekniċi u l-manifatturi tagħhom fl-istadji kollha tal-katina tal-provvista. Il-manifatturi u l-importaturi għandhom iżommu rekords tan-numri ta' reġistrazzjoni tal-oġġetti pirotekniċi li hemm disponibbli fis-suq u jpoġġu din l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet rilevanti jekk jitolbuha. |
(3) |
Is-sistema ta' numerazzjoni uniformi hija bbażata fuq l-elementi li diġà ġew applikati skont standards armonizzati eżistenti u għalhekk se toħloq ftit piż żejjed fuq l-operaturi ekonomiċi. |
(4) |
Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mid-Direttiva 2007/23/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Numru ta' reġistrazzjoni
1. L-oġġetti pirotekniċi għandhom jiġu ttikkettjati b'numru ta' reġistrazzjoni li jkun jikkonsisti minn dan li ġej:
(a) |
in-numru ta' identifikazzjoni b'erba' ċifri tal-korp notifikat li jkun ħareġ iċ-ċertifikat tal-eżaminazzjoni tat-tip tal-KE skont il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 9(a) tad- Direttiva 2007/23/KE (Modulu B), jew ċertifikat tal-konformità skont il-proċedura tal-verifiki tal-konformità msemmija fl-Artikolu 9(b) tad-Direttiva 2007/23/KE (Modulu G) jew l-approvazzjoni tas-sistema ta' kwalità skont il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 9(c) tad-Direttiva 2007/23/KE (Modulu H); |
(b) |
il-kategorija tal-oġġett pirotekniku li għalih il-konformità hija ċċertifikata f'format imqassar, b'ittri kbar:
|
(c) |
in-numru tal-ipproċessar użat mill-korp notifikat għall-oġġett pirotekniku. |
2. Ir-reġistrazzjoni għandha tkun strutturata kif ġej: “XXXX — YY — ZZZZ…”, fejn XXXX tirreferi għall-punt (a) tal-paragrafu 1, YY tirreferi għall-punt (b) tal-paragrafu 1 u ZZZZ… tirreferi għall-punt (c) tal-paragrafu 1.
Artikolu 2
Obbligi tal-korpi notifikati
1. Il-korpi notifikati li jwettqu l-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2007/23/KE għandhom iżommu reġistru ta' oġġetti pirotekniċi, li għalihom ikunu ħarġu ċertifikati ta' eżaminazzjoni tat-tip tal-KE skont il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 9(a) tad-Direttiva 2007/23/KE (Modulu B), jew ċertifikati ta' konformità skont il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 9(b) tad-Direttiva 2007/23/KE (Modulu G) jew approvazzjonijiet tas-sistema ta' kwalità skont il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 9(c) tad-Direttiva 2007/23/KE (Modulu H); fil-format stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.
Ir-reġistru ta' oġġetti pirotekniċi għandu jkun fih mill-inqas l-informazzjoni dwar il-punti stipulati fl-Anness. Dik l-informazzjoni għandha tinżamm għal mill-inqas 10 snin mid-data li fiha l-korpi notifikati jkunu ħarġu ċ-ċertifikati jew approvazzjonijiet msemmija fl-ewwel sottoparagrafu.
Il-korpi notifikati għandhom regolarment jaġġornaw ir-reġistru u jagħmluh disponibbli għall-pubbliku fuq l-Internet.
2. Fil-każ li n-notifika ta' korp ta' valutazzjoni ta' konformità tiġi rtirata, dak il-korp għandu jittrasferixxi r-reġistru lil korp ieħor notifikat jew lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 3
Obbligi tal-manifatturi u importaturi
Il-manifatturi u l-importaturi ta' oġġetti pirotekniċi għandhom:
(a) |
iżommu rekord tan-numri kollha ta' reġistrazzjoni tal-oġġetti pirotekniċi manifatturati jew importati minnhom flimkien mal-isem kummerċjali tagħhom, it-tip ġeneriku u s-sottotip, jekk applikabbli, u s-sit ta' manifattura għal mill-inqas 10 snin wara li l-oġġett ikun tqiegħed fis-suq; |
(b) |
it-trasferiment tar-rekord lill-awtoritajiet kompetenti f'każ li l-manifattur jew l-importatur iwaqqaf l-attività tiegħu; |
(c) |
jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri kollha, fuq talba raġunata tagħhom, l-informazzjoni msemmija fil-punt (a). |
Artikolu 4
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-30 ta' April 2015, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.
Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mis-17 ta' Ottubru 2016.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 6
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta' April 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 154, 14.6.2007, p. 1.
ANNESS
Format tar-reġistru msemmi fl-Artikolu 2(1)
Numru tar-Reġistrazzjoni |
Data tal-ħruġ taċ-ċeritifikat tal-eżami tat-tip KE (Modulu B), ċertifikat ta' konformità (Modulu G) jew approvazzjoni tas-sistema ta' kwalità (Modulu H) u data ta' skadenza fejn applikabbli |
Il-manifattur |
It-tip ta' prodott (ġeneriku) u s-subtip jekk applikabbli |
Modulu tal-konformità tal-fażi tal-produzzjoni (1) |
Il-korp notifikat li jwettaq il-valutazzjoni ta' konformità tal-fażi tal-produzzjoni (1) |
Informazzjoni Addizzjonali |
|
|
|
|
|
|
|
(1) Għandu dejjem jimtela jekk hija r-responsabbiltà tal-korp notifikat li jwettaq il-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 9(a) tad-Direttiva 2007/23/KE (Modulu B). Mhux meħtieġ għall-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 9(b) u (c) (Moduli G u H). L-informazzjoni għandha tingħata (fejn magħrufa) jekk ikun involut korp notifikat ieħor.